28.10.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 280/98


ID-DEĊIŻJONI Nru 1/2022 TAS-SOTTOKUMITAT DOGANALI TAL-UE U TAR-REPUBBLIKA TAL-MOLDOVA

tat-3 ta’ Ottubru 2022

dwar ir-rikonoxximent reċiproku tal-programm tal-operaturi ekonomiċi awtorizzati tar-Repubblika ta’ Moldova u tal-programm tal-operaturi ekonomiċi awtorizzati tal-Unjoni Ewropea [2022/2089]

IS-SOTTOKUMITAT DOGANALI TAL-UE U TAR-REPUBBLIKA TAL-MOLDOVA,

Wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Repubblika tal-Moldova, min-naħa l-oħra (1), u b’mod partikolari it-Titolu V, il-Kapitolu 5, tiegħu,

Billi:

(1)

It-Titolu V, il-Kapitolu 5, tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Moldova min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”), għandu l-għan li jsaħħaħ il-kooperazzjoni fil-qasam tad-dwana biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni tal-objettivi ta’ dak il-Kapitolu u l-kummerċ ikun iffaċilitat aktar, filwaqt li jiġu żgurati l-kontroll effettiv, is-sigurtà, u l-prevenzjoni tal-frodi.

(2)

L-Artikolu 197(j) tal-Ftehim jipprevedi l-impenn tal-Partijiet li jistabbilixxu, fejn rilevanti u xieraq, ir-rikonoxximent reċiproku ta’ programmi ta’ sħubija kummerċjali u kontrolli doganali, inklużi miżuri ekwivalenti ta’ faċilitazzjoni tal-kummerċ.

(3)

Is-sigurtà u s-sikurezza, u l-faċilitazzjoni tal-katina tal-provvista kummerċjali internazzjonali, jistgħu jittejbu b’mod sinifikanti permezz tar-rikonoxximent reċiproku tal-programmi rispettivi ta’ sħubija kummerċjali, jiġifieri l-programm tal-operaturi ekonomiċi awtorizzati (AEO) fil-Moldova u l-programm AEO fl-Unjoni;

(4)

Iż-żewġ programmi tal-AEO huma bbażati fuq standards ta’ sigurtà rikonoxxuti internazzjonalment li huma rakkomandati mill-Qafas ta’ Standards SAFE li Jiżguraw u Jiffaċilitaw il-Kummerċ Globali, adottat mill-Organizzazzjoni Dinjija Doganali f’Ġunju tal-2005 (“il-Qafas SAFE”).

(5)

Ir-rikonoxximent reċiproku jippermetti lill-Partijiet jipprovdu l-benefiċċji tal-faċilitazzjoni lill-operaturi ekonomiċi li investew fis-sigurtà tal-katina tal-provvista u ġew awtorizzati fil-programmi rispettivi tagħhom.

(6)

Iż-żjarat fuq il-post u evalwazzjoni konġunta tal-programmi AEO fl-Unjoni u fir-Repubblika tal-Moldova wrew li l-istandards ta’ kwalifika tagħhom għal skopijiet ta’ sigurtà u sikurezza huma kompatibbli u jwasslu għal riżultati ekwivalenti.

(7)

L-Artikolu 200(1) tal-Ftehim jistabbilixxi s-Sottokumitat Doganali. Skont l-Artikolu 200(3)(b) tal-Ftehim, dan għandu s-setgħa li jadotta d-deċiżjonijiet dwar ir-rikonoxximent reċiproku tal-kontrolli doganali u l-programmi ta’ sħubija kummerċjali, u l-benefiċċji miftiehma b’mod reċiproku.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-iskopijiet ta’ din id-Deċiżjoni, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“Awtorità Doganali” tfisser l-awtorità doganali ta’ Stat Membru tal-Unjoni jew l-awtorità doganali tar-Repubblika tal-Moldova, minn hawn ’il quddiem imsejħa kollettivament “l-Awtoritajiet Doganali”;

(2)

“operatur ekonomiku” tfisser persuna involuta fil-moviment internazzjonali tal-merkanzija;

(3)

data personali” tfisser kull informazzjoni li jkollha x’taqsam ma’ individwu identifikat jew identifikabbli;

(4)

“Programm” tfisser:

(a)

fl-Unjoni: l-istatus (ta’ sigurtà u sikurezza) ta’ operatur ekonomiku awtorizzat (AEO) mogħti skont l-Artikolu 38(2), il-punt (b) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2);

