31971R1182



Official Journal L 124 , 08/06/1971 P. 0001 - 0002
Finnish special edition: Chapter 1 Volume 1 P. 0071
Danish special edition: Series I Chapter 1971(II) P. 0311
Swedish special edition: Chapter 1 Volume 1 P. 0071
English special edition: Series I Chapter 1971(II) P. 0354
Greek special edition: Chapter 01 Volume 1 P. 0131
Spanish special edition: Chapter 01 Volume 1 P. 0149
Portuguese special edition Chapter 01 Volume 1 P. 0149


Ir-Regolament (KEE, EURATOM) Nru 1182/71 tal-Kunsill

tat-3 ta' Ġunju 1971

li jistabbilixxi r-regoli applikabbli għal perjodi, dati u limiti ta' żmien

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkonsidra t-trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 235 tiegħu,

Wara li kkonsidra t-trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika, u b'mod partikolari l-Artikolu 203 tiegħu,

Wara li kkonsidra l-proposta tal-Kummissjoni;

Wara li kkonsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [1];

Billi diversi atti tal-Kunsill u tal-Kkummissjoni jistabbilixxu perjodi, dati jew limiti ta' żmien u jużaw it-termini "ġranet tax-xogħol" jew "festi pubbilċi";

Billi huwa meħtieġ illi jiġu stabbiliti regoli uniformi dwar is-suġġett;

Billi, jista', f'każijiet eċċezzjonali, jkun meħtieġ li ċerti atti tal-Kunsill jew tal-Kummissjoni jkollhom deroga minn dawn ir-regoli ġenerali;

Billi, sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-Komunitajiet, huwa meħtieġ illi tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tal-liġi tal-Komunità u għalhekk, illi jiġu stabbiliti r-regoli ġenerali applikabbli għal perjodi, dati u limiti ta' żmien;

Billi ma hemm provdut ebda awtorità fit-trattati sabiex tistabbilixxi dawn ir-regoli;

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Minn barra fejn hemm provdut mod ieħor, dan ir-regolament għandu japplika għal atti tal-Kunsill jew tal-Kummissjoni li għaddew jew se jgħaddu wara t-trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea jew it-trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika.

IL-KAPITOLU I

Perjodi

Artikolu 2

1. Għall-għanijiet ta' dan ir-regolament, "festi pubbliċi" tfisser il-ġranet imsemmija bħala tali fl-Istat Membru jew fl-istituzzjoni tal-Komunità fejn għandha tittieħed l-azzjoni.

Għal dan il-għan, kull Stat Membru għandu jikkomunika lill-Kummissjoni l-lista tal-ġranet magħżula bħala festi pubbliċi fil-liġijiet tiegħu. Il-Kummissjoni għandha tippubblika fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej il-listi trasmessi mill-Istati Membri, u magħhom għandhom jiżdiedu l-ġranet magħżula bħala festi pubbliċi fl-istituzzjonijiet Ewropej.

2. Għall-għanijiet ta' dan ir-regolament, "ġranet tax-xogħol" tfisser kull ġurnata oħra għajr festi pubbliċi, il-Ħdud, u s-Sibtijiet.

Artikolu 3

1. Fejn perjodu li hemm referenza għalih bis-sigħat għandu jiġi kkalkulat mill-mument li fih tiġri ġrajja jew isseħħ azzjoni, is-siegħa li waqtha tiġri l-ġrajja jew isseħħ l-azzjoni ma għandhiex tingħadd bħala parti mill-perjodu in kwestjoni.

Fejn perjodu li hemm referenza għalih bil-ġranet, ġimgħat jew snin għandu jiġi kkalkulat mill-mument li fih tiġri ġrajja jew isseħħ azzjoni, il-ġurnata li tulha tiġri l-ġrajja jew isseħħ l-azzjoni ma għandhiex tingħadd bħala parti mill-perjodu in kwestjoni.

2. Soġġett għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 1 u 4:

(a) perjodu li hemm referenza għalih f'sigħat għandu jibda mill-bidu ta' l-ewwel siegħa u għandu jispiċċa bit-tmiem ta' l-aħħar sigħa tal-perjodu;

(a) perjodu li hemm referenza għalih fi ġranet għandu jibda mill-ewwel siegħa ta' l-ewwel ġurnata u għandu jispiċċa bit-tmiem ta' l-aħħar siegħa ta' l-aħħar ġurnata tal-perjodu;

(ċ) perjodu li hemm referenza għalih f'ġimgħat, xhur jew snin għandu jibda mill-ewwel siegħa ta' l-ewwel ġurnata tal-perjodu, u għandu jispiċċa bit-tmiem ta' l-aħħar siegħa ta' dik il-ġurnata ta' l-aħħar ġimgħa, xahar jew sena li hija l-istess ġurnata tal-ġimgħa, jew li taħbat fl-istess data, bħall-ġurnata li minnha beda l-perjodu. Jekk, f'perjodu li hemm referenza għalih f'xhur jew snin, il-ġurnata li fih għandu jispiċċa mhijiex fl-aħħar xahar, il-perjodu għandu jispiċċa mat-tmiem ta' l-aħħar siegħa ta' l-aħħar ġurnata ta' dak ix-xahar;

(d) jekk perjodu jnkludi partijiet minn xhur, ix-xahar għandu, sabiex jiġu kkalkulati xhur bħal dawn, ikun ikkonsidrat bħala li għandu tletin ġurnata.

