Official Journal 109 , 23/06/1965 P. 1859 - 1865
Finnish special edition: Chapter 3 Volume 1 P. 0113
Danish special edition: Series I Chapter 1965-1966 P. 0063
Swedish special edition: Chapter 3 Volume 1 P. 0113
English special edition: Series I Chapter 1965-1966 P. 0070
Greek special edition: Chapter 03 Volume 1 P. 0184
Spanish special edition: Chapter 03 Volume 1 P. 0147
Portuguese special edition Chapter 03 Volume 1 P. 0147
Ir-Regolament tal-Kunsill Nru 79/65/KEE tal-15 ta’ Ġunju 1965 li jistabbilixxi network għall-ġbir ta’ informazzjoni ta’ kontabilità dwar id-dħul u l-operazzjoni kummerċjali ta’ azjendi agrikoli fil-Komunità Ekonomika Ewropea IL-KUNSILL TAL-KOMUNITÀ EKONOMIKA EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43 tiegħu; Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni; Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Parlament Ewropew [1]; Billi l-iżvilupp tal-politika komuni dwar l-agrikoltura jitlob li jkun hemm disponibbli informazzjoni oġġettiva u rilevanti dwar id-dħul tad-diversi kategorji ta’ azjendi agrikoli u dwar operazzjonijiet kummerċjali ta’ azjendi li jaqgħu f’kategoriji li jeħtieġu attenzjoni speċjali fuq livell Komunitarju; Billi l-kontijiet ta’ azjendi agrikoli jikkostitwixxu s-sors ewlieni ta’ l-informazzjoni essenzjali għal kull valutazzjoni tad-dħul ta’ l-azjendi agrikoli u għall-istudju dwar l-operazzjoni kummerċjali tagħhom; Billi l-informazzjoni miġbura għandha tiġi miksuba minn azjendi agrikoli magħżula b’mod speċjali u addattati skond regoli komuni u trid tkun ibbażata fuq fatti verifikabbli; billi din l-informazzjoni trid tirrifletti l-kondizzjonijiet tekniċi, ekonomiċi u soċjali ta’ l-azjendi involuti, tittieħed minn azjendi individwali, tkun disponibbli malajr kemm jista’ jkun, tkun ibbażata fuq definizzjonijiet uniformi, tkun preżentata b’forma komuni u tkun tista’ tiġi użata f’kull mument u bid-dettalji kollha mill-Kummissjoni; Billi dawn l-objettivi jistgħu jintlaħqu biss permess ta’ network Komunitarju għall-ġbir ta’ informazzjoni tal-kontabilità ta’ l-irziezet, ibbażata f’uffiċċji tal-kontabilità ta’ l-irziezet li jeżistu f’kull Stat Membru, li jgawdu l-kunfidenzja tal-partijiet konċernati u li jiddependu fuq il-parteċipazzjoni volontarja tagħhom; Billi l-kumplessità, kemm fil-Komunità u kif ukoll f’livell ta’ Stat Membru, tax-xogħol involut sabiex tinħoloq network fil-Komunità għall-ġbir ta' l-informazzjoni tal-kontabilità ta' l-irziezet hija tali li l-istabbiliment ta' sistema tal-kontabilità għandha timxi bil-mod, b’hekk illi fl-ewwel ftit snin ikun jista’ jsir ammont limitat ta’ stħarriġ; Billi sabiex jintagħżlu l-azjendi agrikoli u sabiex tiġi analizzata u evalwata l-informazzjoni miġbura, huwa neċessarju li ssir riferenza għal informazzjoni miksuba minn sorsi oħra; Billi l-bdiewa jridu jiġu assigurati illi l-kontijiet u d-dettalji individwali kollha tagħhom miksuba għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament ma jkunux sejrin jintużaw għal skop ta’ taxxa jew li ma jkunux sejrin jiġu żvelati mill-persuni li jipparteċipaw jew ikunu pparteċipaw fin-network fil-Komunità ta’ data tal-kontabilità ta’ l-irziezet; Billi, sabiex tissodisfa ruħha dwar l-oġġettività u r-relevanza ta’ l-informazzjoni