31973L0240



Official Journal L 228 , 16/08/1973 P. 0020 - 0022
Finnish special edition: Chapter 6 Volume 1 P. 0160
Greek special edition: Chapter 06 Volume 1 P. 0174
Swedish special edition: Chapter 6 Volume 1 P. 0160
Spanish special edition: Chapter 06 Volume 1 P. 0158
Portuguese special edition Chapter 06 Volume 1 P. 0158


Id-Direttiva Tal-Kunsill

ta’ l-24 ta’ Lulju 1973

li tabolixxi restrizzjonijiet fuq il-libertà ta’ stabbiliment fin-negozju ta’ assigurazzjoni diretta apparti minn assigurazzjoni tal-ħajja

(73/240/KEE)

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 54(2) u (3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-programm ġenerali [1] għall-abolizzjoni ta’ restrizzjonijiet fuq il-libertà ta’ stabbiliment, u b’mod partikolari t-titolu IV Ċ tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3],

Billi l-Programm Ġenerali msemmi hawn fuq jipprovdi għall-abolizzjoni tat-trattament diskriminatorju kollu taċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri l-oħrajn f’dak li jirrigwarda l-istabbiliment fin-negozju ta’ assigurazzjoni diretta apparti minn assigurazzjoni tal-ħajja;

Billi, skond dan il-Programm Ġenerali, it-tneħħija ta’ restrizzjonijiet dwar it-twaqqif ta’ aġenziji u fergħat hija fir-rigward ta’ l-intrapriżi ta’ assigurazzjoni diretta, dipendenti fuq il-koordinazzjoni ta’ kondizzjonijiet għall-bidu u t-twettiq tan-negozju; billi din il-koordinazzjoni ġiet milħuqa għal assigurazzjoni diretta apparti minn assigurazzjoni tal-ħajja, mill-Ewwel Direttiva tal-Kunsill ta’ l-24 ta’ Lulju 1973;

Billi l-iskop ta’ din id-Direttiva huwa fir-rigwardi kollha l-istess bħal dak definit fil-punt A ta’ l-Anness ta’ l-Ewwel Direttiva dwar il-koordinazzjoni; billi deher raġjonevoli fiċ-ċirkostanzi li jiġu esklużi, għall-iskopijiet ta’ koordinazzjoni, l-assigurazzjoni ta’ kreditu għall-esportazzjonijiet;

Billi, skond il-Programm Ġenerali msemmi fuq, ir-restrizzjonijiet dwar id-dritt ta’ sħubija ma’ organizzazzjonijiet professjonali għandhom jiġu aboliti meta l-attivitajiet professjonali tal-persuni kkonċernati jinvolvu l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt;

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

L-Artikolu 1

L-Istati Membri għandhom jabolixxu, fir-rigward tal-persuni fiżiċi u intrapriżi koperti bit-Titolu I tal-Programm Ġenerali għall-abolizzjoni ta’ restrizzjonijiet dwar il-libertà ta’ stabbiliment, hawnhekk iżjed ’il quddiem imsejħa "l-benefiċjarji", ir-restrizjonijiet msemmija fit-Titolu III ta’ dan il-Programm li jaffettwaw id-dritt tal-bidu u t-twettiq ta’ attivitajiet għal rashom fil-klassijiet ta’ assigurazzjoni speċifikati fl-Artikolu 1 ta’ l-Ewwel Direttiva ta’ Koordinazzjoni.

Bil-kliem "L-Ewwel Direttiva ta’ Koordinazzjoni" huwa mfisser l-Ewwel Direttiva tal-Kunsill ta’ l-24 ta’ Lulju 1973 dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi li għandhom x’jaqsmu mal-bidu u t-twettiq tan-Negozju ta’ Assigurazzjoni Diretta apparti minn Assigurazzjoni tal-Ħajja.

Madanakollu, f’dak li għandu x’jaqsam ma’ assigurazzjoni tal-kreditu għall-esportazzjonijiet, dawn ir-restrizzjonijiet għandhom jinżammu sakemm il-Programm ta’ Koordinazzjoni stabbilit fl-Artikolu 2(2)(d), ta’ l-Ewwel Direttiva ta’ Koordinazzjoni jitwettaq.

L-Artikolu 2

1. L-Istati Membri għandhom b’mod partikolari jabbolixxu r-restrizzjonijiet li ġejjin:

(a) dawk li jipprevjenu lill-benefiċjarji milli jistabilixxu rwieħhom fil-pajjiż li jospita taħt l-istess kondizzjonijiet u bl-istess drittijiet bħal ċittadini ta’ dak il-pajjiż;

(b) dawk eżistenti għal raġunijiet ta’ prattiċi amministrattivi li jirriżultaw f’li jiġi applikat trattament lill-benefiċjarji li jkun diskriminatorju meta pparagunat ma’ dak applikat lil ċittadini.

