16.11.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 295/52


DEĊIŻJONI Nru 1/2022 TAL-KUMITAT DWAR IL-KOOPERAZZJONI DOGANALI ALN-UE

tad-19 ta’ Ottubru 2022

dwar deroga awtomatika mir-regoli tal-oriġini stabbiliti fil-Protokoll 1 tal-Ftehim li jistabbilixxi qafas għal Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-Istati tal-Afrika tal-Lvant u tan-Nofsinhar, minn naħa, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, dwar id-deroga awtomatika prevista fl-Artikolu 44(8) għat-tonn ippreservat u għal-lojns tat-tonn li jiġu importati fl-UE [2022/2251]

IL-KUMITAT DWAR IL-KOOPERAZZJONI DOGANALI,

Wara li kkunsidra l-Ftehim Interim li jistabbilixxi qafas għal Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-Istati tal-Afrika tal-Lvant u tan-Nofsinhar minn naħa, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, u b’mod partikolari l-Artikolu 43(4) tal-Protokoll 1 tiegħu,

Billi:

(1)

Il-Ftehim Interim li jistabbilixxi qafas għal Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-Istati tal-Afrika tal-Lvant u tan-Nofsinhar (ESA), minn naħa, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra (1) (“l-FSE interim”) ilu japplika b’mod proviżorju mill-14 ta’ Mejju 2012 bejn l-Unjoni u r-Repubblika ta’ Madagascar, ir-Repubblika ta’ Mauritius, ir-Repubblika tas-Seychelles u r-Repubblika taż-Żimbabwe. L-FSE interim ilu japplika mis-7 ta’ Frar 2019 b’mod proviżorju bejn l-Unjoni u l-Unjoni ta’ Comoros.

(2)

Il-Protokoll 1 (2) tal-FSE interim, li jikkonċerna d-definizzjoni tal-kunċett ta’ “prodotti oriġinarji” u metodi ta’ kooperazzjoni amministrattiva, jinkludi r-regoli tal-oriġini għall-importazzjoni fl-Unjoni ta’ prodotti li joriġinaw mill-Istati tal-ESA.

(3)

F’konformità mal-Artikolu 44(8) tal-Protokoll 1 tal-FSE interim, jingħataw derogi awtomatiċi minn dawk ir-regoli tal-oriġini, għall-kwota annwali ta’ 8 000 tunnellata tonn fil-landa u ta’ 2 000 tunnellata lojns tat-tonn.

(4)

Fit-2 ta’ Ottubru 2017, il-Kumitat dwar il-Kooperazzjoni Doganali ALN-UE adotta d-Deċiżjoni Nru 1/2017 (3), li tagħti deroga awtomatika mir-regoli tal-oriġini fir-rigward tat-tonn ippreservat u l-lojns tat-tonn importati fl-Unjoni f’konformità mal-Protokoll 1 tal-FSE interim mill-1 ta’ Jannar 2018 sal-31 ta’ Diċembru 2022.

(5)

Fl-10 ta’ Ġunju 2022, il-Kummissjoni Ewropea rċeviet talba mingħand ir-Repubblika tas-Seychelles f’isem l-Istati tal-ESA, għal deroga awtomatika ġdida mill-1 ta’ Jannar 2023, f’konformità mal-Artikolu 44(8) tal-Protokoll 1 tal-FSE interim, u li tibqa’ valida sal-konklużjoni u l-applikazzjoni ta’ Protokoll ġdid.

(6)

Id-deroga awtomatika attwali tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2022. F’konformità mal-Artikolu 44(8) tal-Protokoll 1 tal-FSE interim, jenħtieġ li l-Kumitat dwar il-Kooperazzjoni Doganali ALN-UE jagħti din id-deroga awtomatikament lill-Istati tal-ESA.

