30.5.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 140/4


Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Montenegro dwar attivitajiet operazzjonali mwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fil-Montenegro

L-UNJONI EWROPEA,

u

L-MONTENEGRO,

minn hawn ’il quddiem individwalment imsejħa “Parti” u kollettivament bħala l-“Partijiet”,

BILLI jistgħu jinħolqu sitwazzjonijiet fejn l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (“l-Aġenzija”) tikkoordina kooperazzjoni operazzjonali bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u l-Montenegro, inkluż fit-territorju tal-Montenegro,

BILLI jenħtieġ li jiġi stabbilit qafas legali fil-forma ta’ ftehim dwar l-istatus għal sitwazzjonijiet meta l-membri tat-tim skjerati mill-Aġenzija se jkollhom setgħat eżekuttivi fit-territorju tal-Montenegro,

BILLI l-ftehim dwar l-istatus jista’ jipprevedi l-istabbiliment mill-Aġenzija ta’ uffiċċji antenna fit-territorju tal-Montenegro biex tiġi ffaċilitata u mtejba l-koordinazzjoni tal-attivitajiet operazzjonali u biex tiġi żgurata l-ġestjoni effettiva tar-riżorsi umani u tekniċi tal-Aġenzija,

FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW il-livell għoli ta’ protezzjoni tad-data personali fil-Montenegro u fl-Unjoni Ewropea,

FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW li l-Montenegro rratifika l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa Nru 108 tat-28 ta’ Jannar 1981 għall-Protezzjoni ta’ Individwi fir-rigward tal-Ipproċessar Awtomatiku ta’ Data Personali u l-Protokoll addizzjonali tagħha,

FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW li r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipji demokratiċi huma prinċipji fundamentali li jirregolaw il-kooperazzjoni bejn il-Partijiet,

FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW li l-Montenegro rratifika l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali tal-4 ta’ Novembru 1950, u li d-drittijiet li jinsabu fiha jikkorrispondu ma’ dawk fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW li l-attivitajiet operazzjonali kollha tal-Aġenzija fit-territorju tal-Montenegro jenħtieġ li jirrispettaw bis-sħiħ id-drittijiet fundamentali u l-ftehimiet internazzjonali li għalihom l-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri tagħha u/jew il-Montenegro huma parti,

FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW li l-persuni kollha li jipparteċipaw f’attività operazzjonali jkunu obbligati jżommu l-ogħla standards ta’ integrità, kondotta etika u professjonaliżmu, kif ukoll rispett għad-drittijiet fundamentali, u li jissodisfaw l-obbligi imposti fuqhom mid-dispożizzjonijiet tal-pjan operazzjonali u l-kodiċi ta’ kondotta tal-Aġenzija,

IDDEĊIDEW LI JIKKONKLUDU DAN IL-FTEHIM:

ARTIKOLU 1

Kamp ta’ applikazzjoni

1.   Dan il-Ftehim jirregola l-kwistjonijiet kollha meħtieġa għall-iskjerament ta’ timijiet tal-ġestjoni tal-fruntieri mill-korp permanenti tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta għall-Montenegro fejn il-membri tat-tim jistgħu jeżerċitaw setgħat eżekuttivi.

2.   L-iskjerament imsemmi fil-paragrafu 1 jista’ jsir fit-territorju tal-Montenegro.

Soġġett għall-obbligi tal-Partijiet skont il-liġi tal-baħar, b’mod partikolari l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar tal-1982, l-attivitajiet operattivi jistgħu jsiru wkoll fiż-żona ekonomika esklussiva tal-Montenegro. L-attivitajiet operazzjonali implimentati skont dan il-Ftehim ma għandhomx jaffettwaw l-obbligi ta’ tiftix u salvataġġ li jirriżultaw mil-liġi tal-baħar, b’mod partikolari l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1982 dwar il-Liġi tal-Baħar, il-Konvenzjoni Internazzjonali tal-1974 għas-Salvagwardja tal-Ħajja Umana fuq il-Baħar u l-Konvenzjoni Internazzjonali tal-1979 dwar it-Tfittxija u s-Salvataġġ Marittimi.

3.   L-istatus u d-delimitazzjoni taħt il-liġi internazzjonali fit-territorji rispettivi tal-Istati Membri u l-Montenegro bl-ebda mod mhuma affettwati la minn dan il-Ftehim u lanqas minn kwalunkwe att imwettaq fl-implimentazzjoni tiegħu mill-Partijiet jew f’isimhom, inkluż l-istabbiliment ta’ pjanijiet operazzjonali jew parteċipazzjoni f’operazzjonijiet transfruntiera.

ARTIKOLU 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“Aġenzija” tfisser l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta stabbilita bir-Regolament (UE) 2019/1896 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) jew kwalunkwe emenda għalih;

(2)

“attività operazzjonali” tfisser operazzjoni konġunta jew intervent rapidu fil-fruntiera;

(3)

“kontroll fuq il-fruntiera” tfisser l-attività mwettqa fuq fruntiera, skont u għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim, bħala risposta esklussivament għal xi intenzjoni ta’ qsim jew l-att ta’ qsim ta’ dik il-fruntiera, irrispettivament minn kwalunkwe konsiderazzjoni oħra, li tikkonsisti f’verifiki fuq il-fruntiera, sorveljanza fuq il-fruntiera u valutazzjoni tat-theddid għas-sigurtà interna tal-fruntiera tal-istat;

(4)

“Setgħat eżekuttivi” tfisser is-setgħat meħtieġa biex jitwettqu l-kompiti meħtieġa għall-kontroll tal-fruntieri li jitwettqu fit-territorju tal-Montenegro matul attività operazzjonali kif previst fil-pjan operazzjonali;

(5)

Pjan operazzjonali” tfisser pjan li abbażi tiegħu jitwettqu attivitajiet operazzjonali kif previst fl-Artikoli 38 u 74 tar-Regolament (UE) 2019/1896;

(6)

“korp permanenti tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta” tfisser il-korp permanenti tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta previst fl-Artikolu 54 tar-Regolament (UE) 2019/1896;

(7)

“timijiet tal-ġestjoni tal-fruntieri” tfisser timijiet iffurmati mill-korp permanenti tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta li għandhom jiġu skjerati tul operazzjonijiet konġunti fil-fruntieri esterni u interventi rapidi fil-fruntieri esterni fl-Istati Membri u f’pajjiżi terzi;

(8)

“forum konsultattiv” tfisser il-korp konsultattiv stabbilit mill-Aġenzija skont l-Artikolu 108 tar-Regolament (UE) 2019/1896;

(9)

“EUROSUR” tfisser il-qafas għall-iskambju ta’ informazzjoni u kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Aġenzija;

(10)

“monitoraġġ tad-drittijiet fundamentali” tfisser monitoraġġ tad-drittijiet fundamentali kif previst fl-Artikolu 110 tar-Regolament (UE) 2019/1896;

(11)

"Stat Membru ta’ oriġini" tfisser l-Istat Membru li minnu l-membru tal-persunal jiġi stazzjonat jew issekondat fil-korp permanenti tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta;

(12)

“inċident” tfisser sitwazzjoni marbuta ma’ immigrazzjoni illegali, kriminalità transfruntiera jew riskju għall-ħajjiet ta’ migranti fil-fruntieri esterni tal-Unjoni Ewropea jew tal-Montenegro, matulhom jew qribhom;

(13)

“operazzjoni konġunta” tfisser azzjoni kkoordinata jew organizzata mill-Aġenzija biex tappoġġa lill-awtoritajiet nazzjonali tal-Montenegro responsabbli għall-kontroll tal-fruntieri bil-għan li jiġu indirizzati sfidi bħall-immigrazzjoni irregulari, theddid preżenti jew futur fil-fruntieri tal-Montenegro jew kriminalità transfruntiera, jew li għandha l-għan li tipprovdi aktar assistenza teknika u operazzjonali għall-kontroll ta’ dawk il-fruntieri;

(14)

“membru tat-tim” tfisser membru tal-korp permanenti tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta skjerat permezz ta’ tim tal-ġestjoni tal-fruntieri biex jipparteċipa f’attività operazzjonali;

(15)

“Stat Membru” tfisser Stat Membru tal-Unjoni Ewropea;

(16)

“żona operazzjonali” tfisser iż-żona ġeografika fejn għandha ssir attività operazzjonali;

(17)

“Stat Membru parteċipanti” tfisser Stat Membru li jipparteċipa f’attività operazzjonali, billi jipprovdi tagħmir tekniku jew persunal tal-korp permanenti tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta;

(18)

data personali” tfisser kwalunkwe informazzjoni relatata ma’ persuna fiżika identifikata jew identifikabbli (“suġġett tad-data”); persuna fiżika identifikabbli hija persuna li tista’ tiġi identifikata, direttament jew indirettament, b’mod partikolari b’referenza għal mezz ta’ identifikazzjoni bħal isem, numru ta’ identifikazzjoni, data ta’ lokalizzazzjoni jew identifikatur online, jew b’referenza għal fattur wieħed jew aktar speċifiċi għall-identità fiżika, fiżjoloġika, ġenetika, mentali, ekonomika, kulturali jew soċjali ta’ dik il-persuna fiżika;

(19)

“intervent rapidu fil-fruntiera” tfisser azzjoni mmirata biex twieġeb għal sitwazzjoni ta’ sfida speċifika u sproporzjonata fil-fruntieri tal-Montenegro billi jiġu skjerati timijiet tal-ġestjoni tal-fruntieri fit-territorju tal-Montenegro għal perjodu limitat ta’ żmien biex jitwettqu kontrolli fuq il-fruntieri flimkien mal-awtoritajiet nazzjonali tal-Montenegro responsabbli għall-kontroll tal-fruntieri;

(20)

“persunal statutorju” tfisser persunal impjegat mill-Aġenzija f’konformità mar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg Applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni stipulati fir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 (2).

