6.5.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 132/107


DEĊIŻJONI Nru 1/2022 TAL-KUNSILL TAS-SĦUBIJA STABBILIT MILL-FTEHIM DWAR IL-KUMMERĊ U L-KOOPERAZZJONI BEJN L-UNJONI EWROPEA U L-KOMUNITÀ EWROPEA TAL-ENERĠIJA ATOMIKA, MINN NAĦA WAĦDA, U R-RENJU UNIT TAL-GRAN BRITTANJA U L-IRLANDA TA’ FUQ, MIN-NAĦA L-OĦRA

tal-5 ta’ Mejju 2022

rigward l-adozzjoni ta’ linji gwida operazzjonali għat-tmexxija tal-Forum tas-Soċjetà Ċivili [2022/707]

IL-KUNSILL TAS-SĦUBIJA,

Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra (il- “Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni”), u B’mod partikolari l-Artikolu 14.1 tiegħu;

Billi:

(1)

L-Artikolu 14 jipprevedi li l-Partijiet għandhom jiffaċilitaw l-organizzazzjoni ta’ Forum tas-Soċjetà Ċivili biex imexxi djalogu dwar l-implimentazzjoni tat-Tieni Parti.

(2)

Il-Kunsill ta’ Sħubija għandu jadotta linji gwida operazzjonali għat-tmexxija tal-Forum.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-linji gwida operazzjonali tal-Forum tas-Soċjetà Ċivili tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, kif stabbiliti fl-Anness, huma b’dan adottati.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell u f’Londra, il-5 ta’ Mejju 2022.

Għall-Kunsill tas-Sħubija

Il-Kopresidenti

Maroš ŠEFČOVIČ

Elizabeth TRUSS


ANNESS

LINJI GWIDA GĦALL-FORUM TAS-SOĊJETÀ ĊIVILI

skont il-“Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni”

L-Artikolu 14(1) u l-Artikolu 14(2) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra (il-“Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni”) jipprevedi li l-Partijiet għandhom jiffaċilitaw l-organizzazzjoni ta’ Forum tas-Soċjetà Ċivili magħmul minn rappreżentanti tas-soċjetà ċivili tal-Unjoni Ewropea u tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq (ir-Renju Unit) li għandu jiltaqa’ mill-inqas darba fis-sena, sakemm l-Partijiet ma jiftehmux mod ieħor. Il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni jipprevedi wkoll li l-Kunsill ta’ Sħubija għandu jadotta l-linji gwida operazzjonali għat-tmexxija tal-Forum.

1.   PARTEĊIPANTI

Skont l-Artikolu 14(3) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni (1), il-Forum tas-Soċjetà Ċivili jlaqqa’ flimkien rappreżentanti tas-soċjetà ċivili tal-Unjoni Ewropea u tar-Renju Unit, jiġifieri rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet tan-negozju u ta’ min iħaddem (iżda mhux kumpaniji privati individwali), trade unions, akkademiċi, u organizzazzjonijiet mhux governattivi f’fergħat differenti tas-soċjetà rilevanti għall-oqsma koperti mill-Parti II tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni. Il-partijiet japplikaw ir-regoli u l-prattiki rispettivi tagħhom dwar ir-reġistrazzjoni tar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili sabiex jippromwovu rappreżentanza bbilanċjata tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.

Għal raġunijiet prattiċi, l-għadd ta’ parteċipanti fiżiċi fil-Forum tas-Soċjetà Ċivili jkun limitat għal 60 rappreżentant mis-Soċjetà Ċivili fuq kull naħa, sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor mill-Partijiet. Dawn ir-rappreżentanti jkunu jistgħu jattendu l-laqgħat tal-Forum tas-Soċjetà Ċivili personalment jew b’mezzi elettroniċi. Il-partijiet jistgħu jaqblu li jagħmlu l-laqgħa għal kollox virtwalment skont l-Artikolu 14(2) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni. Il-Forum tas-Soċjetà Ċivili jkun miftuħ għal membri oħra tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, li jirreġistraw minn qabel, biex ikunu osservaturi.