miġbura, il-Kummissjoni trid tkun f’posizzjoni li tikseb id-dettalji meħtieġa dwar il-mod kif il-korpi li huma fdati bl-għażla ta’ l-azjendi agrikoli u ta’ l-uffiċċji tal-kontabilità li jieħdu sehem fin-network tal-Komunità ta’ data tal-kontabilità fl-irziezet jaqdu d-dmirijiet tagħhom u, jekk ikun meħtieġ, sabiex jintbagħtu esperti biex jaħdmu fuq il-post bil-kollaborazzjoni ta’ l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti; Billi, sabiex tiġi faċilitata l-implimentazzjoni tad-disposizzjonijiet previsti, għandha tiġi stabbilita proċedura fejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni jkunu jistgħu jikkooperaw mill-qrib fi ħdan kumitat tal-Komunità; Billi wara li n-network ta’ data tal-kontabilità fl-irziezet tal-Komunità tkun ilha topera għal ftit snin, il-Kummissjoni tkun f’posizzjoni li tirrapporta dwar l-esperjenza li tkun kisbet u li tipproponi kwalunkwe emendi meħtieġa għal dan ir-Regolament; ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT: IL-KAPITOLU 1 L-istabbiliment ta’ network fil-Komunità dwar informazzjoni tal-kontabilità fl-irziezet għall-Komunità Ekonomika Ewropea Artikolu 1 1. Sabiex jiġu sodisfatti l-ħtiġiet ta’ politika komuni dwar l-agrikoltura, għandha tiġi stabbilita network fil-Komunità għall-ġbir ta’ informazzjoni dwar il-kontabilità fl-irziezet, iktar ’il quddiem imsejħa "network ta’ informazzjoni". 2. L-iskop tan-network ta’ informazzjoni għandu jkun li tinġabar l-informazzjoni tal-kontabilità meħtieġa, b’mod partikolari: (a) tagħrif annwali tad-dħul ta’ l-azjendi agrikoli li jaqa’ fl-ambitu ta’ l-istħarriġ kif imfisser fl-Artikolu 4; u (b) analiżi kummerċjali ta’ l-azjendi agrikoli. 3. L-informazzjoni miksuba għal dan ir-Regolament għandha sservi primarjament bħala bażi għal rapport annwali li jsir mill-Kummissjoni lill-Kunsill dwar is-sitwazzjoni ta’ l-agrikoltura u s-swieq ta’ l-agrikoltura fil-Komunità. Artikolu 2 Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament: (a) "operatur" ifisser il-persuna fiżika responsabbli għat-tmexxija ta’ kuljum ta’ azjendaazjenda agrikola; ++ (b) "kategorija ta’ azjenda" tfisser grupp ta’ azjendi agrikoli li jkollhom l-istess karatteristiċi skond il-kriterji elenkati fl-Artikolu 4 (3) (a); (ċ) "azjenda prospettanti" tfisser kwalunkwe azjenda agrikola li tagħmel prospett għall-għanijiet tan-network ta’ informazzjoni; (d) "taqsima" tfisser it-territorju ta’ l-Istat Membru, jew parti minnu, delimitat skond is-selezzjoni ta’ azjendi prospettanti; lista’ ta’ dawn it-taqsimiet tidher fl-Anness ta’ dan ir-Regolament. (e) "data tal-kontabilità" tfisser kwalunwe informazzjoni ta’ natura teknika, finanzjarja jew ekonomika dwar azjendaazjenda agrikola miksuba minn kontijiet li jikkonsistu fi skrizzjonijiet li jsiru regolarment u sistematikament matul is-sena tal-kontabilità. IL-KAPITOLU II Il-kalkolu tad-dħul minn azjendi agrikoli Artikolu 3 Id-disposizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu jirrigwardaw il-ġbir ta’ data tal-kontabilità bl-għan li jsir kalkolu annwali tad-dħul minn azjendi agrikoli. Artikolu 4 1. L-ambitu ta’ l-istħarrig imsemmi fl-Artikolu 1 (2) (a) għandu jkopri dawk l-azjendi agrikoli li: - huma mmexxija bħala azjendi orjentati għas-suq, u - jipprovdu l-okkupazzjoni prinċipali ta’ l-operatur. 