ARTIKOLU 3

It-Tnedija ta’ attivitajiet operazzjonali

1.   Attività operazzjonali skont dan il-Ftehim għandha titnieda permezz ta’ deċiżjoni bil-miktub tad-direttur eżekuttiv tal-Aġenzija (“id-direttur eżekuttiv”) fuq talba bil-miktub tal-awtoritajiet kompetenti tal-Montenegro. Tali talba għandha tinkludi deskrizzjoni tas-sitwazzjoni, l-għanijiet possibbli u l-ħtiġijiet previsti, u l-profili tal-persunal meħtieġa, inkluż dak il-persunal li jkollu setgħat eżekuttivi, kif applikabbli.

2.   Jekk id-direttur eżekuttiv iqis li l-attività operazzjonali mitluba x’aktarx tinvolvi jew twassal għal ksur tad-drittijiet fundamentali jew tal-obbligi ta’ protezzjoni internazzjonali li huwa serju jew persistenti, id-direttur eżekuttiv ma għandux iniedi l-attività operazzjonali.

3.   Jekk, wara li jirċievi talba skont il-paragrafu 1, id-direttur eżekuttiv jqis li tkun meħtieġa aktar informazzjoni sabiex jiddeċiedi jekk jibdiex attività operazzjonali, huwa jista’ jitlob aktar informazzjoni jew jawtorizza lill-esperti tal-Aġenzija jivvjaġġaw lejn il-Montenegro biex jivvalutaw is-sitwazzjoni hemmhekk. Il-Montenegro għandu jiffaċilita dan l-ivvjaġġar.

4.   Id-direttur eżekuttiv għandu jiddeċiedi li ma jnedix attività operazzjonali jekk huwa jqis li jkun hemm kawża ġustifikata li tissospendiha jew titterminaha skont l-Artikolu 18.

ARTIKOLU 4

Pjan operazzjonali

1.   Għandu jintlaħaq qbil dwar pjan operazzjonali għal kull attività operazzjonali bejn l-Aġenzija u l-Montenegro f’konformità mal-Artikoli 38 u 74 tar-Regolament (UE) 2019/1896. Il-pjan operazzjonali għandu jorbot lill-Aġenzija, lill-Montenegro u lill-Istati Membri parteċipanti.

2.   Il-pjan operazzjonali għandu jistabbilixxi fid-dettall l-aspetti organizzattivi u proċedurali tal-attività operazzjonali, inklużi:

(a)

deskrizzjoni tas-sitwazzjoni, bil-modus operandi u l-għanijiet tal-użu, inkluż l-għan operazzjonali;

(b)

iż-żmien previst li l-attività operazzjonali se tieħu biex tilħaq l-objettivi tagħha;

(c)

iż-żona ta’ operazzjoni;

(d)

deskrizzjoni dettaljata tal-kompiti li għandhom jitwettqu fl-eżerċizzju tal-funzjoni uffiċjali, inkluż dawk li jirrikjedu setgħat eżekuttivi, tar-responsabbiltajiet, inkluż fir-rigward tar-rispett tad-drittijiet fundamentali u rekwiżit tal-protezzjoni tad-data, u tal-istruzzjonijiet speċjali għat-timijiet tal-ġestjoni tal-fruntieri, inkluż dwar il-konsultazzjoni permessa ta’ bażijiet tad-data u l-armi tas-servizz, il-munizzjon u t-tagħmir permessi fil-Montenegro;

(e)

il-kompożizzjoni tat-tim tal-ġestjoni tal-fruntieri kif ukoll l-iskjerament ta’ persunal rilevanti ieħor/u l-preżenza ta’ membri oħra tal-persunal statutorju, inklużi osservaturi tad-drittijiet fundamentali;

(f)

dispożizzjonijiet ta’ kmand u kontroll, inklużi l-ismijiet u l-gradi tal-pulizija tal-fruntieri jew persunal rilevanti ieħor tal-Montenegro responsabbli għall-kooperazzjoni mal-membri tat-tim u l-Aġenzija, b’mod partikolari l-ismijiet u l-gradi ta’ dawk il-pulizija tal-fruntieri jew persunal rilevanti ieħor li għandhom il-kmand waqt il-perjodu tal-iskjerament, u post il-membri tat-tim fil-katina tal-kmand;

(g)

it-tagħmir tekniku li se jintuża matul l-attività operazzjonali, inkluż ir-rekwiżiti speċifiċi bħal pereżempju l-kundizzjonijiet għall-użu, l-ekwipaġġ meħtieġ, it-trasport u loġistika oħra, u dispożizzjonijiet finanzjarji;

(h)

dispożizzjonijiet dettaljati dwar ir-rappurtar ta’ inċidenti immedjati mill-Aġenzija lill-bord maniġerjali u lill-awtoritajiet rilevanti tal-Istati Membri parteċipanti u tal-Montenegro ta’ kwalunkwe inċident li jiltaqa’ miegħu matul attività operazzjonali mwettqa skont dan il-Ftehim;

(i)

skema ta’ rapportar u evalwazzjoni li jkollha punti ta’ riferiment għar-rapport ta’ evalwazzjoni, inkluż fir-rigward tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, u d-data finali għas-sottomissjoni tar-rapport ta’ evalwazzjoni finali;

(j)

fir-rigward ta’ operazzjonijiet fuq il-baħar, informazzjoni speċifika dwar l-applikazzjoni tal-ġurisdizzjoni rilevanti u l-liġi applikabbli fiż-żona operazzjonali, inklużi referenzi għal-liġi internazzjonali, tal-Unjoni Ewropea u nazzjonali fir-rigward tal-interċettazzjoni, is-salvataġġ fuq il-baħar u l-iżbark;

(k)

it-termini ta’ kooperazzjoni ma’ korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni Ewropea għajr l-Aġenzija, pajjiżi terzi oħra jew organizzazzjonijiet internazzjonali;

(l)

struzzjonijiet ġenerali dwar kif tiġi żgurata s-salvagwardja tad-drittijiet fundamentali matul l-attività operazzjonali inkluż il-protezzjoni tad-data personali u l-obbligi li jirriżultaw mill-istrumenti internazzjonali applikabbli tad-drittijiet tal-bniedem;

(m)

proċeduri li bihom persuni li jeħtieġu protezzjoni internazzjonali, vittmi tat-traffikar ta’ bnedmin, minorenni mhux akkumpanjati u persuni oħra f’sitwazzjonijiet vulnerabbli jiġu ggwidati lejn l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għal assistenza xierqa;

(n)

proċeduri li jistabbilixxu mekkaniżmu biex jirċievu u jittrażmettu lill-Aġenzija u lill-Montenegro ilmenti (inklużi dawk imressqa skont l-Artikolu 8(5)) kontra kwalunkwe persuna li tipparteċipa f’attività operazzjonali, inkluż pulizija tal-fruntiera jew persunal rilevanti ieħor tal-Montenegro u membri tat-tim, li jallegaw ksur tad-drittijiet fundamentali fil-kuntest tal-parteċipazzjoni tagħhom f’attività operazzjonali tal-Aġenzija;

(o)

arranġamenti loġistiċi inkluż l-informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-ambjent taż-żoni li fiha għandha sseħħ l-attività operazzjonali; kif ukoll

(p)

dispożizzjonijiet li jikkonċernaw uffiċċju antenna, kif stabbilit skont l-Artikolu 6.

3.   Il-pjan operazzjonali u kwalunkwe emenda għalih jew adattamenti tiegħu għandhom ikunu soġġetti għall-ftehim tal-Aġenzija, il-Montenegro u kwalunkwe Stati Membri ġirien tal-Montenegro jew li jmissu maż-żona ta’ operazzjoni, wara konsultazzjoni mal-Istati Membri parteċipanti. L-Aġenzija għandha tikkoordina mal-Istati Membri rilevanti sabiex tikkonferma l-ftehim tagħhom.

4.   L-iskambju ta’ informazzjoni u l-kooperazzjoni operazzjonali għall-finijiet tal-EUROSUR għandhom isiru f’konformità mar-regoli għall-istabbiliment u l-kondiviżjoni tal-istampi tas-sitwazzjoni speċifiċi li għandhom jiġu stabbiliti fil-pjan operazzjonali għall-attività operazzjonali kkonċernata.

5.   L-evalwazzjoni tal-attività operazzjonali skont il-paragrafu 2, punt (i), għandha titwettaq bi sħab mill-Montenegro u l-Aġenzija.

6.   It-termini tal-kooperazzjoni mal-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni Ewropea f’konformità mal-paragrafu 2, punt (k), għandhom jitwettqu f’konformità mal-mandati rispettivi tagħhom u skont ir-riżorsi disponibbli.

ARTIKOLU 5

Rappurtar ta’ inċidenti

1.   L-Aġenzija u l-Ministeru tal-Intern - id-Direttorat tal-Pulizija tal-Montenegro kull wieħed għandu jkollhom mekkaniżmu ta’ rapportar tal-inċidenti li jippermetti r-rapportar f’waqtu ta’ kwalunkwe inċident li jiltaqa’ miegħu matul attività operazzjonali mwettqa skont dan il-Ftehim.

2.   L-Aġenzija u l-Montenegro għandhom jassistu lil xulxin fit-twettiq tal-inkjesti u l-investigazzjonijiet kollha meħtieġa dwar kwalunkwe inċident irrapportat permezz tal-mekkaniżmu msemmi fil-paragrafu 1, bħall-identifikazzjoni ta’ xhieda u l-ġbir u l-produzzjoni ta’ evidenza, inklużi talbiet biex jinkisbu u, jekk ikun xieraq, jingħataw oġġetti konnessi ma’ inċident irrapportat. L-għoti ta’ tali oġġetti jista’ jkun soġġett għar-ritorn tagħhom fit-termini speċifikati mill-awtorità kompetenti li twassalhom.

