29.9.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 241/2


FTEHIM bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġappun dwar ċerti dispożizzjonijiet ta’ ftehimiet bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u l-Ġappun għas-servizzi tal-ajru

L-UNJONI EWROPEA u L-ĠAPPUN,

FILWAQT LI JINNUTAW li, skont id-dritt tal-Unjoni Ewropea, it-trasportaturi tal-ajru, li għandhom liċenzja operattiva valida maħruġa minn Stat Membru tal-Unjoni Ewropea u huma stabbiliti fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, għandhom id-dritt ta’ aċċess mhux diskriminatorju għar-rotot bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u pajjiżi terzi;

FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW il-ftehimiet bejn l-Unjoni Ewropea u ċerti pajjiżi terzi li jipprevedu l-possibbiltà għal tali pajjiżi terzi u ċ-ċittadini tagħhom li jiksbu s-sjieda u l-kontroll tat-trasportaturi tal-ajru mogħtija liċenzja f’konformità mad-dritt tal-Unjoni Ewropea;

FILWAQT LI JIRRIKONOXXU li l-konsistenza bejn il-dritt tal-Unjoni Ewropea u ċerti dispożizzjonijiet ta’ ftehimiet bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u l-Ġappun għas-servizzi tal-ajru ser tipprovdi bażi ġuridika soda għas-servizzi tal-ajru bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġappun, tippreserva l-kontinwità ta’ tali servizzi tal-ajru u tikkontribwixxi għall-iżvilupp ulterjuri tar-relazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġappun fil-qasam tat-trasport bl-ajru; u

FILWAQT LI JINNUTAW li mhuwiex l-iskop ta’ dan il-Ftehim li tiġi affettwata l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-ftehimiet eżistenti bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u l-Ġappun għas-servizzi tal-ajru li jikkonċernaw id-drittijiet tat-traffiku,

FTIEHMU KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Għall-iskopijiet ta’ dan il-Ftehim:

(a)

“Parti Kontraenti” tfisser parti kontraenti għal dan il-Ftehim;

(b)

“Stat Membru” tfisser Stat Membru tal-Unjoni Ewropea; u

(c)

“parti” tfisser parti kontraenti għall-ftehim rilevanti bejn Stat Membru u l-Ġappun għas-servizzi tal-ajru elenkati fl-Anness I.

Artikolu 2

1.   Id-dispożizzjonijiet fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu għandhom japplikaw minflok id-dispożizzjonijiet korrispondenti elenkati fl-Anness II-A.

2.

(a)

Kull parti tirriżerva d-dritt li żżomm jew tirrevoka l-privileġġi, id-drittijiet jew l-awtorizzazzjoni speċifikati fid-dispożizzjonijiet korrispondenti elenkati fl-Anness II-B fir-rigward ta’ linja tal-ajru ddeżinjata mill-parti l-oħra, jew li timponi dawk il-kundizzjonijiet li hija tqis meħtieġa fuq l-eżerċizzju mil-linja tal-ajru tal-privileġġi jew tad-drittijiet, jew fuq l-awtorizzazzjoni, fi kwalunkwe każ fejn tiġi ssodisfata waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

(i)

fil-każ ta’ linja tal-ajru ddeżinjata mill-parti li hija Stat Membru:

(A)

il-linja tal-ajru ma tkunx stabbilita fit-territorju ta’ dik il-parti jew ma jkollhiex liċenzja operattiva valida maħruġa minn Stat Membru f’konformità mad-dritt tal-Unjoni Ewropea;

(B)

il-kontroll regolatorju effettiv tal-linja tal-ajru ma jiġix eżerċitat jew ma jinżammx mill-Istat Membru responsabbli għall-ħruġ taċ-ċertifikat tal-operatur tal-ajru tiegħu, jew l-awtorità ajrunawtika rilevanti ma tiġix identifikata b’mod ċar fid-deżinjazzjoni;

(C)

is-sjieda maġġoritarja u l-kontroll effettiv tal-linja tal-ajru ma jkunux f’idejn l-Istati Membri jew l-Istati elenkati fl-Anness III, jew f’idejn iċ-ċittadini ta’ tali Stati;

(D)

il-linja tal-ajru ma jkollhiex il-post prinċipali tan-negozju tagħha fit-territorju tal-Istat Membru li mingħandu tkun irċeviet il-liċenzja operattiva tagħha;