2. (a) Matul l-ewwel tliet snin ta’ l-operazzjoni ta’ dan ir-Regolament, id-data għandha tinkiseb biss minn dawk l-azjendi agrikoli fl-ambitu ta’ l-istħarriġ definit fil-paragrafu 1 li għandhom arja li teċċedi l-ħames ettari. Madanakollu, din il-limitazzjoni dwar l-arja m’għandhiex tapplika fir-rigward ta’ azjendi li iktar minn nofs il-prodotti tagħhom jikkonsistu f’wieħed jew iktar minn dawn il-prodotti segwenti: inbid, frott, ħxejjex, prodotti taż-żebbuġ. Għal dan il-perjodu, in-numru ta’ azjendi prospettanti għandhom ikunu għaxart elef. (b) Qabel it-tmiem ta’ dan il-perjodu, il-Kunsill għandu fuq proposta tal-Kummissjoni u b’vot ta’ maġġoranza kwalifikata, jistabbilixxi ż-żieda fin-numru ta’ azjendi prospettanti għas-snin futuri u għandu jiddetermina pjan sabiex jestendi l-istħarriġ bil-mod sabiex jinkludi fl-ambitu ta’ l-istħarrig dawk l-azjendi agrikoli li jkunu ġew esklużi matul l-ewwel tliet snin. 3. Sabiex tikkwalifika bħala azjenda prospettanti għall-iskopijiet tal-paragrafi 1 u 2, azjenda agrikola għandha tissodisfa l-kondizzjonijiet segwenti: (a) l-azjenda għandha jkollha l-karatteristiċi tas-sezzjoni tagħha f’dak li jirrigwarda: - it-tip ta’ biedja, - iż-żona - il-ħaddiema (numru u densità), - tip ta’ okkupazzjoni; (b) il-persuna li topera l-azjenda għandha tkun persuna disposta u kapaċi li żżomm kontijiet ta’ l-irziezet u disposta li tħalli d-data tal-kontabilità ta’ l-azjenda tagħha disponibbli għall-Kummissjoni; (ċ) il-kondizzjonijiet tal-produzzjoni fl-azjenda u l-lokazzjoni tagħha fis-swieq għandha tkun tali li tkun meqjusa normali għall-qasam in kwistjoni. 4. Regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu, li jistabbilixxu b’mod partikolari n-numru ta’ azjendi prospettanti għal kull qasam, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 19. Artikolu 5 1. Kull Stat Membru għandu, fi żmien tliet xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, jistabbilixxi Kumitat għal kull qasam tiegħu, hawnhekk iżjed ’il quddiem imsejjaħ il-"Kumitat Reġjonali". 2. Kumitat Reġjonali għandu jikkonsisti f’mhux iktar minn tnax-il membru, li jirrappreżentaw: - l-awtoritajiet amministrattivi, - il-bdiewa, - l-uffiċċju tal-kontabilità ta’ l-irziezet, u, - sakemm dawn ikunu jeżistu fil-qasam u l-kooperazzjoni tagħhom tkun meħtieġa, il-korpi li għandhom x’jaqsmu ma’ l-ekonomija ta’ l-agrikoltura, l-edukazzjoni agrikola u s-servizzi ta’ pariri, ix-xogħol ta’ estensjoni agrikola, l-istatistika agrikola u l-kreditu agrikolu. 3. Il-President tal-Kumitat Reġjonali għandu jiġi maħtur mill-Istati Membri minn fost il-membri ta’ dak il-Kumitat. Id-deċiżjonijiet tal-Kumitat Reġjonali għandhom ikunu unanimi; meta l-unanimità ma tkunx tista’ tintlaħaq, id-deċiżjonijiet għandhom jittieħdu minn awtorità maħtura nominata mill-Istat Membru. Il-Kumitat Reġjonali jista’ jikseb l-assistenza ta’ esperti. 