31968L0151



Official Journal L 065 , 14/03/1968 P. 0008 - 0012
Finnish special edition: Chapter 17 Volume 1 P. 0003
Danish special edition: Series I Chapter 1968(I) P. 0041
Swedish special edition: Chapter 17 Volume 1 P. 0003
English special edition: Series I Chapter 1968(I) P. 0041
Greek special edition: Chapter 06 Volume 1 P. 0080
Spanish special edition: Chapter 17 Volume 1 P. 0003
Portuguese special edition Chapter 17 Volume 1 P. 0003


L-ewwel Direttiva tal-Kunsill

tad-9 ta' Marzu ta' l-1968 dwar

il-kordinazzjoni ta' salvagwardji li, għall-protezzjoni ta' l-interessi ta' membri u oħrajn, huma meħtieġa mill-Istati Membri minn kumpanniji fis-sens tat-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 58 tat-Trattat, bil-għan li tagħmel dawn is-salvagwardji ekwivalenti f'kull parti tal-Komunità

(68/151/KEE)

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 54(3)(ġ) tiegħu;

Wara li kkunsidra l-Programm Ġenerali għat-tneħħija ta' restrizzjonijiet fuq il-libertà ta' stabbiliment [1], u b'mod partikolari t-Titolu VI tiegħu;

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni;

Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Parlament Ewropew [2];

Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3];

Billi l-kordinazzjoni prevista fl-Artikolu 54(3) (ġ) u fil-Programm Ġenerali għat-tneħħija ta' restrizzjonijiet fuq il-libertà ta' stabbiliment hija kwistjoni ta' urġenza, speċjalment dwar kumpaniji limitati b'azzjonijiet jew għandhom xort'oħra responsabbiltà limitata, billi l-attiviatjiet ta' dawk il-kumpaniji ġieli jestendu ‘l hinn mill-fruntieri ta' territorji nazzjonali;

Billi l-kordinazzjoni ta' disposizzjonijiet nazzjonali dwar l-iżvelar, il-validità ta' obbligi li jkunu daħlu għalihom, u n-nullità ta' dawk il-kumpaniji hija ta' importanza speċjali, partikolarment għall-iskop ta' protezzjoni ta' l-interessi ta' terzi persuni;

Billi f'dawn il-kwistjonijiet għandhom jiġu adottati dispożizzjonijiet tal-Komunità relattivament għal dawk il-kumpaniji simultanjament, billi l-uniċi salvagwardji li huma joffru lil partijiet terzi huma l-assi tagħhom;

Billi d-dokumenti bażiċi tal-kumpanija għandhom jiġu żvelati sabiex partijiet terzi jkunu jistgħu jaċċertaw il-kontenut tagħhom u tagħrif ieħor dwar il-kumpanija, speċjalment dettalji tal-persuni li huma awtorizzati li jorbtu l-kumpanija;

Billi l-protezzjoni ta' terzi għandha tiġi assigurata b'disposizzjonijiet li jirrestrinġu sa fejn l-iktar possibbli r-raġunijiet li għalihom obbligi aċċettati f'isem il-kumpanija ma jkunux validi;

Billi huwa meħtieġ, sabiex tiġi assigurata ċertezza fil-liġi dwar relazzjonijiet bejn il-kumpanija u terzi, u wkoll bejn membri, biex jillimitaw il-każijiet li fihom tista' tinqala' n-nullità u l-effett retroattiv ta' dikjarazzjoni ta' nullità, u biex jiġi ffissat limitu ta' żmien qasir li fih terzi persuni jistgħu jagħmlu oġġezzjoni għal kull dikjarazzjoni bħal dik;

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Il-miżuri ta' kordinazzjoni preskritti b'din id-Direttiva għandhom japplikaw għall-liġijiet, regolamenti u disposizzjonijiet amministrattivi ta' l-Istati Membri dwar it-tipi ta' kumpaniji li ġejjin:

- Fil-Ġermanja:

die Aktiengesellschaft, die Kommanditgesellschaft auf Aktien, die Gesellschaft mit beschränkter Haftung;

- Fil-Belġju:

de naamloze vennootschap, | la société anonyme, |

de commanditaire vennootschap op aandelen | la société en commandite par actions, |

de personenvennootschap met beperkte aansprakelijkheid; | la société de personnes à responsabilité limitée; |

- Fi Franza:

la société anonyme, la société en commandite par actions, la société à responsabilité limitée;

- Fl-Italja:

società per azioni, società in accomandita per azioni, società a responsabilità limitata;

- Fil-Lussemburgu:

la société anonyme, la société en commandite par actions, la société à responsabilité limitée;

- Fl-Olanda:

de naamloze vennootschap, de commanditaire vennootschap op aandelen.

