30.12.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 338/6


PROTOKOLL LI JIMPLIMENTA L-FTEHIM TA’ SĦUBIJA DWAR IS-SAJD BEJN L-UNJONI EWROPEA U R-REPUBBLIKA TA’ MAURITIUS (2022-2026)

ARTIKOLU 1

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan il-Protokoll, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 1 tal-Ftehim. Barra min hekk,

(1)

“Ftehim” tfisser il-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd bejn l-Unjoni Ewropea (l-“Unjoni”) u r-Repubblika ta’ Mauritius, iffirmat fil-21 ta’ Diċembru 2012;

(2)

“eċċess tal-qabda permissibbli” tfisser il-parti tal-qabda permissibbli li Stat kostali ma jisfruttax u li tirriżulta f’rata ta’ sfruttament globali għall-istokkijiet individwali li tinżamm taħt il-livelli li fihom l-istokkijiet ikunu kapaċi jirkupraw għal li kienu u li żżomm il-popolazzjonijiet ta’ speċijiet maqbuda ’l fuq mil-livelli mixtieqa abbażi tal-aħjar parir xjentifiku disponibbli;

(3)

“qabdiet” tfisser speċijiet akkwatiċi tal-baħar maqbuda minn irkaptu tas-sajd kalat minn bastiment tas-sajd;

(4)

“qabda inċidentali” għandha l-istess tifsira bħal fil-kuntest tal-Kummissjoni dwar it-Tonn tal-Oċean Indjan (IOTC) u fir-Regolamenti tal-2013 dwar il-Kummerċjalizzazzjoni Agrikola (Prodotti Kkontrollati) ta’ Mauritius;

(5)

“Delegazzjoni” tfisser id-Delegazzjoni tal-Unjoni f’Mauritius;

(6)

“qbid skartat” tfisser qabdiet li ma jinżammux abbord;

(7)

“irkaptu biex jinġema’ l-ħut” jew “FAD” tfisser oġġett naturali jew artifiċjali li jżomm fuq wiċċ l-ilma u li taħtu jinġabru d-diversi speċijiet ta’ ħut li jattira, u b’hekk iżid il-kapaċità ta’ qbid ta’ dawk l-ispeċijiet;

(8)

“attività tas-sajd” tfisser it-tiftix tal-ħut, it-tfigħ, il-kalar, it-tkarkir jew l-irfigħ tal-irkaptu tas-sajd, it-teħid tal-qabdiet abbord, it-trażbord, iż-żamma abbord, l-ipproċessar abbord, it-trasferiment, it-tqegħid f’gaġeġ, it-tismin u l-ħatt l-art ta’ ħut u ta’ prodotti tas-sajd;

(9)

“awtorizzazzjoni tas-sajd” tfisser awtorizzazzjoni amministrattiva maħruġa mill-awtoritajiet ta’ Mauritius lil operatur, li tagħtih id-dritt li jistad fl-ilmijiet ta’ Mauritius għal perjodu speċifikat; din hija l-ekwivalenti tal-awtorizzazzjoni tas-sajd iddefinita mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni;

(10)

“opportunità ta’ sajd” tfisser dritt legali kwantifikat għas-sajd, espress f’termini ta’ qabdiet permissibbli ta’ ċerti speċijiet jew ta’ sforz tas-sajd;

(11)

“bastiment tas-sajd” tfisser kwalunkwe bastiment mgħammar għall-isfruttament kummerċjali tat-tonn u ta’ speċijiet simili għat-tonn;

(12)

“impriża konġunta” tfisser kumpanija kummerċjali mwaqqfa f’Mauritius mis-sidien tal-bastimenti jew minn impriżi nazzjonali tal-Partijiet sabiex jistadu jew iwettqu attivitajiet relatati mas-sajd;

(13)

“ħatt l-art” għandha l-istess tifsira bħal fil-kuntest tal-IOTC;

(14)

“osservatur” tfisser kull persuna awtorizzata minn awtorità nazzjonali f’konformità mal-Anness, biex tosserva l-implimentazzjoni tar-regoli li japplikaw għal attività tas-sajd jew biex tosserva l-attività għal finijiet xjentifiċi;

(15)

“operatur” tfisser il-persuna fiżika jew ġuridika li tħaddem jew li tikkontrolla impriża li twettaq xi attività b’rabta ma’ kwalunkwe stadju tal-produzzjoni, tal-ipproċessar, tal-kummerċjalizzazzjoni, tad-distribuzzjoni jew tal-bejgħ bl-imnut tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura;

(16)

“Protokoll” tfisser dan il-Protokoll dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim, kif ukoll l-Anness u l-Appendiċijiet tiegħu;

(17)

“bastiment ta’ appoġġ” tfisser kwalunkwe bastiment tal-Unjoni li jassisti lill-bastimenti tas-sajd, li ma jkunx mgħammar biex jaqbad il-ħut u ma jintużax għall-operazzjonijiet ta’ trażbord;

(18)

“sajd sostenibbli” tfisser is-sajd li jitwettaq f’konformità mal-objettivi u l-prinċipji stabbiliti fil-Kodiċi ta’ Kondotta għal Sajd Responsabbli adottat waqt il-Konferenza tal-FAO tal-1995; u

(19)

“trażbord” għandha l-istess tifsira bħal fil-kuntest tal-IOTC.

ARTIKOLU 2

Objettiv

1.   L-objettiv ta’ dan il-Protokoll huwa li jimplimenta d-dispożizzjonijiet tal-Ftehim . L-Anness u kull Appendiċi li jkollu għandhom jiffurmaw parti integrali minn dan il-Protokoll.

2.   Id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Protokoll u l-Anness tiegħu għandhom jiġu interpretati u applikati fil-kuntest tal-Ftehim u b’mod konsistenti miegħu.

ARTIKOLU 3

Durata

Dan il-Protokoll u l-Anness tiegħu għandhom japplikaw għal perjodu ta’ erba’ snin mid-data tal-applikazzjoni provviżorja.

ARTIKOLU 4

Prinċipji

1.   Kif previst fl-Artikolu 6 tal-Ftehim, il-bastimenti li jtajru l-bandiera ta’ Stat Membru tal-Unjoni (“bastimenti tal-Unjoni”) jistgħu jwettqu attivitajiet tas-sajd fl-ilmijiet ta’ Mauritius dment li jkollhom awtorizzazzjoni tas-sajd maħruġa fl-ambitu ta’ dan il-Protokoll f’konformità mal-Kapitolu II tal-Anness.

2.   Bil-ħsieb li jkompli jiżviluppa s-sajd responsabbli u sostenibbli, il-Partijiet ftehmu li jikkooperaw kontra s-sajd illegali, mhux irrapportat u mhux irregolat.

3.   Il-Partijiet b’dan jintrabtu li jippromwovu s-sajd sostenibbli fl-ilmijiet ta’ Mauritius. F’konformità mal-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni fost il-flotot diversi li jistadu fl-ilmijiet ta’ Mauritius, il-leġiżlazzjoni ta’ Mauritius dwar il-miżuri tekniċi u ta’ konservazzjoni għandha tiġi applikata għall-flotot industrijali kollha li jkollhom l-istess karatteristiċi u l-istess speċijiet fil-mira.

4.   Fl-interess tat-trasparenza u b’kunsiderazzjoni xierqa għad-dispożizzjonijiet relatati mal-kunfidenzjalità fi kwalunkwe ftehim ieħor, Mauritius u l-Unjoni għandhom jikkondividu l-informazzjoni relatata ma’ kull ftehim li jawtorizza xi bastimenti barranin fl-ilmijiet tagħhom, li tinkludi l-għadd ta’ awtorizzazzjonijiet tas-sajd maħruġa, l-isforzi tas-sajd u l-qabdiet irrapportati, u għandhom jippubblikaw dik l-informazzjoni.

5.   Il-bastimenti tal-Unjoni għandhom jistadu għall-eċċess tal-qabda permissibbli kif iddeterminat skont l-Artikolu 62(2) u (3) tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar (UNCLOS) u stabbilit b’mod ċar u trasparenti abbażi tal-pariri xjentifiċi rilevanti disponibbli u tal-informazzjoni rilevanti skambjata bejn il-Partijiet b’rabta mal-isforz totali tas-sajd fuq l-istokkijiet rilevanti mill-flotot kollha li jkunu qegħdin joperaw fl-ilmijiet ta’ Mauritius.

6.   Il-Partijiet għandhom jikkonformaw mal-miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ ġestjoni applikabbli adottati mill-organizzazzjonijiet reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd (RFMO) rilevanti u, b’mod partikolari, mill-IOTC, filwaqt li jqisu kif xieraq il-valutazzjonijiet xjentifiċi reġjonali.

7.   Il-Partijiet b’dan jintrabtu li jimplimentaw dan il-Protokoll f’konformità mal-elementi essenzjali msemmija fl-Artikolu 9 tal-Ftehim ta’ Sħubija bejn il-membri tal-Organizzazzjoni tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (AKP) minn naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra (il-“Ftehim ta’ Cotonou”), jew inklużi fl-artikolu ekwivalenti tal-ftehim li jissuċċedih.

8.   Il-Partijiet għandhom jikkooperaw sabiex jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-politika settorjali tas-sajd ta’ Mauritius permezz ta’ appoġġ dedikat ipprovdut f’konformità mal-Artikolu 7 tal-Ftehim u mad-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dan il-Protokoll u għal dak il-għan għandhom iżommu djalogu regolari bejniethom.

9.   Il-Partijiet għandhom jikkooperaw ukoll fit-twettiq ta’ evalwazzjonijiet ex ante, kontinwi u ex post tal-miżuri, tal-programmi u tal-azzjonijiet implimentati abbażi ta’ dan il-Protokoll.

10.   L-impjieg tal-baħrin abbord il-bastimenti tal-Unjoni għandu jkun irregolat mid-Dikjarazzjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) dwar il-Prinċipji u d-Drittijiet Fundamentali fuq ix-Xogħol u kull Konvenzjoni rilevanti oħra, li għandhom japplikaw bi dritt għall-kuntratti u t-termini ġenerali tal-impjieg korrispondenti.

11.   Il-Partijiet għandhom jikkonsultaw lil xulxin qabel ma jadottaw xi deċiżjoni li tista’ taffettwa l-implimentazzjoni ta’ dan il-Protokoll.

ARTIKOLU 5

Opportunitajiet tas-sajd

1.   L-opportunitajiet tas-sajd mogħtija skont l-Artikolu 5 tal-Ftehim għal speċijiet migratorji ħafna kif elenkati fl-Anness 1 għall-UNCLOS għandhom ikunu kif ġej:

(a)

40 bastiment tas-sajd bit-tartarun tal-borża; u

(b)

45 bastiment tas-sajd bil-konz tal-wiċċ.

2.   Mauritius għandha tawtorizza lill-bastimenti ta’ appoġġ tal-Unjoni biex jassistu fl-operazzjonijiet tal-bastimenti tal-Unjoni awtorizzati fl-ilmijiet ta’ Mauritius fil-limiti u t-termini tar-riżoluzzjonijiet applikabbli tal-IOTC dwar il-bastimenti ta’ appoġġ.

3.   Il-paragrafi 1 u 2 għandhom japplikaw soġġett għall-Artikoli 11 u 12 ta’ dan il-Protokoll.

ARTIKOLU 6

Kontribuzzjoni finanzjarja

1.   Għall-perjodu msemmi fl-Artikolu 3, il-kontribuzzjoni finanzjarja totali msemmija fl-Artikolu 7 tal-Ftehim għandha tkun ta’ EUR 2 900 000. Barra minn hekk, is-sidien tal-bastimenti għandhom iħallsu kontribuzzjoni finanzjarja kif stabbilit fl-Anness.

2.   Dik il-kontribuzzjoni finanzjarja totali għandha tinkludi:

(a)

ammont annwali ta’ EUR 275 000 għall-aċċess għall-ilmijiet ta’ Mauritius, ekwivalenti għal tunnellaġġ ta’ referenza ta’ 5 500 tunnellata fis-sena;

(b)

ammont speċifiku ta’ EUR 275 000 fis-sena bħala appoġġ għall-politika settorjali tas-sajd ta’ Mauritius u għall-implimentazzjoni tagħha; u

(c)

ammont addizzjonali ta’ EUR 175 000 fis-sena għall-appoġġ tal-iżvilupp tal-politika marittima u tal-ekonomija blu f’konformità mal-objettivi stabbiliti fl-Artikoli 7(2) ta’ dan il-Protokoll.

3.   Il-paragrafu 2 għandu japplika soġġett għall-Artikoli 7, 11, 12 u 13 ta’ dan il-Protokoll.

4.   L-Unjoni għandha tħallas l-ammont imsemmi fil-punt (a) tal-paragrafu 2 mhux aktar tard minn 90 jum wara l-bidu tal-applikazzjoni provviżorja għall-ewwel sena u, għal kull sena sussegwenti, mhux aktar tard mil-anniversarju tad-data tal-applikazzjoni provviżorja ta’ dan il-Protokoll fis-sena kkonċernata.

5.   Il-pagamenti tal-ammont imsemmi fil-punti (b) u (c) tal-paragrafu ta’ dan l-Artikolu għandhom isiru għall-ewwel sena wara li l-Kumitat Konġunt previst fil-Ftehim (il-"Kumitat Konġunt") japprova l-programm pluriennali msemmi fl-Artikolu 7(1). Mit-tieni sena ’l quddiem, il-pagamenti għandhom isiru abbażi tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat Konġunt skont ir-riżultati miksuba fl-ambitu tal-programm tas-sena preċedenti, kif imsemmi fl-Artikolu 7(4).

6.   Jekk il-livell annwali tal-qabdiet tat-tonn mill-bastimenti tal-Unjoni fl-ilmijiet ta’ Mauritius jaqbeż it-tunnellaġġ ta’ referenza annwali msemmi fil-punt(a) tal-paragrafu 2, l-ammont tal-kontribuzzjoni finanzjarja annwali għad-drittijiet tal-aċċess għandu jkun ta’ EUR 50 għal kull tunnellata addizzjonali li tinqabad.

7.   L-ammont totali annwali mħallas mill-Unjoni ma għandux jaqbeż id-doppju tal-ammont indikat fil-punt(a) tal-paragrafu 2. Meta l-kwantitajiet maqbuda mill-bastimenti tal-Unjoni fl-ilmijiet ta’ Mauritius jaqbżu l-kwantitajiet ugwali għad-doppju tal-ammont annwali totali, l-ammont dovut għall-kwantità li taqbeż dak il-limitu għandu jitħallas fis-sena sussegwenti.

8.   Mauritius għandu jkollha diskrezzjoni sħiħa dwar l-użu tal-kontribuzzjoni finanzjarja speċifikata fil-punt (a) tal-paragrafu 2.

9.   Il-kontribuzzjoni finanzjarja għandha titħallas f’kont tal-Istat miżmum mill-Kontabilista Ġenerali. Il-kontribuzzjoni finanzjarja msemmija fil-punti(b) u (c) tal-paragrafu 2 għandha tkun disponibbli għall-entità ta’ Mauritius responsabbli mill-implimentazzjoni tal-politika tas-sajd u dik marittima. L-awtoritajiet ta’ Mauritius għandhom jipprovdu n-numru tal-kont lill-Unjoni u għandhom jikkonfermawh kull sena.

10.   Ir-regoli ta’ implimentazzjoni dettaljati dwar l-użu tal-kontribuzzjoni finanzjarja msemmija fil-punt (c) tal-paragrafu 2 għandhom jiġu miftiehma fl-ewwel laqgħa tal-Kumitat Konġunt li tiġi organizzata fl-ambitu ta’ dan il-Protokoll. Dawk ir-regoli għandhom jinkludu d-definizzjoni tal-azzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 7(2), id-dipartimenti responsabbli, l-approssimazzjonijiet baġitarji korrispondenti, il-modalitajiet tal-iżborż, u l-mekkaniżmi ta’ rappurtar.