(E)

il-linja tal-ajru tkun ingħatat permess operattiv skont ftehim bejn Stat Membru ieħor u l-Ġappun għal servizzi tal-ajru, u l-Ġappun jista’ juri li jkun qed jevita r-restrizzjonijiet fuq ir-rotot u l-kapaċità skont dak il-ftehim jekk jopera s-servizzi miftiehma skont il-ftehim bejn dik il-parti u l-Ġappun fuq rotta li tinkludi punt f’dak l-Istat Membru l-ieħor; jew

(F)

il-linja tal-ajru jkollha ċertifikat ta’ operatur tal-ajru maħruġ minn Stat Membru u ma jkun hemm l-ebda ftehim bejn dak l-Istat Membru u l-Ġappun għal servizzi tal-ajru u dak l-Istat Membru ma jkunx ta l-kunsens tiegħu għall-operat ta’ servizzi tal-ajru internazzjonali minn linja tal-ajru tal-Ġappun bejn dak l-Istat Membru u l-Ġappun; u

(ii)

fil-każ ta’ linja tal-ajru ddeżinjata mill-Ġappun, is-sjieda sostanzjali u l-kontroll effettiv tal-linja tal-ajru ma jkunux f’idejn il-Ġappun jew iċ-ċittadini tal-Ġappun.

(b)

Fl-eżerċizzju tad-dritt tiegħu skont dan il-paragrafu, u mingħajr preġudizzju għad-drittijiet tiegħu skont is-subparagrafi (a)(i)(E) u (F) ta’ dan il-paragrafu, il-Ġappun ma għandux jiddiskrimina bejn linji tal-ajru ddeżinjati mill-parti li hija Stat Membru, li s-sjieda maġġoritarja u l-kontroll effettiv tagħhom huma f’idejn l-Istati Membri jew l-Istati elenkati fl-Anness III, jew f’idejn iċ-ċittadini ta’ tali Stati, abbażi tas-sjieda u l-kontroll tagħhom.

Artikolu 3

1.   Ir-referenzi f’kull ftehim elenkat fl-Anness I għal-linji tal-ajru tal-Istat Membru li jkun parti għal dak il-ftehim għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal-linji tal-ajru ddeżinjati minn dak l-Istat Membru.

2.   Minbarra l-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, ir-referenza f’kull waħda mid-dispożizzjonijiet elenkati fl-Anness IV tal-ftehim rilevanti elenkat fl-Anness I għal-linji tal-ajru tal-Istat Membru li huwa parti għal dak il-ftehim għandhom jinftiehmu li jirreferu wkoll għal-linji tal-ajru ta’ dak l-Istat Membru li mhumiex iddeżinjati minn dak l-Istat Membru.

Artikolu 4

L-Annessi għal dan il-Ftehim għandhom jifformaw parti integrali minn dan il-Ftehim.

Artikolu 5

1.   Kull Parti Kontraenti tista’ f’kull ħin titlob konsultazzjonijiet mal-Parti Kontraenti l-oħra biex jiġi emendat dan il-Ftehim. Dawn il-konsultazzjonijiet għandhom jibdew fi żmien sittin jum mid-data tal-wasla ta’ talba bħal din.

2.   Dan il-Ftehim jista’ jiġi emendat bi ftehim bejn il-Partijiet Kontraenti u l-emendi għandhom jidħlu fis-seħħ bil-mod deskritt fl-Artikolu 6 ta’ dan il-Ftehim.

3.   Minkejja l-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, l-emendi relatati biss mal-Annessi jistgħu jsiru permezz ta’ skambju ta’ noti diplomatiċi bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tal-Ġappun, f’konformità mal-proċeduri domestiċi applikabbli tagħhom.

Artikolu 6

1.   Kull Parti Kontraenti għandha tibgħat permezz ta’ mezzi diplomatiċi lill-Parti Kontraenti l-oħra n-notifika li tikkonferma li l-proċeduri interni tagħha meħtieġa għad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim ikunu tlestew.

2.   Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tax-xahar ta’ wara d-data tal-wasla tal-aħħar notifika.

3.   In-notifika lill-Unjoni Ewropea f’konformità ma’ dan l-Artikolu għandha tintbagħat lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 7

1.   Fil-każ li ftehim elenkat fl-Anness I jintemm, id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim għandhom jieqfu japplikaw għal dak il-ftehim mid-data tat-terminazzjoni. Ir-referenzi f’dan il-Ftehim għall-ftehim mitmum għandhom jitqiesu nulli u bla effett minn dik id-data.