(b)

fil-Moldova: il-programm AEO li jkopri l-awtorizzazzjoni tas-Sigurtà u s-Sikurezza tal-AEO u l-awtorizzazzjoni tas-Simplifikazzjonijiet Doganali/Sigurtà u Sikurezza tal-AEO (AEOC/AEOS) ikkombinati, fejn l-operaturi ekonomiċi minn żoni barra mill-kontroll tal-gvern ikunu eliġibbli għal awtorizzazzjoni AEO biss ladarba jkunu jistgħu jiġu vvalutati u evalwati l-kriterji kollha tal-AEO mill-awtoritajiet kompetenti ċentrali, jiġifieri l-kwartieri ġenerali tal-amministrazzjoni doganali tar-Repubblika tal-Moldova.

(5)

“Membri tal-Programm” tfisser operaturi ekonomiċi li għandhom status ta’ AEO fl-Unjoni u operaturi ekonomiċi li għandhom status ta’ sħubija fir-Repubblika tal-Moldova kif imsemmi fil-punt (4) meta jissemmew b’mod kollettiv.

Artikolu 2

Rikonoxximent reċiproku u l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni

1.   Il-programmi tal-Unjoni u tar-Repubblika tal-Moldova qegħdin hawnhekk jiġu rikonoxxuti reċiprokament li huma kompatibbli u ekwivalenti u li l-istatus rispettiv ta’ AEO li jingħata minn kull naħa huwa aċċettat b’mod reċiproku.

2.   Il-Partijiet għandhom jimplimentaw din id-Deċiżjoni permezz tal-Awtoritajiet Doganali rispettivi tagħhom.

Artikolu 3

Kompatibbiltà

L-Awtoritajiet Doganali għandhom jikkooperaw biex iżommu l-kompatibbiltà u l-ekwivalenza bejn il-Programmi tagħhom, b’mod partikolari fir-rigward tal-kwistjonijiet li ġejjin:

(a)

il-proċess tal-applikazzjoni għall-għoti ta’ status u sħubija ta’ AEO;

(b)

il-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet;

(c)

l-għoti tal-istatus ta’ AEO u s-sħubija;

(d)

il-ġestjoni, il-monitoraġġ, is-sospensjoni u r-rivalutazzjoni, u r-revoka tal-istatus ta’ AEO u tas-sħubija;

(e)

il-promozzjoni tal-kooperazzjoni bejn l-Awtoritajiet Doganali u l-Awtoritajiet Ambjentali biex tiġi promossa l-konformità tal-istatus ta’ AEO u tas-sħubija mal-istandards ambjentali internazzjonali.

Il-Partijiet għandhom jiżguraw li l-programmi ta’ sħubija kummerċjali joperaw skont l-istandards rilevanti tal-Qafas SAFE.

Artikolu 4

Benefiċċji

1.   Kull Awtorità Doganali għandha tipprovdi l-benefiċċji lill-Membri tal-Programm tal-Awtorità Doganali l-oħra li huma komparabbli mal-benefiċċji li hija tipprovdi lill-Membri tal-Programm tagħha.

2.   Il-benefiċċji msemmija fil-paragrafu 1 jinkludu:

(a)

kontrolli b’rabta mas-sigurtà u s-sikurezza mnaqqsa: kull Awtorità Doganali tqis l-istatus ta’ Membru tal-Programm mogħti mill-Awtorità Doganali l-oħra b’mod favorevoli fil-valutazzjoni tar-riskju tagħha sabiex tnaqqas l-ispezzjonijiet jew il-kontrolli, u f’miżuri oħrajn relatati mas-sigurtà u s-sikurezza;

(b)

ir-rikonoxximent tas-sħab kummerċjali waqt il-proċess tal-applikazzjoni: kull Awtorità Doganali tqis l-istatus ta’ Membru tal-Programm mogħti mill-Awtorità Doganali l-oħra bil-għan li tittratta lill-Membru tal-Programm bħala msieħeb sigur u sikur meta tivvaluta r-rekwiżiti tal-imsieħba kummerċjali għall-applikanti skont il-Programm tagħha;