ARTIKOLU 7

Appoġġ settorjali

1.   Sa mhux aktar tard minn tliet xhur mid-data ta’ meta jibda jiġi applikat b’mod provviżorju dan il-Protokoll, il-Kumitat Konġunt għandu jiftiehem dwar programm settorjali pluriennali u dwar regoli ta’ implimentazzjoni dettaljati li jkopru, b’mod partikolari:

(a)

l-objettivi, kemm annwali kif ukoll pluriennali, li għandhom jintlaħqu bil-ħsieb li jiġi żviluppat sajd sostenibbli maż-żmien, filwaqt li jitqiesu l-prijoritajiet espressi minn Mauritius fil-politika nazzjonali tas-sajd u fil-politika marittima tagħha, u politiki oħra relatati mal-promozzjoni ta’ sajd sostenibbli jew li għandhom impatt fuqha u, fost l-oħrajn, fuq l-oqsma li ġejjin:

il-miżuri ta’ appoġġ u ta’ ġestjoni tas-sajd, inkluż is-sajd fuq skala żgħira u l-akkwakultura;

il-ġestjoni sanitarja u tal-kwalità fis-settur tas-sajd, kif ukoll biex jiġu appoġġati l-kapaċitajiet domestiċi u tal-esportazzjoni;

il-monitoraġġ, il-kontroll u s-sorveljanza tas-sajd u l-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux irrapportat u mhux irregolat (is-sajd IUU);

il-promozzjoni tal-kapaċità xjentifika u tal-kooperazzjoni fil-qasam tas-sajd, fosthom il-ġbir, l-ipproċessar, l-analiżi u l-komunikazzjoni tad-data dwar il-qabdiet;

l-appoġġ għall-azzjonijiet marbuta mal-infrastruttura u għal azzjonijiet rilevanti oħrajn għall-iżvilupp tas-settur tas-sajd domestiku;

(b)

programm annwali u pluriennali għall-użu tal-ammont speċifiku tal-kontribuzzjoni finanzjarja msemmija fil-punti (b) u (c) tal-Artikolu 6(2).

Barra minn hekk, il-programm settorjali pluriennali għandu jkun fih, fost l-oħrajn, dawn li ġejjin:

mekkaniżmi għall-ippjanar, għall-ġestjoni, għall-implimentazzjoni u għar-rappurtar tal-komponent u l-attivitajiet finanzjarji;

il-kriterji u l-proċeduri għall-evalwazzjoni tar-riżultati miksuba kull sena;

mekkaniżmi u azzjonijiet għall-promozzjoni u għall-viżibbiltà tal-miżuri implimentati permezz tal-appoġġ settorjali.

Fir-rigward tal-kooperazzjoni fil-qasam tal-ekonomija tal-oċeani, il-Partijiet għandhom:

jintrabtu li jiżviluppaw qafas biex itejbu l-kooperazzjoni fil-qasam tal-ekonomija tal-oċeani, li jinkludi, fost l-oħrajn, l-akkwakultura, l-iżvilupp sostenibbli tal-oċeani, l-ippjanar tal-ispazju marittimu, l-enerġija tal-baħar u l-ambjent tal-baħar;

jikkooperaw fuq l-iżvilupp ta’ azzjonijiet konġunti sabiex dawk l-objettivi jintlaħqu aħjar, inkluż permezz ta’ għodod u ta’ programmi ta’ kooperazzjoni eżistenti; u

jiftiehmu li jibdew azzjoni permezz tal-istabbiliment ta’ punti fokali u l-iskambju ta’ informazzjoni u għarfien espert f’dak il-qasam.

2.   L-użu tal-kontribuzzjoni finanzjarja msemmija fil-punti(b) u (c) tal-Artikolu 6(2) għandu jkun ibbażat fuq il-validazzjoni tal-programm annwali u pluriennali min-naħa tal-Kumitat Konġunt u fuq l-evalwazzjoni tar-riżultati li jkunu nkisbu għal kull programm annwali.

3.   Kull emenda fil-programm settorjali annwali jew pluriennali għandha tiġi approvata mill-Kumitat Konġunt. Il-Kumitat Konġunt jista’ japprova kwalunkwe bidla urġenti fil-programm settorjali annwali permezz ta’ skambju ta’ ittri.

4.   Il-Kumitat Konġunt jista’ jadotta r-rakkomandazzjonijiet biex jiffaċilita l-implimentazzjoni tal-programm ta’ appoġġ settorjali u r-rappurtar dwaru li jikkontribwixxu għall-politika tas-sajd ta’ Mauritius.

5.   Kull sena, Mauritius għandha tippreżenta rapport annwali dwar l-azzjonijiet implimentati u r-riżultati miksuba bl-appoġġ settorjali. Ir-rapport għandu jiġi eżaminat mill-Kumitat Konġunt. Ir-rapport annwali għandu jkun magħmul minn rapport ta’ eżekuzzjoni finanzjarja u minn rapport narrattiv li jiddeskrivi l-azzjonijiet implimentati u l-impatti tagħhom, kif ukoll id-diffikultajiet imġarrba u l-miżuri korrettivi li twettqu. Mauritius għandha tirrapporta dwar l-implimentazzjoni ġenerali tal-appoġġ settorjali tul dan il-Protokoll mal-iskadenza tiegħu.

6.   L-ammont speċifiku tal-kontribuzzjoni finanzjarja msemmi fil-punti (b) u (c) tal-Artikolu 6(2) għandu jitħallas b’pagamenti parzjali annwali. Għall-ewwel sena tal-applikazzjoni ta’ dan il-Protokoll, il-pagament parzjali għandu jsir abbażi tal-programmi miftiehma. Għas-snin sussegwenti tal-applikazzjoni, il-pagamenti parzjali għandhom isiru abbażi ta’ analiżi tar-riżultati miksuba fl-implimentazzjoni tal-appoġġ settorjali u l-programm annwali miftiehem.

7.   Abbażi tal-valutazzjoni tal-Kumitat Konġunt, il-pagament tal-kontribuzzjoni finanzjarja speċifika prevista fil-punti (b) u (c) tal-Artikolu 6(2) jista’ jiġi differit jew rivedut, jekk ir-riżultati miksuba jew l-eżekuzzjoni finanzjarja ma jkunux konformi mal-programm. Meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet, il-pagamenti tal-kontribuzzjoni finanzjarja għandhom ikomplu wara konsultazzjoni bejn il-Partijiet permezz tal-Kumitat Konġunt.

8.   Il-kontribuzzjoni finanzjarja speċifika prevista fil-punti (b) u (c) tal- Artikolu 6(2) ma għandhiex titħallas lilhinn mill-perjodu ta’ sitt xhur wara li jiskadi dan il-Protokoll. Kull meta jkun neċessarju u ladarba l-kontribuzzjoni finanzjarja meħtieġa tkun tħallset, il-Partijiet għandhom ikomplu jimmonitorjaw l-implimentazzjoni tal-appoġġ settorjali wara li jiskadi dan il-Protokoll. F’każ ta’ ċirkostanzi eċċezzjonali, il-Partijiet jistgħu jiftiehmu bejniethom dwar skeda ta’ żmien ġdida.

9.   Il-Partijiet jintrabtu li jiżguraw il-promozzjoni u l-viżibbiltà tal-attivitajiet implimentati permezz tal-appoġġ settorjali.

10.   L-istituzzjonijiet tal-Unjoni, inkluża l-Qorti tal-Awdituri tal-Unjoni, jistgħu jwettqu awditi regolari dwar l-użu tal-kontribuzzjoni tal-appoġġ settorjali minn Mauritius, skont il-Ftehim u dan il-Protokoll.

ARTIKOLU 8

Kooperazzjoni xjentifika dwar is-sajd sostenibbli

1.   Matul il-perjodu ta’ applikazzjoni ta’ dan il-Protokoll, Mauritius għandha tagħmel ħilitha biex timmonitorja l-istat tar-riżorsi tas-sajd fl-ilmijiet ta’ Mauritius, u għandha tħeġġeġ il-kooperazzjoni xjentifika biex tivvaluta regolarment l-istatus tal-istokkijiet tal-ħut fl-ilmijiet ta’ Mauritius b’kollaborazzjoni ma’ korpi xjentifiċi reġjonali u subreġjonali.

2.   Il-Partijiet b’dan jintrabtu li jikkooperaw permezz ta’ grupp ta’ ħidma xjentifiku konġunt li għandu jiġi stabbilit mill-Kumitat Konġunt, li jiddefinixxi wkoll l-objettivi u t-termini ta’ referenza tiegħu. Il-kompiti tal-grupp ta’ ħidma għandhom jinkludu l-akkwist, il-validazzjoni, l-analiżi u t-trażmissjoni tad-data xjentifika. Il-grupp ta’ ħidma għandu jirrapporta lill-Kumitat Konġunt kif xieraq. Il-Partijiet għandhom jiskambjaw ukoll l-informazzjoni statistika, bijoloġika, ambjentali u ta’ konservazzjoni rilevanti, skont dak li jkun meħtieġ għall-finijiet tal-ġestjoni u tal-konservazzjoni tar-riżorsi ħajjin tal-baħar.

3.   Abbażi tal-ħidma tal-grupp ta’ ħidma xjentifiku konġunt, il-Partijiet jistgħu jiftiehmu dwar miżuri addizzjonali, filwaqt li jqisu, fost l-oħrajn, ir-rakkomandazzjonijiet u r-riżoluzzjonijiet tal-IOTC u ta’ korpi rilevanti oħra, sabiex jikkontribwixxu għall-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd ta’ Mauritius koperti minn dan il-Protokoll f’dak li jirrigwarda l-attivitajiet tal-bastimenti tal-Unjoni.

ARTIKOLU 9

Kooperazzjoni reġjonali

1.   B’dan il-Partijiet qegħdin jagħmlu ħilithom biex jikkooperaw b’mod regolari fil-kuntest tal-IOTC u ta’ organizzazzjonijiet reġjonali rilevanti oħrajn li huma membri tagħhom, biex jikkonsultaw ma’ xulxin u, fejn possibbli, jikkoordinaw il-pożizzjonijiet rispettivi tagħhom, li jistgħu jinkludu l-preżentazzjoni ta’ proposti konġunti lil dawk l-organizzazzjonijiet.

2.   Kull proposta kif imsemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun konsistenti mad-dritt internazzjonali, inklużi r-riżoluzzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti.

ARTIKOLU 10

Kooperazzjoni ekonomika u sfruttament

1.   F’konformità mal-Artikolu 8 tal-Ftehim, il-Partijiet għandhom jikkooperaw fi kwistjonijiet ekonomiċi, kummerċjali, xjentifiċi u tekniċi fis-settur tas-sajd u s-setturi relatati. Għal dan il-għan, huma jistgħu jiftiehmu dwar il-ħolqien ta’ mekkaniżmu ta’ konsultazzjoni, li jinvolvi lill-operaturi, maħsub biex itejjeb l-ambjent tan-negozju u jidentifika l-opportunitajiet għall-kooperazzjoni u għall-investiment fis-settur tas-sajd fil-kuntest tal-istrateġija nazzjonali ta’ Mauritius għall-iżvilupp tas-settur. Dak il-mekkaniżmu ta’ konsultazzjoni jista’ jieħu l-forma ta’ laqgħat regolari u l-proposti u r-rakkomandazzjonijiet ser jiġu kkunsidrati mill-Kumitat Konġunt.

2.   Il-Partijiet jirrikonoxxu l-importanza ta’ provvisti regolari lill-industrija tal-ipproċessar tal-ħut ta’ Mauritius u jaqblu li l-qabdiet u l-qabdiet inċidentali mill-bastimenti tal-Unjoni għandhom jikkontribwixxu għall-provvista tal-industrija tal-ipproċessar ta’ Mauritius fuq bażi sostenibbli u regolari.

3.   Il-Partijiet għandhom jinkoraġġixxu lill-operaturi, jew lil gruppi ta’ operaturi, biex jittrażbordaw, iħottu l-art u jipproċessaw lokalment ir-riżorsi tas-sajd kollha li jinqabdu fl-ilmijiet ta’ Mauritius jew parti minnhom. Għal dan il-għan, Mauritius għandha:

(a)

tagħti stima lill-Unjoni tal-kwantitajiet mixtieqa ta’ prodotti tas-sajd għat-trażbord jew għall-ħatt l-art għall-finijiet tal-industriji tal-ipproċessar lokali; u

(b)

tistabbilixxi skemi ta’ inċentivi f’konformità mal-leġiżlazzjoni ta’ Mauritius biex tħeġġeġ lill-operaturi f’dak ir-rigward.

Barra minn hekk, l-operaturi għandhom jiżguraw li l-industrija tal-ipproċessar ta’ Mauritius ikollha biżżejjed opportunitajiet għal provvista adegwata ta’ tonn, li jinkludu l-qabdiet inċidentali tat-tonn mill-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni.

4.   Kull bastiment tal-Unjoni li jħott il-ħut f’Mauritius għandu jintrabat li jħott 100 % mill-qabdiet inċidentali li jsiru fl-ilmijiet ta’ Mauritius u li jkunu abbord fil-ħin tal-ħatt l-art, f’konformità mal-leġiżlazzjoni sanitarja u l-leġiżlazzjoni rilevanti l-oħra applikabbli.

5.   Dan il-Protokoll għandu jikkontribwixxi għall-iżvilupp tar-relazzjonijiet kummerċjali bejn il-Partijiet u jqis l-iżviluppi fil-kuntest tal-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika. Biex jilħqu dan, il-Partijiet għandhom jiddiskutu regolarment dwar il-modi kif jiffaċilitaw l-aċċess għas-suq tal-Unjoni għall-prodotti tas-sajd li joriġinaw minn Mauritius.

ARTIKOLU 11

Sajd esploratorju u opportunitajiet ġodda tas-sajd

1.   Meta l-Unjoni tfittex li tivvaluta l-opportunitajiet ġodda tas-sajd għal speċijiet differenti minn dawk koperti mill-Artikolu 5, tista’ tfittex li tlaqqa’ lill-Kumitat Konġunt biex jiddiskuti u jidentifika l-kundizzjonijiet li jistgħu jiġu applikati għal tali attivitajiet ġodda tas-sajd, filwaqt li jitqies l-aħjar parir xjentifiku disponibbli u abbażi tar-riżultati tal-kampanji tas-sajd esploratorji.

2.   Il-Kumitat Konġunt jista’ jiddiskuti u japprova l-possibbiltà ta’ kampanji tas-sajd esploratorji fl-ilmijiet ta’ Mauritius bil-ħsieb li tiġi ttestjata l-fattibbiltà teknika u l-vijabbiltà ekonomika ta’ sajd ġdid. Għal dak il-għan, il-Kumitat Konġunt għandu jiddetermina fuq bażi ta’ każ b’każ l-ispeċijiet, il-kundizzjonijiet, inkluża l-parteċipazzjoni ta’ xjenzati minn Mauritius f’tali kampanji, u kwalunkwe parametru rilevanti ieħor. L-awtorizzazzjonijiet għas-sajd esploratorju għandhom jinħarġu għal perjodu massimu ta’ sitt xhur, li jista’ jiġġedded bi ftehim bejn iż-żewġ Partijiet.

3.   F’każ li l-Partijiet jikkunsidraw li l-kampanji sperimentali jkunu taw riżultati pożittivi, Mauritius tista’ talloka opportunitajiet ġodda tas-sajd, inkluż għal speċijiet mhux koperti mill-Artikolu 5, lill-flotta tal-Unjoni skont it-termini u l-kundizzjonijiet li mbagħad jiġu miftiehma. Il-kontribuzzjoni finanzjarja msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 6(2) għandha tiġi aġġustata konsegwetnement minn dan mill-Kumitat Konġunt. It-tariffi u l-kundizzjonijiet għas-sidien tal-bastimenti kif previsti fl-Anness għandhom jiġu emendati skont dan.

ARTIKOLU 12

Aġġustament tal-opportunitajiet tas-sajd u reviżjoni ta’ dan il-Protokoll

1.   Il-Kumitat Konġunt jista’ jirrieżamina u jaġġusta l-opportunitajiet tas-sajd imsemmija fl-Artikolu 5 sakemm ir-riżoluzzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-IOTC jikkonfermaw li tali aġġustament ikun jiżgura l-ġestjoni sostenibbli tat-tonn u speċijiet simili għat-tonn fl-Oċean Indjan.

2.   Fil-każ imsemmi fil-paragrafu 1, il-kontribuzzjoni finanzjarja msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 6(2) għandha tiġi aġġustata b’mod proporzjonat u pro rata temporis b’deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt. Madankollu, l-ammont annwali totali mħallas mill-Unjoni ma għandux jaqbeż id-doppju tal-ammont indikat fil-punt (a) tal-Artikolu 6(2). L-aġġustament tal-opportunitajiet tas-sajd imsemmija f’dan l-Artikolu jista’ jkun ibbażat ukoll fuq ir-riżultati tas-sajd esploratorju mwettaq f’konformità mal-Artikolu 11.