3. Il-perjodi kkonċernati għandhom jinkludu festi pubbliċi, Ħdud u Sibtijiet, għajr fejn dawn huma esklużi b'mod ċar jew fejn il-perjodi huma msemmija bħala ġranet tax-xogħol.

4. Meta l-aħħar ġurnata tal-perjodu li hemm referenza għalih għajr f'sigħat, taħbat festa pubblika, Ħadd jew Sibt, il-perjodu għandu jispiċċa fit-tmiem ta' l-aħħar siegħa tal-ġurnata tax-xogħol ta' wara.

Din id-dispożizzjoni ma għandhiex tapplika għal perjodi kkalkulati minn wara li seħħ data jew ġrajja.

5. Perjodu ta' jumejn jew aktar għandu jinkludi mill-anqas żewġ ġranet tax-xogħol.

IL-KAPITOLU II

Dati u limiti ta' żmien

Artikolu 4

1. Soġġett għad-dispożizzjonijiet ta' dan l-Artikolu. Id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 3 għandu, bl-eċċezzjoni tal-Paragrafi 4 u 5, japplika għaż-żminijiet u l-perjodi tad-dħul fis-seħħ, bidu tas-seħħ, tmiem tas-seħħ jew waqfien ta' applikazzjoni ta' atti tal-Kunsill jew tal-Kummissjoni jew ta' kwalunkwe dispożizzjonijiet ta' atti bħal dawn.

2. Dħul fis-seħħ, bidu ta' effett jew applikazzjoni ta' atti tal-Kunsill jew tal-Kummissjoni jew ta' dispożizzjonijiet ta' atti bħal dawn iffissati għal data partikolari għandhom iseħħu fil-bidu ta' l-ewwel siegħa tal-ġurnata li taħbat f'dik id-data.

Din id-dispożizzjoni għandha tapplika wkoll meta d-dħul fis-seħħ, il-bidu ta' l-effett jew l-applikazzjoni ta' atti jew dispożizzjonijiet msemmija hawn qabel għandha sseħħ fi żmien numru ta' ġranet mogħti li jiġu wara li tiġri l-ġrajja jew isseħħ l-azzjoni.

3. L-iskadenza ta' validità, it-tmiem ta' effett jew il-waqfien ta' applikazzjoni ta' atti tal-Kunsill jew tal-Kummissjoni jew ta' kwalunkwe dispożizzjonijiet ta' atti bħal dawn iffissati f'data partikolari għandhom iseħħu mat-tmiem ta' l-aħħar siegħa tal-ġurnata li taħbat f'dik id-data.

Din id-dispożizzjoni għandha tapplika wkoll meta t-tmiem tal-validità, it-tmiem ta' effett jew il-waqfien ta' l-applikazzjoni ta' atti jew dispożizzjonijiet imsemmija hawn qabel għandha sseħħ fi żmien numru ta' ġranet mogħti li jiġu wara li tiġri l-ġrajja jew isseħħ l-azzjoni.

Artikolu 5

1. Soġġett għad-dispożizzjonijiet ta' dan l-Artikolu, id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 3, bl-eċċezzjoni tal-paragrafi 4 u 5, japplika meta azzjoni tista' jew għandha sseħħ bħala implimentazzjoni ta' att tal-Kunsill jew tal-Kummissjoni f'mument speċifiku.

2. Meta azzjoni tista' jew għandha tiġi effetwata bħala implimentazzjoni ta' att tal-Kunsill jew tal-Kummissjoni f'data speċifika, tista' jew għandha ssir bejn il-bidu ta' l-ewwel siegħa u t-tmiem ta' l-aħħar siegħa tal-ġurnata li taħbat f'dik id-data.

Id-dispożizzjoni għandha wkoll tapplika meta azzjoni tista' jew għandha tiġi effetwata bħala implimentazzjoni ta' att tal-Kunsill jew tal-Kummissjoni fi żmien numru ta' ġranet partikolari wara l-mument illi tiġri ġrajja jew isseħħ azzjoni oħra.

Artikolu 6

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ nhar l-1 ta' Lulju 1971.

Dan ir-Regolament għandu jorbot kollu kemm hu u huwa applikabbli direttament fl-istati membri kollha.

Magħmul fil-Lussemburgu, nhar it-3 ta' Ġunju 1971

Għall-Kunsill

Il-President

R. Pleven

[1] ĠU C 51, tad-29.4.1970, p. 25.

--------------------------------------------------