(7)

Ir-referenza fl-Artikolu 44(8) tal-Protokoll 1 tal-FSE interim għal “tonn fil-landa” għandha tinftiehem li tkopri t-tonn ippreservat fiż-żejt veġetali jew b’modi oħra. Għal dawk it-tipi ta’ tonn, l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 (4) (“in-Nomenklatura Magħquda”) jirreferi għat-terminu “ippreservat”. It-terminu “tonn ippreservat” ikopri t-tonn fil-landa, iżda wkoll it-tonn ippakkjat f’vakwu f’boroż tal-plastik jew f’kontenituri oħra. Għalhekk jixraq li jintuża t-terminu “tonn ippreservat”.

(8)

Fl-interess taċ-ċarezza, jixraq li jiġi stabbilit b’mod espliċitu li t-tonn mhux oriġinarju li se jintuża fil-manifattura tat-tonn ippreservat tal-kodiċijiet NM 1604 14 21, 31 u 41, 1604 14 28, 38 u 48, ex 1604 20 70, u tal-lojns tat-tonn tal-kodiċi NM 1604 14 26, 36 u 46 jenħtieġ li jkun tonn tal-Intestaturi tas-SA 0302 jew 0303, sabiex it-tonn ippreservat u l-lojns tat-tonn jibbenefikaw mid-deroga.

(9)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 (5) jistabbilixxi r-regoli għall-ġestjoni tal-kwoti tariffarji. Jenħtieġ li dawk ir-regoli jiġu applikati għall-ġestjoni tal-kwantità li għaliha qed tingħata d-deroga permezz ta’ din id-Deċiżjoni.

(10)

Jenħtieġ li d-deroga awtomatika mitluba tingħata mill-Kumitat dwar il-Kooperazzjoni Doganali ALN-UE tul il-perjodu li jibqa’ jseħħ l-Artikolu 44(8) tal-Protokoll 1.

(11)

Sabiex ikun hemm monitoraġġ effiċjenti tat-tħaddim tad-deroga, jenħtieġ li l-awtoritajiet tal-Istati tal-ESA b’mod regolari jibagħtu lill-Kummissjoni Ewropea d-dettalji taċ-ċertifikati tal-moviment EUR.1 maħruġa jew id-dikjarazzjonijiet fuq fattura li jsiru għall-prodotti kkonċernati, skont din id-Deċiżjoni.

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

B’deroga mill-Anness II tal-Protokoll 1 tal-FSE interim għat-tonn ippreservat u għal-lojns tat-tonn tal-intestatura 1604, ir-regola fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni għandha tikkonferixxi l-oriġini lill-prodotti esportati minn Stat tal-ESA lejn l-Unjoni, f’konformità mat-termini stipulati fl-Artikoli 2 sa 5 ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Id-deroga prevista fl-Artikolu 1 għandha tapplika fuq bażi annwali għall-prodotti u l-kwantitajiet stabbiliti fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni li jkunu ddikjarati għar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera fl-Unjoni meta jiġu importati minn Stat tal-ESA. Ma tibqax tapplika malli ma jibqax fis-seħħ jew jiġi emendat jew sostitwit l-Artikolu 44(8) tal-Protokoll 1 tal-FSE interim.

Artikolu 3

Il-kwantità stabbilita fl-Anness għandha tiġi ġestita f’konformità mal-Artikoli 49 sa 54 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447.

Artikolu 4

L-awtoritajiet doganali tal-Istati tal-ESA għandhom iwettqu l-verifiki kwantitattivi fuq l-esportazzjonijiet tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 1.

Qabel tmiem ix-xahar ta’ wara kull trimestru, l-awtoritajiet doganali ta’ dawk il-pajjiżi lill-Kummissjoni għandhom jibagħtulha dikjarazzjoni dwar il-kwantitajiet li għalihom ikunu nħarġu ċ-ċertifikati tal-moviment EUR.1, jew li dwarhom ikunu saru dikjarazzjonijiet fuq fattura skont din id-Deċiżjoni, u n-numri tas-serje ta’ dawk iċ-ċertifikati, jew id-dettalji ta’ dawk id-dikjarazzjonijiet fuq fattura, permezz tas-Segretarjat tal-Kumitat dwar il-Kooperazzjoni Doganali.