3.   Tliet xhur qabel it-tmiem tat-tieni sena wara l-bidu tal-applikazzjoni provviżorja ta’ dan il-Protokoll, u dment li l-livell attwali rrapportat ta’ qabdiet mill-bastimenti tal-Unjoni fl-ilmijiet ta’ Mauritius jaqbeż it-tunnellaġġ ta’ referenza, il-Partijiet jistgħu jirrieżaminaw u jaġġustaw it-tunnellaġġ ta’ referenza. F’dak il-każ, il-kontribuzzjoni finanzjarja msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 6(2) tista’ tiġi aġġustata għall-perjodu ta’ implimentazzjoni li jifdal.

4.   Il-Kumitat Konġunt jista’, fejn neċessarju, jeżamina u jemenda d-dispożizzjonijiet tal-Protokoll, inklużi r-regoli li jirregolaw it-twettiq tal-attivitajiet tas-sajd, l-implimentazzjoni tal-appoġġ settorjali u regoli oħra li għandhom x’jaqsmu mal-implimentazzjoni ta’ dan il-Protokoll u l-Anness tiegħu. F’każ ta’ urġenza, tali emendi mill-Kumitat Konġunt jistgħu jsiru permezz ta’ skambju ta’ ittri.

ARTIKOLU 13

Sospensjoni u rieżami tal-pagament tal-kontribuzzjoni finanzjarja

1.   L-implimentazzjoni ta’ dan il-Protokoll għandha tiġi sospiża fuq inizjattiva ta’ waħda miż-żewġ Partijiet, fil-każ ta’:

(a)

każijiet, fenomeni naturali jew fenomeni oħra minbarra dawk naturali, li jkunu barra mill-kontroll raġonevoli tal-Partijiet u li jkunu tali li jipprevjenu s-sajd fl-ilmijiet ta’ Mauritius;

(b)

tilwima bejn il-Partijiet dwar l-interpretazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ dan il-Protokoll u l-Anness tiegħu li ma tistax tinstab soluzzjoni għaliha;

(c)

nuqqas min-naħa ta’ waħda mill-Partijiet li tikkonforma mad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Protokoll u mal-Anness tiegħu, b’mod partikolari b’rabta ma’ ksur ta’ elementi essenzjali u fundamentali dwar id-drittijiet umani kif stabbiliti fl-Artikolu 9 tal-Ftehim ta’ Cotonou, u skont il-proċedura stabbilita fl-Artikoli 8 u 96 tiegħu; jew inklużi fl-artikolu ekwivalenti ta’ ftehim bejn l-Unjoni u l-pajjiżi AKP li jsegwih;

(d)

nuqqas min-naħa tal-Unjoni li tagħmel il-pagament previst fil-punt (a) tal-Artikolu 6(2) fi żmien xieraq għal raġunijiet mhux koperti mill-punt (c) ta’ dan il-paragrafu.

2.   Qabel ma jieħdu ebda deċiżjoni ta’ sospensjoni tal-implimentazzjoni ta' dan il-Protokoll, il-Partijiet għandhom jagħmlu konsultazzjonijiet sinifikattivi biex isibu soluzzjoni bonarja.

3.   Is-sospensjoni tal-implimentazzjoni ta’ dan il-Protokoll għandha tirrikjedi li l-Parti kkonċernata tinnotifika l-intenzjoni tagħha bil-miktub tal-anqas tliet xhur qabel id-data li fiha s-sospensjoni tkun ser issir effettiva u mbagħad għandha tieħu l-forma ta’ avviż bil-miktub innotifikat lill-Parti l-oħra. Il-wasla ta’ dik in-notifika għandha twassal biex jinfetħu l-konsultazzjonijiet bejn il-Partijiet fi ħdan il-Kumitat Konġunt biex tinstab soluzzjoni bonarja għat-tilwima f’perjodu raġonevoli taż-żmien.

4.   Malli s-sospensjoni ssir effettiva:

(a)

il-bastimenti kollha tal-Unjoni għandhom jitilqu mill-ilmijiet ta’ Mauritius fi żmien 24 siegħa; u

(b)

l-ebda bastiment tal-Unjoni ma għandu jistad fl-ilmijiet ta’ Mauritius.

5.   L-ammont tal-kumpens previst fil-punt (a) tal-Artikolu 6(2) għandu jitnaqqas b’mod proporzjonali għall-perjodu meta s-sospensjoni ssir effettiva.

6.   Fil-każ ta’ sospensjoni tal-implimentazzjoni, il-Partijiet għandhom ikomplu jikkonsultaw bil-għan li tinstab soluzzjoni bonarja għat-tilwima ta’ bejniethom. Jekk tinstab soluzzjoni, il-Protokoll għandu jerġa’ jibda jiġi implimentat u l-ammont tal-kontribuzzjoni finanzjarja msemmija fl-Artikolu 6 għandu jitnaqqas b’mod proporzjonat u pro rata temporis skont il-perjodu li fih kienet sospiża l-implimentazzjoni ta’ dan il-Protokoll.

ARTIKOLU 14

Liġi applikabbli

1.   L-attivitajiet tal-bastimenti tal-Unjoni fl-ilmijiet ta’ Mauritius għandhom ikunu rregolati mil-liġi applikabbli tal-Mauritius, sakemm ma jkunx previst mod ieħor fil-Ftehim jew f’dan il-Protokoll, flimkien mar-riżoluzzjonijiet tal-IOTC u l-prinċipji tad-dritt internazzjonali applikabbli. L-awtoritajiet ta’ Mauritius għandhom jinnotifikaw lill-awtoritajiet tal-Unjoni b’kull emenda rilevanti għal-liġijiet u r-regolamenti tagħhom li jkollha impatt fuq l-attivitajiet tal-bastimenti tal-Unjoni, tal-anqas tliet xhur qabel ma jibdew japplikaw.

2.   L-Unjoni b’dan tintrabat li tieħu l-passi kollha possibbli u neċessarji biex tiżgura li l-bastimenti tagħha jikkonformaw ma’ dan il-Protokoll u mal-liġijiet ta’ Mauritius li jirregolaw l-attivitajiet tas-sajd fl-ilmijiet ta’ Mauritius.

3.   L-awtoritajiet tal-Unjoni għandhom jinnotifikaw mingħajr dewmien lill-awtoritajiet ta’ Mauritius b’kull bidla fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni li jista’ jkollha impatt fuq l-attivitajiet tal-bastimenti tal-Unjoni skont dan il-Protokoll.

ARTIKOLU 15

Protezzjoni tad-data

1.   Iż-żewġ Partijiet għandhom jiżguraw li d-data skambjata skont dan il-Protokoll tintuża esklużivament għall-implimentazzjoni ta’ dan il-Protokoll u b’mod partikolari għall-finijiet tal-ġestjoni, tal-monitoraġġ, tal-kontroll u tas-sorveljanza tas-sajd.

2.   Il-Partijiet jimpenjaw ruħhom li jiżguraw li dan li ġej għandu jiġi ttrattat bħala kunfidenzjali:

id-data kummerċjalment sensittiva u personali kollha relatata mal-bastimenti tal-Unjoni u mal-attivitajiet tas-sajd tagħhom miksuba fil-kuntest ta’ dan il-Protokoll; u

id-data kummerċjalment sensittiva kollha relatata mas-sistemi ta’ komunikazzjoni użati mill-Unjoni.

Il-Partijiet għandhom jiżguraw li ssir pubblika biss id-data aggregata relatata mal-attivitajiet tas-sajd fl-ilmijiet ta’ Mauritius.

3.   Id-data personali trid tiġi pproċessata b’mod legali, ġust u trasparenti fir-rigward tas-suġġett tad-data. F’dan il-kuntest, id-data personali skambjata skont dan il-Protokoll ma għandhiex issir pubblika u għandha tkun ristretta għall-implimentazzjoni ta’ dan il-Protokoll. Id-data personali ma għandhiex tinżamm wara ż-żmien neċessarju li għalih ikun sar l-iskambju.

4.   Il-Kumitat Konġunt jista’ jistabbilixxi aktar salvagwardji u rimedji legali fir-rigward tad-drittijiet tas-suġġett tad-data u tad-data personali.

ARTIKOLU 16

Skambji elettroniċi tad-data

1.   Mauritius u l-Unjoni jintrabtu li jimplimentaw is-sistemi neċessarji għall-iskambju elettroniku tal-informazzjoni u tad-dokumenti kollha marbuta mal-implimentazzjoni tal-Ftehim u ta’ dan il-Protokoll. Il-forma elettronika ta’ dokument fi kwalunkwe ħin għandha titqies ekwivalenti għall-verżjoni stampata.

2.   L-arranġamenti għall-implimentazzjoni u l-użu ta’ dawk is-sistemi għall-iskambju tad-data dwar il-qabdiet, tad-dikjarazzjonijiet tal-qabdiet mad-dħul u mal-ħruġ (permezz tal-ERS – is-Sistema Elettronika ta’ rappurtar) u tal-pożizzjonijiet tal-bastimenti (permezz tal-VMS – sistema ta’ monitoraġġ tal-bastimenti), u għall-kisba tal-liċenzji, huma stabbiliti fl-Anness u fl-Appendiċijiet tiegħu.

3.   Iż-żewġ Partijiet għandhom jinnotifikaw immedjatament lil xulxin dwar kull tfixkil f’sistema kompjuterizzata li jimpedixxi tali skambji. F’ċirkostanzi bħal dawn, l-informazzjoni u d-dokumenti relatati mal-implimentazzjoni tal-Ftehim u ta’ dan il-Protokoll għandhom jiġu awtomatikament issostitwiti bil-verżjoni stampata tagħhom jew jintbagħtu b’mezzi ta’ komunikazzjoni alternattivi kif iddefinit fl-Anness għal dan il-Protokoll.

ARTIKOLU 17

Terminazzjoni

1.   Parti tista’ ttemm dan il-Protokoll f’konformità mal-Artikolu 12 tal-Ftehim.

2.   Meta Parti tiġi offiża minn allegat ksur ta’ dispożizzjoni ta’ dan il-Protokoll, il-Parti għandha tinnotifika lill-Parti l-oħra bil-miktub fi żmien tliet xhur wara li jkun seħħ l-allegat ksur. Il-Partijiet għandhom jagħmlu l-almu tagħhom biex jikkonsultaw b’rieda tajba bil-għan li jsibu soluzzjoni bonarja.

3.   Jekk ma tistab ebda soluzzjoni bonarja fi żmien tliet xhur min-notifika bil-miktub lill-Parti l-oħra dwar l-allegat ksur, il-Parti tista’ tiddeċiedi li ttemm dan il-Protokoll u tinnotifika lill-Parti l-oħra dwar dan.

4.   F’każ li dan il-Protokoll jintemm, il-pagament tal-ammont tal-kontribuzzjoni finanzjarja msemmija fl-Artikolu 6 għas-sena li fiha ssir effettiva t-terminazzjoni għandu jitnaqqas pro rata temporis.

5.   Mal-iskadenza ta’ dan il-Protokoll jew mat-terminazzjoni tiegħu f’konformità mal-Artikolu 12 tal-Ftehim, is-sidien tal-bastimenti tal-Unjoni għandhom jibqgħu responsabbli għal kull ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim jew ta’ dan il-Protokoll jew tal-liġijiet applikabbli ta’ Mauritius li jkun seħħ qabel l-iskadenza jew it-terminazzjoni ta’ dan il-Protokoll, jew għal kull pagament pendenti fil-ħin tal-iskadenza jew tat-terminazzjoni.

ARTIKOLU 18

Applikazzjoni provviżorja

Dan il-Protokoll għandu japplika b’mod provviżorju mid-data ta’ meta jiġi ffirmat mill-Partijiet.

ARTIKOLU 19

Dħul fis-seħħ

Dan il-Protokoll, flimkien mal-Anness tiegħu, għandhom jidħlu fis-seħħ fid-data li fiha l-Partijiet jinnotifikaw lil xulxin bit-tlestija tal-proċeduri neċessarji għad-dħul fis-seħħ tiegħu.

ARTIKOLU 20

Lingwi awtentiċi

Dan il-Protokoll huwa mfassal duplikatament bil-Bulgaru, biċ-Ċek, bid-Daniż, bl-Estonjan, bil-Finlandiż, bil-Franċiż, bil-Ġermaniż, bil-Grieg, bl-Ingliż, bl-Irlandiż, bil-Korat, bil-Latvjan, bil-Litwan, bil-Malti, bin-Netherlandiż, bil-Pollakk, bil-Portugiż, bir-Rumen, bis-Slovakk, bis-Sloven, bl-Ispanjol, bl-Isvediż, bit-Taljan u bl-Ungeriż, b'kull test ugwalment awtentiku.

Съставено в Брюксел на двадесет и първи декември две хиляди двадесет и втора година.

Hecho en Bruselas, el veintiuno de diciembre de dos mil veintidós.

V Bruselu dne dvacátého prvního prosince dva tisíce dvacet dva.

Udfærdiget i Bruxelles den enogtyvende december to tusind og toogtyve.

Geschehen zu Brüssel am einundzwanzigsten Dezember zweitausendzweiundzwanzig.

Kahe tuhande kahekümne teise aasta detsembrikuu kahekümne esimesel päeval Brüsselis.

Έγινε στις Βρυξέλλες, στις είκοσι μία Δεκεμβρίου δύο χιλιάδες είκοσι δύο.

Done at Brussels on the twenty first day of December in the year two thousand and twenty two.

Fait à Bruxelles, le vingt et un décembre deux mille vingt-deux.

Arna dhéanamh sa Bhruiséil, an t-aonú lá is fiche de mhí na Nollag sa bhliain dhá mhíle fiche a dó.

Sastavljeno u Bruxellesu dvadeset prvog prosinca godine dvije tisuće dvadeset druge.

Fatto a Bruxelles, addì ventuno dicembre duemilaventidue.

Briselē, divi tūkstoši divdesmit otrā gada divdesmit pirmajā decembrī.

Priimta du tūkstančiai dvidešimt antrų metų gruodžio dvidešimt pirmą dieną Briuselyje.

Kelt Brüsszelben, a kétezer-huszonkettedik év december havának huszonegyedik napján.

Magħmul fi Brussell, fil-wieħed u għoxrin jum ta’ Diċembru fis-sena elfejn u tnejn u għoxrin.

Gedaan te Brussel, eenentwintig december tweeduizend tweeëntwintig.

Sporządzono w Brukseli dnia dwudziestego pierwszego grudnia roku dwa tysiące dwudziestego drugiego.

Feito em Bruxelas, em vinte e um de dezembro de dois mil e vinte e dois.

Întocmit la Bruxelles la douăzeci și unu decembrie două mii douăzeci și doi.

V Bruseli dvadsiateho prvého decembra dvetisícdvadsaťdva.

V Bruslju, enaindvajsetega decembra dva tisoč dvaindvajset.

Tehty Brysselissä kahdentenakymmenentenäensimmäisenä päivänä joulukuuta vuonna kaksituhattakaksikymmentäkaksi.

Som skedde i Bryssel den tjugoförsta december år tjugohundratjugotvå.

Image 1


ANNESS

KUNDIZZJONIJIET GĦAT-TWETTIQ TAL-ATTIVITAJIET TAS-SAJD MILL-BASTIMENTI TAL-UNJONI FL-ILMIJIET TA’ MAURITIUS

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

1.   Il-ħatra tal-awtorità kompetenti

Għall-finijiet ta’ dan l-Anness, u minkejja kwalunkwe indikazzjoni li turi bil-kontra, kwalunkwe referenza għall-Unjoni Ewropea (l-“Unjoni”) jew għal Mauritius bħala awtorità kompetenti għandha tfisser:

(a)

għall-Unjoni: il-Kummissjoni Ewropea, fejn japplika permezz tad-Delegazzjoni;

(b)

għal Mauritius: il-Ministeru responsabbli mis-suġġett tas-sajd.

2.   L-applikazzjoni ta’ dan il-Protokoll u tal-Anness tiegħu

Id-dispożizzjonijiet kollha ta’ dan il-Protokoll u tal-Anness tiegħu għandhom japplikaw esklużivament lil hinn minn 15-il mil nawtiku mil-linja bażi ta’ Mauritius.

L-Unjoni għandha tingħata l-informazzjoni relatata ma’ żoni oħra magħluqa għan-navigazzjoni u s-sajd, u kwalunkwe emenda sussegwenti trid titħabbar tal-anqas xahrejn qabel ma tidħol fis-seħħ.

