31971L0348



Official Journal L 239 , 25/10/1971 P. 0009 - 0014
Finnish special edition: Chapter 13 Volume 2 P. 0083
Danish special edition: Series I Chapter 1971(III) P. 0762
Swedish special edition: Chapter 13 Volume 2 P. 0083
English special edition: Series I Chapter 1971(III) P. 0860
Greek special edition: Chapter 13 Volume 1 P. 0222
Spanish special edition: Chapter 13 Volume 2 P. 0099
Portuguese special edition Chapter 13 Volume 2 P. 0099


Id-Direttiva tal-Kunsill

tat-12 ta’ Ottubru 1971

dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mat-tagħmir anċillari għall-arloġġi għall-kejl ta’ likwidi minbarra ilma

(71/348/KEE)

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100 tiegħu;

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni;

Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Parlament Ewropew [1];

Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [2];

Billi fl-Istati Membri l-bini u l-metodi tal-kontroll tat-tagħmir anċillari ta’ l-arloġġi tal-likwidi huma bla ħsara għad-dispożizzjonijiet mandatorji li jiddifferixxu minn Stat Membru għall-ieħor u b’konsegwenza ta’ dan ifixklu l-kummerċ f’dawn l-istrumenti; billi huwa għalhekk meħtieġ illi dawn id-dispożizzjonijiet jiġu mqarrba lejn xulxin;

Billi d-Direttiva tal-Kunsill tas-26 ta’ Lulju 1971 [3] dwar it-tqarrib lejn xulxin tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ l-istrumenti tal-kejl u l-metodi tal-kontroll metroloġiku stabbiliet il-proċeduri ta’ approvazzjoni tal-għamla tal-KEE u tal-verifika inizjali tal-KEE; billi, skond din id-Direttiva, għandhom jiġu stabbiliti l-ħtiġiet tekniċi għad-disinn u l-funzjoni tat-tagħmir anċillari ta’ l-arloġġi għall-likwidi minbarra ilma;

Billi d-Direttiva tal-Kunsill tas-26 ta’ Lulju 1971 [4] dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar sistemi ta’ kejl ta’ likwidi minbarra ilma diġà stabbiliet il-ħtiġiet tekniċi għad-disinn u l-funzjoni li dawn l-arloġġi għandhom jissodisfaw; billi t-tagħmir anċillari jista’, jew għandu, jagħmel parti integrali minn ċerti l-arloġġi għall-likwidi minbarra ilma;

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Din id-Direttiva tapplika għat-tagħmir anċillari ta’ l-arloġġi volumetriċi tal-likwidi minbarra ilma li hu speċifikat fl-Anness.

Artikolu 2

It-tagħmir anċillari għall-arloġġi volumetriċi li jista’ jkollu fuqu l-marki u s-simboli tal-KEE huwa deskritt fl-Anness. Dawn għandhom ikunu bla ħsara għall-approvazzjoni tad-disinn tal-KEE. Għandhom jingħataw il-verifika inizjali tal-KEE fl-istess ħin li jingħataw lill-arloġġi li magħhom huma assoċjati.

Artikolu 3

1. L-Istati Membri għandhom jadottaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva fi żmien tmintax-il xahar min-notifika tagħha u għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni minnufih b’dan.

2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi t-testi tad-dispożizzjonijiet prinċipali tal-liġijiet nazzjonali li jadottaw fil-kamp kopert b’din id-Direttiva jiġu kkomunikati lill-Kummissjoni.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fil-Lussemburgu, fit-12 ta’ Ottubru 1971.

Għall-Kunsill

Il-President

I. Viglianesi

[1] ĠU C 100, tat-12.10.1971, p. 4.

[2] ĠU C 93, tal-21.9.1971, p. 27.

[3] ĠU L 202, tas-6.9.1971, p. 1.

[4] ĠU L 202, tas-6.9.1971, p. 32.

--------------------------------------------------

L-ANNESS

Il-Kapitolu I

IL-MEKKANIŻMU GĦAL MAWRIEN LURA LEJN IŻ-ŻERO FL-INDIKATURI TAL-VOLUM

1.1. Il-mekkaniżmu tal-mawrien lura lejn iż-żero huwa arranġament li jdawwar l-indikatur lura għaż-żero b’sistema manwali jew b’sistema awtomatika.