ARTIKOLU 6

Uffiċċji antenna

1.   L-Aġenzija tista’ tistabbilixxi uffiċċji antenna fit-territorju tal-Montenegro biex tiffaċilita u ttejjeb il-koordinazzjoni tal-attivitajiet operazzjonali u biex tiżgura l-ġestjoni effettiva tar-riżorsi umani u tekniċi tal-Aġenzija. Il-post tal-uffiċċju antenna għandu jiġi stabbilit mill-Aġenzija, wara konsultazzjoni mal-awtoritajiet rilevanti tal-Montenegro.

2.   L-uffiċċji antenna għandhom jiġu stabbiliti skont il-ħtiġijiet operazzjonali u jibqgħu operazzjonali għall-perjodu ta’ żmien meħtieġ biex l-Aġenzija twettaq attivitajiet operazzjonali fil-Montenegro u fir-reġjun ġar. Soġġett għall-qbil tal-Montenegro, dak il-perjodu ta’ żmien jista’ jiġi estiż mill-Aġenzija.

3.   Kull uffiċċju antenna għandu jkun ġestit minn rappreżentant tal-Aġenzija, maħtur mid-direttur eżekuttiv bħala kap tal-uffiċċju antenna, li għandu jissorvelja l-ħidma ġenerali tal-uffiċċju.

4.   L-uffiċċji antenna għandhom, fejn applikabbli:

(a)

jipprovdu appoġġ operazzjonali u loġistiku u jiżguraw il-koordinazzjoni tal-attivitajiet tal-Aġenzija fiż-żoni ta’ operazzjonijiet ikkonċernati;

(b

jipprovdu appoġġ operazzjonali lill-Montenegro fiż-żoni ta’ operazzjonijiet ikkonċernati;

(c)

jimmonitorjaw l-attivitajiet tat-timijiet tal-ġestjoni tal-fruntieri u jirrapportaw regolarment lill-kwartieri ġenerali tal-Aġenzija;

(d)

jikkooperaw mal-Montenegro dwar il-kwistjonijiet kollha relatati mal-implimentazzjoni prattika tal-attivitajiet operazzjonali organizzati mill-Aġenzija fil-Montenegro, inkluża kwalunkwe kwistjoni addizzjonali li setgħet qamet matul dawk l-attivitajiet;

(e)

jappoġġaw lill-uffiċjal ta’ koordinazzjoni fil-kooperazzjoni tiegħu mal-Montenegro dwar il-kwistjonijiet kollha relatati mal-kontribuzzjoni tagħhom għal attivitajiet operazzjonali organizzati mill-Aġenzija u, fejn meħtieġ, jikkoordinaw mal-kwartieri ġenerali tal-Aġenzija;

(f)

jappoġġaw lill-uffiċjal ta’ koordinazzjoni u lill-osservatur(i) tad-drittijiet fundamentali inkarigat(i) mill-monitoraġġ ta’ attività operazzjonali, biex, fejn meħtieġ, jiffaċilitaw il-koordinazzjoni u l-komunikazzjoni bejn it-timijiet tal-ġestjoni tal-fruntieri u l-awtoritajiet rilevanti tal-Montenegro, kif ukoll kwalunkwe kompitu rilevanti;

(g)

jorganizzaw appoġġ loġistiku relatat mal-istazzjonament tal-membri tat-tim u mal-iskjerament u l-użu tat-tagħmir tekniku;

(h)

jipprovdu kwalunkwe appoġġ loġistiku ieħor rigward iż-żona ta’ operazzjonijiet li għaliha jkun responsabbli uffiċċju antenna partikolari, bil-ħsieb li jiffaċilitaw it-tmexxija bla xkiel tal-attivitajiet operazzjonali organizzati mill-Aġenzija;

(i)

jiżguraw il-ġestjoni effettiva tat-tagħmir tal-Aġenzija stess fl-oqsma koperti mill-attivitajiet tagħha, inklużi r-reġistrazzjoni possibbli u l-manutenzjoni fit-tul ta’ dak it-tagħmir u kwalunkwe appoġġ loġistiku meħtieġ; kif ukoll

(j)

jappoġġa persunal ieħor u/jew attivitajiet tal-Aġenzija fil-Montenegro kif miftiehem bejn l-Aġenzija u l-Montenegro.

5.   L-Aġenzija u l-Montenegro għandhom jagħmlu l-arranġamenti għat-twettiq tal-kompiti assenjati lill-uffiċċju/i antenna/i.

6.   Il-Montenegro għandu jipprovdi assistenza lill-Aġenzija biex tiżgura l-kapaċità operazzjonali tal-uffiċċju/i antenna. Aktar dettalji għandhom jiġu stabbiliti f’arranġament separat bejn il-Montenegro u l-Aġenzija.

ARTIKOLU 7

Uffiċjal ta’ koordinazzjoni

1.   Mingħajr preġudizzju għar-rwol tal-uffiċċji antenna kif deskritt fl-Artikolu 6, id-direttur eżekuttiv għandu jaħtar espert wieħed jew aktar mill-persunal statutorju biex jiġi skjerat bħala uffiċjal(i) ta’ koordinazzjoni għal kull attività operazzjonali. Id-direttur eżekuttiv għandu jinnotifika lill-Montenegro b’tali ħatra.

2.   Ir-rwol tal-uffiċjal ta’ koordinazzjoni għandu jkun li:

(a)

jaġixxi bħala interfaċċa bejn l-Aġenzija, il-Montenegro u l-membri tat-tim, billi jipprovdi assistenza, f’isem l-Aġenzija, fuq il-kwistjonijiet kollha marbuta mal-kundizzjonijiet tal-iskjerament, lit-timijiet tal-ġestjoni tal-fruntieri;

(b)

jissorvelja l-implimentazzjoni korretta tal-pjan operazzjonali, inkluż, f’kooperazzjoni mal-osservatur(i) tad-drittijiet fundamentali, fir-rigward tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali u jirrapporta lid-direttur eżekuttiv dwar dan;

(c)

jaġixxi f’isem l-Aġenzija fl-aspetti kollha tal-iskjerament tat-timijiet tal-ġestjoni tal-fruntieri u jirrapporta lill-Aġenzija dwar dawk l-aspetti kollha; kif ukoll

(d)

irawwem il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni bejn il-Montenegro u l-Istati Membri parteċipanti.

3.   Fil-kuntest ta’ attivitajiet operazzjonali, id-direttur eżekuttiv jista’ jawtorizza lill-uffiċjal ta’ koordinazzjoni li jassisti ħalli jsolvi kwalunkwe nuqqas ta’ qbil dwar it-twettiq tal-pjan operazzjonali u l-iskjerament tat-timijiet.

4.   Il-Montenegro għandha toħroġ biss struzzjonijiet li jkunu konformi mal-pjan operazzjonali lill-membri tat-tim. Jekk l-uffiċjal ta’ koordinazzjoni jqis li l-istruzzjonijiet maħruġa lill-membri tat-tim ma jkunux konformi mal-pjan operazzjonali jew mal-obbligi legali applikabbli, huwa għandu jikkomunika dan minnufih lill-uffiċjali tal-Montenegro li jwettqu rwol ta’ koordinazzjoni u lid-direttur eżekuttiv. Id-direttur eżekuttiv jista’ jieħu miżuri xierqa, inkluż is-sospensjoni jew it-terminazzjoni tal-attività operazzjonali, f’konformità mal-Artikolu 18.

ARTIKOLU 8

Drittijiet fundamentali

1.   Fit-twettiq tal-obbligi tagħhom skont dan il-Ftehim, il-Partijiet jimpenjaw ruħhom li jaġixxu f’konformità mal-istrumenti kollha applikabbli dwar id-drittijiet tal-bniedem, inklużi l-Konvenzjoni tal-1950 tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1951 dwar l-Istatus tar-Refuġjati u l-Protokoll tal-1967 tagħha, il-Konvenzjoni Internazzjonali tal-1965 tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom Kollha ta’ Diskriminazzjoni Razzjali, il-Konvenzjoni Internazzjonali tal-1966 tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, il-Konvenzjoni tal-1979 tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Eliminazzjoni ta’ Kull Forma ta’ Diskriminazzjoni kontra n-Nisa, il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra t-Tortura u Trattamenti jew Pieni Oħra Krudili, Inumani jew Degradanti tal-1984, il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1989 dwar id-Drittijiet tat-Tfal, il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-2006 dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

2.   Il-membri tat-tim għandhom, fit-twettiq tal-kompiti tagħhom u fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħhom, iħarsu b’mod sħiħ id-drittijiet fundamentali, fosthom l-aċċess għall-proċeduri tal-asil, u d-dinjità umana u għandhom jagħtu attenzjoni partikolari lil persuni vulnerabbli. Kwalunkwe miżura meħuda fit-twettiq tal-kompiti tagħhom u fl-eżerċizzju tal-poteri għandha tkun proporzjonata għall-finijiet ta’ tali miżuri. Waqt it-twettiq tal-kompiti tagħhom u fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħhom, ma għandhomx jiddiskriminaw kontra persuni fuq il-bażi ta’ raġunijiet bħal sess, razza, kulur, oriġini etnika jew soċjali, karatteristiċi ġenetiċi, ilsien, reliġjon jew twemmin, opinjoni politika jew opinjoni oħra, sħubija f’minoranza nazzjonali, proprjetà, twelid, diżabbiltà, età jew orjentazzjoni sesswali, f’konformità mal-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

Miżuri li jinterferixxu mad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali jistgħu jittieħdu minn membri tat-tim fit-twettiq tal-kompiti tagħhom jew fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħhom meta jkun meħtieġ biss u proporzjonat għall-objettivi segwiti minn tali miżuri u jridu jirrispettaw l-essenza ta’ dawk id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali f’konformità mal-liġi internazzjonali, tal-Unjoni Ewropea u nazzjonali applikabbli.