2.   Fil-każ li l-ftehimiet kollha elenkati fl-Anness I jintemmu, dan il-Ftehim għandu jintemm fid-data tat-terminazzjoni tal-aħħar ftehim.

Artikolu 8

1.   Dan il-Ftehim huwa mfassal f’żewġ kopji fil-lingwa Bulgara, Ċeka, Daniża, Estonjana, Finlandiża, Franċiża, Ġermaniża, Griega, Ingliża, Irlandiża, Kroata, Latvjana, Litwana, Maltija, Olandiża, Pollakka, Portugiża, Rumena, Slovakka, Slovena, Spanjola, Taljana, Ungeriża, Żvediża, u Ġappuniża, b’kull test ugwalment awtentiku.

2.   F’każ ta’ kwalunkwe diverġenza ta’ interpretazzjoni, għandha tingħata prevalenza lit-test fil-lingwa li fiha [ie nnegozjat il-Ftehim.

B’XHIEDA TA’ DAN, is-sottofirmatarji, awtorizzati kif meħtieġ għal dan il-għan, iffirmaw dan il-Ftehim.

Image 1

Image 2

Image 3


ANNESS I

Lista tal-ftehimiet imsemmija fl-Artikoli 1, 3 u 7 ta’ dan il-Ftehim

Il-ftehimiet bejn l-Istati Membri u l-Ġappun għas-servizzi tal-ajru, kif setgħu ġew emendati, li huma fis-seħħ fid-data tal-iffirmar ta’ dan il-Ftehim, huma kif ġej:

Ftehim bejn ir-Repubblika tal-Awstrija u l-Ġappun għas-Servizzi tal-Ajru, magħmul fi Vjenna fis-7 ta’ Marzu 1989 (“il-Ftehim Awstrija-Ġappun”);

Ftehim bejn il-Belġju u l-Ġappun għas-Servizzi tal-Ajru, magħmul f’Tokyo fl-20 ta’ Ġunju 1959 (“il-Ftehim Belġju-Ġappun”);

Ftehim bejn id-Danimarka u l-Ġappun għas-Servizzi tal-Ajru, magħmul f’Kopenħagen fis-26 ta’ Frar 1953 (“il-Ftehim Danimarka-Ġappun”);

Ftehim bejn ir-Repubblika tal-Finlandja u l-Ġappun għas-Servizzi tal-Ajru, magħmul f’Helsinki fit-23 ta’ Diċembru 1980 (“il-Ftehim Finlandja-Ġappun”);

Ftehim bejn Franza u l-Ġappun għas-Servizzi tal-Ajru magħmul f’Pariġi fis-17 ta’ Jannar 1956 (“il-Ftehim Franza-Ġappun”);

Ftehim bejn ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u l-Ġappun għas-Servizzi tal-Ajru, magħmul f’Bonn fit-18 ta’ Jannar 1961 (“il-Ftehim Ġermanja-Ġappun”);

Ftehim bejn ir-Renju tal-Greċja u l-Ġappun għas-Servizzi tal-Ajru, magħmul f’Ateni fit-12 ta’ Jannar 1973 (“il-Ftehim Greċja-Ġappun”);

Ftehim bejn il-Gvern tar-Repubblika tal-Ungerija u l-Gvern tal-Ġappun għas-Servizzi tal-Ajru, magħmul f’Budapest fit-23 ta’ Frar 1994 (“il-Ftehim Ungerija-Ġappun”);

Ftehim bejn l-Italja u l-Ġappun għas-Servizzi tal-Ajru, magħmul f’Tokyo fil-31 ta’ Jannar 1962 (“il-Ftehim Italja-Ġappun”);

Ftehim bejn ir-Renju tan-Netherlands u l-Ġappun għas-Servizzi tal-Ajru, magħmul f’The Hague fis-17 ta’ Frar 1953 (“il-Ftehim Netherlands-Ġappun”);

Ftehim bejn il-Gvern tar-Repubblika tal-Polonja u l-Gvern tal-Ġappun għas-Servizzi tal-Ajru, magħmul f’Tokyo fis-7 ta’ Diċembru 1994 (“il-Ftehim Polonja-Ġappun”);

Ftehim bejn Spanja u l-Ġappun għas-Servizzi tal-Ajru, magħmul f’Madrid fit-18 ta’ Marzu 1980 (“il-Ftehim Spanja-Ġappun”); u

Ftehim bejn l-Iżvezja u l-Ġappun għas-Servizzi tal-Ajru, magħmul f’Stokkolma fl-20 ta’ Frar 1953 (“il-Ftehim Żvezja-Ġappun”).