1.2. Il-mekkaniżmu tal-mawrien lura lejn iż-żero ma għandux jaffettwa r-riżultat tal-kejl.

1.3. Meta jibda jitħaddem il-mawrien lura lejn iż-żero, ikun impossibbli li tiġi indikata kwantità mkejla ġdida sakemm tkun tlestiet il-ħidma tal-mawrien lura lejn iż-żero.

1.4. Il-ħtiġiet tal-punti 1.2 u 1.3 mhumiex mandatorji:

1.4.1. għall-indikaturi li l-arloġġ tagħhom jindika t-tifsira "Bejgħ dirett lill-pubbliku mhux permess" jew ikollu restrizzjonijiet oħra dwar l-użu;

1.4.2. għall-indikaturi tat-tip bil-werrej immuntat fuq l-arloġġi li r-rata massima tad-dawrien tagħhom mhix ta’ aktar minn 1200 litru fis-siegħa; jekk l-l-arloġġi jkunu maħsuba għall-għanijiet kummerċjali għandu jkun impossibbli li jiżdied l-ammont indikat b’mod manwali.

1.5. Fuq l-indikaturi li għandhom moviment kontinwu wara kull operazzjoni tal-mawrien lura lejn iż-żero, id-differenza permissibbli rigward iż-żero ma għandhiex tkun aktar minn nofs id-differena massima tal-mekkaniżmu ta’ l-indikazzjoni permissibbli għall-provvista minima mmarkata fuq l-arloġġ, iżda ma għandhiex tkun ta’ aktar minn wieħed f’kull ħamsa ta’ l-intervall ta’ l-iskala.

Fuq l-indikaturi li għandhom moviment mhux kontinwu, l-indikazzjoni għandha tkun eżattament żero.

Il-Kapitolu II

L-APPARAT LI JGĦODD ID-DAWRIEN LI JITTOTALIZZA L-VOLUM

2.1. Indikatur b’mekkaniżmu li jmur lura lejn iż-żero jista’ jkun imgħammar b’sistema waħda jew aktar tal-għadd li, wara t-totalizzazzjoni, juru volumi differenti rreġistrati wara xulxin permezz ta’ l-indikatur.

2.2. Il-apparati li jgħoddu d-dawrien ma għandhomx jindikaw il-mekkaniżmu tal-mawrien lura lejn iż-żero.

2.3. Il-apparati li jgħoddu d-dawrien jistgħu jkunu biss tat-tip lineari.

2.4. Il-apparati li jgħoddu d-dawrien jistgħu jkunu ppożizzjonati b’mod li jkunu moħbijin.

2.5. L-unità li biha jiġi espress il-volum totali (jew is-simbolu tiegħu) għandha tkun indikata u għandha tikkonforma mal-ħtiġiet tad-Direttiva dwar l-arloġġi għal-likwidi minbarra ilma.

2.6. L-intervall ta’ l-iskala ta’ l-ewwel element għal kull apparat tal-għadd tad-dawrien għandu ikun fil-għamla ta’ 1 x 10n, 2 x 10n jew 5 x 10n ta’ unitajiet volumetriċi awtorizzati, fejn il-n ikun numru sħiħ pożittiv jew negattiv, jew żero. Għandu ikun daqs jew ikbar mill-intervall ta’ l-iskala ta’ l-ewwel element fuq l-indikatur li jerġa’ lura għal fuq iż-żero.

2.7 Jekk l-indikaturi fuq l-apparat tal-għadd u dawk ta’ l-indikatur bil-mekkaniżmu li jerġa’ lura fuq iż-żero jkunu jistgħu jidhru simultanjament iċ-ċifri fuq l-apparat tal-għadd għandu ikollhom id-dimensjoni ta’ mhux iktar min-nofs id-dimensjoniiet korrispondenti taċ-ċifri fuq l-indikatur li jerġa’ lura fuq iż-żero.

