31974L0553



Official Journal L 303 , 13/11/1974 P. 0009 - 0009
Greek special edition: Chapter 09 Volume 1 P. 0042
Spanish special edition: Chapter 09 Volume 1 P. 0046
Portuguese special edition Chapter 09 Volume 1 P. 0046


Id-Direttiva tal-Kunsill

tas-7 ta' Novembru 1974

li temenda l-Artikolu 5 (2) tad-Direttiva 69/335/KEE dwar taxxi indiretti fuq il-ġbir ta' kapital

(74/553/KEE)

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 99 u 100 tiegħu;

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni;

Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Parlament Ewropew [1];

Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [2];

Billi l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 69/335/KEE [3] tas-17 ta' Lulju 1969 dwar taxxi indiretti fuq il-ġbir ta' kapital jipprovdi li, fil-kazijiet imsemmija fil-paragrafu 1 (a), (b) u (ċ) tiegħu, l-ammont li fuqu jintalab il-ħlas tad-dazju kapitali m'għandux ikun inqas mill-valur attwali ta' l-ishma fil-kumpanija li huma allokati lil jew fil-pussess ta' kull membru jew l-ammont nominali ta' dawn l-ishma jekk dan ta' l-aħħar jaqbeż il-valur attwali tagħhom;

Billi l-addozzjoni tal-valur attwali ta' l-ishma bħala bażi minima ta' tassazzjoni f'xi wħud mill-każijiet ta' hawn fuq ma tikkonformax mal-prinċipji li fuqhom huwa msejjes id-dazju kapitali armonniżżat u li għandhom l-għan li jintroduċu sistema li biha jintalab ħlas ta' dazju kapitali biss fuq transazzjonijiet li legalment jikkostitwixxu ġbir ta' kapital u biss sa kemm transazzjonijiet bħal dawn jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-potenzjal ekonomiku tal-kumpannija,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

"2. Fil-kazijiet imsemmija fil-paragrafu 1 (a) u (b), l-Istati Membri jistgħu jibbażaw l-ammont li fuqu jitolbu l-ħlas ta' dazju kapitali fuq il-valur attwali ta' l-ishma fil-kumpanija allokati lil jew fil-pussess ta' kull membru. Dan ma japplikax, għal dawk il-każijiet li fihom il-ħlas isir biss fi flus kontanti. L-ammont li fuqu jintalab il-ħlas tad-dazju m'għandu fl-ebda ċirkostanza jkun inqas mill-ammont nominali ta' l-ishma fil-kumpanija mgħotija lil jew fil-pussess ta' kull membru."

Artikolu 2

Din id-Direttiva hi indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, fis-7 ta' Novembru 1974.

Għall-Kunsill

Il-President

A. Jarrot

[1] ĠU C 76, tat-3.7.1974, p. 9.

[2] ĠU C 109, tad-19.9.1974, p. 35.

[3] ĠU L 249, tat-3.10.1969, p. 25.

--------------------------------------------------