4. Id-dmirijiet ta’ Kumitat Reġjonali għandhom ikunu li: (a) jistabbilixxi l-kategoriji ta’ azjendi li jinsabu fil-qasam tiegħu u sabiex jassigura d-distribuzzjoni numerika ta’ azjendi fost id-diversi kategoriji. F’dan l-eżerċizzju, huwa għandu jibbaża ruħu prinċipalment fuq l-istatistika disponibbli; (b) jiffissa n-numru ta’ azjendi prospettanti għal kull kategorija, wara li jikkunsidra x-xorta ta’ tqassim imsemmi fis-subinċiż (a), in-numru ta’ azjendi prospettanti stabbiliti għal dik it-taqsima fl-Artikolu 4 (4) u l-bżonn ta’ rappreżentazzjoni tajba għal kull kategorija; (ċ) jagħżel l-azjendi prospettanti, wara li jikkunsidra d-disposizzjonijiet ta’ l-Artikolu 4 (3) u d-deċiżjonijiet tagħhom skond is-subparagrafi (a) u (b) ta’ dan il-paragrafu; (d) jagħmel lista ta’ l-azjendi magħżula, li tispeċifika fir-rigward ta’ kull waħda: - il-karatteristiċi li jiġġustifikaw dik l-għażla u l-inklużjoni tagħha f’kategorija partikolari; - l-uffiċċju tal-kontabilità, magħżula kif stabbilit fl-Artikolu 8; u li jibgħat dik il-lista lill-aġenzija intermedjarja magħżula hekk kif provdut fl-Artikolu 6. 5. Regoli dettaljati għall-implementazzjoni ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu adottati skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 19. Artikolu 6 1. Kull Stat Membru għandu, fi żmien xahrejn mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, jaħtar aġenzija intermedjarja. 2. Id-dmirijiet ta’ l-aġenzija intermedjarja għandhom ikunu li: - tinforma lill-Kumitat Reġjonali u l-uffiċċju tal-kontabilità dwar ir-regoli dettaljati ta’ implimentazzjoni li jirrigwardawhom, sabiex jassigura li dawk ir-regoli huma applikati b’mod uniformi; - li tiġbor u tibgħat lill-Kummissjoni listi ta’ uffiċċji ta’ accountants disposti u kapaċi li jagħmlu prospett ta’ razzett skond it-termini tal-kuntratti stabbiliti fl-Artikoli 9 u 14; - li tibgħat lill-Kummissjoni listi ta’ l-azjendi prospettanti miġbura mill-Kumitati Reġjonali skond id-disposizzjonijiet ta’ l-Artikolu 5(4), wara li jiġi verifikat li dawk il-listi saru kif suppost; - li tiġbor il-prospetti ta’ l-irziezet mibgħuta lilha mill-uffiċċji tal-kontabilità u tivverifika li saru kif suppost; - li tibgħat il-prospetti ta’ l-irziezet li jkunu mtlew kif suppost lill-Kummissjoni; - li tgħaddi lill-Kumitati Reġjonali u lill-uffiċċji tal-kontabilità t-talba għall-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 16 u li tibgħat ir-risposti rilevanti lill-Kummissjoni. 3. Regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu adottati skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 19. Artikolu 7 1. Kull azjenda prospettanti għandha tkun soġġetta għal prospett ta’ razzett individwali u anonimu. 2. Id-data tal-kontabilità mitluba minn kull azjenda prospettanti għandha tkun tali li jkun possibbli: - li tiġi karatterizzata l-azjenda trattata fil-kontijiet b’referenza għall-elementi prinċipali tal-fatturi tal-produzzjoni tagħha; - li ssir stima tad-dħul ta’ l-azjenda fid-diversi forom tagħha; - li tiġi verifikata permezz ta’ kontrolli għall-għarrieda l-verità ta’ l-informazzjoni mogħtija. 3. It-tip ta’ data tal-kontabilità li għandha tingħata fi prospett ta’ razzett, il-forma li biha trid tiġi preżentata din l-informazzjoni u d-definizzjonijiet u l-istruzzjonijiet relatati magħhom għandhom jingħataw skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 19. Artikolu 8 Bidwi li l-azjenda tiegħu hija magħżula bħala azjenda prospettanti għandu jagħżel minn lista magħmula għal dan l-iskop mill-aġenzija intermedjarja, uffiċċju tal-kontabilità li jkun dispost li jagħmel il-prospett għall-azjenda tiegħu skond it-termini tal-kuntratt imsemmi fl-Artikolu 9. Artikolu 9 1. Ta’ kull sena, għandu jiġi konkluż kuntratt, fuq l-awtorità ta’ l-Istati Membri, bejn l-awtorità kompetenti nominata minn dan l-Istat Membru u kull uffiċċju tal-kontabilità magħżul kif stabbilit fl-Artikolu 7. Permezz ta’ dan il-kuntratt, l-uffiċċju tal-kontabilità huwa responsabbli, bi ħlas ta’ onorarju stabbilit, li jlesti l-prospetti ta’ l-irziezet b’mod konsistenti mad-disposizzjonijiet ta’ l-Artikolu 7. 