Din id-dispożizzjoni għandha tapplika mutatis mutandis għall-persunal kollu tal-awtoritajiet nazzjonali tal-Montenegro li jipparteċipa f’attività operazzjonali.

3.   L-uffiċjal għad-drittijiet fundamentali tal-Aġenzija għandu jimmonitorja l-konformità ta’ kull attività operazzjonali mal-istandards applikabbli tad-drittijiet fundamentali. L-uffiċjal għad-drittijiet fundamentali, jew id-deputat tiegħu, jista’ jwettaq żjarat fuq il-post fil-Montenegro; huwa għandu jipprovdi wkoll opinjonijiet dwar il-pjanijiet operazzjonali u jinforma lid-direttur eżekuttiv dwar ksur possibbli tad-drittijiet fundamentali relatati ma’ attività operazzjonali. Il-Montenegro għandu jappoġġa l-isforzi ta’ monitoraġġ tal-uffiċjal għad-drittijiet fundamentali, kif mitlub.

4.   L-Aġenzija u l-Montenegro jaqblu li jipprovdu lill-forum konsultattiv b’aċċess f’waqtu u effettiv għall-informazzjoni kollha li tikkonċerna r-rispett għad-drittijiet fundamentali fir-rigward ta’ kwalunkwe attività operazzjonali mwettqa skont dan il-Ftehim, inkluż permezz ta’ żjarat fil-post fiż-żona operazzjonali.

5.   L-Aġenzija u l-Montenegro għandu t-tnejn ikollhom mekkaniżmu ta’ lmenti biex tipproċessa allegazzjonijiet ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali mwettqa mill-persunal tagħhom fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet uffiċjali tagħhom waqt attività operazzjonali mwettqa permezz ta' dan il-Ftehim. Dawk il-mekkaniżmi għandhom jiġu stabbiliti fil-pjan operazzjonali.

ARTIKOLU 9

Osservaturi tad-drittijiet fundamentali

1.   L-uffiċjal għad-drittijiet fundamentali tal-Aġenzija għandu jassenja mill-inqas monitoraġġ wieħed tad-drittijiet fundamentali għal kull attività operazzjonali biex, fost l-oħrajn, jassisti u jagħti pariri lill-uffiċjal ta’ koordinazzjoni.

2.   L-osservatur tad-drittijiet fundamentali għandu jimmonitorja l-konformità mad-drittijiet fundamentali u jipprovdi pariri u assistenza dwar id-drittijiet fundamentali fit-tħejjija, it-twettiq u l-evalwazzjoni tal-attività operazzjonali rilevanti. Dan għandu jinkludi, b’mod partikolari:

(a)

is-segwitu tat-tħejjija tal-pjanijiet operazzjonali u r-rapportar lill-uffiċjal għad-drittijiet fundamentali biex ikun jista’ jwettaq il-kompiti tiegħu kif previst fir-Regolament (UE) 2019/1896;

(b)

it-twettiq ta’ żjarat, inkluż żjarat fit-tul, fejn tkun qed isiru l-attivitajiet operazzjonali;

(c)

il-kooperazzjoni u l-kollegament mal-uffiċjal ta’ koordinazzjoni u l-provvista ta’ pariri u assistenza lilu;

(d)

l-infurmar tal-uffiċjal ta’ koordinazzjoni u r-rapportar lill-uffiċjal għad-drittijiet fundamentali dwar kull tħassib rigward ksur possibbli tad-drittijiet fundamentali relatat mal-attività operazzjonali; kif ukoll

(e)

il-kontribut għall-evalwazzjoni tal-attività operazzjonali kif imsemmi fl-Artikolu 4(2), punt (i).

3.   L-osservaturi tad-drittijiet fundamentali, indipendenti fit-twettiq tal-kompiti tagħhom, għandu jkollhom aċċess għaż-żoni kollha li fihom isseħħ l-attività operazzjonali u għad-dokumenti kollha rilevanti għall-implimentazzjoni ta’ dik l-attività.

4.   Meta jkunu preżenti f’żona operazzjonali, l-osservaturi tad-drittijiet fundamentali għandhom jilbsu insinji li jippermettu li jiġu identifikati b’mod ċar bħala osservaturi tad-drittijiet fundamentali.

5.   L-uffiċjal għad-drittijiet fundamentali tal-Aġenzija jista’ jikkoopera mal-Istituzzjoni tal-Protettur tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet tal-Montenegro (Ombudsman).

ARTIKOLU 10

Membri tat-tim

1.   Il-membri tat-tim għandu jkollhom l-awtorità li jwettqu l-kompiti, inklużi dawk li jirrikjedu setgħat eżekuttivi, deskritti fil-pjan operazzjonali.

2.   Meta jwettqu l-kompiti tagħhom u jeżerċitaw is-setgħat tagħhom, il-membri tat-tim għandhom jikkonformaw mal-liġijiet u r-regolamenti tal-Montenegro kif ukoll mal-liġi internazzjonali u tal-Unjoni Ewropea applikabbli.

3.   Il-membri tat-tim jistgħu jwettqu l-kompiti u jeżerċitaw il-poteri fit-territorju tal-Montenegro fuq struzzjonijiet mill-awtoritajiet tal-ġestjoni tal-fruntieri tal-Montenegro, u fil-preżenza tagħhom. Il-Montenegro jista’ jawtorizza lill-membri tat-tim biex iwettqu kompiti speċifiċi u biex jeżerċitaw setgħat speċifiċi fit-territorju tiegħu fin-nuqqas tal-awtoritajiet tal-ġestjoni tal-fruntieri tiegħu soġġett għall-kunsens tal-Aġenzija jew tal-Istat Membru domiċiljari, kif xieraq.

4.   Il-membri tat-tim li huma persunal statutorju għandhom jilbsu l-uniformi tal-korp permanenti tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta filwaqt li jwettqu l-kompiti tagħhom u jeżerċitaw is-setgħat tagħhom sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor fil-pjan operazzjonali.

Il-membri tat-tim li mhumiex persunal statutorju għandhom jilbsu l-uniformi nazzjonali tagħhom filwaqt li jwettqu l-kompiti tagħhom u jeżerċitaw is-setgħat tagħhom sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor fil-pjan operazzjonali.

Waqt li jkunu fuq xogħol, il-membri kollha tat-tim għandhom ukoll jilbsu b’mod viżibbli identifikazzjoni personali u faxxa tal-idejn blu bl-insinji tal-Unjoni Ewropea u tal-Aġenzija fuq l-uniformi tagħhom.

5.   Il-Montenegro għandu jawtorizza lill-membri tat-tim rilevanti biex iwettqu kompiti matul attività operazzjonali li teħtieġ l-użu tal-forza, inkluż il-ġarr u l-użu ta’ armi tas-servizz, munizzjon u mezzi koerċittivi oħra, f’konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-pjan operazzjonali, filwaqt li jqis li:

(a)

il-membri tat-tim li huma persunal statutorju jistgħu jġorru u jużaw armi tas-servizz, munizzjon u mezzi koerċittivi oħra soġġett għall-kunsens tal-Aġenzija;

(b)

il-membri tat-tim li mhumiex persunal statutorju jistgħu jġorru u jużaw armi tas-servizz, munizzjon u mezzi koerċittivi oħra soġġett għall-kunsens tal-Istat Membru ta’ oriġini rilevanti.

6.   L-użu tal-forza, inklużi l-ġarr u l-użu ta’ armi tas-servizz, munizzjon u mezzi koerċittivi oħra, għandu jiġi eżerċitat f’konformità mal-liġi nazzjonali tal-Montenegro u fil-preżenza tal-awtoritajiet tal-ġestjoni tal-fruntieri tal-Montenegro. Il-Montenegro tista’ tawtorizza lill-membri tat-tim biex jużaw il-forza fin-nuqqas ta’ awtoritajiet tal-ġestjoni tal-fruntieri tal-Montenegro, filwaqt li jqis li:

(a)

għall-membri tat-tim li huma persunal statutorju, tali awtorizzazzjoni għall-użu tal-forza fin-nuqqas ta’ awtoritajiet tal-ġestjoni tal-fruntieri tal-Montenegro għandha tkun soġġetta għall-kunsens tal-Aġenzija;

(b)

għall-membri tat-tim li mhumiex persunal statutorju, tali awtorizzazzjoni għall-użu tal-forza fin-nuqqas ta’ awtoritajiet tal-ġestjoni tal-fruntieri tal-Montenegro għandha tkun soġġetta għall-kunsens tal-Istat Membru domiċiljari rilevanti.

Mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti tal-liġi nazzjonali tal-Montenegro, kwalunkwe użu tal-forza mill-membri tat-tim irid ikun meħtieġ u proporzjonat u jikkonforma bis-sħiħ mal-liġi, internazzjonali, tal-Unjoni Ewropea u nazzjonali applikabbli, inklużi, b’mod partikolari, ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness V tar-Regolament (UE) 2019/1896.

7.   L-Aġenzija għandha, qabel l-iskjerament tal-membri tat-tim, tinforma lill-Montenegro dwar l-armi tas-servizz, il-munizzjon u tagħmir ieħor li l-membri tat-tim jistgħu jġorru skont il-paragrafu 5. Il-Montenegro jista’ jipprojbixxi l-ġarr ta’ ċerti armi tas-servizz, munizzjon u tagħmir ieħor, sakemm il-liġi tiegħu stess tapplika l-istess projbizzjoni għall-awtoritajiet tal-ġestjoni tal-fruntieri tiegħu stess. Il-Montenegro għandu, qabel ma jiskjera l-membri tat-tim, jinforma lill-Aġenzija dwar l-armi, il-munizzjon u t-tagħmir tas-servizz permissibbli u dwar il-kundizzjonijiet biex jintużaw. L-Aġenzija għandha tqiegħed din l-informazzjoni għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri.