TAQSIMA I

Pubbliċità

Artikolu 2

1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jassiguraw żvelar obbligatorju minn kumpaniji ta' għall-inqas id-dokumenti u dettalji li ġejjin:

(a) Id-dokument ta' kostituzzjoni, u l-istatuti jekk huma jinsabu f'dokument separat;

(b) Kull emenda għad-dokumenti msemmija f'(a), magħduda kull estensjoni ta' kemm ilha l-kumpanija;

(ċ) Wara kull emenda tad-dokument ta' kostituzzjoni jew ta' l-istatuti, it-test komplet tad-dokument jew statuti kif emendati sal-lum;

(d) Il-ħatra, it-tmiem ta' kariga u d-dettalji tal-persuni li sew bħala korp kostitwit skond liġi u sew bħala membri ta' kull korp bħal dak:

(i) huma awtorizzati li jirrappreżentaw il-kumpanija fit-trattattivi ma' terzi u fi proċedimenti legali;

(ii) jieħdu parti fl-amministrazzjoni, sorveljanza jew kontroll tal-kumpanija.

Għandu jidher mill-iżvelar sew jekk il-persuni awtorizzati biex jirrappreżentaw il-kumpanija jistgħux jagħmlu hekk waħedhom jew jekk għandhomx jaġixxu flimkien;

(e) Għall-inqas darba fis-sena, l-ammont tal-kapital sottoskritt, fejn d-dokument ta' kostituzzjoni jew l-istatuti jsemmu kapital awtorizzat, kemm-il darba kull żjieda fil-kapital sottoskritt teħtieġ emenda ta' l-istatuti;

(f) Il-karta tal-bilanċ u l-kont ta' qligħ u telf għal kull sena finanzjarja. Id-dokument li fih il-karta tal-bilanċ għandu jagħti dettalji tal-persuni li huma meħtieġa bil-liġi biex jiċċertifikawh.

Iżda, dwar il-Gesellschaft mit beschränkter Haftung, société de personnes à responsabilité limitée, personenvennootschap met beperkte aansprakelijkheid, société à responsabilité limitée u società a responsabilità limitata taħt il-liġi Ġermaniża, Belġjana, Franċiża, Taljana jew tal-Lussemburgu, imsemmija fl-Artikolu1, u l-besloten naamloze vennootschap taħt il-liġi tal-Olanda, l-applikazzjoni obbligatorja ta' din id-disposizzjoni għandha tiġi posposta sad-data ta' implimentazzjoni ta' Direttiva dwar kordinazzjoni tal-kontenut ta' karti tal-bilanċ u ta' kontijiet ta' qligħ u telf u dwar eżenzjoni ta' dawk il-kumpaniji li t-total tal-karta tal-bilanċ tagħhom huwa inqas minn dak speċifikat fid-Direttiva mill-obbligu li jagħmlu żvelar, sħiħ jew parti, tad-dokumenti msemmija. Il-Kunsill għandu jadotta dik id-Direttiva fi żmien sentejn wara l-adozzjoni tad-Direttiva preżenti;

(g) Kull trasferiment taċ-ċentru tal-kumpanija;

(h) L-istralċ tal-kumpanija;

(i) Kull dikjarazzjoni ta' nullità tal-kumpanija mill-qrati;

(j) Il-ħatra ta'stralċjarji, dettalji dwarhom, u s-setgħat rispettivi tagħhom, kemm-il darba dawn is-setgħat huma espressament u esklussivament meħuda minn liġi jew mill-istatuti tal-kumpanija;

(k) It-terminazzjoni ta' l-istralċ u, fi Stati Membri meta tħassir mir-reġistru jinvolvi konsegwenzi legali, il-fatt ta' kull tħassir bħal dak.