3.   Kont bankarju għall-pagamenti mis-sidien tal-bastimenti

Mauritius għandha tinnotifika lill-Unjoni qabel id-data tal-applikazzjoni provviżorja ta’ dan il-Protokoll bid-dettalji tal-kont(ijiet) bankarju/bankarji tat-Teżor Pubbliku ta’ Mauritius li fihom iridu jitħallsu t-tariffi u l-ammonti finanzjarji pagabbli mill-bastimenti tal-Unjoni skont il-Ftehim. Is-sidien tal-bastimenti għandhom iħallsu l-ispejjeż tat-trasferimenti bankarji assoċjati ma’ dawn il-pagamenti.

KAPITOLU II

PERJODU TA’ VALIDITÀ TAL-AWTORIZZAZZJONIJIET TAS-SAJD, APPLIKAZZJONI GĦALIHOM U ĦRUĠ TAGĦHOM

Perjodu ta’ validità ta’ awtorizzazzjoni tas-sajd

1.

L-awtorizzazzjonijiet tas-sajd għandhom ikunu validi għal sena kalendarja sħiħa u għandhom ikunu jistgħu jiġġeddu. Sabiex jiġi stabbilit il-bidu u t-tmiem tal-perjodu ta’ validità, “perjodu annwali” għandha tfisser:

(a)

għall-ewwel sena tal-applikazzjoni ta’ dan il-Protokoll, il-perjodu bejn id-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu u l-31 ta’ Diċembru tal-istess sena;

(b)

għall-aħħar sena tal-applikazzjoni ta’ dan il-Protokoll, il-perjodu bejn l-1 ta’ Jannar u d-data tal-iskadenza ta’ dan il-Protokoll.

Għall-ewwel u għall-aħħar sena ta’ dan il-Protokoll, it-tariffa tal-pagament antiċipat għandha tiġi kkalkulata fuq bażi pro rata temporis.

Kundizzjoni biex tinkiseb liċenzja tas-sajd - bastimenti eliġibbli

2.

Il-bastimenti tal-Unjoni li jinstabu li huma eliġibbli mill-Unjoni biss jistgħu jiksbu awtorizzazzjoni tas-sajd biex ikunu jistgħu jistadu fl-ilmijiet ta’ Mauritius skont dan il-Protokoll.

3.

Biex bastiment tal-Unjoni jkun eliġibbli għandhom jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

is-sid, il-kaptan u l-bastiment innifsu ma humiex ipprojbiti milli jistadu fl-ilmijiet ta’ Mauritius;

(b)

is-sid, il-kaptan u l-bastiment innifsu jikkonformaw mal-liġijiet ta’ Mauritius u jkunu ssodisfaw kull obbligu preċedenti li jkun jirriżulta mill-attivitajiet tas-sajd tagħhom fl-ilmijiet ta’ Mauritius skont il-Ftehim;

(c)

il-bastiment huwa inkluż fir-reġistru tal-bastimenti awtorizzati tal-IOTC, u ma huwiex inkluż fil-lista tal-IUU tal-IOTC jew ta’ xi RFMO oħra; u

(d)

l-awtorizzazzjonijiet tas-sajd imsemmija fl-Artikolu 6 tal-Ftehim jinħarġu bil-kundizzjoni li l-bastiment jikkonforma mar-Regolament (UE) 2017/2403 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

Applikazzjoni għal awtorizzazzjoni tas-sajd

4.

L-Unjoni għandha tippreżenta lill-awtoritajiet kompetenti ta’ Mauritius applikazzjoni għal awtorizzazzjoni tas-sajd għal kull bastiment tal-Unjoni skont il-Ftehim tal-anqas 21 jum kalendarju qabel il-bidu tal-perjodu ta’ validità mitlub. It-trażmissjoni elettronika tal-applikazzjonijiet tal-awtorizzazzjonijiet tas-sajd u l-ħruġ tagħhom jistgħu jsiru permezz tas-sistema elettronika ta’ ġestjoni tal-awtorizzazzjonijiet tas-sajd “is-sistema LICENCE” magħmula disponibbli mill-Kummissjoni Ewropea.

5.

Kull applikazzjoni għal awtorizzazzjoni tas-sajd għandu jkun fiha l-informazzjoni elenkata fl-Appendiċi 1 u d-dokumenti li ġejjin:

(a)

il-prova tal-pagament tat-tariffa antiċipata għall-perjodu ta’ validità tal-awtorizzazzjoni tas-sajd mitluba, li mhijiex rimborżabbli;

(b)

ritratt diġitali riċenti ta’ riżoluzzjoni tajba, bil-kulur, tal-bastiment, li juri dehra dettaljata tal-ġenb tal-bastiment inkluż l-isem tal-bastiment u n-numru ta’ identifikazzjoni viżibbli b’mod ċar fuq il-buq;

(c)

iċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni tal-bandiera.

6.

It-tariffi antiċipati għandhom jitħallsu f’kont speċifiku tal-Istat tal-Kontabilista Ġenerali ta’ Mauritius, li d-dettalji tiegħu jiġu pprovduti minn Mauritius. It-tariffi tal-pagamenti antiċipati jinkludu l-ispejjeż mhux operazzjonali kollha.

7.

Għat-tiġdid ta’ awtorizzazzjoni tas-sajd, skont dan il-Protokoll li hemm fis-seħħ, għal bastiment li l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tiegħu ma jkunux ġew immodifikati, l-applikazzjoni għat-tiġdid għandha tinkludi biss l-informazzjoni stabbilita fl-Appendiċi 1 u l-prova tal-pagament tat-tariffa.

Ħruġ ta’ awtorizzazzjoni tas-sajd

8.

L-awtoritajiet ta’ Mauritius għandhom joħorġu awtorizzazzjonijiet tas-sajd għall-bastimenti awtorizzati kollha u jipprovdu l-awtorizzazzjonijiet oriġinali ffirmati lis-sidien tal-bastimenti jew lill-aġent tagħhom fi żmien 21 jum kalendarju minn meta jirċievu l-applikazzjoni sħiħa msemmija fil-punt 5 mingħand l-awtorità kompetenti. Wara l-ħruġ tal-awtorizzazzjoni tas-sajd, l-awtoritajiet ta’ Mauritius għandhom itellgħu minnufih kopja tal-oriġinal iffirmat fis-sistema LICENCE meta s-sistema tkun kompletament operattiva.

9.

Bastiment tal-Unjoni awtorizzat għandu jżomm abbord l-awtorizzazzjoni tas-sajd oriġinali. Madankollu, verżjoni elettronika tal-awtorizzazzjoni tas-sajd tista’ tintuża għal perjodu massimu ta’ 60 jum kalendarju wara d-data tal-ħruġ ta’ dik l-awtorizzazzjoni tas-sajd. Matul dak il-perjodu, il-kopja għandha titqies ekwivalenti għall-oriġinal. Wara dak il-perjodu ta’ 60 jum, il-kopja oriġinali tal-awtorizzazzjoni tas-sajd għandha tinżamm abbord il-ħin kollu.

It-trasferiment tal-awtorizzazzjoni tas-sajd

10.

L-awtorizzazzjoni tas-sajd għandha tinħareġ għal bastiment speċifiku u ma għandhiex tkun trasferibbli, ħlief f’każijiet ta’ force majeure.

11.

Meta l-force majeure tkun rikonoxxuta miż-żewġ Partijiet, fuq talba tal-Unjoni, awtorizzazzjoni tas-sajd tista’ tiġi ssostitwita b’awtorizzazzjoni ġdida, maħruġa għal bastiment simili ieħor jew għal bastiment sostitut tal-istess kategorija tas-sajd bħall-bastiment li jkun qiegħed jiġi ssostitwit, mingħajr pagament ta’ tariffa antiċipata ġdida. F’każ bħal dan, id-dikjarazzjoni tat-tariffi għall-bastimenti tal-Unjoni msemmija fil-punt 21 tal-Kapitolu III għandha tqis il-qabda totali taż-żewġ bastimenti fl-ilmijiet ta’ Mauritius.

12.

Fil-każ ta’ trasferiment, l-awtorizzazzjoni tas-sajd li ser tiġi ssostitwita għandha tintbagħat lura mis-sid tal-bastiment jew mill-aġent tiegħu f’Mauritius u għandha titfassal minnufih awtorizzazzjoni ta’ sostituzzjoni minn Mauritius. L-awtorizzazzjoni ta’ sostituzzjoni għandha tinħareġ mingħajr aktar dewmien lis-sid tal-bastiment jew lill-aġent tiegħu meta tintbagħat lura l-awtorizzazzjoni li tkun ser tiġi ssostitwita.

13.

L-awtorizzazzjoni ta’ sostituzzjoni għandha ssir effettiva fil-jum li fih l-awtorizzazzjoni kkanċellata tintbagħat lura lill-awtoritajiet kompetenti ta’ Mauritius. F’każ bħal dan, Mauritius għandha taġġorna l-lista tal-bastimenti awtorizzati mingħajr dewmien u tibgħatha lill-Unjoni. Id-Delegazzjoni għandha tiġi infurmata mingħajr dewmien mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Mauritius dwar it-trasferiment tal-awtorizzazzjoni tas-sajd.

Ħsarat fis-sistema LICENCE

14.

Meta jinqalgħu xi diffikultajiet fit-trażmissjoni tal-informazzjoni fis-sistema LICENCE bejn il-Kummissjoni Ewropea u Mauritius, l-iskambji elettroniċi tal-awtorizzazzjonijiet tas-sajd għandhom isiru bil-posta elettronika sakemm is-sistema terġa’ tibda taħdem.

Bastimenti ta’ appoġġ

15.

L-awtoritajiet ta’ Mauritius għandhom jawtorizzaw lill-bastimenti ta’ appoġġ awtorizzati jassistu lill-bastimenti tal-Unjoni li jkollhom awtorizzazzjoni tas-sajd. Il-bastimenti ta’ appoġġ jridu jtajru l-bandiera ta’ Stat Membru tal-Unjoni, u ma għandhomx ikunu mgħammra għas-sajd jew jintużaw għat-trażbord.

16.

L-għajnuna li jagħtu la jrid jinkludi r-riforniment bil-fjuwil u lanqas it-trażbord tal-qabdiet.

17.

L-għadd ta’ bastimenti ta’ appoġġ tal-Unjoni awtorizzati għall-għadd ta’ bastimenti awtorizzati tal-Unjoni li jistadu bit-tartarun tal-borża li jkunu operattivi għandu jkun konformi mar-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-IOTC. Barra minn hekk, ir-rekwiżiti ta’ rappurtar għandhom jikkonformaw mal-obbligi rilevanti tal-IOTC u ma’ leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti oħra.

18.

Il-bastimenti ta’ appoġġ li jtajru l-bandiera ta’ Stat Membru tal-Unjoni għandhom ikunu soġġetti għall-istess proċeduri li jirregolaw il-kisba u t-trażmissjoni tal-applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjoni tas-sajd kif stabbiliti f’dan il-Kapitolu, sa fejn japplikaw għalihom.

Lista provviżorja tal-bastimenti awtorizzati

19.

Mal-wasla tal-applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjoni tas-sajd, tista’ titfassal lista provviżorja ta’ bastimenti applikanti għal kull kategorija ta’ bastiment, inklużi l-bastimenti ta’ appoġġ, u tista’ tintbagħat bil-posta elettronika minnufih mill-awtorità kompetenti lill-Unjoni u lid-Delegazzjoni.

20.

L-Unjoni għandha tibgħat il-lista provviżorja lis-sid tal-bastiment jew lill-aġent tiegħu. Jekk l-uffiċċji tal-Unjoni jkunu magħluqin, Mauritius tista’ tibgħat il-lista provviżorja direttament lis-sid tal-bastiment jew lill-aġent tiegħu b’kopja lid-Delegazzjoni.

Id-dokumenti li jridu jinġarru abbord

21.

Waqt li jkunu fl-ilmijiet ta’ Mauritius jew fil-port ta’ Mauritius, il-bastimenti tas-sajd dejjem iridu jkollhom abbord id-dokumenti li ġejjin:

(a)

awtorizzazzjoni tas-sajd;

(b)

dokumenti maħruġa minn awtorità kompetenti tal-Istat tal-bandiera tat-tali bastiment tas-sajd, li juru:

iċ-ċertifikat tar-reġistrazzjoni tal-bastiment, inkluż in-numru li jkun irreġistrat taħtu l-bastiment tas-sajd;

tpinġijiet jew deskrizzjonijiet iċċertifikati aġġornati tat-tqassim tal-bastiment tas-sajd u, b’mod partikolari, l-għadd ta’ stivi tal-ħut fil-bastiment tas-sajd, bil-kapaċità tal-ħżin espressa f’metri kubiċi;

(c)

jekk tkun saret xi bidla fil-karatteristiċi ta’ bastiment tas-sajd rigward it-tul globali, it-tunnellaġġ gross irreġistrat, il-potenza tal-magna jew il-kapaċità tal-istivi tiegħu, ċertifikat, attestat minn awtorità kompetenti tal-Istat tal-bandiera tal-bastiment tas-sajd, li jiddeskrivi n-natura ta’ dan it-tibdil; u

(d)

iċ-ċertifikat tal-istat ta’ navigabbiltà tal-bastiment.

Pagament tat-tariffa antiċipata

22.

L-ammont tal-pagament tat-tariffa antiċipata huwa stabbilit fuq il-bażi tar-rata annwali kif ġej. Din għandha tinkludi t-taxxi lokali u nazzjonali kollha minbarra t-taxxi portwali, it-taxxi tal-ħatt l-art, it-taxxi tat-trażbord u t-taxxi għall-għoti ta’ servizzi li jiġu imposti kif u meta japplika.

23.

It-tariffi li jridu jħallsu s-sidien tal-bastimenti għandhom jiġu kkalkulati abbażi ta’ rata ta’ EUR 80 għal kull tunnellata ta’ ħut li jinqabad.

24.

It-tariffa annwali antiċipata li titħallas mis-sidien tal-bastimenti meta japplikaw għal awtorizzazzjoni għas-sajd li tinħareġ mill-awtoritajiet ta’ Mauritius, għandha tkun kif ġej:

(a)

Bastimenti tas-sajd għat-tonn bit-tartaruni tal-borża

EUR 9 360, li huma l-ekwivalenti ta’ 117-il tunnellata ta’ tonn u ta’ speċijiet simili għat-tonn maqbuda fl-ilmijiet ta’ Mauritius.

(b)

Bastimenti tas-sajd bil-konz (aktar minn 100 GT)

EUR 4 560, li huma l-ekwivalenti ta’ 57-il tunnellata ta’ tonn u ta’ speċijiet simili għat-tonn maqbuda fl-ilmijiet ta’ Mauritius.

(c)

Bastimenti tas-sajd bil-konz (inqas minn 100 GT)

EUR 2 400, li huma l-ekwivalenti ta’ 30 tunnellata ta’ tonn u ta’ speċijiet simili għat-tonn maqbuda fl-ilmijiet ta’ Mauritius.

Bastimenti ta’ appoġġ

25.

It-tariffa annwali tal-liċenzja li tapplika għal kwalunkwe bastiment ta’ appoġġ awtorizzat għandha tkun ta’ EUR 5 000 kull wieħed.

KAPITOLU III

RAPPURTAR TAL-QABDIET

ĠURNAL TA’ ABBORD ELETTRONIKU TAS-SAJD – REĠISTRAZZJONI U RAPPURTAR PERMEZZ TAS-SISTEMA ELETTRONIKA TA’ RAPPURTAR

Dispożizzjonijiet ġenerali

1.

Il-kaptan għandu jinnotifika l-qabda tal-bastiment billi jibgħat il-ġurnali ta’ abbord tas-sajd lil Mauritius għall-perjodu li fih jkun fl-ilmijiet ta’ Mauritius.

2.

Ladarba l-ERS tkun operattiva, il-kaptan ta’ bastiment tal-Unjoni li jwettaq attivitajiet tas-sajd skont dan il-Protokoll għandu jżomm ġurnal ta’ abbord elettroniku tas-sajd integrat fl-ERS.

3.