(c)

trattament prijoritarju mal-iżdoganar tal-merkanzija:Trattament prijoritarju mal-iżdoganar tal-merkanzija: kull Awtorità Doganali tqis l-istatus ta’ Membru tal-Programm mogħti mill-Awtorità Doganali l-oħra sabiex tiżgura trattament ta’ prijorità, ipproċessar imħaffef, formalitajiet simplifikati u rilaxx imħaffef tal-kunsinni meta jkunu involuti l-Membri tal-Programm;

(d)

mekkaniżmu ta’ kontinwità kummerċjali: iż-żewġ Awtoritajiet Doganali jagħmlu ħilithom sabiex jistabbilixxu mekkaniżmu ta’ kontinwità kummerċjali sabiex ikun hemm rimedju għat-tfixkil fil-flussi kummerċjali minħabba żidiet fil-livelli ta’ twissija tas-sigurtà, l-għeluq tal-fruntieri jew diżastri naturali, emerġenzi perikolużi jew inċidenti kbar oħrajn, fejn il-merkanzija ta’ prijorità relatata mal-Membri tal-Programm tista’ tiġi ffaċilitata u mibgħuta bl-aktar mod rapidu possibbli mill-Awtoritajiet Doganali;

(e)

l-għoti ta’ prijorità lill-ispezzjoni tal-kunsinni koperti minn dikjarazzjonijiet fil-qosor tal-ħruġ jew tad-dħul ippreżentati minn Membru tal-Programm, jekk l-Awtorità Doganali tiddeċiedi li tipproċedi bi spezzjoni.

3.   Wara l-proċess ta’ rieżami msemmi fl-Artikolu 7(3), kull Awtorità Doganali tista’ tipprovdi, b’kooperazzjoni ma’ awtoritajiet governattivi oħra fit-territorju tagħha, aktar benefiċċji ta’ faċilitazzjoni, li jistgħu jinkludu proċessi ta’ simplifikazzjoni u sa fejn ikun possibbli, żieda fil-prevedibbiltà tal-moviment mal-fruntiera.

4.   Kull Awtorità Doganali:

(a)

tista’ tissospendi l-benefiċċji pprovduti lill-Membri tal-Programm tal-Awtorità Doganali l-oħra skont din id-Deċiżjoni;

(b)

għandha, fi żmien raġonevoli, tikkomunika s-sospensjoni deskritta skont il-punt (a) u r-raġunijiet għas-sospensjoni lill-Awtorità Doganali l-oħra;

(c)

tista’ tipproċedi biss għal sospensjoni skont il-punt (a) għal raġunijiet ekwivalenti għal dawk li għalihom tissospendi l-Membri tal-Programm mill-Programm tagħha.

5.   Kull Awtorità Doganali għandha, meta tqis xieraq, tirrapporta xi irregolaritajiet li jinvolvu Membri tal-Programm, tal-Programm tal-Awtorità Doganali l-oħra lil dik l-Awtorità Doganali sabiex tiġi żgurata analiżi immedjata tal-adegwatezza tal-benefiċċji u tal-istatus mogħtija mill-Awtorità Doganali l-oħra.

6.   Għal aktar ċertezza, din id-Deċiżjoni ma tillimitax Parti jew Awtorità Doganali milli titlob l-informazzjoni skont l-assistenza amministrattiva reċiproka msemmija fl-Artikolu 198 tal-Ftehim jew strument ieħor applikabbli bejn il-Partijiet, jew bejn l-Awtoritajiet Doganali.

Artikolu 5

Skambju ta’ informazzjoni u komunikazzjoni

1.   L-Awtoritajiet Doganali għandhom itejbu l-komunikazzjoni bejniethom sabiex jimplimentaw din id-Deċiżjoni b’mod effettiv billi:

(a)

jipprovdu d-dettalji lil xulxin dwar il-Membri tal-Programm tagħhom f’konformità mal-paragrafu 3;

(b)

jipprovdu l-aġġornamenti dwar l-operabbiltà u l-iżvilupp tal-Programmi tagħhom lil xulxin f’ħin opportun;

(c)

jiskambjaw l-informazzjoni rigward il-politika u x-xejriet tas-sigurtà tal-katina tal-provvista; u

(d)

jiżguraw komunikazzjoni effettiva permezz tas-servizzi kompetenti tal-Kummissjoni Ewropea u l-amministrazzjoni doganali tar-Repubblika tal-Moldova biex jissaħħu l-prattiki tal-immaniġġjar tar-riskji fir-rigward tas-sigurtà tal-katina tal-provvista.