2. Il-kondizzjonijiet ta’ dan il-kuntratt, li għandhom ikunu uniformi fl-Istati Membri kollha, għandhom jiġu stabbiliti b’mod konformi mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 19 It-termini supplimentari li jistgħu jitniżżlu f’dan il-kuntratt mill-Istati Membri għandhom jiġu stabbiliti skond l-istess proċedura. 3. Meta d-dmirijiet ta’ l-uffiċċju tal-kontabilità jiġu mwettqa minn dipartiment amministrattiv, dan ta’ l-aħħar għandu jiġi notifikat dwar id-dmirijiet tiegħu permezz tal-kanali amministrattivi normali. IL-KAPITOLU III Ġbir ta’ data tal-kontabilità għall-iskopijiet ta’ analiżi kummerċjali ta’ azjendi agrikoli Artikolu 10 Id-disposizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu jirrigwardaw il-ġbir ta’ data tal-kontabilità għall-iskopijiet ta’ analiżi kummerċjali ta’ azjendi agrikoli. Artikolu 11 Għandhom jiġu stabbiliti skond il-proċedura mniżżla fl-Artikolu 19: - is-suġġetti ta’ l-analiżi msemmija fl-Artikolu 1 (2) (b); - regoli dettaljati dwar l-għażla u n-numru ta’ azjendi prospettanti, u dawn għandhom jiġu stabbiliti skond l-oġġettivi ta’ kull analiżi partikolari. Artikolu 12 1. Kull azjenda prospettanti magħżula skond it-tieni subinċiż ta’ l-Artikolu 11 għandha tkun soġġetta għal prospett ta’ razzett speċjali, li għandu jkun individwali għal dik l-azjenda u anonimu. Dan il-prospett ta’ razzett għandu jinkludi d-data tal-kontabilità mitluba fl-Artikolu 7 (2) u kwalunkwe punti u dettalji oħra tal-kontabilità li kull analiżi partikolari tista’ tiġi bżonn. 2. It-tip ta’ data tal-kontabilità li għandha tingħata fil-prospett ta’ razzett speċjali, il-mod ta’ kif din l-informazzjoni għandha tiġi preżentata u d-definizzjonijiet u l-istruzzjonijiet relatati miegħu għandhom jiġu stabbiliti skond il-proċedura mniżżla fl-Artikolu 19. 3. Prospetti speċjali ta’ l-irziezet għandhom jimtlew mid-diversi uffiċċji tal-kontabilità stabbiliti fl-Artikolu 13. Artikolu 13 Bidwi li l-azjenda tiegħu tkun magħżula skond it-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 11 għandu jagħżel mill-lista miġbura għal dan l-għan mill-aġenzija intermedjarja, uffiċċju tal-kontabilità li huwa dispost li jimla l-prospett speċjali għall-azjenda tiegħu skond il-kondizzjonijiet tal-kuntratt stabbiliti fl-Artikolu 14. Artikolu 14 1. Għandu jiġi konkluż kuntratt fuq l-awtorità ta’ l-Istat Membru bejn l-awtorità kompetenti nnominata minn dan ta’ l-aħħar u kull uffiċċju tal-kontabilità magħżul hekk kif stabbilit mill-Artikolu 13. B’dan il-kuntratt, l-uffiċċju tal-kontabilità jintrabat, bi ħlas ta’ onorarju standard, li jimla l-prospetti speċjali ta’ l-irziezet b’mod konsistenti mad-disposizzjonijiet ta’ l-Artikolu 12. 