Artikolu 5

Skont din id-Deċiżjoni, il-Kaxxa 7 taċ-ċertifikati tal-moviment EUR.1 li nħarġu jew id-dikjarazzjonijiet fuq fattura li saru, għandha tinkludi waħda mill-indikazzjonijiet li ġejjin:

“Derogation - Decision No 1/2022 of the ESA-EU Customs Cooperation Committee of 19 October 2022.”;

“Dérogation - Décision n° 1/2022 du Comité de Coopération Douanière AfOA-UE du 19 octobre 2022.”;

Artikolu 6

L-Istati tal-ESA u l-Unjoni għandhom jattwaw il-miżuri meħtieġa min-naħa tagħhom biex jimplimentaw din id-Deċiżjoni.

Artikolu 7

Meta l-Unjoni tiskopri, abbażi ta’ informazzjoni oġġettiva, każijiet ta’ irregolarità jew ta’ frodi, jew ta’ nuqqas ripetut tar-rispett tal-obbligi stipulati fl-Artikolu 4, l-Unjoni tista’ titlob sospensjoni temporanja tad-deroga msemmija fl-Artikolu 1 f’konformità mal-proċedura prevista fl-Artikolu 22(5) u (6) tal-FSE interim.

Artikolu 8

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2023.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Ottubru 2022.

Beryl Shirley SAMSON

Ir-Rappreżentant tal-ESA

f’isem l-Istati tal-ESA

Matthias PETSCHKE

Il-Kummissjoni Ewropea

f’isem l-Unjoni Ewropea


(1)   ĠU L 111, 24.4.2012, p. 2.

(2)  Id-Deċiżjoni Nru 1/2020 tal-Kumitat tal-FSE tal-14 ta’ Jannar 2020 li temenda ċerti dispożizzjonijiet tal-Protokoll 1 dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “prodotti oriġinarji” u l-metodi ta’ koperazzjoni amministrattiva għall-Ftehim Interim li jistabbilixxi qafas għal Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-Istati tal-Afrika tal-Lvant u tan-Nofsinhar, minn naħa, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra [2020/425] (ĠU L 93, 27.3.2020, p. 1).

(3)  Id-Deċiżjoni Nru 1/2017 tal-Kumitat dwar il-Kooperazzjoni Doganali ALN-UE tat-2 ta’ Ottubru 2017 dwar deroga mir-regoli ta' oriġini stipulati fil-Protokoll 1 għall-Ftehim Interim li jistabbilixxi qafas għal Ftehim ta' Sħubija Ekonomika bejn l-Istati tal-Afrika tal-Lvant u tan-Nofsinhar, min-naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, biex jittieħed kont tas-sitwazzjoni speċjali tal-Istati tal-Afrika tal-Lvant u tan-Nofsinhar fir-rigward tat-tonn ippreservat u l-flettijiet tat-tonn [2017/1923] (ĠU L 271, 20.10.2017, p. 44).

(4)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju, 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta' Dwana (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1).

(5)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558).


ANNESS

Nru tal-ordni

Nomenklatura Magħquda

Deskrizzjoni tal-prodotti

Perjodu

Kwota annwali tal-esportazzjonijiet mill-Istati tal-ESA li huma partijiet għall-FSE lejn l-Unjoni Ewropea (tunnellati metriċi, piż nett)

Regola tal-Oriġini Speċifika għall-Prodott

09.1618

1604 14 21 , 31 u 41

1604 14 28 , 38 u 48

ex 1604 20 70  (1)

Tonn ippreservat (2)

Mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru

8 000

Manifattura fejn il-materjali kollha li jintużaw huma kklassifikati f’kapitolu differenti minn dak tal-prodott

09.1619

1604 14 26 , 36 u 46

Lojns tat-tonn

Mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru

2 000

Manifattura fejn il-materjali kollha li jintużaw huma kklassifikati f’kapitolu differenti minn dak tal-prodott


(1)  Kodiċijiet TARIC 1604207030, 1604207040, 1604207050, 1604207092 u 1604207094

(2)  Fi kwalunkwe forma ta’ imballaġġ li fih il-prodott jitqies li jkun ippreservat fit-tifsira tal-intestatura tas-SA 1604