Bastiment li ma jkunx mgħammar bl-ERS ma għandux ikun awtorizzat jidħol fl-ilmijiet ta’ Mauritius biex iwettaq attivitajiet tas-sajd. Meta d-dispożizzjonijiet dwar ir-rappurtar tal-qbid ma jiġux rispettati, Mauritius tista’ tissospendi l-awtorizzazzjoni tas-sajd tal-bastiment ikkonċernat sakemm jinkiseb ir-rapport tal-qbid nieqes u tieħu kwalunkwe azzjoni kontra s-sid tal-bastiment f’konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali fis-seħħ. Jekk ir-reat jiġi ripetut, Mauritius tista’ tirrifjuta li ġġedded l-awtorizzazzjoni tas-sajd. Mauritius għandha tinforma lill-Unjoni minnufih bi kwalunkwe sanzjoni li tiġi applikata f’dak il-kuntest.

4.

Il-kaptan għandu jkun responsabbli għall-akkuratezza tad-data rreġistrata. Il-ġurnal ta’ abbord tas-sajd għandu jikkonforma mar-riżoluzzjonijiet u mar-rakkomandazzjonijiet rilevanti tal-IOTC u għandu jintbagħat f’konformità mal-istandard UN/FLUX imsemmi fl-Appendiċi 3.

5.

L-Istat tal-bandiera u Mauritius għandhom jiżguraw li jkollhom it-tagħmir tal-informatika u s-software neċessarji għat-trażmissjoni awtomatika tad-data tal-ERS. Inkella, it-trażmissjoni għandha ssir bil-posta elettronika.

6.

L-Istat tal-bandiera għandu jiżgura li d-data tal-ERS tasal u tiġi rreġistrata f’bażi tad-data kompjuterizzata li tippermetti li din id-data tinħażen b’mod sigur għal perjodu ta’ mill-inqas 36 xahar mill-bidu tal-vjaġġ tas-sajd.

7.

Iċ-Ċentru tal-Monitoraġġ tas-Sajd (ĊMS) tal-Istat tal-bandiera għandu jiżgura li l-ġurnali ta’ abbord tas-sajd jkunu awtomatikament disponibbli għaċ-ĊMS ta’ Mauritius permezz tal-ERS kuljum tul il-perjodu li fih il-bastiment ikun fl-ilmijiet ta’ Mauritius, anke jekk dan ma jkun qabad xejn.

Id-data tal-ġurnal ta’ abbord elettroniku

8.

Il-kaptan għandu jirreġistra minnufih id-data u l-ħin tad-dħul fl-ilmijiet ta’ Mauritius u tal-ħruġ minnhom, ladarba l-ERS tkun operattiva.

9.

Kuljum, il-kaptan għandu jniżżel l-istima tal-kwantitajiet ta’ kull speċi maqbuda u miżmuma abbord jew skartata fil-baħar, għal kull operazzjoni tas-sajd. Ir-reġistrazzjoni tal-kwantitajiet stmati ta’ speċijiet maqbuda jew skartati fil-baħar għandha ssir irrispettivament mill-piż. Jekk il-bastiment ikun preżenti iżda ma jwettaqx sajd, għandha tiġi rreġistrata fejn kien il-bastiment fil-ħin tan-nofsinhar Ħin Universali Koordinat (UTC).

10.

Id-data tal-ġurnal ta’ abbord tas-sajd għandha tintbagħat awtomatikament u kuljum liċ-ĊMS tal-Istat tal-bandiera. L-informazzjoni għandha tinkludi tal-inqas dan li ġej:

(a)

in-numri ta’ identifikazzjoni tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO) jew tar-reġistru tal-flotta komuni (CFR) u l-isem tal-bastiment tas-sajd;

(b)

numru uniku ta’ identifikazzjoni tal-vjaġġ tas-sajd;

(c)

il-kodiċi alfa-3 tal-FAO ta’ kull speċi;

(d)

iż-żona ġeografika rilevanti fejn saru l-qabdiet;

(e)

id-data u l-ħin tal-qabdiet;

(f)

id-data u l-ħin tat-tluq mill-port ta’ Mauritius u tal-wasla fih jew tal-punt tad-dħul fl-ilmijiet ta’ Mauritius u tal-ħruġ minnhom;

(g)

it-tip ta’ rkaptu u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi;

(h)

l-istima tal-kwantitajiet ta’ kull speċi miżmuma abbord, f’kilogrammi ta’ piż ħaj, jew, fejn jixraq, l-għadd ta’ ħut individwali; u

(i)

l-istima tal-kwantitajiet ta’ kull speċi skartati l-baħar, f’kilogrammi ta’ piż ħaj, jew, fejn jixraq, l-għadd ta’ ħut individwali.

Ħsara teknika jew ħsara li taffettwa r-reġistrazzjoni u t-trażmissjoni abbord tar-rapporti elettroniċi mill-bastiment tal-Unjoni

11.

Iċ-ĊMS tal-Istat tal-bandiera u ċ-ĊMS ta’ Mauritius għandhom jinfurmaw minnufih lil xulxin b’kull avveniment li jista’ jaffettwa t-trażmissjoni tad-data tal-ERS minn bastiment tal-Unjoni wieħed jew aktar.

12.

Jekk iċ-ĊMS ta’ Mauritius ma jirċevix id-data li bastiment tal-Unjoni suppost jibgħat, għandu jinforma liċ-ĊMS tal-Istat tal-bandiera minnufih dwar dan. Iċ-ĊMS tal-Istat tal-bandiera għandu jinvestiga fil-pront ir-raġunijiet għal dan in-nuqqas ta’ wasla tad-data tal-ERS u jinforma liċ-ĊMS ta’ Mauritius bir-riżultat tal-investigazzjonijiet.

13.

Meta jkun hemm ħsara fit-trażmissjoni bejn il-bastiment tal-Unjoni u ċ-ĊMS tal-Istat tal-bandiera, dan tal-aħħar għandu jinnotifika minnufih lill-kaptan jew lill-operatur tal-bastiment tal-Unjoni jew, jekk ma jkunux jistgħu jintlaħqu, lir-rappreżentant tagħhom. Malli jirċievi din in-notifika, il-kaptan tal-bastiment għandu jibgħat id-data nieqsa lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat tal-bandiera, bi kwalunkwe mezz ta’ telekomunikazzjoni xieraq, kuljum u sa mhux aktar tard minn 23.59 UTC.

14.

F’każ ta’ ħsara fis-sistema ta’ trażmissjoni elettronika installata abbord il-bastiment, il-kaptan jew l-operatur tal-bastiment għandu jiżgura li l-ERS tissewwa jew tinbidel fi żmien għaxart ijiem minn meta tiġi individwata ħsara. Ladarba tgħaddi dik l-iskadenza, il-bastiment tal-Unjoni ma għandux jibqa’ awtorizzat jistad fl-ilmijiet ta’ Mauritius u jrid jitlaq minn Mauritius jew jidħol fil-port tagħha fi żmien 24 siegħa. Il-bastiment tal-Unjoni ma għandux jitħalla jitlaq minn dak il-port jew jirritorna fl-ilmijiet ta’ Mauritius qabel ma ċ-ĊMS tal-Istat tal-bandiera tiegħu jkun stabbilixxa li l-ERS qiegħda terġa’ taħdem kif suppost.

15.

Jekk Mauritius ma tkunx irċeviet id-data tal-ERS minħabba ħsara fis-sistemi elettroniċi taħt is-superviżjoni tal-Unjoni jew ta’ Mauritius, il-Parti inkwistjoni għandha tieħu l-azzjoni minnufih biex issolvi l-problema malajr. Il-Parti l-oħra għandha tiġi nnotifikata malli tissolva l-problema.

16.

Kull 24 siegħa, iċ-ĊMS tal-Istat tal-bandiera għandu jibgħat liċ-ĊMS ta’ Mauritius bi kwalunkwe mezz ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli, id-data tal-ERS kollha li tkun waslitlu mill-aħħar trażmissjoni. L-istess proċedura tista’ tintuża fuq talba ta’ Mauritius f’każ ta’ operazzjonijiet ta’ manutenzjoni li jdumu aktar minn 24 siegħa u li jaffettwaw is-sistemi li jkunu taħt is-superviżjoni tal-Unjoni. Mauritius għandha tinforma lis-servizzi ta’ monitoraġġ kompetenti tagħha sabiex il-bastimenti tal-Unjoni ma jitqisux li qegħdin jiksru l-obbligu tagħhom li jibagħtu d-data tal-ERS. Iċ-ĊMS tal-Istat tal-bandiera għandu jiżgura li jdaħħal id-data li tkun nieqsa fil-bażi tad-data elettronika li huwa jżomm f’konformità mal-punt 6 ta’ dan il-Kapitolu.

17.

L-Istat tal-bandiera u Mauritius għandhom jaħtru korrispondent tal-ERS kull wieħed biex ikun il-punt ta’ kuntatt għall-kwistjonijiet relatati mal-implimentazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, għandhom jikkomunikaw id-dettalji ta’ kuntatt tal-korrispondenti tal-ERS tagħhom lil xulxin u, fejn jixraq, jaġġornaw din l-informazzjoni mingħajr dewmien.

Monitoraġġ regolari tal-qbid

18.

L-Unjoni għandha tibgħat lil Mauritius, qabel it-tmiem ta’ kull trimestru, id-data tal-qbid ta’ kull bastiment tal-Unjoni awtorizzat, u kull informazzjoni rilevanti oħra dwar it-trimestru/trimestri preċedenti.

19.

Mauritius għandha tipprovdi, kull trimestru, id-data tal-qbid tal-bastimenti tal-Unjoni awtorizzati miksuba permezz tal-ġurnali ta’ abbord tas-sajd u kull informazzjoni rilevanti oħra.

20.

Il-Partijiet it-tnejn janalizzaw il-konsistenza tas-settijiet tad-data b’mod regolari u jekk issir talba minn xi wieħed mill-Partijiet. B’mod partikolari, Mauritius għandha tanalizza din id-data aggregata u tirrapporta kull inkonsistenza kbira fil-qabdiet li jkunu saru fl-ilmijiet tagħha rrapportati fil-ġurnali ta’ abbord tas-sajd li tirċievi. L-Istati tal-bandiera għandhom jinvestigaw u jaġġornaw id-data kif ikun neċessarju. Il-każijiet ta’ inkonsistenzi persistenti bejn sors tad-data u ieħor għandhom jiġu ppreżentati lill-Kumitat Konġunt bil-għan li tinstab soluzzjoni. Dik id-data aggregata għandha titqies provviżorja sakemm l-Unjoni tinnotifika d-dikjarazzjoni annwali definittiva msemmija fil-punt 21.

Dikjarazzjoni finali tat-tariffi għall-bastimenti tas-sajd tat-tonn u għall-bastimenti tas-sajd bil-konz tal-wiċċ

21.

Sa mhux aktar tard mit-30 ta’ April ta’ kull sena, l-Unjoni għandha tipprovdi d-data aggregata li tindika l-kwantitajiet għal kull bastiment tal-Unjoni, għal kull xahar u għal kull speċi, tal-qabdiet li jkunu saru fl-ilmijiet ta’ Mauritius tul is-sena kalendarja preċedenti, flimkien ma’ kalkolu tat-tariffi dovuti għal kull bastiment tal-Unjoni.

22.

Mauritius għandha tinnotifika lill-Unjoni bil-wasla tad-dikjarazzjoni tat-tariffi u għandu jkollha 45 jum biex tikkontesta d-data pprovduta, abbażi ta’ evidenza ta’ sostenn. Wara dik il-kontestazzjoni, il-Partijiet għandu jkollhom xahar biex jaqblu dwar id-data. Jekk ma jaqblux, il-Partijiet għandhom jikkonsultaw lil xulxin bil-posta jew b’vidjokonferenza mill-aktar fis possibbli, jew fejn xieraq fil-Kumitat Konġunt. Jekk Mauritius ma toġġezzjonax fi żmien 45 jum kalendarju, id-dikjarazzjoni finali għandha titqies li ġiet adottata.

23.

L-Unjoni għandha tikkomunika minnufih il-kontijiet ivvalidati miż-żewġ Partijiet lis-sidien tal-bastimenti biex jagħmlu l-pagamenti neċessarji. Meta l-ammont fid-dikjarazzjoni finali jkun ogħla mit-tariffa tal-pagament antiċipat imsemmija fil-punt 24 tal-Kapitolu II li tkun tħallset biex tinkiseb l-awtorizzazzjoni tas-sajd, sid il-bastiment għandu jħallas il-bilanċ pendenti fil-kont tal-bank rilevanti sal-31 ta’ Lulju ta’ dik is-sena (jew fi żmien 30 jum minn meta tasal id-dikjarazzjoni). Meta d-dikjarazzjoni finali tkun inqas mit-tariffa b’rata fissa mistennija, l-ammont li jifdal ma għandux jiġi rrimborżat lil sid il-bastiment. Mauritius għandha timmonitorja dawn il-pagamenti u tinnotifika lill-Unjoni b’kull dewmien jew pagament mhux komplut. Fl-istess ħin, l-Unjoni għandha tagħmel ħilitha biex il-pagamenti jsiru fil-limitu ta’ żmien stabbilit.

24.

Id-dikjarazzjonijiet ivvalidati għandhom jintużaw biex jiġi kkalkulat l-ammont li jrid jitħallas mill-Unjoni għal kull qabda addizzjonali li taqbeż it-tunnellaġġ ta’ referenza ta’ sena sħiħa, f’konformità mal-Artikolu 6(6) ta’ dan il-Protokoll.

KAPITOLU IV

ĦATT L-ART U TRAŻBORD

1.

It-trażbord fuq il-baħar huwa pprojbit. L-operazzjonijiet kollha tat-trażbord fil-port huma mmonitorjati fil-preżenza ta’ spetturi tas-sajd ta’ Mauritius.

2.

Il-kaptan ta’ bastiment tal-Unjoni li jkun jixtieq iħott l-art jew jittrażborda l-qabdiet jeħtieġlu jinnotifika lil Mauritius, tal-anqas 24 siegħa qabel il-ħatt l-art jew it-trażbord, b’dan li ġej:

(a)

in-numri ta’ identifikazzjoni tal-IMO jew tas-CFR u l-isem tal-bastiment tas-sajd li jeħtieġlu jħott l-art jew jittrażborda;

(b)

il-port li fih ser isir il-ħatt l-art jew it-trażbord;

(c)

id-data u l-ħin skedati għall-ħatt l-art jew għat-trażbord;

(d)

il-kwantità (espressa f’kilogrammi ta’ piż ħaj jew, jekk ikun neċessarju, l-għadd ta’ ħut individwali) ta’ kull speċi li trid tinħatt l-art jew tiġi ttrażbordata (identifikata mill-Kodiċi alfa-3 tal-FAO tagħha); u

(e)

f’każ ta’ trażbord, l-isem u s-sinjal internazzjonali tas-sejħa bir-radju tat-telekomunikazzjoni tal-Unjoni (IRCS) tal-bastiment li jkun ser jirċievi l-qabda.

3.

Għall-bastimenti li jkunu ser jirċievu l-qabda, mhux aktar tard minn 24 siegħa qabel il-bidu tat-trażbord u fi tmiemu, il-kaptani tal-bastimenti tal-ġarr li jkunu ser jirċievu l-qabda għandhom jinfurmaw lill-awtoritajiet ta’ Mauritius bil-kwantitajiet ta’ tonn u ta’ speċijiet simili għat-tonn ittrażbordati fil-bastimenti tagħhom u għandhom jimlew id-dikjarazzjoni tat-trażbord u jibagħtuha lill-awtorità ta’ Mauritius fi żmien 24 siegħa.

4.

L-operazzjoni tat-trażbord hija soġġetta għal awtorizzazzjoni minn qabel li tingħata minn Mauritius lill-kaptan tal-bastiment jew lill-aġent tiegħu fi żmien 24 siegħa wara n-notifika msemmija fil-punt 2. L-operazzjoni ta’ trażbord trid issir f’port ta’ Mauritius li jkun awtorizzat għal dak il-għan.

5.

Il-port tas-sajd indikat fejn huma permessi l-operazzjonijiet ta’ trażbord f’Mauritius huwa Port Louis.

6.

In-nuqqas ta’ konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu għandu jwassal għall-applikazzjoni tas-sanzjonijiet rilevanti previsti skont il-leġiżlazzjoni ta’ Mauritius.

KAPITOLU V

KONTROLL U SPEZZJONI

Dħul fl-ilmijiet ta’ Mauritius u ħruġ minnhom

1.