Il-KAPITOLU III

IL-MEKKANIŻMI LI JINDIKAW VOLUM MULTIPLU [1]

3.1 Il-mekkaniżmu indikattiv jista’ jkollu numru ta’ wċuh. Barra minn hekk, jista’ jkollu mgħaqqad miegħu ripetitur simultanju jew iktar.

3.2 L-intervalli ta’ l-iskala fuq l-indikaturi varji jista’ jkollhom valuri differenti imma t-twassil minimu għandu ikun l-istess matulhom kollu u għandhom jiġu stabbiliti bħala funzjoni ta’ l-intervall ta’ l-iskala li tirriżulta fl- ikbar valur tat-twassil.

3.3 Il-ħtiġiet ta’ din id-Direttiva u dawk tad-Direttiva dwar l-arloġġi għall-likwidi mux l-ilma japplikaw għal kull indikatur u għal kull wiċċ.

3.4 L-indikazzjonijiet fuq l-uċuh differenti ta’ l-indikatur jew l-indikaturi ma għandhomx jiddifferixxu b’iktar mid-differenza massima permissibbli mmarkata fuq il-wiċċ jew l-uċuh.

Il-Kapitolu IV

IL-MEKKANIŻMI LI JIKKALKOLAW IL-PREZZ

4.1. L-indikaturi lineari dritta li għandhom mekkaniżmu li jerġgħu lura fuq iż-żero jistgħu jkunu ssupplimentati b’indikatur li jikkalkola l-prezz tat-tip lineari li għandu mekkaniżmu li jerġa’ lura fuq iż-żero, fejn il-prezz ta’ kull unità huwa l-prezz għall-unità tal-volum użat sabiex jindika l-volum imkejjel.

4.2. Il-prezz ta’ kull unità għandu jkun aġġustabbli. Il-prezz ta’ kull unità għandu jkun mikxuf.

4.3. Il-mekkaniżmi li jagħżlu u jesponu l-prezz ta’ kull unità għandhom ikunu imqabbdin ma’ l-indikatur tal-prezz jekk illi l-prezz li jikkorrispondi mal-kejl għandu dejjem ikun daqs il-prodott tal-prezz ta’ kull unità u l-volum indikat magħżul u mikxuf.

4.4. Il-ħtiġiet li għandhom x’jaqsmu ma’ l-indikaturi tal-volum mogħtija fid-Direttiva dwar l-arloġġi għall-likwidi minbarra ilma, kif ukoll id-dispożizzjonijiet tal-Kapitoli I, II u III ta’ dan l-Anness, għandhom jiġu applikati b’analoġija ma’ l-indikaturi li jikkalkolaw il-prezz, bl-eċċezzjoni tal-punt 1.5 li għandu x’jaqsam mal-mekkaniżmu tal-mawrien lura lejn iż-żero.

4.5. L-unità monetarja wżata, jew is-simbolu tagħha, għandhom jidhru fuq l-arloġġ ta’ l-indikatur tal-prezz ikkalkolat.

4.6. Id-dimensjonijiet taċ-ċifri fuq l-indikatur tal-prezz ikkalkolat ma għandhomx ikunu akbar minn dawk taċ-ċifri fuq l-indikatur tal-volum.

4.7. Il-mekkaniżmi tal-mawrien lura lejn iż-żero għall-indikatur tal-prezz u għall-indikatur tal-volum għandhom ikunu ddisinjati hekk illi l-ħidma tal-mekkaniżmu fuq kull wieħed miż-żewġ indikaturi jipprospettaw awtomatikament lill-indikatur l-ieħor għaż-żero.

4.8.1. Il-prezz ikkalkolat ta’ kwantità daqs id-differenza massima permissibbli fuq il-provvista minima mmmarkata fuq l-arloġġ tal-mekkaniżmu indikattiv ma għandux ikun anqas minn wieħed minn kull ħamsa tal-valur ta’ l-intervall ta’ l-iskala, iżda mhux anqas mill-prezz li jikkorrispondi ma’ intervall ta’ żewġ millimetri fuq l-iskala ta’ l-ewwel element fuq l-indikatur tal-prezz, billi l-moviment ta’ dan l-element huwa kontinwu.