Il-Montenegro għandu jagħmel l-arranġamenti meħtieġa għall-ħruġ ta’ kwalunkwe permess ta’ armi meħtieġ u jiffaċilita l-importazzjoni, l-esportazzjoni, it-trasport u l-ħażna ta’ armi, munizzjon u tagħmir ieħor għad-dispożizzjoni tal-membri tat-tim kif mitlub mill-Aġenzija. Il-proċedura għall-ħruġ tal-permessi għall-armi għandha tiġi stabbilita fil-pjan operazzjonali.

8.   Armi tas-servizz, munizzjon u tagħmir jistgħu jintużaw fl-awtodifiża leġittima u fid-difiża leġittima tal-membri tat-tim jew ta’ persuni oħra f’konformità mal-liġi nazzjonali tal-Montenegro, bi qbil mal-prinċipji rilevanti tal-liġi internazzjonali u dik tal-Unjoni Ewropea.

9.   Il-Montenegro jista’ jawtorizza lill-membri tat-tim biex jikkonsultaw il-bażijiet tad-data nazzjonali tiegħu jekk ikun meħtieġ biex jinkisbu l-għanijiet operazzjonali speċifikati fil-pjan operazzjonali. Il-Montenegro għandu jiżgura li jipprovdi aċċess għal tali bażijiet tad-data b’mod effiċjenti u effettiv.

Il-Montenegro għandu, qabel l-iskjerament tal-membri tat-tim, jinforma lill-Aġenzija dwar il-bażijiet tad-data nazzjonali li jistgħu jiġu kkonsultati.

Il-membri tat-tim għandhom jikkonsultaw biss id-data li tkun meħtieġa għat-twettiq tal-kompiti tagħhom u biex jeżerċitaw is-setgħat tagħhom. Dik il-konsultazzjoni għandha ssir skont il-liġi nazzjonali tal-protezzjoni tad-data tal-Montenegro u dan il-Ftehim.

10.   Għall-implimentazzjoni ta’ attivitajiet operazzjonali, il-Montenegro għandu jiskjera uffiċjali tal-Ministeru tal-Intern — Direttorat tal-Pulizija tal-Montenegro li huma kapaċi u lesti jikkomunikaw bl-Ingliż biex iwettqu rwol ta’ koordinazzjoni f’isem il-Montenegro f’konformità mal-pjan operazzjonali.

ARTIKOLU 11

Privileġġi u immunitajiet tal-proprjetà, fondi, assi u operazzjonijiet tal-Aġenzija

1.   Kwalunkwe bini tal-Aġenzija fil-Montenegro għandu jkun invjolabbli. Għandu jkun eżentat minn tiftix, rekwiżizzjoni, konfiska jew esproprjazzjoni.

2.   Il-proprjetà u l-assi tal-Aġenzija, inklużi l-mezzi tat-trasport, il-komunikazzjonijiet, l-arkivji, kwalunkwe korrispondenza, dokumenti, karti tal-identità u assi finanzjarji għandhom ikunu invjolabbli.

3.   L-assi tal-Aġenzija jinkludu assi li huma mikrija minn Stat Membru jew huma propjetà jew koproprjetà tiegħu u offruti lill-Aġenzija. Mal-imbarkazzjoni tar-rappreżentant(i) tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, dawk għandhom jiġu ttrattati bħala assi fis-servizz tal-gvern u awtorizzati għal dan il-għan.

4.   Ma tista’ tittieħed l-ebda miżura ta’ eżekuzzjoni fir-rigward tal-Aġenzija. Il-proprjetà u l-assi tal-Aġenzija ma għandhom ikunu soġġetti għall-ebda miżura amministrattiva jew legali ta’ restrizzjoni. Il-proprjetà tal-Aġenzija għandha tkun ħielsa mis-sekwestru għas-sodisfazzjon ta’ sentenza, deċiżjoni jew ordni.

5.   Fuq talba mill-awtoritajiet ġudizzjarji rilevanti tal-Montenegro, id-direttur eżekuttiv jista’ jagħti l-kunsens biex l-awtoritajiet nazzjonali rilevanti tal-Montenegro jidħlu fil-bini u fil-bini u/jew ikollhom aċċess għall-proprjetà u l-assi tal-Aġenzija f’każijiet ta’ suspett serju ta’ reati kriminali.

Il-kunsens tad-direttur eżekuttiv jista’ jiġi preżunt f’każ ta’ nar jew diżastru ieħor li jkun jeħtieġ azzjoni protettiva fil-pront.

6.   Il-Montenegro għandu jippermetti d-dħul u t-tneħħija ta’ oġġetti u tagħmir skjerati mill-Aġenzija fil-Montenegro għal finijiet operazzjonali.

7.   L-Aġenzija għandha tkun eżentata mid-dazji kollha (inklużi d-dazji doganali) u t-taxxi kif ukoll minn kwalunkwe projbizzjoni u restrizzjoni fuq l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet fir-rigward ta’ oġġetti u tagħmir maħsuba għall-użu uffiċjali tagħha, inklużi oġġetti u tagħmir importati jew esportati minn parti terza f’isem l-Aġenzija.

ARTIKOLU 12

Privileġġi u immunitajiet tal-membri tat-tim

1.   Il-privileġġi u l-immunitajiet sussegwenti mogħtija lill-membri tat-tim għandhom l-għan li jiżguraw l-eżerċizzju tal-funzjonijiet uffiċjali matul l-azzjonijiet imwettqa mit-tim, f’konformità mal-pjan operazzjonali fit-territorju tal-Montenegro.

2.   Il-membri tat-tim ma għandhom ikunu soġġetti għall-ebda forma ta’ inkjesta jew proċedimenti legali fil-Montenegro jew mill-awtoritajiet tal-Montenegro, ħlief fiċ-ċirkostanzi msemmija fil-paragrafu 3.

3.   Il-membri tat-tim għandhom igawdu minn immunità mill-ġurisdizzjoni kriminali, ċivili u amministrattiva tal-Montenegro fir-rigward tal-atti kollha li jwettqu fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet uffiċjali tagħhom.

Meta l-awtoritajiet tal-Montenegro jkollhom l-intenzjoni li jibdew proċedimenti kriminali, ċivili jew amministrattivi kontra membru tat-tim, l-awtoritajiet kompetenti tal-Montenegro għandhom jinnotifikaw minnufih lid-direttur eżekuttiv b’dan. Il-proċedura ta’ notifika għandha tkun konformi mad-deċiżjoni applikabbli tal-Aġenzija dwarha, li għandha tiġi stabbilita fil-pjan operazzjonali.

Wara li jirċievi tali notifika, id-direttur eżekuttiv għandu, mingħajr dewmien żejjed, jinforma lill-awtoritajiet rilevanti tal-Montenegro jekk l-att inkwistjoni jkunx twettaq mill-membru tat-tim fil-qadi tal-funzjonijiet uffiċjali tiegħu jew tagħha. Jekk l-att kien twettaq fil-qadi ta’ funzjonijiet uffiċjali, il-proċedimenti ma għandhomx jinbdew. Jekk l-att ġie ddikjarat li ma kienx twettaqx fil-qadi ta’ funzjonijiet uffiċjali, il-proċedimenti jistgħu jiġu inizjati. Il-kwalifika mid-direttur eżekuttiv għandha tkun vinkolanti fuq il-Montenegro, li ma għandux jikkontestaha.

Sakemm issir din il-kwalifika, l-Aġenzija għandha żżomm lura milli tieħu kwalunkwe miżura maħsuba biex tipperikola l-prosekuzzjoni kriminali sussegwenti possibbli tal-membru tat-tim mill-awtoritajiet kompetenti tal-Montenegro, inkluż l-iffaċilitar tat-tluq tal-membru tat-tim ikkonċernat mill-Montenegro.

Il-privileġġi mogħtija lill-membri tat-tim u l-immunità mill-ġuriżdizzjoni kriminali tal-Montenegro ma jeżentawhomx mill-ġurisdizzjoni tal-Istat Membru ospitanti.

4.   Il-bidu ta’ proċedimenti mill-membri tat-tim għandu jipprekludihom milli jinvokaw l-immunità mill-ġurisdizzjoni fir-rigward ta’ kull kontrotalba relatata direttament mat-talba prinċipali.

5.   Il-bini, l-abitazzjonijiet, il-mezzi ta’ trasport u l-komunikazzjonijiet, u l-proprjetà, inklużi kwalunkwe korrispondenza, dokumenti, dokumenti ta’ identità u assi tal-membri tat-tim għandhom ikunu invjolabbli, ħlief fil-każ ta’ miżuri ta’ eżekuzzjoni kif permess skont il-paragrafu 10.

6.   Il-Montenegro għandu jkun responsabbli għal kwalunkwe dannu kkawżat minn membri tat-tim lil partijiet terzi fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet uffiċjali tagħhom.

7.   F’każ ta’ dannu kkawżat minn negliġenza serja jew imġiba ħażina volontarja jew mhux fil-qadi ta’ funzjonijiet uffiċjali minn membru tat-tim li huwa membru tal-persunal statutorju, il-Montenegro jista’ jitlob, permezz tad-direttur eżekuttiv, li l-kumpens jitħallas mill-Aġenzija.

F’każ ta’ dannu kkawżat minn negliġenza serja jew imġiba ħażina volontarja jew mhux fil-qadi ta’ funzjonijiet uffiċjali minn membru tat-tim li mhuwiex membru tal-persunal statutorju, il-Montenegro jista’ jitlob, permezz tad-direttur eżekuttiv, li l-kumpens jitħallas mill-Istat Membru domiċiljari kkonċernat.