Kull dħul fl-ilmijiet ta’ Mauritius jew kull ħruġ minnhom ta’ bastiment tal-Unjoni li jkollu awtorizzazzjoni tas-sajd irid jiġi nnotifikat lil Mauritius fi żmien 12-il siegħa qabel id-dħul jew il-ħruġ. Meta jkun qiegħed jinnotifika d-dħul jew il-ħruġ tiegħu, il-bastiment għandu b’mod partikolari jinnotifika:

(a)

id-data, il-ħin u r-rotta previsti;

(b)

il-kwantità totali ta’ kull speċi miżmuma abbord, kif identifikata bil-kodiċi alfa-3 tal-FAO tagħha u espressa f’kilogrammi ta’ piż ħaj jew, jekk applikabbli, fl-għadd ta’ ħut individwali; u

(c)

il-preżentazzjoni tal-prodotti.

2.

In-notifika għandha ssir permezz tal-ERS jew, fin-nuqqas ta’ dan, permezz ta’ posta elettronika f’indirizz elettroniku kkomunikat minn Mauritius. Mauritius għandha tikkonferma l-wasla ta’ tali notifika minnufih billi twieġeb permezz ta’ posta elettronika.

3.

Mauritius għandha tinforma minnufih lill-bastimenti kkonċernati u lill-Unjoni b’kull bidla fl-indirizz elettroniku jew fil-frekwenza tat-trażmissjonijiet.

4.

Kull bastiment tal-Unjoni li jinstab jistad fl-ilmijiet ta’ Mauritius mingħajr ma jkun innotifika l-preżenza tiegħu minn qabel għandu jitqies bħala bastiment tas-sajd mhux awtorizzat.

5.

Meta jkunu qegħdin jinnotifikaw id-dħul jew il-ħruġ, il-bastimenti tal-Unjoni għandhom jikkomunikaw ukoll il-pożizzjoni tagħhom (il-latitudni u l-lonġitudni) fil-ħin tal-komunikazzjoni u t-tunnellaġġ u l-ispeċijiet li jinsabu fil-qabdiet miżmuma abbord. Dawk il-komunikazzjonijiet għandhom isiru permezz tal-ERS u għandhom jintbagħtu fl-indirizzi ta’ kuntatt li jkunu pprovdew l-awtoritajiet kompetenti ta’ Mauritius.

Spezzjonijiet fil-port jew fuq il-baħar

6.

L-ispezzjoni fil-port jew fuq il-baħar fl-ilmijiet ta’ Mauritius tal-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni għandha ssir minn spetturi awtorizzati u minn bastimenti awtorizzati ta’ Mauritius li jkunu identifikabbli biċ-ċar bħala bastimenti assenjati biex iwettqu spezzjonijiet u kontrolli tas-sajd.

7.

Qabel jitilgħu abbord, l-ispetturi awtorizzati għandhom jinfurmaw lill-bastiment tal-Unjoni bid-deċiżjoni tagħhom li jagħmlu spezzjoni. L-ispezzjoni għandha ssir minn għadd raġonevoli ta’ spetturi tas-sajd awtorizzati, li jridu jagħtu prova tal-identità u l-kariga uffiċjali tagħhom ta’ spetturi, qabel ma jibdew iwettqu l-ispezzjoni.

8.

Il-kaptan tal-bastiment tal-Unjoni għandu jippermetti lill-ispetturi minn Mauritius jitilgħu abbord u għandhom jikkoopera magħhom waqt il-proċedura tal-ispezzjoni.

9.

L-ispetturi awtorizzati għandhom idumu abbord il-bastiment tal-Unjoni kemm hemm bżonn biex iwettqu l-kompiti relatati mal-ispezzjoni. Dawn għandhom jagħmlu l-ispezzjoni b’mod li jnaqqsu kemm jistgħu l-impatt fuq il-bastiment, fuq l-attività tas-sajd tiegħu, fuq il-merkanzija jew fuq l-attivitajiet ta’ żbark jew ta’ trażbord tiegħu.

10.

L-immaġnijiet (ritratti jew vidjows) li jittieħdu matul l-ispezzjonijiet għandhom ikunu maħsuba biss għall-awtoritajiet responsabbli mill-kontroll u s-sorveljanza tas-sajd. Dawn l-immaġnijiet ma għandhomx isiru pubbliċi sakemm il-leġiżlazzjoni nazzjonali ma tipprevedix mod ieħor.

11.

Fi tmiem kull spezzjoni, l-ispetturi awtorizzati minn Mauritius għandhom jiktbu rapport tal-ispezzjoni. Il-kaptan tal-bastiment tal-Unjoni għandu d-dritt jinkludi l-kummenti tiegħu fir-rapport tal-ispezzjoni. Ir-rapport tal-ispezzjoni għandu jiġi ffirmat mill-ispetturi u mill-kaptan tal-bastiment tal-Unjoni.

12.

Il-fatt li l-kaptan jiffirma r-rapport tal-ispezzjoni tal-bastiment tal-Unjoni ma għandux jippreġudika d-dritt ta’ sid il-bastiment tal-Unjoni li jiddefendi ruħu waqt xi proċedura ta’ ksur li tista’ ssir. Jekk il-kaptan tal-bastiment tal-Unjoni jirrifjuta li jiffirma dak ir-rapport, għandu jispeċifika r-raġunijiet tiegħu bil-miktub u l-ispettur għandu jikteb il-kliem “irrifjuta li jiffirma” fuq id-dokument. Qabel jinżlu mill-bastiment, l-ispetturi awtorizzati għandhom jagħtu kopja tar-rapport tal-ispezzjoni lill-kaptan tal-bastiment tal-Unjoni. L-awtoritajiet ta’ Mauritius għandhom jinfurmaw lill-awtoritajiet tal-Unjoni bl-ispezzjonijiet li jkunu wettqu fi żmien 24 siegħa minn meta jkunu tlestew u bi kwalunkwe ksur li seta’ ġie nnutat, u għandhom jibagħtulhom ir-rapport tal-ispezzjoni fi żmien massimu ta’ 7 ijiem. F'każ ta' ksur, għandha tintbagħat kopja tan-notifika tal-ksur lill-Unjoni fi żmien sebat ijiem minn meta l-uffiċjal awtorizzat jerġa’ lura fil-port.

13.

L-awtoritajiet ta’ Mauritius jistgħu jawtorizzaw lill-awtoritajiet tal-Unjoni jieħdu sehem fl-ispezzjonijiet bħala osservaturi.

14.

Abbażi ta’ valutazzjoni tar-riskju, il-Partijiet jistgħu jiftiehmu li jwettqu spezzjonijiet konġunti fuq il-bastimenti tal-Unjoni, b’mod partikolari waqt l-operazzjonijiet ta’ ħatt l-art u ta’ trażbord, biex jiżguraw il-konformità kemm mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni kif ukoll mal-leġiżlazzjoni ta’ Mauritius. Huma u jwettqu dmirijiethom, l-ispetturi mibgħuta mill-Partijiet għandhom iħarsu d-dispożizzjonijiet dwar it-twettiq tal-ispezzjonijiet stabbiliti rispettivament fl-oqfsa leġiżlattivi tal-Unjoni u ta’ Mauritius. Fil-kuntest tar-responsabbiltajiet tagħhom bħala Stati tal-bandiera u Stati kostali, il-Partijiet jistgħu jiddeċiedu li jikkooperaw fuq azzjonijiet ta’ segwitu, skont il-leġiżlazzjoni rilevanti tagħhom. Barra minn hekk, fuq talba tal-Unjoni, l-awtoritajiet ta’ Mauritius jistgħu jawtorizzaw lill-ispetturi tas-sajd mill-Istati Membri tal-Unjoni jwettqu spezzjonijiet fuq bastimenti tal-Unjoni li jtajru l-bandiera tagħhom fil-limiti tal-kompetenza tagħhom skont il-liġi nazzjonali tagħhom.

Kooperazzjoni u monitoraġġ parteċipattiv marbut mal-ġlieda kontra s-sajd IUU

15.

Sabiex tissaħħaħ il-ġlieda kontra s-sajd IUU, il-kaptani tal-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni għandhom jirrapportaw il-preżenza ta’ kull bastiment fl-ilmijiet ta’ Mauritius li jkun issuspettat li hu involut f’attivitajiet tas-sajd IUU, u jagħtu informazzjoni kemm jistgħu dwar dak li jkunu osservaw. Ir-rapporti ta’ osservazzjoni għandhom jintbagħtu minnufih lill-awtoritajiet ta’ Mauritius u lill-awtorità kompetenti tal-Istat tal-bandiera Membru tal-Unjoni tal-bastiment li jkun intlemaħ, li min-naħa tagħha għandha tibgħathom lill-Unjoni jew lill-korp maħtur minnha.

16.

Mauritius għandha tibgħat lill-Unjoni kull rapport ta’ osservazzjoni li jkollha dwar bastimenti tas-sajd tal-Unjoni involuti f’attivitajiet li jistgħu jikkostitwixxu sajd IUU fl-ilmijiet ta’ Mauritius.

KAPITOLU VI

SISTEMA TA’ MONITORAĠĠ TAL-BASTIMENTI ABBAŻI TA’ SATELLITA (VMS)

Komunikazzjoni sigura tal-messaġġi dwar il-pożizzjoni lil Mauritius

1.

Iċ-ĊMS tal-Istat tal-bandiera għandu jibgħat awtomatikament il-messaġġi dwar il-pożizzjoni tal-bastimenti kkonċernati liċ-ĊMS ta’ Mauritius. Iċ-ĊMS tal-Istat tal-bandiera, il-Kummissjoni Ewropea u Mauritius għandhom jiskambjaw l-indirizzi tal-posta elettronika ta’ kuntatt tagħhom u għandhom jinfurmaw minnufih lil xulxin b’kull tibdil f’dawk l-indirizzi.

Messaġġi dwar il-pożizzjoni tal-bastimenti

2.

Waqt li jkunu fl-ilmijiet ta’ Mauritius, il-bastimenti tal-Unjoni li jkollhom awtorizzazzjoni tas-sajd maħruġa skont dan il-Protokoll jeħtiġilhom li jkunu mgħammra sistema ta’ monitoraġġ tal-bastimenti (VMS) biex kull siegħa jikkomunikaw il-pożizzjoni tagħhom, b’mod awtomatiku u kontinwu, liċ-ĊMS tal-Istat tal-bandiera tagħhom.

Kull messaġġ dwar il-pożizzjoni jrid jinkludi:

(a)

l-identifikazzjoni tal-bastiment;

(b)

il-pożizzjoni ġeografika l-aktar riċenti tal-bastiment tal-Unjoni (espressa f’lonġitudni u f’latitudni), b’marġni ta’ żball tal-pożizzjoni ta’ inqas minn 500 metru, u b’intervall ta’ affidabbiltà ta’ 99 %;

(c)

id-data u l-ħin (espressi f’UTC) meta ġiet iddeterminata l-pożizzjoni; u

(d)

il-veloċità u r-rotta tal-bastiment.

3.

Iċ-ĊMS tal-Istat tal-bandiera Membru tal-Unjoni għandu jiżgura l-ipproċessar awtomatiku u, jekk ikun neċessarju, it-trażmissjoni elettronika tal-messaġġi dwar il-pożizzjoni. Il-messaġġi dwar il-pożizzjoni għandhom jiġu rreġistrati u miżmuma b’mod sikur f’bażi tad-data kkompjuterizzata, għal tal-anqas tliet snin miċ-CMS tal-Istat tal-bandiera Membru tal-Unjoni.

4.

Il-kaptan tal-bastiment tal-Unjoni għandu jiżgura f’kull ħin li l-VMS installata abbord il-bastiment tkun qiegħda taħdem tajjeb, u għandu jiżgura t-trażmissjoni effettiva tad-data skont il-punt 1 liċ-ĊMS tal-Istat tal-bandiera tiegħu.

5.

Il-kaptan għandu jitqies responsabbli ta’ kull tbagħbis ippruvat fil-VMS li jkollu l-għan li jfixkel it-tħaddim tagħha jew li jiffalsifika l-messaġġi dwar il-pożizzjoni tagħha.

6.

In-nuqqas ta’ konformità mad-dispożizzjonijiet dwar il-VMS għandu jitqies bħala ksur u jkun soġġett għall-penali previsti fil-leġiżlazzjoni ta’ Mauritius.

7.

Iċ-ĊMS tal-Istat tal-bandiera għandu jibgħat awtomatikament u minnufih il-messaġġi dwar il-pożizzjoni li jirċievi liċ-ĊMS ta’ Mauritius. Madankollu, kull bastiment tal-Unjoni li jopera fl-ilmijiet ta’ Mauritius jeħtieġlu jkun viżibbli fuq is-sistema tal-VMS minn meta jidħol sa meta joħroġ realment minn dik iż-żona, jew sakemm jasal f’port ta’ Mauritius.

8.

Id-data tal-VMS għandha tiġi trażmessa bl-użu tal-mezzi elettroniċi ta’ komunikazzjoni operati mill-Kummissjoni Ewropea għall-iskambju tad-data dwar is-sajd f’forma standardizzata.

9.

L-ewwel pożizzjoni rreġistrata wara d-dħul fl-ilmijiet ta’ Mauritius għandha tiġi identifikata bil-kodiċi “ENT”. Il-pożizzjonijiet sussegwenti kollha għandhom jiġu identifikati bil-kodiċi “POS”, bl-eċċezzjoni tal-ewwel pożizzjoni rreġistrata wara l-ħruġ mill-ilmijiet ta’ Mauritius, li għandha tiġi identifikata bil-kodiċi “EXI”.

10.

Kull messaġġ ta’ pożizzjoni għandu jiġi pprovdut skont il-format stabbilit fl-Appendiċi 2 jew abbażi tal-istandard P 1000 taċ-Ċentru tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Faċilitazzjoni tal-Kummerċ u n-Negozju Elettroniku (CEFACT).

Trażmissjoni mill-bastiment tal-Unjoni f’każ ta’ ħsara fil-VMS

11.

Il-bastimenti tal-Unjoni b’VMS difettuża ma humiex awtorizzati jidħlu fl-ilmijiet ta’ Mauritius. Meta jkunu diġà qegħdin joperaw fl-ilmijiet ta’ Mauritius, f’każ ta’ ħsara, il-VMS tal-bastiment għandha tissewwa fi tmiem il-vjaġġ jew tiġi ssostitwita fi żmien 15-il jum kalendarju. Wara dak il-perjodu, il-bastiment ma għandux jibqa’ awtorizzat jistad fl-ilmijiet ta’ Mauritius.

12.

Il-bastimenti li jkunu qegħdin jistadu fl-ilmijiet ta’ Mauritius b’VMS difettuża jridu jikkomunikaw il-messaġġi dwar il-pożizzjoni tagħhom permezz tal-posta elettronika liċ-ĊMS tal-Istat tal-bandiera, mill-inqas kull erba' sigħat, u jridu jipprovdu l-informazzjoni obbligatorja kollha. Iċ-ĊMS tal-Istat tal-bandiera għandu jirreġistra minnufih dawn il-messaġġi manwali fil-bażi tad-data kkompjuterizzata msemmija fil-punt 3 u jibgħathom mill-ġdid liċ-ĊMS ta’ Mauritius, skont l-istess dispożizzjonijiet li jgħoddu għall-pożizzjonijiet awtomatiċi. Din il-komunikazzjoni għandha tibda malli l-kaptan tal-bastiment tal-Unjoni jiskopri l-ħsara fil-VMS jew jiġi infurmat dwarha. F’dan il-każ għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet dwar il-proċeduri ta’ dħul u ta’ ħruġ.

Ħsarat fis-sistema ta’ komunikazzjoni

13.

Mauritius għandha tiżgura li t-tagħmir elettroniku tagħha jkun kompatibbli ma’ dak taċ-ĊMS tal-Istat tal-bandiera u għandha tinforma minnufih lill-Unjoni b’kwalunkwe interruzzjoni jew ħsara fir-rigward tal-komunikazzjoni u l-wasla tal-messaġġi dwar il-pożizzjoni, bil-għan li tinstab soluzzjoni teknika mill-aktar fis possibbli. Iċ-ĊMS kemm tal-Istat tal-bandiera rilevanti kif ukoll ta’ Mauritius għandhom jinvestigaw ir-raġunijiet għal din l-interruzzjoni jew ħsara. Il-Kumitat Konġunt għandu jindirizza kwalunkwe tilwima li tista’ tinqala’ minħabba f’hekk.

14.