Iżda, dan l-intervall ta’ wieħed minn kull ħamsa tal-valur jew ta’ żewġ millimetri ma għandux għalfejn jikkorrispondi ma’ valur ta’ anqas minn wieħed mill-valuri monetarji li ġejjin, skond il-pajjiż partikolari fejn it-tagħmir ikun qiegħed jintuża:

10 | centimes tal-Belġju jew tal-Lussemburgu |

1 | Centime Franċiż |

1 | Cent Olandiż |

1 | Lira Taljana |

1 | Pfennig |

4.8.2. Il-prezz ta’ kwantità ugwali għad-differenza massima permissibbli fuq il-provvista minima mmarkata fuq l-arloġġ fuq il-mekkaniżmu indikattiv għandu jkun daqs mill-inqas żewġ intervalli fuq l-iskala fejn il-moviment ta’ l-ewwel element fuq l-indikatur tal-prezz ma jkunx kontinwu.

Iżda, l-intervall ta’ skala ma għandux għalfejn ikun inqas minn wieħed mill-valuri monetarji speċifikati fil-punt 4.8.1.

4.9. Id-differenza, fil-kondizzjonijiet normali tax-xogħol, bejn il-prezz indikat u l-prezz ikkalkolat fuq il-bażi tal-prezz ta’ kull unità u tal-kwantità indikata, ma għandhiex tkun aktar mill-prezz tal-kwantità ugwali għad-differenza massima permissibbli fuq il-provvista minima mmarkata fuq l-arloġġ tal-mekkaniżmu indikattiv.

Iżda, id-differenza ma għandhiex għalfejn tkun inqas mid-doppju ta’ wieħed mill-valuri monetarji speċifikati fil-punt 4.8.1.

4.10. Fuq indikaturi li għandhom moviment kontinwu, wara kull prospett għall-mawrien lura lejn iż-żero, id-differenza permissibbli rigward iż-żero ma għandhiex tkun aktar minn nofs il-prezz tal-kwantità ugwali għad-differenza massima permissibbli fuq il-provvista minima mmarkata fuq l-arloġġ tal-mekkaniżmu indikattiv, iżda ma għandux ikun ta’ aktar minn wieħed minn kull ħamsa ta’ l-intervall ta’ l-iskala.

Iżda, d-differenza ma għandhiex għalfejn tkun inqas minn wieħed mill-valuri monetarji speċifikati fil-punt 4.8.1.

Fuq l-indikaturi li għandhom moviment mhux kontinwu, l-indikazzjoni għandha tkun eżattament żero.

Il-Kapitolu V

MEKKANIŻMI TA’ L-ISTAMPAR

5.1. Jista’ jitqabbad mekkaniżmu ta’ l-istampar tal-kwantità ma’ l-indikatur ta’ l-arloġġ.

5.2. Il-valur ta’ l-intervall ta’ l-iskala stampat għandu jkun fil-għamla 1 x 10n, 2 x 10n jew 5 x 10n ta’ unitajiet volumetriċi awtorizzati, fejn il-n ikun numru sħiħ pożittiv jew negattiv, jew żero.

5.3. Il-valur ta’ l-intervall ta’ l-iskala stampat ma’ għandux ikun akbar mid-differenza massima permissibbli fuq il-provvista minima mmarkata fuq l-arloġġ tal-mekkaniżmu indikattiv.

5.4. Il-valur ta’ l-intervall ta’ skala stampat għandu jkun immarkat fuq il-mekkaniżmu ta’ l-istampar.

5.5. Il-kwantità stampata għandha tkun espressa f’wieħed mill-unitajiet volumetriċi awtorizzati.

Iċ-ċifri, l-unità wżata jew is-simbolu tagħha u kull punt deċimali, fejn meħtieġ, għandhom ikunu stampati fuq il-biljett permezz tal-mekkaniżmu.

5.6. Il-mekkaniżmu ta’ l-istampar jista’ jistampa tagħrif li jirrigwarda l-provvista bħalma huma: n-numru tas-serje, id-data, il-post tal-kejl, in- natura tal-likwidu.