8.   La Parti, la Stat Membru parteċipanti u lanqas l-Aġenzija ma għandhom ikunu responsabbli għall-ħsara kkawżata fil-Montenegro minħabba avveniment ta’ force majeure li ma jkollux kontroll fuqu.

9.   Il-membri tat-tim ma għandhomx ikunu obbligati jixhdu bħala xhieda fi proċedimenti legali fil-Montenegro. Il-membri tat-tim jistgħu jixhdu permezz ta’ dikjarazzjoni ppreżentata skont il-liġi proċedurali tal-Montenegro. Tali sottomissjoni ma għandhiex taffettwa l-immunità prevista fil-paragrafu 3.

10.   L-ebda miżura ta’ eżekuzzjoni ma tista’ tittieħed fir-rigward tal-membri tat-tim, ħlief fil-każijiet fejn jiġu istitwiti kontrihom proċedimenti kriminali, ċivili jew amministrattiv mhux relatat mal-funzjonijiet uffiċjali tagħhom. Il-proprjetà tal-membri tat-tim li tkun ċertifikata mid-direttur eżekuttiv bħala meħtieġa għat-twettiq tal-funzjonijiet uffiċjali tagħhom għandha tkun ħielsa minn sekwestru biex tiġi ssodisfata sentenza, deċiżjoni jew ordni. Fi proċedimenti kriminali, ċivili jew amministrattivi, il-membri tat-tim ma għandhom ikunu soġġetti għall-ebda restrizzjoni fuq il-libertà personali tagħhom jew għal kwalunkwe miżura oħra ta’ restrizzjoni.

11.   Il-membri tat-tim għandhom, fir-rigward tas-servizzi mwettqa għall-Aġenzija, ikunu eżentati mid-dispożizzjonijiet tas-sigurtà soċjali li jistgħu jkunu fis-seħħ fil-Montenegro.

12.   Is-salarju u l-emolumenti mħallsa lill-membri tat-tim mill-Aġenzija u/jew mill-Istati Membri domiċiljari, kif ukoll kwalunkwe introjtu li membri tat-tim jirċievu minn barra l-Montenegro, ma għandhom jiġu ntaxxati fl-ebda forma fil-Montenegro.

13.   Il-Montenegro għandu jippermetti d-dħul ta’ oġġetti għall-użu personali tal-membri tat-tim u għandu jagħti eżenzjoni mid-dazji doganali, taxxi, u ħlasijiet relatati kollha minbarra ħlasijiet għal ħażna, trasport u servizzi simili, fir-rigward ta’ tali oġġetti. Il-Montenegro għandu wkoll jippermetti l-esportazzjoni ta’ dawn l-oġġetti.

14.   Il-bagalji personali tal-membri tat-tim għandhom ikunu eżentati minn spezzjoni, dment li ma jkunx hemm raġunijiet serji sabiex ikun issuspettat li fihom oġġetti li mhumiex għall-użu personali tal-membri tat-tim, jew oġġetti li l-importazzjoni jew l-esportazzjoni tagħhom tkun projbita mil-liġi jew suġġetta għar-regolamenti tal-kwarantina tal-Montenegro. L-ispezzjoni ta’ dawn il-bagalji personali għandha titwettaq biss fil-preżenza tal-membri tat-tim konċernati jew ta’ rappreżentant awtorizzat tal-Aġenzija.

15.   L-Aġenzija l-Montenegro għandhom jaħtru punti ta’ kuntatt li għandhom ikunu disponibbli f’kull ħin u li għandhom ikunu responsabbli għall-iskambju ta’ informazzjoni u azzjonijiet immedjati li għandhom jittieħdu fejn att imwettaq minn membru tat-tim jista’ jkun bi ksur tal-liġi kriminali kif ukoll għall-iskambju ta’ informazzjoni u l-attivitajiet operazzjonali fir-rigward ta’ kwalunkwe proċediment ċivili jew amministrattiv kontra membru tat-tim.

Sakemm tittieħed azzjoni mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru domiċiljari, l-Aġenzija u l-Montenegro għandhom jassistu lil xulxin fit-twettiq tal-inkjesti u l-investigazzjonijiet kollha meħtieġa fi kwalunkwe reat kriminali allegat li fir-rigward tiegħu l-Aġenzija jew il-Montenegro, jew it-tnejn li huma, għandhom interess fl-identifikazzjoni ta’ xhieda u fil-ġbir u l-produzzjoni ta’ evidenza, inkluż it-talba biex jinkisbu u, jekk ikun xieraq, it-trasferiment ta’ oġġetti konnessi ma’ reat kriminali allegat. L-għoti ta’ tali oġġetti jista’ jkun soġġett għar-ritorn tagħhom fit-termini speċifikati mill-awtorità kompetenti li twassalhom.

ARTIKOLU 13

Membri tat-tim midruba jew deċeduti

1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 12, id-direttur eżekuttiv għandu jkollu d-dritt li jieħu f’idejh, u jagħmel arranġamenti xierqa għar-ripatrijazzjoni ta’ kwalunkwe membru tat-tim midrub jew mejjet, kif ukoll tal-proprjetà personali tiegħu.

2.   L-awtopsja għandha titwettaq fuq membru ta’ tim mejjet biss bil-kunsens espliċitu tal-Istat Membru domiċiljari kkonċernat u fil-preżenza ta’ rappreżentant tal-Aġenzija jew tal-Istat Membru domiċiljari kkonċernat.

3.   Il-Montenegro u l-Aġenzija għandhom jikkooperaw kemm jista’ jkun biex jippermettu r-ripatrijazzjoni malajr ta’ membri tat-tim midruba jew mejtin.

ARTIKOLU 14

Dokument ta’ akkreditazzjoni

1.   L-Aġenzija għandha toħroġ dokument bil-lingwa tal-Montenegro u bl-Ingliż lil kull membru tat-tim għall-għanijiet ta’ identifikazzjoni fil-konfront tal-awtoritajiet nazzjonali tal-Montenegro u bħala prova tad-drittijiet tad-detentur biex iwettaq il-kompiti u jeżerċita l-poteri msemmijin fl-Artikolu 10 ta’ dan il-Ftehim u fil-pjan operazzjonali (“id-dokument ta' akkreditazzjoni”).

2.   Id-dokument ta’ akkreditazzjoni għandu jinkludi l-informazzjoni li ġejja dwar il-membru tal-persunal: isem u nazzjonalità, il-grad jew it-titlu tal-impjieg, ritratt reċenti diġitalizzat, u l-kompiti li huwa awtorizzat iwettaq matul l-iskjerament. Id-dokument ta’ akkreditazzjoni għandu jinkludi data ta’ skadenza.

3.   Għall-finijiet ta’ identifikazzjoni vis-à-vis l-awtoritajiet nazzjonali tal-Montenegro, il-membri tat-tim għandhom ikunu obbligati jġorru d-dokument ta’ akkreditazzjoni fuq il-persuna tagħhom f’kull ħin.

4.   Il-Montenegro għandu jirrikonoxxi d-dokument ta’ akkreditazzjoni, flimkien ma’ dokument tal-ivvjaġġar validu, bħala li jagħti lill-membru tat-tim rilevanti dħul u soġġorn fil-Montenegro mingħajr il-ħtieġa ta’ viża, permess ta’ residenza, awtorizzazzjoni minn qabel jew kwalunkwe dokument ieħor sal-jum tal-iskadenza tiegħu.

5.   Id-dokument tal-akkreditazzjoni għandu jiġi ritornat lill-Aġenzija fi tmiem l-iskjerament. L-awtoritajiet kompetenti tal-Montenegro għandhom jiġu infurmati b’dan.

ARTIKOLU 15

Applikazzjoni għal persunal mhux skjerat bħala membru tat-tim

L-Artikoli 12, 13 u 14 għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-persunal kollu skjerat fil-Montenegro skont dan il-Ftehim jew pjan operazzjonali tiegħu li mhumiex membri tat-tim, inklużi l-osservaturi tad-drittijiet fundamentali u l-persunal statutorju stazzjonat f’uffiċċji antenna.

ARTIKOLU 16

Protezzjoni ta’ data personali

1.   Il-komunikazzjoni ta’ data personali għandha sseħħ biss jekk tali komunikazzjoni tkun meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim mill-awtoritajiet kompetenti tal-Montenegro jew l-Aġenzija. L-ipproċessar ta’ data personali minn awtorità f’każ partikolari, inkluż it-trasferiment ta’ tali data personali lill-Parti l-oħra, għandu jkun soġġett għar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data applikabbli għal dik l-awtorità. Il-Partijiet għandhom jiżguraw is-salvagwardji minimi li ġejjin bħala prekundizzjoni għal kwalunkwe trasferiment ta’ data:

(a)

id-data personali trid tkun ipproċessata legalment, ġustament u b’mod trasparenti fir-rigward tas-suġġett tad-data;

(b)

id-data personali jeħtieġ li tinġabar għall-iskop speċifikat, espliċitu u leġittimu tal-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim u ma tiġix ipproċessata aktar mill-awtorità li tikkomunikaha jew mill-awtorità li tirċeviha b’mod mhux kompatibbli ma’ dak l-iskop;