2. Għall-iskopijiet ta' paragrafu 1 (f), kumpaniji li jwettqu l-kondizzjonijiet li ġejjin għandhom jiġu ikkunsidrati bħala besloten naamloze vennootschappen:

(a) Huma ma jistgħux joħorġu azzjonijiet "bearer";

(b) Ebda ċertifikat "bearer" ta' azzjonijiet reġistrati fis-sens ta' l-Artikolu 42(ċ) tal-Kodiċi Kummerċjali ta' l-Olanda ma jista' jinħareġ minn kull persuna tkun min tkun;

(ċ) L-azzjonijiet tagħhom ma jistgħux jiġu kwotati fi stock exchange;

(d) L-istatuti tagħhom fihom klawsola li teħtieġ approvazzjoni mill-kumpanija qabel it-trasferiment ta' azzjonijiet lil terzi, ħlief fil-każ ta' trasferiment fil-każ ta' mewt u, jekk l-istatuti jipprovdu hekk, fil-każ ta' trasferiment lil raġel jew martu, antenati jew dixxendenti; trasferimenti ma għandhomx ikunu in bjank, iżda altriment kull trasferiment għandu jkun bil-kitba bl-idejn, iffirmat minn min jittrasferixxi u lil min jiġi trasferit jew b'att notarili;

(e) L-istatuti tagħhom jispeċifikaw li l-kumpanija hija besloten naamloze vennootschap; l-isem tal-kumpanija jinkludi l-kliem "Besloten Naamloze Vennootschap" jew l-inizjali "BNV".

Artikolu 3

1. F'kull Stat Membru għandu jinfetaħ fajl f'reġistru ċentrali, reġistru kummerċjali jew reġistru tal-kumpaniji, għal kull kumpanija reġistrata fihom.

2. Id-dokumenti u dettalji kollha li għandhom jiġu żvelati skond l-Artikolu 2 għandhom jinżammu fil-fajl jew imdaħħla fir-reġistru; is-suġġett tad-dħul fir-reġistru għandu jidher f'kull każ fil-fajl.

3. Kopja tad-dokumenti kollha jew ta' kull parti tagħhom jew dettalji msemmija fl-Artikolu 2 għandhom ikunu jistgħu jinkisbu permezz ta' applikazzjoni bil-kitba bi prezz li ma jkunx iżjed mill-ispiża amministrattiva tagħhom.

Il-kopji mogħtija għandhom jiġu ċċertifikati bħala "kopji veri", kemm-il darba l-applikant jiġi eżentat minn dik iċ-ċertifikazzjoni.

4. Żvelar tad-dokumenti u dettalji msemmija fil-paragrafu 2 għandu jiġi effettwat permezz ta' pubblikazzjoni fil-gazzetta nazzjonali nominata għal dak l-iskop mill-Istat Membru, sew tat-test sħiħ u sew tat-test parzjali, jew permezz ta' riferenza għad-dokument li ġie depożitat fil-fajl jew imdaħħal fir-reġistru.

5. Il-kumpanija tista' toqgħod fuq id-dokumenti u d-dettalji kontra terzi biss wara li huma jiġu ppubblikati skond paragrafu 4, kemm-il darba l-kumpanija tipprova li t-terzi kellhom konoxxenza tagħhom. Iżda, dwar transazzjonijiet li jsiru qabel is-sittax-il jum wara l-pubblikazzjoni, wieħed ma jistax joqgħod fuq id-dokumenti u dettalji kontra terzi persuni li jippruvaw li ma kienx possibbli għalihom li seta' kellhom konoxxenza tagħhom.

6. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jevitaw kull diskrepanza bejn dak li huwa żvelat b' pubblikazzjoni fl-istampa u dak li jidher fir-reġistru jew fajl.

Iżda, f'każijiet ta' diskrepanza, wieħed ma jistax joqgħod fuq it-test ippubblikat fl-istampa kontra terzi; dawn ta' l-aħħar jistgħu madankollu joqogħdu fuqu, kemm-il darba l-kumpanija tipprova li huma kellhom konoxxenza tat-testi mqegħda fil-fajl jew imdaħħla fir-reġistru.

7. Terzi persuni jistgħu, barra dan, joqogħdu dejjem fuq kull dokument u dettall li dwarhom il-formalitajiet ta' żvelar għadhom mhumiex kompletati, ħlief meta nuqqas ta' żvelar jirrendihom bla effett.

Artikolu 4

L-Istati Membri għandhom jippreskrivu li ittri u formoli ta' ordnijiet għandhom jiddikjaraw id-dettalji li ġejjin:

- ir-reġistru li fih il-fajl imsemmi fl-Artikolu 3 huwa miżmum, flimkien man-numru tal-kumpanija f'dak ir-reġistru;

- il-forma legali tal-kumpanijia, il-post ċentrali tagħha, u, meta xieraq, il-fatt li l-kumpanija qed tiġi stralċjata.

