Official Journal L 141 , 24/05/1974 P. 0019 - 0019
Finnish special edition: Chapter 3 Volume 6 P. 0005
Greek special edition: Chapter 03 Volume 10 P. 0220
Swedish special edition: Chapter 3 Volume 6 P. 0005
Spanish special edition: Chapter 03 Volume 7 P. 0214
Portuguese special edition Chapter 03 Volume 7 P. 0214
Id-Direttiva Tal-Kummissjoni tat-2 ta’ Mejju 1974 li tistipula kondizzjonijiet speċjali dwar il-preżenza ta’ "Avena fatua" fiż-żerriegħa tal-pjanta ta’ l-għalf u taċ-ċereali (74/268/KEE) IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ, Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, Wara li kkunsidrat id-Direttiva ta’ l-Kunsill ta’ l-14 ta’ Ġunju 1966, dwar il-bejgħ ta’ żerriegħa ta’ pjanti ta’ l-għalf [1] u dwar il-bejgħ ta’ żerriegħa taċ-ċireali [2], kif l-aħħar emendata bid-Direttiva tal-Kunsill ta’ l-11 ta’ Diċembru 1973 [3], u b’mod partikolari Artikolu 11 tagħha, Billi d-Direttivi fuq imsemmija stipulaw tolleranzi fir-rigward tal-preżenza ta’ l-Avena fatua fiż-żerriegħa tal-pjanta ta’ l-għalf u taċ-ċereali; Billi dawn it-tolleranzi jidhru għolja wisq fir-rigward ta’ ċerti ħtiġijiet, id-Direttivi fuq imsemmija, konsegwentement, jipprovdu għal immarkar addizzjonali fil-każ ta’ żerriegħa li tkun konformi ma’ kondizzjonijiet speċjali fir-rigward tal-preżenza ta’ l-Avena fatua; Billi l-kondizzjonijiet speċjali stipulati f’dan ir-rigward huma tali li jissodisfaw il-ħtiġijiet fuq imsemmija filwaqt li jieħdu kont ukoll tal-possibiltajiet għall-produzzjoni u kontroll taż-żerriegħa; Billi l-miżuri li hemm provdut dwarhom f’din id-Direttiva huma skond l-Opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar Żerriegħa u Materjal ta’ Propagazzjoni għall-Agrikoltura, Ortikoltura u Forestrija, ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA: Artikolu 1 L-Istati Membri għandhom joħorġu meta jiġu mitluba ċ-ċertifikat uffiċjali li hemm provdut dwaru f’Artikolu 11 tad-Direttiva dwar il-bejgħ taż-żerriegħa tal-pjanta ta’ l-għalf: (a) fil-każ ta’ żerriegħa ta’ daqs ta’ mhux inqas minn dak ta’ qamħa, jekk kampjun ta’ mill-inqas 500 g, meħud skond id-dispożizzjonijiet ta’ Artikolu 7 tad-Direttiva fuq imsemmija, jkun ħieles mill-Avena fatua fil-ħin ta’ l-eżami uffiċjali; (b) fil-każ ta’ żerriegħa ta’ daqs iżgħar minn qamħa, - jekk il-prodott tar-raba’ jkun ħieles mill-Avena fatua fil-ħin li ssir spezzjoni uffiċjali ta’ l-għalqa mwettqa b’konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ Anness I għad-Direttiva fuq imsemmija u jekk kampjun ta’ mill-inqas 100 g, meħud skond id-dispożizzjonijiet ta’ Artikolu 7 tad-Direttiva fuq imsemmija, jkun ħieles mill-Avena fatua fil-ħin ta’ l-eżami uffiċjali, jew - jekk kampjun ta’ mill-inqas 300 g, meħud skond id-dispożizzjonijiet ta’ Artikolu 7 tad-Direttiva fuq imsemmija, jkun ħieles mill-Avena fatua fil-ħin ta’ l-eżami uffiċjali. Artikolu 2 1. L-Istati Membri għandhom joħorġu ċ-ċertifikat uffiċjali li hemm provdut dwaru f’Artikolu 11 tad-Direttiva dwar il-bejgħ ta’ żerriegħa taċ-ċereali: - jekk il-prodott tar-raba’ jkun ħieles mill-Avena fatua fil-ħin li ssir spezzjoni uffiċjali ta’ l-għalqa mwettqa f’konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ Anness I għad-Direttiva fuq imsemmija u jekk kampjun ta’ mill-inqas 1 kg, meħud skond id-dispożizzjonijiet ta’ Artikolu 7 tad-Direttiva fuq imsemmija, jkun ħieles mill-Avena fatua fil-ħin ta’ l-eżami uffiċjali, - jekk kampjun ta’ mill-inqas 3 kg, meħud skond id-dispożizzjonijiet ta’ Artikolu 7 tad-Direttiva fuq imsemmija, jkun ħieles mill-Avena fatua fil-ħin ta’ l-eżami uffiċjali. Artikolu 3 L-Istati Membri jistgħu jistipulaw li ċ-ċertifikat uffiċjali jinħareġ biss f’każ wieħed mit-tnejn li hemm provdut dwarhom f’Artikolu 1(b) u Artikolu 2 rispettivament. Artikolu 4 L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ mhux aktar tard mill-1 ta’ Lulju 1974 il-liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex ikunu konformi ma’ din id-Direttiva. Minn issa ’l quddiem għandhom jinformaw lill-Kummissjoni, li għandha tinforma lill-Istati Membri l-oħra dwar l-istess. Artikolu 5 Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri. Magħmul fi Brussel, fit-2 ta’ Mejju 1974. Għall-Kummissjoni Il-President François-Xavier Ortoli [1] ĠU C 125, tal-11.7.1966, p. 2298/66. [2] ĠU C 125, tal-11.7.1966, p. 2309/66. [3] ĠU L 356, tas-27.12.1973, p. 79. --------------------------------------------------