2. Il-kondizzjonijiet ta’ dan il-kuntratt, li għandhom ikunu uniformi fl-Istati Membri kollha, għandhom jiġu stabbiliti skond il-proċedura mniżżla fl-Artikolu 19. Il-kondizzjonijiet supplimentari li jistgħu jitniżżlu f’dan il-kuntratt mill-Istati Membri għandhom jiġu stabbiliti skond l-istess proċedura. 3. Meta d-dmirijiet ta’ l-uffiċċju tal-kontabilità jiġu mwettqa minn dipartiment amministrattiv, dan ta’ l-aħħar għandu jiġi nnotifikat dwar id-dmirijiet tiegħu mill-kanali amministrattivi normali. IL-KAPITOLU IV Disposizzjonijiet ġenerali Artikolu 15 1. Huwa pprojbit li tintuża għall-iskopijiet ta’ taxxa xi informazzjoni individwali ta’ kontabilità jew xi dettalji individwali oħra miksuba fl-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament. 2. Huwa pprojbit għal kwalunkwe persuna li qiegħda tipparteċipa jew li tkun ipparteċipat fin-network ta’ informazzjoni li xxandar xi informazzjoni individwali tal-kontabilità jew xi dettalji individwali oħra meta din l-informazzjoni tkun inkisbet fl-eżerċizzju tad-dmirijiet tagħha jew inkella b’mod inċidentali waqt dan l-eżerċizzju. 3. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex jippenalizzaw il-ksur tad-disposizzjonijiet tal-paragrafu 2. Artikolu 16 1. Il-Kumitati Reġjonali u l-uffiċċji tal-kontabilità huma marbuta, fl-ambitu tar-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom, li jagħtu lill-Kummissjoni l-informazzjoni kollha li l-istess Kummissjoni tista’ titlobhom dwar it-twettiq tad-dmirijiet tagħhom fl-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Talbiet għall-informazzjoni ta’ din ix-xorta u r-risposti rilevanti għandhom jintbagħtu bil-miktub permezz ta’ l-aġenzija intermedjarja. 2. Fil-każ li l-informazzjoni mogħtija tkun inadegwata jew jekk din l-informazzjoni tonqos li tasal fi żmien tajjeb, il-Kummissjoni għandha l-fakultà li, bil-kollaborazzjoni ta’ l-aġenzija intermedjarja, tibgħat esperti biex jaħdmu fuq is-sit. Artikolu 17 Qiegħed jiġi hawnhekk stabbilit Kumitat tal-Komunità għan-Network ta’ Informazzjoni dwar l-Irziezet, hawnhekk iżjed ’il quddiem imsejjaħ "Il-Kumitat tal-Komunità". Artikolu 18 1. Il-Kumitat tal-Komunità għandu jikkonsisti f’rappreżentanti ta’ l-Istati Membri u tal-Kummissjoni. Kull Stat Membru għandu jiġi rrappreżentat fuq il-Kumitat tal-Komunità minn mhux iktar minn ħames uffiċjali. Il-President tal-Kumitat tal-Komunità għandu jkun rappreżentant tal-Kummissjoni. 2. Meta l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 19 tiġi applikata, il-voti ta’ l-Istati Membri għandhom jiġu mwieżna hekk kif stabbilit fl-Artikolu 148 (2) tat-Trattat. Il-President m’għandux jivvota. Artikolu 19 1. Meta l-proċedura stabbilita f’dan l-Artikolu trid tiġi segwita, il-każijiet għandhom jiġu riferuti lill-Kumitat tal-Komunità mill-President, fuq l-inizjattiva tiegħu jew inkella fuq talba tar-rappreżentant ta’ Stat Membru. 2. Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jissottometti abbozz tal-miżuri li jkunu sejrin jiġu adottati. Il-Kumitat tal-Komunità għandu jagħti l-opinjoni dwar dawn il-miżuri fi żmien stipulat mill-President skond l-urġenza tal-każ. L-opinjonijiet għandhom jingħataw b’maġġoranza ta’ tnax-il vot. 2. 