2.   KAMP TA’ APPLIKAZZJONI

Id-diskussjonijiet tal-Forum tas-Soċjetà Ċivili jkopru l-oqsma fil-Parti II tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni: il-kummerċ, l-avjazzjoni, it-trasport bit-triq, il-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali u l-viżi għal żjarat qosra, is-sajd u dispożizzjonijiet oħra.

3.   KALENDARJU, ORGANIZZAZZJONI U ORDNIJIET TAL-ĠURNATA

Il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni jistabbilixxi li l-Forum tas-Soċjetà Ċivili jiltaqa’ mill-inqas darba fis-sena, sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor mill-Partijiet. Il-Forum tas-Soċjetà Ċivili jiltaqa’ qrib id-data tal-laqgħa tal-Kumitat ta’ Sħubija Kummerċjali, sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor mill-Partijiet. Il-kopresidenti tal-Kumitat ta’ Sħubija Kummerċjali u tal-Kumitati Speċjalizzati fil-Kummerċ u l-kopresidenti tal-Kumitati Speċjalizzati dwar l-Enerġija, it-Trasport bl-Ajru, is-Sikurezza tal-Avjazzjoni, it-Trasport bit-Triq, il-Koordinazzjoni tas-Sigurtà Soċjali u s-Sajd ikunu jistgħu jipparteċipaw fil-Forum meta jiġu diskussi kwistjonijiet li huma fil-mandat tagħhom.

Il-Forum tas-Soċjetà Ċivili jiġi organizzat mill-Parti li hija responsabbli biex tospita l-laqgħa tal-Kumitat ta’ Sħubija Kummerċjali, li jfisser li l-post tal-Forum jalterna bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit, sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor mill-Partijiet. Il-Parti li tospita l-Forum tipprovdi l-post u tiffaċilita l-laqgħa (pereżempju tipprovdi links għar-reġistrazzjoni u l-parteċipazzjoni virtwali).

Il-Partijiet jagħmlu ħilithom biex jikkonsultaw lill-Gruppi Konsultattivi Domestiċi rispettivi tagħhom dwar punti possibbli tal-aġenda qabel ma jaqblu dwar abbozz tal-ordni tal-ġurnata mal-parti l-oħra. Il-Partijiet jagħmlu ħilithom biex jippubblikaw l-abbozz tal-ordni tal-ġurnata 15-il jum qabel id-data tal-laqgħa tal-Forum tas-Soċjetà Ċivili.

Il-Parti ospitanti tabbozza r-riżultati u l-konklużjonijiet tal-Forum tas-Soċjetà Ċivili bi qbil mal-Parti l-oħra, fi żmien 30 jum mil-laqgħa. Ir-riżultati u l-konklużjonijiet ta’ kull waħda mil-laqgħat jiġu kondiviżi mal-Kunsill ta’ Sħubija, il-Kumitat ta’ Sħubija Kummerċjali u l-Kumitati Speċjalizzati dwar l-Enerġija, it-Trasport bl-Ajru, is-Sikurezza tal-Avjazzjoni, it-Trasport bit-Triq, il-Koordinazzjoni tas-Sigurtà Soċjali u s-Sajd u jkunu disponibbli għall-pubbliku.

F’konformità mal-Artikolu 14(1), it-tieni sentenza tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, il-Kunsill ta’ Sħubija jista’ jemenda dawn il-linji gwida, fost l-oħrajn biex jindirizza kwistjonijiet li jinqalgħu matul l-implimentazzjoni tagħhom.


(1)  Il-Forum tas-Soċjetà Ċivili għandu jkun miftuħ għall-parteċipazzjoni ta’ organizzazzjonijiet indipendenti tas-soċjetà ċivili stabbiliti fit-territorji tal-Partijiet, inkluż membri tal-gruppi konsultattivi domestiċi msemmija fl-Artikolu 13 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni. Kull Parti għandha tippromwovi rappreżentanza bilanċjata, li tinkludi organizzazzjonijiet nongovernattivi, organizzazzjonijiet tan-negozju u ta’ min iħaddem, u trade unions, attivi fil-qasam ekonomiku, tal-iżvilupp sostenibbli, soċjali, tad-drittijiet tal-bniedem, ambjentali u oħrajn.