Meta f'dawn id-dokumenti jissemma l-kapital tal-kumpanija, ir-riferenza għandha ssir għall-kapital sottoskritt u mħallas.

Artikolu 5

Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi liema persuni għandhom iwettqu l-formalitajiet ta' l-iżvelar.

Artikolu 6

L-Istati Membri għandhom ikollhom pieni xierqa fil-każ ta':

- nuqqas ta' żvelar tal-karta tal-bilanċ u l-kont ta' qligħ u telf kif meħtieġ minn l-Artikolu 2(1)(f);

- ommissjoni minn dokumenti kummerċjali tad-dettalji obbligatorji previsti fl-Artikolu 4.

TAQSIMA II

Validità ta' obbligi li kumpanija tkun daħlet għalihom

Artikolu 7

Jekk, qabel kumpanija li qed tiġi ffurmata akkwistat personalità legali, twettqet azzjoni f'isimha u l-kumpanija ma tassumix l-obbligi li joħorġu minn dik l-azzjoni, il-persuni li aġixxew għandhom, mingħajr limitu, ikunu responsabbli għalihom flimkien u separatament, kemm-il darba mhux miftiehem xort'oħra.

Artikolu 8

It-tkomplija tal-formalitajiet ta' l-iżvelar tad-dettalji dwar il-persuni li, bħala organu tal-kumpanija, huma awtorizzati biex jirrappreżentawha għandha tikkostitwixxi ostakolu għal kull irregolarità fil-ħatra tagħhom li wieħed għandu joqgħod fuqha fil-konfront ta' terzi kemm-il darba l-kumpanija tipprova li dawk it-terzi kellhom konoxxenza tagħha.

Artikolu 9

1. Atti magħmula mill-organi tal-kumpanija għandhom jorbtuha anki jekk dawk l-atti mhumiex fl-għanijiet tal-kumpanija, kemm-il darba dawk l-atti ma jeċċedux is-setgħat li l-liġi tagħti jew tħalli li jingħataw lil dawk l-organi.

Iżda, l-Istati Membri jistgħu jiddisponu li l-kumpanija m'għandhiex tkun marbuta meta dawk l-atti huma barra l-għanijiet tal-kumpanija, jekk hija tipprova li l-parti terza kienet taf li l-att kien barra dawk l-għanijiet jew li ma setgħatx in vista taċ-ċirkustanzi ma kienx jaf bihom; l-iżvelar ta' l-istatuti m'għandux ikun fih innifsu prova suffiċjenti ta' dawn..

2. Il-limiti fuq is-setgħat ta' l-organi tal-kumpanija, li joħorġu mill-istatuti jew minn deċiżjoni ta' l-organi kompetenti, ma jistax wieħed joqgħod fuqhom fil-konfront ta' terzi, anki jekk huma ġew żvelati.

3. Jekk il-liġi nazzjonali tiddisponi li awtorità biex tirrappreżenta kumpanija tista', b'deroga mir-regoli legali li jirregolaw is-suġġett, tiġi mogħtija mill-istatuti lil persuna waħda jew diversi persuni li jaġixxu flimkien, dik il-liġi tista' tiddisponi li disposizzjoni bħal dik fl-istatuti jista' wieħed joqgħod fuqha fil-konfront ta' terzi bil-kondizzjoni li din tirrelata għa s-setgħa ġenerali ta' rappreżentazzjoni; il-kwistjoni jekk dik id-disposizzjoni jistax wieħed joqgħod fuqha fil-konfront ta' terzi għandha tiġi regolata bl-Artikolu 3.

TAQSIMA III

Nullità tal-kumpanija

Artikolu 10

Fl-Istati Membri kollha li l-liġijiet tagħhom ma jiddisponux għal kontroll preventiv, amministrattiv jew ġudizzjarju, fiż-żmien tal-formazzjoni ta' kumpanija, id-dokument ta' kostituzzjoni, l-istatuti tal-kumpanija u kull emenda għal dawk id-dokumenti għandhom jiġu mfassla u ċċertifikati fil-forma legali xierqa.