(c)

id-data personali għandha tkun adegwata, relevanti u mhux eċċessiva fir-rigward tal-għan li għalih tinġabar jew tiġi pproċessata aktar; b’mod partikolari, id-data personali kkomunikata f’konformità mal-liġi applikabbli għall-awtorità komunikanti tista’ tikkonċerna biss waħda jew aktar minn dawn li ġejjin:

l-ewwel isem,

il-kunjom,

id-data tat-twelid,

in-nazzjonalità,

il-grad,

il-paġna bid-data personali tad-dokument tal-ivvjaġġar,

id-dokument ta’ akkreditazzjoni,

ir-ritratt tal-karta tal-identità/tal-passaport/tad-dokument ta’ akkreditazzjoni,

l-indirizz tal-posta elettronika,

in-numru tal-mowbajl,

id-dettalji tal-armi,

id-durata tal-iskjerament,

il-post tal-iskjerament,

in-numri ta’ identifikazzjoni tal-inġenju tal-ajru jew tal-bastiment,

id-data tal-wasla,

l-ajruport tal-wasla/il-punt ta’ qsim tal-fruntiera mal-wasla,

in-numru tat-titjira tal-wasla,

id-data tat-tluq,

l-ajruport tat-tluq/il-punt ta’ qsim tal-fruntiera mat-tluq,

in-numru tat-titjira tat-tluq,

l-Istat Membru/il-pajjiż terz domiċiljari,

l-awtorità li tiskjera,

il-kompiti/il-profil operazzjonali,

mezzi ta’ trasport,

ir-rotta

tal-membri tat-tim, il-persunal tal-Aġenzija, l-osservaturi rilevanti, jew il-membri tal-programmi ta’ skambju tal-persunal;

(d)

id-data personali għandha tkun eżatta u, fejn meħtieġ, tinżamm aġġornata;

(e)

id-data personali għandha tinżamm b’mod li jippermetti l-identifikazzjoni tas-suġġetti tad-data għal mhux iktar mill-perjodu neċessarju għall-fini li għalih tkun inġabret id-data jew li kompliet tiġi pproċessata;

(f)

id-data personali trid tiġi pproċessata b’mod li jiżgura s-sigurtà xierqa tad-data personali, filwaqt li jitqiesu r-riskji speċifiċi tal-ipproċessar, inkluża l-protezzjoni kontra l-ipproċessar mhux awtorizzat jew illegali u kontra t-telf, il-qerda jew il-ħsara aċċidentali, bl-użu ta’ miżuri tekniċi jew organizzattivi xierqa (“ksur tad-data”); il-Parti riċeventi għandha tieħu miżuri xierqa biex tindirizza kwalunkwe ksur tad-data, u għandha tinnotifika lill-Parti li tikkomunika dwar tali ksur mingħajr dewmien żejjed u fi żmien 72 siegħa;

(g)

kemm l-awtorità li tikkomunika d-data kif ukoll l-awtorità li tirċeviha għandhom jieħdu kull pass raġonevoli biex jiżguraw mingħajr dewmien ir-rettifika jew it-tħassir, kif xieraq, tad-data personali jekk l-ipproċessar ma jkunx konformi ma’ dan l-Artikolu, b’mod partikulari għaliex dik id-data ma tkunx xierqa, relevanti jew preċiża, jew għaliex tkun eċċessiva fir-rigward tal-iskop tal-ipproċessar; dan jinkludi n-notifika ta’ kull rettifika jew tħassir lill-Parti l-oħra;

(h)

fuq talba, l-awtorità riċeventi għandha tinforma lill-awtorità komunikanti dwar l-użu tad-data kkomunikata;

(i)

id-data personali tista’ tiġi kkomunikata biss lill-awtoritajiet kompetenti:

l-Aġenzija; u

il-Ministeru tal-Intern – id-Direttorat tal-Pulizija tal-Montenegro

Komunikazzjoni ulterjuri lil entitajiet oħrajn teħtieġ awtorizzazzjoni minn qabel tal-awtorità komunikanti kompetenti;

(j)

l-awtorità komunikanti u l-awtorità riċeventi huma obbligati li jirreġistraw bil-miktub il-komunikazzjoni u l-wasla ta’ data personali;

(k)

għandu jkun hemm sorveljanza indipendenti biex tissorvelja l-konformità mal-protezzjoni tad-data, inkluż biex jiġu spezzjonati tali rekords; is-suġġetti tad-data għandu jkollhom id-dritt li jressqu lmenti lill-korp ta’ sorveljanza, u li jirċievu tweġiba mingħajr dewmien żejjed;

(l)

is-suġġetti tad-data għandu jkollhom id-dritt li jirċievu informazzjoni dwar l-ipproċessar tad-data personali tagħhom, jaċċessaw tali data u jirrettifikaw jew iħassru data mhux preċiża jew ipproċessata illegalment, soġġett għal limitazzjonijiet meħtieġa u proporzjonati għal raġunijiet importanti ta’ interess pubbliku; kif ukoll

(m)

is-suġġetti tad-data għandu jkollhom id-dritt għal rimedju amministrattiv u ġudizzjarju effettiv għall-ksur tas-salvagwardji msemmija hawn fuq.

2.   Kull Parti għandha twettaq reviżjonijiet perjodiċi tal-politiki u l-proċeduri tagħha stess li jimplimentaw dan l-Artikolu. Fuq talba mill-Parti l-oħra, il-Parti li tkun irċeviet it-talba għandha tirrevedi l-politiki u l-proċeduri tagħha dwar l-ipproċessar tad-data personali sabiex taċċerta u tikkonferma li s-salvagwardji f’dan l-Artikolu jiġu implimentati b’mod effettiv. Ir-riżultati tar-rieżami għandhom jiġu kkomunikati lill-Parti li tkun talbet ir-rieżami fi żmien raġonevoli.

3.   Is-salvagwardji tal-protezzjoni tad-data skont dan il-Ftehim għandhom ikunu soġġetti għal sorveljanza mill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u l-Aġenzija għall-Protezzjoni tad-Data Personali u l-Aċċess Liberu għall-Informazzjoni tal-Montenegro.

4.   Il-Partijiet għandhom jikkooperaw mal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, bħala l-awtorità superviżorja tal-Aġenzija.

5.   L-Aġenzija u l-Montenegro għandhom ifasslu rapport komuni dwar l-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu fi tmiem kull attività operazzjonali. Dak ir-rapport għandu jintbagħat lill-uffiċjal għad-drittijiet fundamentali u lill-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data tal-Aġenzija kif ukoll lill-Aġenzija għall-Protezzjoni tad-Data Personali u l-Aċċess Liberu għall-Informazzjoni tal-Montenegro.

6.   L-Aġenzija u l-Montenegro għandhom jistabbilixxu regoli dettaljati dwar il-komunikazzjoni u l-ipproċessar ta’ data personali għall-finijiet tal-attivitajiet operazzjonali skont dan il-Ftehim f’dispożizzjonijiet speċifiċi tal-pjanijiet operazzjonali rilevanti. Dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti rilevanti tal-liġi tal-Unjoni Ewropea u tal-liġi tal-Montenegro. Huma għandhom jiddeskrivu, fost l-oħrajn, l-għan maħsub tal-komunikazzjoni, il-kontrollur(i) u r-rwoli u r-responsabbiltajiet kollha, il-kategoriji tad-data kkomunikata, il-perjodi speċifiċi taż-żamma tad-data, u s-salvagwardji minimi kollha. Fl-interess tat-trasparenza u l-prevedibbiltà, dawk id-dispożizzjonijiet għandhom ikunu disponibbli għall-pubbliku f’konformità mal-gwida rilevanti tal-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data.

ARTIKOLU 17

Skambju ta’ informazzjoni klassifikata u sensittiva mhux klassifikata

1.   Kwalunkwe skambju, kondiviżjoni jew disseminazzjoni ta’ informazzjoni klassifikata fil-qafas ta’ dan il-Ftehim għandhom ikunu koperti minn arranġament amministrattiv separat konkluż bejn l-Aġenzija u l-awtoritajiet rilevanti tal-Montenegro, li għandu jkun soġġett għall-approvazzjoni minn qabel tal-Kummissjoni Ewropea.

2.   Kwalunkwe skambju ta’ informazzjoni sensittiva mhux klassifikata fil-qafas ta’ dan il-Ftehim:

(a)

għandu jiġu ttrattat mill-Aġenzija f’konformità mal-Artikolu 9(5) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/443 (3) u mill-Montenegro skont il-liġi nazzjonali tiegħu;

(b)

għandu jirċievi livell ta’ protezzjoni mill-Parti riċeventi li jkun ekwivalenti għal-livell ta’ protezzjoni offrut mill-miżuri applikati għal dik l-informazzjoni mill-Parti komunikanti f’termini ta’ kunfidenzjalità, integrità u disponibbiltà; kif ukoll

(c)

għandu jitwettaq permezz ta’ sistema ta’ skambju ta’ informazzjoni li tissodisfa l-kriterji ta’ disponibbiltà, kunfidenzjalità u integrità għal informazzjoni sensittiva mhux klassifikata, bħan-network ta’ komunikazzjoni msemmi fl-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) 2019/1896.

3.   Il-Partijiet għandhom jikkonformaw mad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali relatati ma’ kwalunkwe data pproċessata fil-qafas ta’ dan il-Ftehim.

ARTIKOLU 18

Deċiżjoni ta’ sospensjoni, terminat u/jew l-irtirar tal-finanzjament għal attività operazzjonali

1.   Jekk il-kundizzjonijiet għat-twettiq ta’ attività operazzjonali ma jibqgħux jiġu ssodisfati, inkluż kif innotifikat mill-Montenegro, id-direttur eżekuttiv għandu jtemm dik l-attività operazzjonali wara li jinforma lill-Montenegro. Tali informazzjoni għandha ssir bil-miktub u għandha tinkludi r-raġunijiet għal dan.

2.   Jekk dan il-Ftehim jew pjan operazzjonali ma jkunx ġie rispettat mill-Montenegro, id-direttur eżekuttiv jista’ jirtira l-finanzjament tal-attività operazzjonali rilevanti, u/jew jissospendiha jew itemmha, wara li jinforma lill-Montenegro bil-miktub.

3.   Jekk is-sigurtà ta’ kwalunkwe parteċipant f’attività operazzjonali skjerat fil-Montenegro ma tkunx tista’ tiġi ggarantita, id-direttur eżekuttiv jista’ jissospendi jew itemm l-attività operazzjonali rilevanti jew aspetti tagħha.

