17.3.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 79/185


DEĊIŻJONI Nru 2/2022 TAL-KUMITAT KONĠUNT STABBILIT BIL-FTEHEM BEJN L-UNJONI EWROPEA U R-REPUBBLIKA TAL-MOLDOVA DWAR IT-TRASPORT TAL-MERKANZIJA BIT-TRIQ

tal-15 ta’ Diċembru 2022

fir-rigward tal-kontinwazzjoni tal-Ftehim [2023/604]

IL-KUMITAT KONĠUNT,

Wara li kkunsidra l-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Moldova dwar it-trasport tal-merkanzija bit-triq (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 6 tiegħu,

Billi:

(1)

Il-Kumitat Konġunt adotta r-Regoli ta’ Proċedura tiegħu bid-Deċiżjoni 1/2022 tiegħu tal-15 ta’ Diċembru 2022.

(2)

Kif stabbilit fl-Artikolu 5(1) tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Moldova dwar it-trasport tal-merkanzija bit-triq (minn hawn ’il quddiem “il-Ftehim”), il-Ftehim għandu japplika sal-31 ta’ Marzu 2023.

(3)

Kif stabbilit fl-Artikolu 6(2) tal-Ftehim, il-Kumitat Konġunt għandu jitlaqqa’ mhux iktar tard minn tliet xhur qabel l-iskadenza tal-Ftehim biex jivvaluta u jiddeċiedi dwar il-ħtieġa għall-kontinwazzjoni tal-Ftehim, inkluż id-durata tiegħu.

(4)

Il-monitoraġġ tal-Ftehim wera li pprovda benefiċċji f’termini ta’ kummerċ kemm għall-Unjoni Ewropea kif ukoll għar-Repubblika tal-Moldova, u li ż-żieda fis-servizzi tat-trasport bit-triq kienet ta’ benefiċċju wkoll għall-operaturi tat-trasport bit-triq taż-żewġ partijiet.

(5)

Il-Ftehim ippermetta lir-Repubblika tal-Moldova tibda tidderieġi mill-ġdid il-kummerċ tagħha lejn l-Unjoni Ewropea u għalhekk ikkontribwixxa għall-integrazzjoni progressiva tal-ekonomija tal-Moldova fl-ekonomija tal-Punent. Flimkien ma’ ftehim komparabbli dwar it-trasport bit-triq iffirmat mal-Ukrajna, dan iffaċilita wkoll l-esportazzjoni ta’ oġġetti tal-Ukrajna, u kkontribwixxa għall-Korsiji ta’ Solidarjetà.

(6)

L-estensjoni tal-Ftehim jenħtieġ li tinftiehem bħala ta’ kontribut ukoll għar-rikostruzzjoni tal-Ukrajna wara l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna.

(7)

Għalhekk, jixraq li l-Ftehim jiġi estiż sat-30 ta’ Ġunju 2024,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Kontinwazzjoni tal-Ftehim

Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Moldova dwar it-trasport tal-merkanzija bit-triq huwa b’dan estiż sat-30 ta’ Ġunju 2024.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Diċembru 2022.

Għall-Kumitat Konġunt

Il-Kopresidenti

Mircea PĂSCĂLUȚĂ

Kristian SCHMIDT


(1)   ĠU L 181, 7.7.2022, p. 4.