Official Journal 053 , 01/07/1962 P. 1571 - 1572
Finnish special edition: Chapter 3 Volume 1 P. 0031
Swedish special edition: Chapter 3 Volume 1 P. 0031
Danish special edition: Series I Chapter 1959-1962 P. 0178
English special edition: Series I Chapter 1959-1962 P. 0201
Spanish special edition: Chapter 08 Volume 1 P. 0051
Portuguese special edition Chapter 08 Volume 1 P. 0051
Ir-Regolament Nru 49 tal-Kunsill li jemenda d-data ta’ dħul fis-seħħ ta’ ċerti atti rigward il-politika agrikola komuni IL-KUNSILL TAL-KOMUNITÀ EKONOMIKA EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u partikolarment l-Artikoli 42, 43 u 44 ta’ dan it-Trattat, Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni, Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Parlament Ewropew, Billi r-Regolamenti tal-Kunsill Nri 19 sa 23, 25 u 26 li għandhom x’jaqsmu mal-politika agrikola komuni u d-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-prezzijiet minimi jistabilixxu li l-biċċa l-kbira tad-diżpożizzjonijiet tagħhom għandhom jibdew japplikaw mill-1 ta' Lulju 1962; Billi l-Istati Membri għandhom ikollhom perjodu raġjonevoli sabiex tkun possibbli l-applikazzjoni effettiva ta’ l-atti msemmija hawn fuq u tad-disposizzjonijiet implimentattivi adottati mill-Kunsill jew mill-Kummissjoni, li xi uħud minnhom setgħu biss jiġu addottati ftit qabel l-1 ta' Lulju 1962; Billi, b'danakollu, is-sena tas-suq għaċ-ċereali fil-Komunità tibda bl-eċċezzjoni tal- qamħirrum, madwar l-1 ta' Lulju; billi, fir-rigward tas-sena tas-suq 1962/63 jista jkun għalhekk meħtieġ li jittieħdu miżuri fuq is-suq intern mill-1 ta' Lulju 1962; ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT: L- Artikolu 1 1. Id-data ta' l-1 ta' Lulju 1962 għandha tiġi ssostitwita minn dik tat-30 ta' Lulju 1962 fl-: (a) L-Artikoli 23 u 29 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 19 dwar l-istabbiliment progressiv ta' l-organizzazjoni komuni tas-suq fiċ-ċereali; (b) L-Artikoli 17 u 23 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 20 dwar l-istabbiliment progressiv ta' l-organizzazjoni komuni tas-suq fil-laħam tal-majjal; (ċ) l-Artikoli 13, 14 u 20 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 21 dwar l-istabbiliment progressiv ta' l-organizzazjoni komuni tas-suq tal-bajd; (d) L-Artikoli 14 u 20 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 22 dwar l-istabbiliment progressiv ta' l-organizzazjoni komuni tas-suq tal-laħam tat-tjur; (e) L-Artikolu 2(3) u l-Artikolu 16 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 23 dwar l-istabbiliment progressiv ta' l-organizzazjoni komuni tas-suq tal-frott u l-ħxejjex; (f) L-Artikolu 8 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 25 dwar l-iffinanzjar tal-politika agrikola komuni; (g) L-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 26 dwar l-applikazzjoni ta' ċerti regoli tal-kompetizzjoni għall-produzzjoni, u l-kummerċ ta’ prodotti agrikoli; (h) L-Artikolu 11 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar prezzijiet minimi. 2. Id-data tat-30 ta' Ġunju 1962 għandha tiġi sostitwita minn dik tad-29 ta' Lulju 1962 fl-Artikolu 9(2)(a) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 23. 3. Madanakollu fl-applikazzjoni tar-Regolamenti tal-Kunsill Nri 19 sa 22, l-ewwel sena ta' l-implimentazzjoni tas-sistema ta’ l-imposti għandha titqies li tintemm fit-30 ta' Ġunju 1962. 4. Sa mill-1 ta' Lulju 1962 il-gvernijiet ta' l-Istati Membri għandhom jieħdu dawk il-passi kollha meħtieġa fir-rigward tas-suq intern sabiex jagħtu effett lid-diżposizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill Nru 19 dwar l-organizzazjoni komuni tas-suq fiċ-ċereali sa mit-30 ta' Lulju 1962. L- Artikolu 2 Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 1962. Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussel, fid-29 ta' Ġunju 1962. Għall-Kunsill Il-President M. Couve de Murville --------------------------------------------------