Jekk Mauritius ma tirċevix id-data tal-VMS minħabba ħsara fis-sistemi elettroniċi li jkunu taħt is-superviżjoni tal-Unjoni jew ta’ Mauritius, il-Parti kkonċernata għandha tinnotifikaha lill-Parti l-oħra mill-aktar fis possibbli u tieħu azzjoni f’waqtha biex issolvi l-ħsara malajr. Il-Parti l-oħra għandha tiġi nnotifikata malli tissolva l-problema. Id-data li ma tasalx għand iċ-ĊMS ta’ Mauritius għandha tintbagħatlu malli tissolva l-problema. F’każ li l-ħsara taffettwa s-sistemi elettroniċi taħt il-kontroll tal-Unjoni, iċ-ĊMS tal-Istat tal-bandiera għandu jikkomunika kull 24 siegħa l-messaġġi kollha dwar il-pożizzjoni li jkun irċieva liċ-ĊMS ta’ Mauritius, permezz tal-posta elettronika.

15.

L-awtoritajiet ta’ Mauritius għandhom jinfurmaw lis-servizzi ta’ monitoraġġ kompetenti tagħha biex il-bastimenti tal-Unjoni ma jitqisux mhux konformi minħabba nuqqas ta’ trażmissjoni ta’ data tal-VMS.

Reviżjoni tal-frekwenza tal-messaġġi dwar il-pożizzjoni

16.

Abbażi ta’ dokumenti ta’ evidenza li turi ksur, Mauritius tista’ titlob liċ-ĊMS tal-Istat tal-bandiera Membru tal-Unjoni iżid il-frekwenza tal-messaġġi li jibgħat dwar il-pożizzjoni ta’ bastiment għal kull 30 minuta għal perjodu stabbilit ta’ investigazzjoni, u tibgħat kopja lill-Unjoni ta’ din it-talba. Iċ-ĊMS ta’ Mauritius jeħtieġlu jibgħat dawn id-dokumenti ta’ evidenza liċ-ĊMS tal-Istat tal-bandiera Membru tal-Unjoni u lill-Unjoni. Iċ-ĊMS tal-Istat tal-bandiera għandu jibgħat minnufih il-messaġġi dwar il-pożizzjoni lil Mauritius bil-frekwenza l-ġdida.

17.

Fi tmiem il-perjodu stabbilit ta’ investigazzjoni, iċ-ĊMS ta’ Mauritius għandu jinnotifika minnufih liċ-ĊMS tal-Istat tal-bandiera Membru tal-Unjoni u lill-Unjoni dwar it-tmiem tal-proċedura ta’ spezzjoni u dwar kwalunkwe azzjoni ta’ segwitu li tkun meħtieġa.

KAPITOLU VII

KSUR

1.

In-nuqqas ta’ osservanza ta’ xi regoli u dispożizzjonijiet ta’ dan il-Protokoll, tal-miżuri ta’ konservazzjoni u ġestjoni tar-riżorsi ħajjin, jew tal-leġiżlazzjoni dwar is-sajd ta’ Mauritius jista’ jiġi ppenalizzat permezz ta’ multi, sospensjoni, revoka jew nuqqas ta’ tiġdid tal-awtorizzazzjoni tas-sajd tal-bastiment, kif iddefinit fil-leġiżlazzjoni ta’ Mauritius.

It-trattament tal-ksur

2.

Kwalunkwe ksur imwettaq fl-ilmijiet ta’ Mauritius minn bastiment tal-Unjoni li jkollu awtorizzazzjoni tas-sajd f’konformità mal-Ftehim irid jissemma’ f’rapport ta’ spezzjoni.

3.

In-notifika tal-ksur u tas-sanzjonijiet rilevanti applikabbli li għalihom jista’ jkun responsabbli l-kaptan jew il-kumpanija tas-sajd għandha tintbagħat direttament lil sid il-bastiment f’konformità mal-proċedura stabbilita fil-leġiżlazzjoni applikabbli ta’ Mauritius. Għandha tintbagħat kopja tan-notifika lill-Istat tal-bandiera tal-bastiment tal-Unjoni u lill-Unjoni fi żmien 24 siegħa.

Id-detenzjoni ta’ bastiment tal-Unjoni

4.

F’konformità mal-leġiżlazzjoni applikabbli dwar is-sajd ta’ Mauritius u t-termini u l-kundizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni, kwalunkwe bastiment tal-Unjoni li b’mod raġonevoli jkun suspettat li wettaq ksur, jista’ jkun meħtieġ mill-awtoritajiet ta’ Mauritius li jwaqqaf l-attività tas-sajd u, meta l-bastiment ikun fuq il-baħar, jirritorna lejn port ta’ Mauritius.

5.

Mauritius għandha tinnotifika lill-Unjoni u lill-awtoritajiet tal-Istat tal-bandiera fi żmien 24 siegħa dwar kwalunkwe interruzzjoni tal-attivitajiet u tad-detenzjoni ta’ bastiment tal-Unjoni li jkollu awtorizzazzjoni tas-sajd. In-notifika għandha tipprovdi r-raġunijiet u tinkludi d-dokumenti ta’ evidenza li jsostnu d-detenzjoni tal-bastiment, soġġett għal kwalunkwe rekwiżit legali ta’ kunfidenzjalità.

6.

L-awtorità ta’ Mauritius għandha taħtar uffiċjal tal-investigazzjoni u torganizza, fuq talba tal-Unjoni, fi żmien jum kalendarju min-notifika tad-detenzjoni tal-bastiment, laqgħa ta’ informazzjoni biex tiċċara l-fatti li wasslu biex il-bastiment jinżamm u tispjega x’azzjoni oħra tista’ tittieħed. Jistgħu jattendu għal din il-laqgħa ta’ informazzjoni rappreżentant tal-Istat tal-bandiera u sid il-bastiment.

Il-pieni għall-ksur - proċedura ta’ soluzzjoni

7.

F’każ ta’ ksur ta’ natura kriminali, il-piena għandha tiġi stabbilita skont il-leġiżlazzjoni applikabbli mal-kundanna quddiem qorti f’Mauritius jew skont id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ f’Mauritius.

8.

Qabel ma jitnedew il-proċedimenti legali, għandha ssir proċedura ta’ kompromess bejn l-awtoritajiet ta’ Mauritius u l-bastiment tal-Unjoni sabiex il-kwistjoni tissolva b’mod amikevoli sa fejn ikun legalment fattibbli. Rappreżentant tal-Istat tal-bandiera tal-bastiment jista’ jattendi għal din il-proċedura ta’ kompromess. Il-proċedura ta’ kompromess għandha tintemm sa mhux aktar tard minn 72 siegħa wara n-notifika tad-detenzjoni tal-bastiment. Jekk jintlaħaq ftehim, dan għandu jkun finali u vinkolanti għall-Partijiet kollha kkonċernati. Jekk il-proċedura ta’ kompromess, li tista’ tinkludi proċess ta’ konċiljazzjoni, ma tirnexxix, il-kwistjoni tista’ titressaq quddiem qorti f’Mauritius.

Proċedimenti legali - garanzija bankarja

9.

Is-sid tal-bastiment tal-Unjoni li jkun hemm suspett raġonevoli dwaru li wettaq ksur ta’ klawżola ta' dan il-Protokoll jew tal-liġijiet applikabbli ta’ Mauritius jista’ jiddepożita garanzija bankarja f’bank indikat minn Mauritius, li l-ammont tagħha, kif stabbilit minn Mauritius, għandu jkopri l-ispejjeż marbuta mad-detenzjoni tal-bastiment, il-multa stmata u kwalunkwe kumpens. Il-garanzija bankarja ma tistax tiġi rkuprata qabel ma jkunu ġew konklużi l-proċedimenti legali.

10.

Il-garanzija bankarja għandha tiġi rrilaxxata u mogħtija lura lil sid il-bastiment mingħajr dewmien wara li tinqata’ s-sentenza:

(a)

kollha kemm hi, jekk ma tkun ġiet imposta ebda penali;

(b)

skont l-ammont tal-bilanċ li jkun fadal, jekk il-penali tkun multa li tkun inqas mill-ammont tal-garanzija bankarja.

11.

Mauritius għandha tinforma lill-Unjoni bir-riżultat tal-proċedimenti legali fi żmien jumejn kalendarji minn meta tingħata s-sentenza.

Rilaxx tal-bastiment u tal-ekwipaġġ

12.

Meta bastiment tal-Unjoni jew l-ekwipaġġ tiegħu jkunu ġew detenuti fir-rigward ta’ ksur suspettat ta’ klawżola ta' dan il-Protokoll jew ta’ xi dispożizzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli, u jkun baqa’ hekk sakemm tintemm il-proċedura ta’ kompromess jew ta’ prosekuzzjoni kriminali, il-bastiment u l-ekwipaġġ tiegħu għandhom ikunu awtorizzati jħallu l-port ladarba l-kompromess jew il-proċedura kriminali tkun ġiet riżolta.

KAPITOLU VIII

IMBARKAR TA’ BAĦRIN

L-għadd ta’ baħrin li jridu jimbarkaw

1.

Matul l-attivitajiet tagħhom fl-ilmijiet ta’ Mauritius, il-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni bit-tartarun tal-borża għandhom jagħmlu ħilithom biex jimbarkaw 14-il baħħar Mauritiusjan ikkwalifikat. Jenħtieġ li l-baħrin jintgħażlu mill-aġent tal-bastiment, bi qbil ma’ sid il-bastiment, mill-ismijiet fuq lista li trid tiġi stabbilita, abbażi tal-linji gwida għall-ingaġġ ta’ baħrin Mauritiusjani fuq bastimenti tal-Unjoni previsti fl-Appendiċi 4, u mibgħuta lill-Unjoni mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Mauritius.

2.

L-awtoritajiet kompetenti ta’ Mauritius għandhom jipprovdu l-lista tal-baħrin ikkwalifikati lis-sidien tal-bastimenti jew lill-aġenti tagħhom fuq bażi annwali.

3.

F’każ li ma jkunx hemm imbark ta’ baħrin Mauritiusjani, is-sidien tal-bastimenti għandhom iħallsu somma f’daqqa li tkun ekwivalenti għall-paga tal-baħrin li ma jkunux ġew imbarkati matul il-perjodu tal-kampanja tas-sajd fl-ilmijiet ta’ Mauritius. F’każ li l-kampanja tas-sajd iddum inqas minn xahar, is-sidien tal-bastimenti għandhom ikunu meħtieġa jħallsu somma li tikkorrispondi ma’ xahar paga tal-baħrin.

Il-kuntratti tal-baħrin

4.

Is-sidien tal-bastimenti għandhom jaġixxu f’konformità mal-prinċipji tad-Dikjarazzjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) dwar il-Prinċipji u d-Drittijiet Fundamentali fuq ix-Xogħol u konvenzjonijiet rilevanti oħra tal-ILO, inklużi l-libertà ta’ assoċjazzjoni u r-rikonoxximent effettiv tad-dritt għal negozjar kollettiv, l-eliminazzjoni tad-diskriminazzjoni fir-rigward tal-impjiegi u x-xogħol u l-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-għajxien deċenti abbord il-bastimenti tas-sajd.

5.

Meta jiġu imbarkati l-baħrin Mauritiusjani, għandhom jitfasslu kuntratti ta’ impjieg bejn sid il-bastiment jew l-aġent ta’ sid il-bastiment u l-baħrin jew ir-rappreżentanti tagħhom f’konsultazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti ta’ Mauritius. Il-kuntratti għandhom jistipulaw b’mod partikolari d-data u l-port tal-imbarkazzjoni. Dawk il-kuntratti għandhom jiggarantixxu lill-baħrin Mauritiusjani l-benefiċċji tas-sigurtà soċjali applikabbli għalihom, inkluż l-assigurazzjoni tal-mard u tal-inċidenti, il-benefiċċji tal-pensjoni, il-liv u l-kumpens fi tmiem il-kuntratt, kif ukoll il-paga bażika li trid titħallas skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu. Il-firmatarji tal-kuntratt u l-awtoritajiet kompetenti ta’ Mauritius għandhom jingħataw kopja tal-kuntratt.

Il-pagi tal-baħrin

6.

Meta jiġu imbarkati baħrin Mauritiusjani, il-pagi tagħhom għandhom jitħallsu mis-sidien tal-bastimenti. Il-kundizzjonijiet bażiċi tal-pagi mogħtija lill-baħrin Mauritiusjani għandhom jiġu stabbiliti jew abbażi tal-leġiżlazzjoni ta’ Mauritius jew tal-istandard minimu stabbilit mill-ILO għall-baħħara, skont liema jkun l-ogħla.

7.

Sid il-bastiment għandu jiggarantixxi li l-benefiċċji tal-protezzjoni tas-saħħa u tas-sigurtà soċjali mogħtija lill-baħrin Mauritiusjani għandhom ikunu simili għall-benefiċċji ggarantiti lill-baħrin minn pajjiżi tal-AKP oħrajn.

8.

Meta baħrin Mauritiusjan ma jitniżżlux l-art f’port ta’ Mauritius jew fi kwalunkwe port miftiehem ieħor fi tmiem il-kuntratt tagħhom, sid il-bastiment għandu, bi spejjeż tiegħu, jiżgura l-akkomodazzjoni temporanja u r-ripatrijazzjoni tal-n lejn it-territorju ta’ Mauritius mill-aktar fis possibbli.

L-obbligi tal-baħrin

9.

Il-baħrin għandhom jirrapportaw lill-kaptan tal-bastiment tal-Unjoni li jkunu ġew assenjati lilu fil-ġurnata ta’ qabel id-data tal-imbarkazzjoni stipulata fil-kuntratt tagħhom. Il-kaptan għandu jinforma lill-baħri bid-data u l-ħin tal-imbarkazzjoni. Jekk il-baħri jirtira jew ma jitfaċċax fid-data u l-ħin stipulati għall-imbarkazzjoni, il-kuntratt tiegħu għandu jitqies li huwa null u bla effett u sid il-bastiment għandu awtomatikament jinħeles mill-obbligu li jimbarkah. F’dan il-każ, sid il-bastiment ma għandu jkun responsabbli għall-ebda penali finanzjarja jew ħlas ta’ kumpens.

KAPITOLU IX

OSSERVATURI

L-osservazzjoni tal-attivitajiet tas-sajd

1.

Il-Partijiet jirrikonoxxu l-importanza li jikkonformaw mal-obbligi tar-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-IOTC fir-rigward tal-programm tal-osservaturi xjentifiċi u mal-liġijiet u r-regolamenti rilevanti ta’ Mauritius, inklużi l-iskemi ta’ osservazzjoni elettronika.

2.

Il-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni bit-tartarun tal-borża li jkollhom awtorizzazzjoni tas-sajd għandhom ikunu soġġetti għal skema ta’ osservazzjoni tal-attivitajiet tas-sajd tagħhom imwettqa fil-qafas tal-Ftehim, u jistgħu, fuq talba tal-awtoritajiet ta’ Mauritius, jimbarkaw osservatur wieħed, fil-kuntest ta’ programm ta’ osservazzjoni nazzjonali jew reġjonali skont it-termini stabbiliti f’dan il-Kapitolu.

3.

Dik l-iskema ta’ osservazzjoni għandha tikkonforma mad-dispożizzjonijiet previsti fir-riżoluzzjonijiet adottati mill-IOTC.

4.

Il-bastimenti tal-Unjoni li għandhom tunnellaġġ ta’ 100 GT jew inqas huma eżentati mid-dispożizzjonijiet previsti f’dan il-Kapitolu.

Il-bastimenti u l-osservaturi magħżulin

5.

L-awtoritajiet ta’ Mauritius għandhom ifasslu lista ta’ bastimenti tal-Unjoni magħżula biex itellgħu osservatur abbord, kif ukoll lista tal-osservaturi maħtura. Dawk il-listi għandhom jinżammu aġġornati. Malli jitfasslu u meta jiġu aġġornati, dawn għandhom jintbagħtu minnufih lill-Unjoni. Il-bastimenti tal-Unjoni magħżula biex jirċievu osservatur iridu jippermettu lill-osservatur jimbarka. Meta tfassal din il-lista, Mauritius għandha tikkunsidra l-preżenza ta’ osservatur imbarkat, jew li ser jiġi imbarkat, skont skema ta’ osservazzjoni reġjonali. Ir-rapporti tal-osservaturi relatati mal-osservazzjonijiet li jitwettqu fl-ilmijiet ta’ Mauritius għandhom jintbagħtu lill-Albion Fisheries Research Centre.

6.