4.   Jekk id-direttur eżekuttiv iqis li jkun seħħ ksur tad-drittijiet fundamentali jew tal-obbligi ta’ protezzjoni internazzjonali li jkun ta’ natura serja jew li x’aktarx jippersisti jew li x’aktarx iseħħ b’rabta ma’ attività operazzjonali mwettqa skont dan il-Ftehim, huwa għandu jirtira l-finanzjament tal-attività operazzjonali rilevanti, u/jew jissospendih jew itemmu, wara li jinforma lill-Montenegro.

5.   Il-Montenegro jista’ jitlob lid-direttur eżekuttiv biex jissospendi jew itemm attività operazzjonali. Tali talba għandha ssir bil-miktub u għandha tinkludi r-raġunijiet għal dan.

6.   Is-sospensjoni, it-terminazzjoni jew l-irtirar tal-finanzjament skont dan l-Artikolu għandhom jidħlu fis-seħħ mid-data tan-notifika lill-Montenegro. M’għandhom jaffettwaw l-ebda dritt jew obbligu li jirriżulta mill-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim jew il-pjan operazzjonali qabel tali sospensjoni, terminazzjoni jew irtirar ta’ finanzjament.

7.   Il-Montenegro jista’ jitlob it-terminazzjoni tal-iskjerament ta’ kwalunkwe membru tat-tim, jew membru tal-persunal rilevanti ieħor, li ma jirrispettax dan il-Ftehim jew pjan operazzjonali tiegħu jew li jwettaq ksur serju tal-leġiżlazzjoni tal-Montenegro. Id-Deċiżjoni għat-terminazzjoni tal-istazzjonament għandha tittieħed mid-direttur eżekuttiv jew mill-Istat Membru ta’ domiċilju rispettiv, kif xieraq, u għandha tiġi nnotifikata lill-awtoritajiet rilevanti tal-Montenegro.

ARTIKOLU 19

Ġlieda kontra l-frodi

1.   Il-Montenegro għandu jinnotifika lill-Aġenzija, lill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew u/jew lill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi minnufih jekk isir jaf bl-eżistenza ta’ allegazzjonijiet kredibbli ta’ frodi, korruzzjoni jew kwalunkwe attività illegali oħra konnessa mal-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim li tista’ taffettwa l-interessi tal-Unjoni Ewropea.

2.   Fejn tali allegazzjonijiet ikunu relatati ma’ fondi tal-Unjoni Ewropea żborżati fir-rigward ta’ dan il-Ftehim, il-Montenegro għandu jipprovdi l-assistenza kollha meħtieġa lill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew u/jew lill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi fir-rigward ta’ attivitajiet investigattivi fit-territorju tiegħu, inkluż l-iffaċilitar ta’ intervisti, kontrolli u spezzjonijiet fuq il-post (inkluż aċċess għal sistemi ta’ informazzjoni u bażijiet ta’ data fil-Montenegro) u l-iffaċilitar tal-aċċess għal kwalunkwe informazzjoni rilevanti dwar il-ġestjoni teknika u finanzjarja ta’ kwistjonijiet iffinanzjati parzjalment jew kompletament mill-Unjoni Ewropea.

ARTIKOLU 20

Implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim

1.   Għall-Montenegro, dan il-Ftehim għandu jiġi implimentat mill-Ministeru tad-Direttorat tal-Pulizija tal-Montenegro.

2.   Għall-Unjoni Ewropea, dan il-Ftehim għandu jiġi implimentat mill-Aġenzija.

ARTIKOLU 21

Soluzzjoni tat-tilwim

1.   Kwalunkwe tilwima li tinqala’ b’rabta mal-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim għandha tiġi eżaminata b’mod konġunt mir-rappreżentanti tal-Aġenzija u mill-awtoritajiet kompetenti tal-Montenegro.

2.   Fin-nuqqas ta’ soluzzjoni minn qabel, it-tilwim li jikkonċerna l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim għandu jiġi solvut esklussivament permezz ta’ negozjati bejn il-Partijiet.

ARTIKOLU 22

Dħul fis-seħħ, applikazzjoni proviżorja, emenda, tul, sospensjoni u terminazzjoni tal-Ftehim u terminazzjoni tal-Ftehimpredeċessur

1.   Dan il-Ftehim għandu jkun soġġett għal ratifika, aċċettazzjoni jew approvazzjoni mill-Partijiet skont il-proċeduri legali interni tagħhom stess. Il-Partijiet għandhom jinnotifikaw lil xulxin dwar it-tlestija tal-proċeduri meħtieġa għal dak il-għan.

2.   Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tieni xahar ta’ wara d-data meta l-Partijiet ikunu għarrfu lil xulxin li lestew il-proċeduri legali interni tagħhom skont il-paragrafu 1.

Sakemm jitlestew il-proċeduri meħtieġa għad-dħul fis-seħħ tiegħu, dan il-Ftehim għandu jiġi applikat fuq bażi provviżorja mill-ewwel jum tat-tieni xahar wara d-data tal-iffirmar tiegħu mill-Partijiet.

3.   Bidliet għal dan il-Ftehim għandhom isiru biss bil-kunsens reċiproku bil-miktub tal-Partijiet.

4.   Dan il-Ftehim huwa konkluż għal perjodu indefinit. Jista’ jiġi sospiż jew itterminat permezz ta’ ftehim bil-miktub bejn il-Partijiet jew b’mod unilaterali minn xi waħda mill-Partijiet.

F’każ ta’ terminazzjoni jew sospensjoni unilaterali, il-Parti li tixtieq ittemm jew tissospendi għandha tinnotifika lill-Parti l-oħra b’dan bil-miktub. Terminazzjoni jew sospensjoni unilaterali ta’ dan il-Ftehim għandha tidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tieni xahar wara x-xahar li matulu tkun ingħatat in-notifika.

5.   Il-Ftehim dwar l-Istatus bejn l-Unjoni Ewropea u l-Montenegro dwar azzjonijiet imwettqin mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fil-Montenegro, iffirmat fil-Lussemburgu fis-7 ta’ Ottubru 2019, huwa b’dan imħassar u sostitwit b’dan il-Ftehim.

Matul il-perjodu meta dan il-Ftehim jiġi applikat fuq bażi provviżorja, l-applikazzjoni tal-Ftehim dwar l-Istatus bejn l-Unjoni Ewropea u l-Montenegro dwar azzjonijiet imwettqin mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fil-Montenegro, iffirmat fil-Lussemburgu fis-7 ta’ Ottubru 2019, għandha tiġi sospiża.

Kwalunkwe attività operazzjonali mnedija abbażi tal-Ftehim dwar l-Istatus bejn l-Unjoni Ewropea u l-Montenegro dwar azzjonijiet imwettqin mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fil-Montenegro, iffirmat fil-Lussemburgu fis-7 ta’ Ottubru 2019, li tkun għaddejja fiż-żmien tal-applikazzjoni proviżorja jew tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim tista’ tkompli, soġġetta għall-emenda jew l-adattament tal-pjan operazzjonali rispettiv f’konformità ma’ dan il-Ftehim.

6.   In-notifiki li jsiru f’konformità ma’ dan l-Artikolu għandhom jintbagħtu, fil-każ tal-Unjoni Ewropea, lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u, fil-każ tal-Montenegro, lill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin tal-Montenegro.

Magħmul f’żewġ kopji bil-Bulgaru, bil-Kroat, biċ-Ċek, bid-Daniż, bin-Netherlandiż, bl-Ingliż, bl-Estonjan, bil-Finlandiż, bil-Franċiż, bil-Ġermaniż, bil-Grieg, bl-Ungeriż, bl-Irlandiż, bit-Taljan, bil-Latvjan, bil-Litwan, bil-Malti, bil-Pollakk, bil-Portugiż, bir-Rumen, bis-Slovakk, bis-Sloven, bl-Ispanjol, bl-Iżvediż, u bil-lingwa tal-Montenegro, b’kull wieħed minn dawk it-testi ugwalment awtentiku.

B’XHIEDA TA’ DAN, il-Plenipotenzjarji ffirmati hawn taħt, debitament awtorizzati għal dan il-għan, iffirmaw dan il-Ftehim.

Image 1L1402023MT110120230515MT0001.00013131DIKJARAZZJONI FIR-RIGWARD TAL-IŻLANDA, IR-RENJU TAN-NORVEĠJA, IL-KONFEDERAZZJONI ŻVIZZERA U L-PRINĊIPAT TAL-LIECHTENSTEINIl-Partijiet għall-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Montenegro dwar attivitajiet operazzjonali mwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fil-Montenegro jieħdu nota tar-relazzjoni mill-qrib bejn l-Unjoni Ewropea u l-Iżlanda, ir-Renju tan-Norveġja, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein, b’mod partikolari bis-saħħa tal-Ftehimiet tat-18 ta’ Mejju 1999 u tas-26 ta’ Ottubru 2004 dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawk il-pajjiżi mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen.F’tali ċirkostanzi huwa mixtieq li l-awtoritajiet tal-Iżlanda, ir-Renju tan-Norveġja, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein, min-naħa, u l-Montenegro, min-naħa l-oħra, jikkonkludu, mingħajr dewmien, ftehimiet bilaterali dwar attivitajiet operazzjonali mwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fil-Montenegro f’termini simili għal dawk tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Montenegro dwar attivitajiet operazzjonali mwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fil-Montenegro.

 


(1)  Ir-Regolament (UE) 2019/1896 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 2019 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1052/2013 u (UE) 2016/1624 (ĠU UE L 295, 14.11.2019, p. 1).

(2)  ĠU KE L 56, 4.3.1968, p. 1.

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/443 tat-13 ta’ Marzu 2015 dwar is-Sigurtà fil-Kummissjoni (ĠU UE L 72, 17.3.2015, p. 41).