2.   L-iskambju tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni fil-qafas ta’ din id-Deċiżjoni għandu jsir bejn is-servizzi kompetenti tal-Kummissjoni Ewropea u l-amministrazzjoni doganali tar-Repubblika tal-Moldova.

3.   Malli tirċievi l-kunsens mill-Membru tal-Programm tagħha, kull Awtorità Doganali għandha tibgħat id-dettalji li ġejjin dwar dak il-Membru tal-Programm lill-Awtorità Doganali l-oħra:

(a)

l-isem;

(b)

l-indirizz;

(c)

l-istatus ta’ sħubija, jiġifieri awtorizzat, sospiż, revokat jew ikkanċellat;

(d)

id-data tal-validazzjoni jew tal-awtorizzazzjoni meta tkun disponibbli;

(e)

numru uniku ta’ identifikazzjoni (pereżempju: numri EORI jew AEO); u

(f)

dettalji oħra li jistgħu jiġu ddeterminati b’mod reċiproku bejn l-Awtoritajiet Doganali, soġġetti, fejn japplika, għal kull salvagwardja meħtieġa.

Għal aktar ċertezza, id-dettalji msemmija fil-punt (c) tal-ewwel subparagrafu ma jinkludux ir-raġunijiet għas-sospensjoni, għar-revoka jew għall-kanċellazzjoni.

4.   L-Awtoritajiet Doganali għandhom jiskambjaw l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 3 b’mod sistematiku permezz ta’ mezzi elettroniċi.

Artikolu 6

Trattament tal-informazzjoni

1.   Kull Awtorità Doganali għandha:

(a)

sakemm ma jkunx previst mod ieħor f’din id-Deċiżjoni, tuża kull informazzjoni, anki xi data personali li tirċievi skont din id-Deċiżjoni, għall-iskop waħdieni li timplimenta din id-Deċiżjoni, inkluż il-monitoraġġ u r-rappurtar; u

(b)

minkejja l-punt (a), tikseb l-approvazzjoni bil-miktub minn qabel mingħand l-Awtorità Doganali li bagħtet l-informazzjoni biex tuża l-informazzjoni għal skopijiet oħra. Dan l-użu mbagħad għandu jkun suġġett għal kull restrizzjoni stabbilita minn dik l-awtorità.

2.   Kull Awtorità Doganali għandha:

(a)

tittratta l-informazzjoni li tirċievi skont din id-Deċiżjoni bħala kunfidenzjali; u

(b)

tipprovdi tal-inqas l-istess livell ta’ protezzjoni għall-informazzjoni li tirċievi skont din id-Deċiżjoni bħalma tipprovdi lill-informazzjoni li tirċievi mill-Membri tal-Programm tal-Programm tagħha.

3.   Minkejja l-paragrafu 1, il-punt (a), Awtorità Doganali tista’ tuża l-informazzjoni li tirċievi skont din id-Deċiżjoni fi kwalunkwe proċedura ġudizzjarja jew amministrattiva mibdija għal nuqqas ta’ konformità mal-liġi doganali tagħha, inkluż fir-rekords ta’ evidenza, fir-rapporti u fix-xhieda tagħha. L-Awtorità Doganali li tkun irċeviet l-informazzjoni għandha tinnotifika lill-Awtorità Doganali li tkun bagħtet dik l-informazzjoni qabel dan l-użu.

4.   Kull Awtorità Doganali għandha:

(a)

tiżvela l-informazzjoni li tirċievi skont din id-Deċiżjoni biss għall-iskop li tkun intbagħtitilha; u

(b)

minkejja l-punt (a), meta tkun meħtieġa tiżvela xi informazzjoni fi proċeduri ġudizzjarji jew amministrattivi jew meta tkun meħtieġa tiżvela xi informazzjoni mil-liġi tagħha, tinforma bil-quddiem u bil-miktub dwar l-iżvelar lill-Awtorità Doganali li tkun bagħtet l-informazzjoni sakemm ma titħalliex tagħmel dan mil-liġi jew minħabba investigazzjoni li tkun għaddejja. F’dak il-każ, din għandha tinforma lill-Awtorità Doganali li tkun bagħtet l-informazzjoni malajr kemm jista’ jkun wara l-iżvelar.