5.7. Il-mekkaniżmu jista’ jkun iddisinjat hekk illi l-istampar jista’ jiġi mtenni. F’dan il-każ, ir-reġistru stampat għandu jaqbel f’kollox u jkollu l-istess numru tas-serje.

5.8. Jekk il-kwantità stabbilita mid-differenza bejn żewġ valuri stampati, li wieħed minnhom jista’ jkun espress bħala żero, ma għandux ikun possibbli illi l-biljett jiġi rtirat mill-mekkaniżmu sakemm l-arloġġ ikun qiegħed ikejjel kwantità.

5.9. Bl-eċċezzjoni tal-każ riferit fil-punt 5.8, il-mekkaniżmu ta’ l-istampar għandu jkollu mekkaniżu li jerġa’ lura lejn iż-żero ma’ dak ta’ l-indikatur.

5.10. Id-differenza bejn il-kwantità indikata u l-kwantità stampata ma għandhiex tkun akbar mill-valur ta’ wieħed mill-intervalli stampati ta’ l-iskala.

5.11. Il-mekkaniżmu ta’ l-istampar jista’ jistampa, b’żieda mal-kwantità mkejla, jew il-prezz ta’ din il-kwantità jew dan il-prezz u l-prezz ta’ kull unità. Jista’ jistampa wkoll il-prezz li għandu jitħallas biss, meta l-mekkaniżmu ta’ l-istampar ikun imqabbad ma’ mekkaniżmu indikattiv għall-kwantitajiet u l-prezzijiet ikkalkolati, fil-każ tal-bejgħ dirett lill-pubbliku.

Iċ-ċifri, l-unità monetarja wżata jew is-simbolu tagħha u kull punt deċimali, meta meħtieġ għandhom ikunu stampati fuq il-biljett permezz tal-mekkaniżmu. Iċ-ċifri stampati għall-prezzijiet ma għandux ikollhom dimensjonijiet akbar minn dawk taċ-ċifri stampati għall-kwantità mkejla.

5.12. Il-valur ta’ l-intervall ta’ l-iskala stampat għandu jkun fil-għamla ta’ 1 x 10n, 2 x 10n jew 5 x 10n ta’ unitajiet monetarji, fejn il-n tkun numru sħiħ pożittiv jew negattiv, jew żero.

Dan il-valur ma għandux ikun akbar mill-prezz tal-kwantità ugwali għad-differenza massima permissibbli fuq il-provvista minima mmarkata fuq l-arloġġ tal-mekkaniżmu indikattiv.

Iżda, l-intervall ta’ din l-iskala ma għandux għalfejn ikun inqas minn wieħed mill-valuri monetarji speċifikati fil-punt 4.8.1.

5.13.1. Jekk l-arloġġ ikun imgħammar b’indikatur tal-prezz, id-differenza bejn il-prezz indikat u l-prezz stampat ma għandhiex tkun aktar mill-valur ta’ l-iskala stampata.

5.13.2. Jekk l-arloġġ ma jkunx imgħammar b’indikatur tal-prezz, id-differenza bejn il-prezz stampat u l-prezz ikkalkolat fuq kwantità indikata u l-prezz ta’ l-unità għandha tissodisfa l-kondizzjonijiet stabbiliti fil-punt 4.9.

Il-Kapitolu VI

MEKKANIŻMI TA’ REGOLAZZJONI MINN QABEL [2]

6.1. L-arloġġi jistgħu jkunu mgħammra b’mekkaniżmi ta’ regolazzjoni minn qabel.

Il-mekkaniżmi ta’ regolazzjoni minn qabel huma tagħmir li jippermettu l-għażla tal-kwantità li għandha titkejjel u li awtomatikament iwaqqfu d-dawrien tal-likwidu meta l-kwantità magħżula tkun tkejlet.

6.2. Il-kwantità magħżula tkun mikxufa permezz ta’ tagħmir b’linja ta’ skala u datum jew fuq it-tagħmir numeriku.

6.3. Meta r-regolazzjoni minn qabel tista’ ssir permezz ta’ ħafna kontrolli indipendenti, il-valur ta’ l-intervall ta’ l-iskala għal kontroll wieħed għandu jkun daqs il-varjetà tar-regolazzjoni minn qabel tal-kontroll għall-iżgħar grupp ta’ għaxra li jkun imiss.