2. Ir-restrizzjonijiet li għandhom jiġu aboliti għandhom jinkludu b’mod partikolari dawk li joriġinaw minn miżuri li huma prevalenti jew li jillimitaw l-istabbiliment ta’ benefiċjarji bil-mezzi li ġejjin:

(a) Fil-Ġermanja:

id-dispożizzjonijiet li jagħtu lill-Ministeru Federali ta’ l-Affarijiet Ekonomiċi id-dritt ta’ diskrezjoni li jimponi l-kondizzjonijiet tiegħu proprji dwar aċċess għal dan in-negozju fuq ċittadini barranin u li jipprevenihom milli jwettqu dan in-negozju fir-Repubblika Federali (il-Liġi tas-6 ta’ Ġunju 1931 (VAG), l-Artikolu 106(2), Nru 1, flimkien ma’ l-Artikolu 8(1), Nru 3, l-Artikolu 106(2), l-aħħar sentenza, u l-Artikolu 111(2));

(b) fil-Belġju:

l-obbligu tal-pussess ta’ "carte professionelle" (l-Artikolu 1 tal-Liġi tad-19 ta’ Frar 1965);

(ċ) fi Franza:

- Il-ħtieġa li jkun ottenut il-kunsens speċjali (il-Liġi tal-15 ta’ Frar 1917, kif emendata u ssuplementata bid- "décret-loi" tat-30 ta’ Ottubru 1935, l-Artikolu 2(2) - "décret" tad-19 ta’ Awissu 1941, kif emendat, l-Artikoli 1 u 2 — "décret" tat-13 ta’ Awissu 1947, kif emendat, l-Artikoli 2 u 10);

- L-obbligu li jkun ippreżentat bond tas-Sigurtà jew garanziji speċjali bħala ħtieġa reċiproka (il-Liġi tal-15 ta’ Frar 1917, emendata u ssuplementata bid- "décret-loi" tat-30 ta’ Ottubru 1935, l-Artikolu 2(2) — "décret-loi" ta’ l-14 ta’ Ġunju 1938, l-Artikolu 42 - "décret" tat-30 ta’ Diċembru 1938, kif emendat, l-Artikolu 143 — "décret" ta’ l-14 ta’ Diċembru 1966, l-Artikoli 9, 10 u 11);

- L-obbligu li jiġu ddepożitati riservi tekniċi ("décret" tat-30 ta’ Diċembru 1938, l-Artikolu emendat 179 - "décret" tat-13 ta Awissu 1947, kif emendat, l-Artikoli 8 u 13 - "décret" ta’ l-14 ta’ Diċembru 1966, it-Titolu I).

(d) fl-Irlanda:

id-dispożizzjoni li, biex tkun eliġibbli għal liċenzja ta’ l-assigurazzjoni, kumpannija għandha tkun irreġistrata taħt l-Atti tal-Kumpanniji Irlandiżi, żewġ terzi ta’ l-ishma tagħha għandhom ikunu fil-pussess ta’ ċittadini Irlandiżi u l-maġġoranza tad-Diretturi (apparti minn Direttur Amministrattiv full-time) għandhom ikunu ċittadini Irlandiżi (l-Att ta’ l-Assigurazzjoni, 1936, is-Sezzjoni 12; l-Att ta’ l-Assigurazzjoni, 1964, is-Sezzjoni 7).

3. Il-Liġijiet, ir-Regolamenti jew id-Dispożizzjonijiet Amministrattivi li jinvolvu benefiċjarji fl-obbligu li jipprovdu depożitu jew bond ta’ sigurtà speċjali m’għandhomx ikunu aboliti, sakemm l-intrapriżi ma jissodisfawx il-Kondizzjonijiet Finanzjarji taħt l-Artikoli 16 u 17 ta’ l-Ewwel Direttiva ta’ Koordinazzjoni skond id-Dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 30(1) u (2) ta’ l-istess Direttiva.