5.   Kull Awtorità Doganali għandha:

(a)

tiżgura li l-informazzjoni li tibgħat tkun akkurata u aġġornata regolarment;

(b)

tadotta jew iżżomm proċeduri xierqa ta’ tħassir;

(c)

tinnotifika fil-pront lill-Awtorità Doganali l-oħra jekk tiddetermina li l-informazzjoni li tkun bagħtet lill-Awtorità Doganali l-oħra ma tkunx preċiża, mhux kompluta, jew mhux affidabbli, jew jekk il-wasla jew aktar użu tagħha jmur kontra din id-Deċiżjoni;

(d)

tieħu l-miżuri kollha li tqis xierqa, inklużi s-supplimentazzjoni, it-tħassir jew il-korrezzjoni tal-informazzjoni msemmija fil-punt (c), biex tissalvagwardja kontra d-dipendenza żbaljata fuq tali informazzjoni; u

(e)

iddum iżżomm l-informazzjoni li tirċievi skont din id-Deċiżjoni kemm ikun meħtieġ biss għall-finijiet tal-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, ħlief meta jkun meħtieġ mod ieħor skont il-liġi tagħha, jew għall-finijiet ta’ proċeduri ġudizzjarji jew amministrattivi.

6.   Minbarra dak li hemm imsemmi fil-paragrafi 4 u 5, kull Awtorità Doganali għandha tiżgura b’mod partikolari li:

(a)

ikun hemm fis-seħħ salvagwardji tas-sigurtà (inklużi salvagwardji elettroniċi) biex jikkontrollaw, fuq il-bażi tal-ħtieġa ta’ tagħrif, l-aċċess għall-informazzjoni li tirċievi mingħand l-Awtorità Doganali l-oħra skont din id-Deċiżjoni;

(b)

l-informazzjoni li tasal mill-Awtorità Doganali l-oħra skont din id-Deċiżjoni tkun protetta mill-aċċess mhux awtorizzat, mid-disseminazzjoni, mill-modifika, mit-tħassir jew mill-qerda;

(c)

l-informazzjoni li tirċievi mingħand l-Awtorità Doganali l-oħra skont din id-Deċiżjoni ma tiġix divulgata lil ebda persuna jew parti privata, lil ebda Stat jew korp internazzjonali li mhumiex parti għall-Ftehim, jew lil ebda awtorità pubblika oħra tal-Unjoni jew tar-Repubblika tal-Moldova, ħlief meta jkun meħtieġ fi proċeduri ġudizzjarji jew amministrattivi, jew meta meħtieġ mil-liġi tagħha; u

(d)

l-informazzjoni riċevuta mill-Awtorità Doganali l-oħra skont din id-Deċiżjoni tinħażen dejjem f’sistemi tal-ħżin elettroniċi jew tal-karti siguri, u li jinżammu reġistri jew dokumentazzjoni fuq kull aċċess, żvelar u użu ta’ informazzjoni riċevuti mill-Awtorità Doganali l-oħra.

7.   Kull Awtorità Doganali għandha:

(a)

tiżgura li d-data personali ta’ Membru tal-Programm tal-Awtorità Doganali l-oħra tiġi ttrattata b’mod tal-inqas ekwivalenti għad-data personali tal-Membru tal-Programm tagħha, peress li hija relatata mal-aċċess, mal-korrezzjoni u maż-żmien tagħha, jew mas-sospensjoni temporanja tal-użu tagħha; u

(b)

tippubblika l-informazzjoni biex tinforma lill-Membri tal-Programm tagħha dwar il-proċess li japplika għat-talbiet imsemmija fil-punt (a) skont il-liġi tagħha.

8.   Kull Awtorità Doganali għandha tipprevedi li l-Membri tal-Programm ikollhom aċċess, għall-informazzjoni f’dak li għandu x’jaqsam mad-data personali tagħhom, ma’ rimedju amministrattiv jew ma’ stħarriġ ġudizzjarju, irrispettivament min-nazzjonalità jew mill-pajjiż ta’ residenza tagħhom.

9.   L-Awtoritajiet Doganali għandhom jippubblikaw l-informazzjoni biex jgħarrfu lill-Membri tal-Programm dwar l-alternattivi li għandhom biex ifittxu rimedju amministrattiv jew stħarriġ ġudizzjarju.