ANNESS II-A

Lista ta’ dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2(1) ta’ dan il-Ftehim

L-Artikolu 7(1) tal-Ftehim Awstrija-Ġappun;

L-Artikolu 6(1) tal-Ftehim Belġju-Ġappun;

L-Artikolu 7(1) tal-Ftehim Danimarka-Ġappun;

L-Artikolu 7(1) tal-Ftehim Finlandja-Ġappun;

L-Artikolu 6(1) tal-Ftehim Franza-Ġappun;

L-Artikolu 3(4) u t-tieni sentenza tal-Artikolu 4 tal-Ftehim Ġermanja-Ġappun;

L-Artikolu 7(1) tal-Ftehim Greċja-Ġappun;

L-Artikolu 7(1) tal-Ftehim Ungerija-Ġappun;

L-Artikolu 6(1) tal-Ftehim Italja-Ġappun;

L-Artikolu 7(1) tal-Ftehim Netherlands-Ġappun;

L-Artikolu 7(1) tal-Ftehim Polonja-Ġappun;

L-Artikolu 9(1) tal-Ftehim Spanja-Ġappun;

L-Artikolu 7(1) tal-Ftehim Żvezja-Ġappun.


ANNESS II-B

Lista ta’ dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2(2) ta’ dan il-Ftehim

L-Artikolu 4(1) u (2) tal-Ftehim Awstrija-Ġappun;

L-Artikolu 4(1) tal-Ftehim Belġju-Ġappun;

L-Artikolu 5(1) tal-Ftehim Danimarka-Ġappun;

L-Artikolu 4(1) u (2) tal-Ftehim Finlandja-Ġappun;

L-Artikolu 4(1) tal-Ftehim Franza-Ġappun;

L-Artikolu 3(2) tal-Ftehim Ġermanja-Ġappun;

L-Artikolu 4(1) tal-Ftehim Greċja-Ġappun;

L-Artikolu 4(1) u (2) tal-Ftehim Ungerija-Ġappun;

L-Artikolu 4(1) tal-Ftehim Italja-Ġappun;

L-Artikolu 5(1) tal-Ftehim Netherlands-Ġappun;

L-Artikolu 4(1) u (2) tal-Ftehim Polonja-Ġappun;

L-Artikolu 4(1) tal-Ftehim Spanja-Ġappun;

L-Artikolu 5(1) tal-Ftehim Żvezja-Ġappun.


ANNESS III

Lista ta’ Stati imsemmija fl-Artikolu 2(2) ta’ dan il-Ftehim

L-Iżlanda (skont il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea);

Il-Prinċipat tal-Liechtenstein (skont il-Ftehim taż-Żona Ekonomika Ewropea);

Ir-Renju tan-Norveġja (skont il-Ftehim taż-Żona Ekonomika Ewropea);

Il-Konfederazzjoni Żvizzera (skont il-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera).


ANNESS IV

Lista ta’ dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 3(2) ta’ dan il-Ftehim

L-Artikolu 4(1), l-Artikolu 5 u l-Artikolu 13(3) u (4) tal-Ftehim Awstrija-Ġappun;

L-Artikolu 5(1) u (2) tal-Ftehim Belġju-Ġappun;

L-Artikolu 6(1) u (2) u l-Artikolu 8 tal-Ftehim Danimarka-Ġappun;

L-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 5 tal-Ftehim Finlandja-Ġappun;

L-Artikolu 5(1) u (2) u l-Artikolu 7 tal-Ftehim Franza-Ġappun;

L-Artikoli 5 u 6 tal-Ftehim Ġermanja-Ġappun;

L-Artikolu 4(1), l-Artikolu 5 u l-Artikolu 13(3) u (4) tal-Ftehim Ungerija-Ġappun;

L-Artikolu 6(1) u (2) u l-Artikolu 8 tal-Ftehim Netherlands-Ġappun;

L-Artikolu 4(1), l-Artikolu 5 u l-Artikolu 13(3) u (4) tal-Ftehim Polonja-Ġappun;

L-Artikolu 6(1) u (2) u l-Artikolu 8 tal-Ftehim Żvezja-Ġappun.