6.4. Il-mekkaniżmi ta’ regolazzjoni minn qabel jistgħu jiġu rranġati b’mod li t-tennija tal-kwantità magħżula ma teħtieġx ir-regolazzjoni tal-kontrolli mill-ġdid.

6.5. Meta ċ-ċifri mikxufa tal-mekkaniżmi tar-regolazzjoni minn qabel ikunu separati miċ-ċifri ta’ l-indikatur, u meta possibbli li jidhru b’mod simultanju, dan ta’ l-ewwel għandu jkollu dimensjonijiet li mhumiex akbar minn tliet kwarti tad-dimensjonijiet korrispondenti ta’ dan ta’ l-aħħar.

6.6. L-indikazzjoni tal-kwantità magħżula tista’, waqt il-kejl, jew ma jinbidilx jew tiddawwar b’mod progressiv għal żero.

6.7. Id-differenza misjuba f’kondizzjonijiet normali tax-xogħol bejn il-kwantitajiet magħżula u l-kwantità indikata fit-tmiem tal-kejl ma għandhiex tkunu aktar minn nofs id-differenza massima permissibbli fuq il-provvista minima.

6.8. Il-kwantitajiet magħżula u l-kwantitajiet indikati mill-indikatur għandhom ikunu espressi fl-istess unità. Din ta’ l-aħħar (jew is-simbolu tagħha) għandha tkun immarkata fuq il-mekkaniżmu tar-regolazzjoni minn qabel.

6.9. Il-valur ta’ l-iżgħar intervall ta’ l-iskala tal-mekkaniżmu tar-regolazzjoni minn qabel ma għandux ikun anqas mill-valur ta’ l-intervall ta’ l-iskala fuq l-ewwel element ta’ l-indikatur.

6.10. Il-mekkaniżmi tar-regolazzjoni minn qabel jistgħu jinkorporaw tagħmir tat-twaqqif b’mod imgħaġġel tad-dawrien tal-likwidu meta meħtieġ.

6.11. Meta mekkaniżmu ta’ regolazzjoni minn qabel jinkorpora tagħmir għalbiex jiġi rregolat it-tnaqqis tar-rata tad-dawrien fit-tmiem ta’ kejl, għandu jiġi pprovvdut tagħmir li jissiġilla, jekk dan ta’ l-aħħar ikun meħtieġ sabiex jipprevjieni kull tibdil tar-regolazzjoni adottata.

6.12. Il-ħtiġiet fil-punti 6.7 u 6.11 ma japplikawx jekk il-mekkaniżmu ta’ l-istampar (Kapitolu V) ikun assoċjat ma’ l-arloġġ sabiex jippermetti l-ħruġ ta’ biljett stampat jew jekk, fil-każ tal-bejgħ dirett lill-pubbliku, il-mekkaniżmu tar-regolazzjoni minn qabel għandu jkun moħbi.

6.13. L-arloġġi bl-indikaturi tal-prezz jistgħu jkunu mgħammra wkoll b’mekkaniżmu ta’ regolazzjoni minn qabel. F’dan il-każ, id-dawrien tal-likwidu jitwaqqaf malli l-ammont fornit jikkorrispondi mall-prezz magħżul. Japplikaw il-ħtiġiet fil-punti minn 6.1 sa 6.12.

Il-Kapitolu VII

IS-SIĠILLAR

7.1. Għandu jkun ipprovvdut tagħmir tas-siġillar sabiex jipprevjieni t-tneħħija tat-tagħmir anċillari u l-aċċess għall-komponenti li jippermettu l-aġġustament tal-kalibrazzjoni.

[1] Indikazzjoni remota b’mezzi mhux mekkaniċi jiġu ttrattati f’Direttiva iktar tard

[2] Tagħmir ta’ self-service bi ħlas minn qabel ikun kopert b’Direttiva li toħroġ aktar tard.

--------------------------------------------------