10.   Il-konformità mad-dispożizzjonijiet f’dan l-Artikolu minn kull Awtorità Doganali hija soġġetta għal rieżami mill-awtorità rilevanti rispettiva tagħhom, li tiżgura li l-ilmenti relatati man-nuqqas ta’ konformità fit-trattament tal-informazzjoni jintlaqgħu, jiġu investigati, jitwieġbu, u jiġu rimedjati kif xieraq. Dawn l-awtoritajiet huma:

(a)

fl-Unjoni: il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data jew is-suċċessur tiegħu, u l-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data tal-Istati Membri;

(b)

fir-Repubblika tal-Moldova: iċ-Ċentru Nazzjonali għall-Protezzjoni tad-Data Personali jew is-suċċessur tiegħu fi ħdan l-amministrazzjoni doganali tar-Repubblika tal-Moldova.

Artikolu 7

Konsultazzjoni, monitoraġġ u rieżami

1.   L-Awtoritajiet Doganali għandhom isolvu l-kwistjonijiet li jinqalgħu b’rabta mal-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni permezz ta’ konsultazzjonijiet taħt l-awspiċi tas-Sottokumitat Doganali.

2.   Iż-żewġ Partijiet għandhom jikkooperaw mill-qrib fir-rigward tal-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u din għandhom jimmonitorjawha regolarment permezz ta’ żjarat ta’ monitoraġġ konġunti perjodiċi fuq il-post biex jidentifikaw il-punti b’saħħithom u d-dgħufijiet possibbli fil-Programmi taż-żewġ Partijiet.

3.   Is-Sottokumitat Doganali għandu jirrieżamina l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni b’mod regolari. Dan il-proċess ta’ rieżami jista’ jinkludi, b’mod partikolari:

(a)

skambji ta’ fehmiet dwar id-dettalji skambjati u l-benefiċċji tal-AEO msemmija fl-Artikolu 4 mogħtija lill-Membri tal-Programm, inkluż kull dettall jew benefiċċju tal-AEO futur imsemmi fl-Artikolu 4;

(b)

skambji ta’ fehmiet dwar id-dispożizzjonijiet dwar is-sigurtà bħal protokolli li jridu jiġu segwiti waqt u wara inċident tas-sigurtà serju (tkomplija mill-ġdid tal-attivitajiet kummerċjali), jew meta l-kundizzjonijiet jkunu tali li jiġġustifikaw is-sospensjoni tar-rikonoxximent reċiproku;

(c)

eżami tas-sospensjoni tal-benefiċċji msemmija fl-Artikolu 4; u

(d)

rieżami tal-implimentazzjoni tal-Artikolu 6.

Artikolu 8

Dispożizzjonijiet finali

1.   Is-Sottokumitat Doganali jista’ jemenda din id-Deċiżjoni. L-emenda għandha tidħol fis-seħħ f’konformità mal-proċedura deskritta fl-Artikolu 9.

2.   Awtorità Doganali tista’ tissospendi l-kooperazzjoni skont din id-Deċiżjoni f’kull ħin billi tipprovdi avviż bil-miktub 30 jum qabel lill-Awtorità Doganali l-oħra. Dan l-avviż jintbagħat ukoll lis-servizzi kompetenti tal-Kummissjoni Ewropea u lill-amministrazzjoni doganali tar-Repubblika tal-Moldova. Minkejja s-sospensjoni tal-kooperazzjoni skont din id-Deċiżjoni, l-Awtoritajiet Doganali għandhom ikomplu jikkonformaw mal-Artikolu 6(1), (2), u (4) sa (6) biex jiżguraw il-protezzjoni tal-informazzjoni.

3.   Parti tista’ ttemm din id-Deċiżjoni fi kwalunkwe ħin billi tinnotifika lill-Parti l-oħra permezz ta’ mezzi diplomatiċi. Din id-Deċiżjoni għandha tintemm 30 jum wara li l-Parti l-oħra tirċievi n-notifika bil-miktub. Minkejja t-tmiem ta’ din id-Deċiżjoni, l-Awtoritajiet Doganali għandhom ikomplu jikkonformaw mal-Artikolu 6(2), (4), u (6) biex jiżguraw il-protezzjoni tal-informazzjoni.

Artikolu 9

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tax-xahar ta’ wara d-data li fiha r-Repubblika tal-Moldova tkun innotifikat lill-Unjoni bit-tlestija tal-proċeduri meħtieġa biex tidħol fis-seħħ.

Magħmul fi Brussell, fit-3 ta’ Ottubru 2022.

Għas-Sottokumitat Doganali

Il-President

Fernando PERREAU DE PINNINCK


(1)   ĠU L 260, 30.8.2014, p. 4.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).