L-awtoritajiet ta’ Mauritius għandhom jagħtu l-ismijiet tal-osservaturi maħtura biex jittellgħu abbord il-bastimenti tagħhom lis-sidien tal-bastimenti kkonċernati sa mhux aktar tard minn 15-il jum kalendarju qabel id-data prevista għall-imbark tal-osservaturi.

Il-paga tal-osservatur

7.

Il-paga u l-kontribuzzjonijiet soċjali tal-osservatur magħżul minn Mauritius għandhom jitħallsu mill-awtoritajiet ta’ Mauritius.

Il-kundizzjonijiet tal-imbarkazzjoni

8.

Il-kundizzjonijiet tal-imbarkazzjoni tal-osservaturi, b’mod partikolari t-tul ta’ żmien abbord, għandhom jiġu ddefiniti bi ftehim reċiproku bejn sid il-bastiment jew l-aġent tiegħu u Mauritius. L-osservaturi ma għandhomx iqattgħu iżjed ħin abbord il-bastimenti milli jkollhom bżonn biex iwettqu dmirijiethom. Fil-kuntest ta’ programm ta’ osservaturi reġjonali, l-osservatur jista’ jibqa’ abbord għal perjodu estiż taż-żmien miftiehem b’mod reċiproku. L-awtoritajiet ta’ Mauritius għandhom jinfurmaw lill-aġent tal-bastiment tal-Unjoni dwar din l-estensjoni meta jinnotifikaw isem l-osservatur magħżul.

9.

Il-kundizzjonijiet għall-imbark tal-osservaturi għandhom jiġu miftiehma bejn is-sidien tal-bastimenti u l-awtoritajiet ta’ Mauritius wara n-notifika tal-osservaturi maħtura.

10.

Meta jkunu abbord, l-osservaturi għandhom jiġu ttrattati bħala uffiċjali. Madankollu, meta l-osservatur jintlaqa’ abbord għandha titqies l-istruttura teknika tal-bastiment.

11.

Sid il-bastiment għandu jħallas l-ispejjeż tal-akkomodazzjoni u tal-ikel tal-osservatur abbord il-bastiment.

Il-kompiti tal-osservatur

12.

L-osservatur għandu jwettaq dawn il-kompiti:

(a)

jiġbor l-informazzjoni kollha relatata mal-attivitajiet tas-sajd tal-bastiment, b’mod partikolari fir-rigward ta’:

l-irkapti tas-sajd li jintużaw;

il-pożizzjoni tal-bastiment waqt l-attivitajiet tas-sajd;

il-volumi jew, fejn jixraq, l-għadd, u d-daqs tal-ħut li jinqabad għal kull speċi fil-mira u għal kull speċi assoċjata, kif ukoll l-għadd ta’ qabdiet inċidentali u ta’ qabdiet aċċessorji;

stima tal-għadd ta’ qabdiet miżmuma abbord u ta’ dawk skartati; u

fejn rilevanti, l-ipproċessar, it-trażbord, il-ħżin, jew ir-rimi ta’ xi ħut;

(b)

it-teħid ta’ kampjuni bijoloġiċi kif previst fil-programmi xjentifiċi;

(c)

il-monitoraġġ tal-impatt tal-attivitajiet tas-sajd fuq ir-riżorsi u fuq l-ambjent; u

(d)

jikkomunika, ta’ kuljum, l-osservazzjonijiet bir-radju, b’fax jew bil-posta elettronika waqt li l-bastiment ikun qiegħed jistad fl-ilmijiet ta’ Mauritius, inkluż il-kwantità tal-qabdiet u tal-qabdiet aċċessorji abbord, u jwettaq kwalunkwe kompitu ieħor skont dak li jkun ħtieġlu ċ-ĊMS ta’ Mauritius.

13.

Il-kaptan għandu jieħu l-miżuri kollha fir-responsabbiltà tiegħu biex jiggarantixxi s-sikurezza fiżika u l-benesseri ġenerali tal-osservatur waqt li dan ikun abbord.

14.

L-osservaturi għandhom jingħataw aċċess għal kull faċilità meħtieġa abbord il-bastiment sabiex iwettqu dmirijiethom. Għandu jkollhom aċċess għall-pont u għall-mezzi ta’ komunikazzjoni u għat-tagħmir ta’ navigazzjoni tal-bastiment u għal kwalunkwe dokument abbord, u għad-dokumenti relatati mal-attivitajiet tas-sajd tal-bastiment, b’mod partikolari l-ġurnal ta’ abbord tas-sajd, il-ġurnal dwar l-iffriżar u l-ġurnal tan-navigazzjoni, kif ukoll għall-partijiet tal-bastiment relatati b’mod dirett ma’ dmirijiethom.

15.

Il-kaptan għandu jħalli lill-osservatur f’kull ħin:

(a)

jirċievi u jibgħat messaġġi u jikkomunika max-xatt u ma’ bastimenti oħrajn bit-tagħmir tal-komunikazzjoni tal-bastiment;

(b)

jieħu, ikejjel u jneħħi mill-bastiment u jżomm kampjuni jew bċejjeċ sħaħ ta’ xi ħut;

(c)

jaħżen kampjuni jew eżemplari sħaħ fuq il-bastiment, inklużi kampjuni u eżemplari sħaħ fil-friża tal-bastiment;

(d)

jieħu ritratti jew reġistrazzjonijiet tal-attivitajiet tas-sajd, inkluż tal-ħut, tal-irkaptu tas-sajd, tat-tagħmir, tad-dokumenti, taċ-ċarts u tar-reġistri, u jieħu miegħu minn fuq il-bastiment ir-ritratti jew ir-reġistrazzjonijiet li jista’ jkun ħa jew uża abbord il-bastiment. Tali informazzjoni għandha tintuża biss għal skop xjentifiku sakemm ma jkunx mitlub speċifikament minn Mauritius f’każijiet meta dik id-data tista’ tintuża bħala appoġġ għal investigazzjoni ġuridika li tkun għaddejja.

Kontribuzzjoni finanzjarja għall-iskema tal-osservaturi

16.

Kull bastiment tas-sajd tal-Unjoni bit-tartarun tal-borża jikkontribwixxi għal fond speċjali miżmum mill-Kontabilista Ġenerali u li jservi għall-iskema tal-osservaturi, bl-objettiv li tissaħħaħ il-kapaċità tal-persuni biex ikun hemm kopertura aħjar u jiġi żgurat l-aħjar użu tal-osservaturi.

17.

Għal dan il-għan, kull bastiment tas-sajd bit-tartarun tal-borża jikkontribwixxi ammont ta’ EUR 20 għal kull jum tas-sajd fl-ilmijiet ta’ Mauritius.

Ir-rapport tal-osservatur

18.

Qabel ma jħallu l-bastiment, l-osservaturi għandhom jippreżentaw rapport ta’ attività tal-osservazzjonijiet tagħhom lill-kaptan tal-bastiment. Il-kaptan tal-bastiment għandu jkollu d-dritt jikteb il-kummenti tiegħu fir-rapport tal-osservatur. Ir-rapport għandu jiġi ffirmat mill-osservatur u mill-kaptan. Il-kaptan għandu jirċievi kopja tar-rapport tal-osservatur.

19.

L-osservaturi għandhom jibagħtu r-rapporti lil Mauritius, li għandha tibgħat kopja tagħhom u l-informazzjoni identifikata fil-punt 12 lill-Unjoni fi żmien 15-il jum kalendarju mill-iżbark tal-osservatur.

L-obbligi tal-osservatur

20.

Meta jkunu abbord, l-osservaturi għandhom:

(a)

jieħdu l-miżuri kollha xierqa biex il-kundizzjonijiet tat-tlugħ tagħhom abbord u l-preżenza tagħhom abbord il-bastiment tal-Unjoni la jinterrompu u lanqas ifixklu l-operazzjonijiet tas-sajd;

(b)

jieħdu ħsieb il-materjal u t-tagħmir li jkun hemm abbord kif xieraq; u

(c)

jirrispettaw il-leġiżlazzjoni u r-regoli ta’ kunfidenzjalità applikabbli, u jiżguraw il-kunfidenzjalità tad-data u tad-dokumenti kollha dwar il-bastiment tal-Unjoni u l-attivitajiet tiegħu u kwalunkwe informazzjoni li tinġabar.

Appendiċijiet għal dan l-Anness

 

Appendiċi 1 – Informazzjoni meħtieġa fl-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni tas-sajd

 

Appendiċi 2 – Il-format tal-messaġġ dwar il-pożizzjoni

 

Appendiċi 3 – L-użu tal-istandard UN/FLUX u tan-network EU/FLUX

 

Appendiċi 4 – Linji gwida dwar l-ingaġġ ta’ baħrin Mauritiusjani fuq il-bastimenti tal-Unjoni

Appendiċi 1

Informazzjoni meħtieġa fl-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni tas-sajd

Kull applikazzjoni għal awtorizzazzjoni tas-sajd għandu jkun fiha l-informazzjoni li ġejja:

(1)

Isem l-applikant

(2)

L-indirizz tal-applikant

(3)

L-isem tal-aġent f’Mauritius

(4)

L-indirizz tal-aġent f’Mauritius

(5)

Isem-il bastiment

(6)

It-tip ta’ bastiment

(7)

L-Istat tal-Bandiera

(8)

Il-port tar-reġistrazzjoni

(9)

In-numru tar-reġistrazzjoni

(10)

Il-marki esterni tal-bastiment tas-sajd

(11)

Is-sinjal tas-sejħa internazzjonali bir-radju

(12)

Il-frekwenza tar-radju

(13)

In-numru tat-telefown bis-satellita tal-bastiment

(14)

L-indirizz elettroniku tal-bastiment

(15)

In-numru tal-IMO (jekk ikun hemm)

(16)

It-tul totali tal-bastiment

(17)

Il-wisgħa tal-bastiment

(18)

Il-mudell tal-magna

(19)

Il-potenza tal-magna (f’kW)

(20)

It-tunnellaġġ gross (GT)

(21)

Persunal minimu

(22)

Isem il-kaptan

(23)

Il-kategorija tas-sajd

(24)

L-ispeċijiet fil-mira

(25)

Data mitluba għall-bidu tal-perjodu

(26)

Data mitluba għat-tmiem tal-perjodu

Appendiċi 2

Format tal-messaġġ dwar il-pożizzjoni

KOMUNIKAZZJONI TAR-RAPPORT TAL-MESSAĠĠI DWAR IL-POŻIZZJONI

Element tad-Data

Kodiċi

Obbligatorju/Fakultattiv

Kontenut

Il-bidu tar-reġistrazzjoni

SR

M

Dettall tas-sistema — jindika l-bidu tar-reġistrazzjoni

Id-destinatarju

AD

M

Dettall tal-messaġġ — destinatarju. Il-kodiċi alfa-3 tal-pajjiż tal-ISO

Minn

FR

M

Dettall tal-messaġġ — speditur. Il-kodiċi alfa-3 tal-pajjiż tal-ISO

L-Istat tal-Bandiera

FS

M

Dettall tal-messaġġ — l-Istat tal-bandiera

Tip ta’ messaġġ

TM

M

Dettall tal-messaġġ – it-tip ta’ messaġġ [ENT, POS, EXI]

Is-sinjal tas-sejħa bir-radju

RC

M

Dettall tal-bastiment — sinjal internazzjonali tas-sejħa bir-radju tal-bastiment

Numru ta’ referenza intern tal-Parti Kontraenti

IR

M

Dettall tal-bastiment — numru uniku tal-Parti Kontraenti (kodiċi alfa 3 tal-pajjiż tal-ISO tal-Istat tal-bandiera segwit min-numru)

In-numru tar-reġistrazzjoni esterna

XR

M

Dettall tal-bastiment — in-numru mmarkat fuq il-ġenb tal-bastiment

Latitudni

LT

M

Dettall tal-pożizzjoni tal-bastiment – il-pożizzjoni fi gradi u minuti T/N JJXX (WGS84)

Lonġitudni

LG

M

Dettall tal-pożizzjoni tal-bastiment — il-pożizzjoni fi gradi u minuti E/W DDMM (WGS84)

Ir-rotta

CO

M

Rotta tal-bastiment fuq skala ta’ 360o

Veloċità

SP

M

Il-veloċità tal-bastiment f’wieħed minn kull għaxar mili nawtiċi

Data

DA

M

Dettall tal-pożizzjoni tal-bastiment — data tar-reġistrazzjoni tal-pożizzjoni UTC (YYYYMMDD)

Ħin

TI

M

Dettall tal-pożizzjoni tal-bastiment — ħin tar-reġistrazzjoni tal-pożizzjoni UTC (HHMM)

Tmiem ir-reġistrazzjoni

ER

M

Dettall tas-sistema — jindika tmiem ir-reġistrazzjoni

M = element tad-data obbligatorju

O = element tad-data fakultattiv

Appendiċi 3

Użu tal-istandard UN/FLUX u tan-network EU/FLUX

1.   

L-istandard UN/FLUX (United Nations Fisheries Language for Universal eXchange) u n-network ta’ skambju EU/FLUX jistgħu jintużaw għall-iskambju tal-pożizzjonijiet tal-bastimenti u tal-ġurnali ta’ abbord tas-sajd elettroniċi, meta jkunu kompletament operazzjonali.

2.   

Kwalunkwe emenda għall-istandard UN/FLUX għandha tiġi implimentata f’limitu ta’ żmien stabbilit mill-Kumitat Konġunt abbażi tad-dispożizzjonijiet tekniċi pprovduti mill-Kummissjoni Ewropea, fejn xieraq permezz ta’ skambju ta’ ittri.

3.   

Fejn ikun neċessarju, l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tad-diversi skambji elettroniċi għandhom jiġu stabbiliti f’dokument ta’ implimentazzjoni mħejji mill-Kummissjoni Ewropea.

4.   

Jistgħu jintużaw miżuri tranżizzjonali sal-bidla għall-istandard UN/FLUX għal kull komponent (pożizzjonijiet, ġurnal ta’ abbord tas-sajd). L-awtoritajiet ta’ Mauritius għandhom jiddeterminaw il-perjodu neċessarju għal din it-tranżizzjoni filwaqt li jqisu r-restrizzjonijiet tekniċi li jista’ jkun hemm. Huma għandhom jiddefinixxu l-perjodu ta’ prova meħtieġ qabel il-bidla għall-użu effettiv tal-istandard UN/FLUX. Ladarba dawn il-provi jitlestew b’suċċess, il-Partijiet għandhom, mill-aktar fis possibbli, jistabbilixxu d-data effettiva tal-applikazzjoni b’mod konġunt, fil-Kumitat Konġunt jew permezz ta’ skambju ta’ ittri.

Appendiċi 4

Linji gwida dwar l-ingaġġ ta’ baħrin Mauritiusjani fuq bastimenti tal-Unjoni

L-awtoritajiet ta’ Mauritius għandhom jiżguraw li l-baħrin Mauritiusjani ingaġġati bħala impjegati fuq bastimenti tal-Unjoni jissodisfaw ir-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

il-baħrin għandu jkollhom tal-anqas 18-il sena;

(b)

il-baħrin għandu jkollhom ċertifikat mediku validu maħruġ minn tabib debitament ikkwalifikat, li jikkonferma li jinsabu f’kundizzjoni medika tajba biex iwettqu dmirijiethom fuq il-baħar;

(c)

il-baħrin għandhom ikunu ħadu l-vaċċini validi meħtieġa għall-finijiet ta’ prekawzjoni b’rabta mas-saħħa fir-reġjun;

(d)

il-baħrin għandhom ikunu kkwalifikati skont il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar Standards ta’ Taħriġ, Ċertifikazzjoni u Għassa għall-Baħħara (il-Konvenzjoni STCW) li jiċċertifikaw, fost l-oħrajn, taħriġ bażiku ta’ sikurezza bħal:

it-tekniki ta’ sopravivenza personali u ta’ sikurezza personali;

il-prevenzjoni tan-nirien u t-tifi tan-nar;

l-ewwel għajnuna bażika;

(e)

jenħtieġ li l-baħrin ikollhom il-ħiliet u l-esperjenza neċessarja kif iċċertifikati mill-awtorità kompetenti rilevanti ta’ Mauritius biex joperaw fuq bastimenti tas-sajd bit-tartarun tal-borża, b’mod partikolari fir-rigward tal-għarfien tal-perikli assoċjati mal-operazzjonijiet tas-sajd u l-għarfien fl-użu tat-tagħmir tas-sajd.