L-Artikolu 3

1. Meta Stat Membru li jospita jkun jeħtieġ miċ-ċittadini tiegħu, li jixtiequ li jibdew xi attività msemmija fl-Artikolu 1, prova ta’ reputazzjoni tajba u prova ta’ ebda falliment preċedenti, jew prova ta’ waħda minn dawn, dak l-Istat għandu jaċċetta bħala prova suffiċjenti, fir-rigward ta’ ċittadini ta’ Stati Membri oħrajn, il-produzzjoni ta’ estratt mir-"Reġistru Ġudizzjarju" jew, fin-nuqqas ta’ dan, dokument ekwivalenti maħruġ minn awtorità kompetenti Ġudizjarja jew Amministrattiva fil-pajjiż ta’ l-oriġini jew fil-pajjiż minn fejn ikun ġej iċ-ċittadin barrani, li juri li dawn il-ħtiġiet ġew sodisfatti.

2. Meta l-pajjiż ta’ oriġini jew il-pajjiż minn fejn ikun ġej iċ-ċittadin barrani ma joħroġx din il-prova dokumentarja ta’ reputazzjoni tajba jew prova dokumentarja ta’ ebda falliment preċedenti, din il-prova tista’ tiġi ssostitwita b’dikjarazjoni fuq ġurament — jew fi Stati fejn ma hemm ebda dispożizzjoni għal dikjarazzjoni fuq ġurament, dikjarazzjoni solenni — magħmula mill-persuna kkonċernata quddiem Awtorità Kompetenti Ġudizzjarja jew Amministrattiva, jew meta approprjat quddiem nutar, fil-pajjiż ta’ l-oriġini jew fil-pajjiż li minnu tkun ġejja dik il-persuna; din l-awtorità jew nutar joħorġu ċertifikat li jattesta l-awtentiċità tad-Dikjarazzjoni fuq ġurament jew dikjarazzjoni solenni. Dikjarazzjoni fir-rigward ta’ ebda falliment preċedenti tista’ wkoll issir quddiem korp professjonali jew korp kummerċjali kompetenti fil-pajjiż imsemmi.

3. Dokumenti maħruġa skond il-paragrafu 1 jew mal-paragrafu 2 ma jistgħux ikunu ppreżentati aktar minn tliet xhur wara d-data tal-ħruġ tagħhom.

4. L-Istati Membri għandhom, fil-limiti taż-żmien stabbiliti fl-Artikolu 6, jinnominaw lill-awtoritajiet jew lill-korpi kompetenti biex joħorġu dawn id-dokumenti u għandhom jinfurmaw minnufih lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni bihom.

L-Artikolu 4

1. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-benefiċjarji jkollhom id-dritt li jissieħbu ma’ organizzazzjonijiet professjonali jew tan-negozju taħt l-istess kondizzjonijiet u bl-istess drittijiet u obbligi taċ-ċittadini tagħhom proprji.

2. Id-dritt li jissieħbu ma’ organizzazzjonijiet professjonali jew tan-negozju għandu, fil-każ ta’ stabbilimenti, jinvolvi l-eliġibbilità għal elezzjoni jew ħatra f’kariga għolja f’dawn l-organizzazzjonijiet. Madanakollu, dawn il-postijiet jistgħu jiġu riservati għal ċittadini meta, skond xi dispożizzjoni stabbilita bil-liġi jew b’regolament, l-organizzazzjoni kkonċernata tkun involuta fl-eżerċizzju ta’ awtorità uffiċjali.

3. Fil-Gran Dukat tal-Lussemburgu, is-sħubija fix-"Chambre de Commerce""m’" għandhiex tagħti lill-benefiċjarji d-dritt li jieħdu parti fl-elezzjoni ta’ l-Organi Amminstrattivi ta’ dik il-Kamra.

L-Artikolu 5

L-ebda Stat Membru m’għandu jagħti lil ebda ċittadin tiegħu li jmur fi Stat Membru ieħor għall-iskop li jsegwi xi attività msemmija fl-Artikolu 1 xi għajnuna li x’aktarx tostakola l-kundizzjonijiet ta’ stabbiliment.

L-Artikolu 6

L-Istati Membri għandhom jemendaw ir-Regolamenti Nazzjonali tagħhom skond din id-Direttiva u fi żmien 18-il xahar min-notifika ta’ l-Ewwel Direttiva ta’ Koordinazzjoni u għandhom minnufih jinfurmaw lill-Kummissjoni bihom. Ir-Regolamenti hekk emendati għandhom jiġu implimentati fl-istess waqt bħall-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi stabbiliti fit-twettiq ta’ l-Ewwel Direttiva.

L-Artikolu 7

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fl-24 ta Ġunju 1973.

Għall-Kunsill

Il-President

I. Nørgaard

[1] ĠU 2, tal-15.1.1962, p. 36/62.

[2] ĠU C 27, tat-28.3.1968, p. 15.

[3] ĠU 118, ta’ l-20.6.1967, p. 2323/67.

--------------------------------------------------