Artikolu 11

Il-liġijiet ta' l-Istati Membri ma jistgħux jiddisponu għan-nullità ta' kumpaniji xort'oħra milli skond id-disposizzjonijet li ġejjin:

1. In-nullità għandha tiġi ordnata b'deċiżjoni ta' qorti tal-ġustizzja;

2. In-nullità tista' tiġi ordnata biss għar-raġunijiet li ġejjin:

(a) li ebda dokument kostituzzjonali ma ġie esegwit jew li r-regoli ta' kontroll preventiv jew il-formalitajiet legali rikjesti ma ġewx imħarsa;

(b) li l-għanijiet tal-kumpanija mhumiex skond il-liġi jew huma kontra l-politika pubblika;

(ċ) li d-dokument kostituzzjonali jew l-istatuti ma jiddikjarawx l-isem tal-kumpanija, l-ammont tas-sottoskrizzjonijet individwali ta' kapital, l-ammont totali tal-kapital sottoskritt jew l-għanijiet tal-kumpanija;

(d) nuqqas ta' tħaris tad-disposizzjonijiet tal-liġi nazzjonali dwar l-ammont minimu ta' kapital li għandu jitħallas;

(e) l-inkapaċità tas-soċji fundaturi kollha;

(f) li, kontra l-liġi nazzjonali li tirregola l-kumpanija, in-numru ta' soċji fundaturi huwa inqas minn tnejn.

Barra mir-raġunijiet ta' nullità msemmijin qabel, kumpanija ma għandhiex tkun suġġetta għal xi kawża ta' nuqqas ta' eżistenza, nullità assoluta, nullità relattiva jew dikjarazzjoni ta' nullità.

Artikolu 12

1. Il-kwistjoni jekk deċiżjoni ta' nullità dikjarata minn qorti tal-ġustizzja jistax wieħed joqgħod fuqha fil-konfront ta' terzi għandhiex tiġi regolata mill-Artikolu 3. Meta l-liġi nazzjonali tagħti s-setgħa lil parti terza li tikkontesta d-deċiżjoni, hija tista' tagħmel dan fi żmien sitt xhur minn notifika pubblika tad-deċiżjoni li tingħata mill-qorti.

2. Nullità għandha tfisser l-istralċ tal-kumpanija, kif ukoll jista' jfisser xoljiment.

3. Nullità ma tistax fiha nnifisha tolqot il-validità ta' xi obbligu li bih tkun intrabtet kumpanija jew li oħrajn jkunu ntrabtu magħha, bla ħsara għall-konsegwenzi ta' l-istralċjar tal-kumpanija.

4. Il-liġijiet ta' kull Stat Membru jistgħu jiddisponu għall-konsegwenzi ta' nullità fejn jidħlu membri tal-kumpanija.

5. Id-detenturi ta' azzjonijiet ta' kapital għandhom jibqgħu obbligati jħallsu l-kapital miftiehem li jkun sottoskritt minnhom iżda li jkun għadu ma ġiex imħallas, safejn obbligi li jsiru ma' kredituri hekk jeħtieġu.

TAQSIMA IV

Disposizzjonijiet ġenerali

Artikolu 13

L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ, fi żmien tmintax-il xahar wara n-notifika ta' din id-Direttiva, l-emendi kollha għall-liġijiet, regolamenti jew disposizzjonijet amministrattivi tagħhom meħtieġa sabiex jitħarsu d-disposizzjonijiet ta' din id-Direttiva u għandhom minnufih jinfurmaw lil-Kummissjoni bihom.

L-obbligu ta' żvelar previst fl-Artikolu 2(1)(f) ma għandux jidħol fis-seħħ sa tletin xahar wara n-notifika ta' din id-Direttiva dwar naamloze vennootschappen taħt il-liġi ta' l-Olanda minbarra dawk imsemmija fl-Artikolu 42(ċ) preżenti tal-Kodiċi Kummerċjali ta' l-Olanda.

L-Istati Membri jistgħu jiddisponu li żvelar inizjali tat-test sħiħ ta' l-istatuti kif emendat mill-formazzjoni tal-kumpanija ma għandux ikun meħtieġ sa meta l-istatuti jerġħu jiġu emendati jew sal-31 ta' Diċembru ta' l-1970, liema minn dawn jiġi l-ewwel.

L-Istati Membri għandhom jassiguraw li huma jgħaddu lill-Kummissjoni t-test tad-disposizzjonijiet prinċipali tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 14

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fid-9 ta' Marzu 1968.

Għall-Kunsill

Il-President

M. Couve De Murville

[1] ĠU C 2, tal-15.1.1962, p. 36/62.

[2] ĠU C 96, tat-28.5.1966, p. 1519/66.

[3] ĠU C 194, tas-27.11.1964, p. 3248/64.

--------------------------------------------------