3. Il-Kummissjoni għandha tadotta miżuri li japplikaw immedjatament. Madanakollu, jekk dawn il-miżuri ma jkunux skond l-opinjoni tal-Kumitat tal-Komunità, dawn għandhom jiġu kkomunikati mill-Kummissjoni lill-Kunsill immedjatament. F’dik l-eventwalità, il-Kummissjoni tista’ tiddiferixxi l-applikazzjoni tal-miżuri li tkun adottat għal mhux iktar minn xahar mid-data ta’ dik il-komunikazzjoni. Il-Kunsill jista’, b’vot ta’ maġġoranza kkwalifikata, jieħu deċiżjoni differenti fi żmien xahar. Artikolu 20 1. Il-Kumitat tal-Komunità għandu jiġi kkonsultat: (a) għall-iskopijiet li jivverifika li l-għażla ta’ l-azjendi prospettanti taħt l-Artikolu 5 tkun saret b’konformità mad-disposizzjonijiet ta’ l-Artikolu 4; (b) għall-iskopijiet li tiġi analizzata u evalwata l-informazzjoni tal-kontabilità li tirriżulta min-network ta’ informazzjoni, waqt li tiġi kkunsidrata b’mod partikolari d-data miksuba inter alia mill-kontijiet ta’ l-irziezet u l-istatistika ġenerali u minn kontijiet nazzjonali. 2. Il-Kumitat tal-Komunità jista’ jeżamina kwalunkwe mistoqsija oħra li jagħmel il-President tiegħu, kemm fuq inizjattiva tiegħu kif ukoll fuq talba ta’ rappreżentant ta’ Stat Membru. Għandu jinżammm regolarment infurmat dwar l-operat tan-network ta’ informazzjoni. Artikolu 21 Il-President għandu jsejjaħ il-laqgħat tal-Kumitat tal-Komunità. Is-servizzi segretarjali tal-Kumitat tal-Komunità għandhom jiġu pprovduti mill-Kummissjoni. Il-Kumitat tal-Komunità għandu jistabbilixxi r-regoli ta’ proċedura tiegħu stess. Artikolu 22 1. Approprjazzjonijiet biex ikopru dawk l-ispejjeż tan-network ta’ informazzjoni li huma speċifikament attribwibbli għall-ħlas ta’ l-onorarji ta’ l-uffiċċji tal-kontabilità li jsiru wara li jiġu meqjusa t-twettiq tad-doveri tagħhom imsemmija fl-Artikoli 9 u 14 għandhom jiġu inkorporati fil-budget tal-Komunità, fit-taqsima dwar il-Kummissjoni. 2. L-ispejjeż li għandhom x’jaqsmu ma’ l-istabbiliment u l-operat tal-Kumitati Reġjonali u l-aġenziji intermedjarji m’għandhomx jiġu inklużi fil-budget tal-Komunità. Artikolu 23 Qabel l-1 ta’ Jannar ta’ l-1970, il-Kummissjoni għandha tagħti rapport sħiħ lill-Kunsill dwar l-operat tan-network ta’ informazzjoni, flimkien ma’ kwalunkwe proposta sabiex jiġi emendat dan ir-Regolament. Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussel, 15 ta’ Ġunju 1965. Għall-Kunsill Il-President M. Couve de Murville [1] ĠU Nru 157, 30.10.1963, p. 2653/63 -------------------------------------------------- ANNESS Lista tat-taqsimiet imsemmija fl-Artikolu 2 (d) IL-ĠERMANJA | 1.Schleswig-Holstein2.Niedersachsen3.Nordrhein-Westfalen4.Hessen5.Rheinland-Pfalz6.Baden-Württemberg7.Bayern8.Saarland9.Hamburg10.Bremen11.Berlin | FRANZA | 1.Nord, Picardie2.Basse-Normandie, Haute-Normandie3.Bretagne, pays de la Loire, Poitou-Charente4.Centre, Région parisienne5.Franche-Comté, Champagne, Bourgogne6.Lorraine, Alsace7.Limousin, Auvergne8.Rhône-Alpes9.Aquitaine, Midi-Pyrénées10.Languedoc, Provence-Côte d'Azur-Corse | 1. Piemonte, Valle d'Aosta | 1.Piemonte, Valle d'Aosta2.Lombardia3.Veneto, Trentino-Alto Adige, Friuli-Venezia Giulia4.Liguria5.Emilia-Romagna6.Toscana7.Umbria, Marche8.Lazio, Abruzzi9.Campania, Calabria, Molise10.Puglia, Basilicata11.Sqallija12.Sardenja | IL-BELĠJU | Jikkostitwixxi diviżjoni waħda | IL-LUSSEMBURGU | Jikkostitwixxi diviżjoni waħda | L-OLANDA | Tikkostitwixxi diviżjoni waħda | --------------------------------------------------