7.6.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 154/4


FTEHIM

bejn l-Unjoni Ewropea, minn naħa waħda, u l-Gvern tal-Gżejjer Faeroe, min-naħa l-oħra, dwar il-parteċipazzjoni tal-Gżejjer Faeroe fil-Programmi tal-Unjoni

L-Unjoni Ewropea (minn hawn ’il quddiem imsejħa “l-Unjoni”),

minn naħa waħda,

u

l-Gvern tal-Gżejjer Faeroe (minn hawn ’il quddiem imsejħa “l-Gżejjer Faeroe”),

min-naħa l-oħra,

minn hawn ’il quddiem flimkien imsejħin “il-Partijiet”,

FILWAQT LI JINNOTAW ix-xewqa tal-Gżejjer Faeroe li jsiru assoċjati ma’ firxa usa’ ta’ programmi u attivitajiet tal-Unjoni,

FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW li l-Gżejjer Faeroe jikkonkludu dan il-Ftehim f’isem ir-Renju tad-Danimarka skont l-Att dwar il-Konklużjoni ta’ Ftehimiet skont id-Dritt Internazzjonali mill-Gvern tal-Gżejjer Faeroe,

FILWAQT LI JIXTIEQU jistabbilixxu qafas dejjiemi għall-kooperazzjoni bejn il-Partijiet b’termini u b’kundizzjonijiet ċari u preċiżi għall-parteċipazzjoni tal-Gżejjer Faeroe fil-programmi u fl-attivitajiet tal-Unjoni, kif ukoll mekkaniżmu li jiffaċilita l-istabbiliment ta’ tali parteċipazzjoni fi programmi jew attivitajiet individwali tal-Unjoni,

FILWAQT LI JINNOTAW b’mod partikolari x-xewqa tal-Gżejjer Faeroe li jkomplu jsaħħu r-relazzjonijiet fl-oqsma tagħhom tal-kompetenzi mal-Unjoni, inkluż iżda mhux limitat għall-kooperazzjoni fir-riċerka u l-innovazzjoni kif ukoll fl-edukazzjoni, fit-taħriġ, fiż-żgħażagħ, fil-kultura u fl-isport,

FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW l-għanijiet, il-valuri u r-rabtiet b’saħħithom komuni tal-Partijiet fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni, stabbiliti fil-passat permezz tal-ftehimiet li jassoċjaw il-Gżejjer Faeroe mal-Programmi Qafas suċċessivi għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (1), u filwaqt li jirrikonoxxu x-xewqa komuni tal-Partijiet li jiżviluppaw, li jsaħħu, li jistimulaw u li jestendu ulterjorment ir-relazzjonijiet u l-kooperazzjoni tagħhom fihom,

BILLI l-programm tal-Unjoni Orizzont Ewropa - il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (“il-Programm Orizzont Ewropa”) ġie stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/695 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) ,

FILWAQT LI JQISU l-isforzi tal-Unjoni Ewropea sabiex tmexxi r-rispons billi tingħaqad mas-sħab internazzjonali tagħha sabiex tindirizza l-isfidi globali f’konformità mal-pjan tan-Nazzjonijiet Uniti ta’ azzjoni għan-nies, għall-pjaneta u għall-prosperità intitolat “Transforming our World: the 2030 Agenda for Sustainable Development”, u filwaqt li jirrikonoxxu li r-riċerka u l-innovazzjoni huma xprunaturi ewlenin u għodod essenzjali għat-tkabbir sostenibbli mmexxi mill-innovazzjoni, u għall-kompetittività u l-attraenza ekonomika,

FILWAQT LI JIRRIKONOXXU l-prinċipji ġenerali stabbiliti fir-Regolament (UE) 2021/695,

FILWAQT LI JIRRIKONOXXU l-objettivi taż-żona Ewropea tar-riċerka mġedda li tinbena żona xjentifika u teknoloġika komuni, li jinħoloq suq uniku għar-riċerka u l-innovazzjoni, li titrawwem u tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni, inklużi l-universitajiet, kif ukoll l-iskambju tal-aħjar prattiki u karrieri attraenti fir-riċerka, li tiġi ffaċilitata l-mobilità transfruntiera u transsettorjali tar-riċerkaturi, li jiġi sostnut il-moviment liberu tal-għarfien xjentifiku u l-innovazzjoni, li jiġu promossi r-rispett tal-libertà akkademika u l-libertà tar-riċerka xjentifika, li jiġu appoġġati l-edukazzjoni xjentifika u l-attivitajiet ta’ komunikazzjoni, u li jiġu mħeġġa l-kompetittività u l-attraenza tal-ekonomiji parteċipanti, u li l-pajjiżi assoċjati mal-Programm Orizzont Ewropa jkunu sħab potenzjali ewlenin f’dan l-isforz,

FILWAQT LI JENFASIZZAW ir-rwol tas-Sħubijiet Ewropej li jindirizzaw uħud mill-aktar sfidi urġenti tal-Ewropa permezz ta’ inizjattivi miftiehma ta’ riċerka u innovazzjoni li jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għal dawk il-prijoritajiet tal-Unjoni fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni li jeħtieġu viżjoni kritika tal-massa u fit-tul, u l-importanza tal-involviment ta’ pajjiżi assoċjati f’dawk is-Sħubijiet Ewropej,

FILWAQT LI JFITTXU li jistabbilixxu kundizzjonijiet ta’ vantaġġ reċiproku sabiex joħolqu impjiegi deċenti, li jsaħħu u jappoġġaw l-ekosistemi tal-innovazzjoni tal-Partijiet billi jgħinu lill- kumpanniji jinnovaw u jespandu fis-swieq tal-Partijiet u jiffaċilitaw l-adozzjoni kif ukoll l-użu u l-aċċessibbiltà tal-innovazzjoni, inklużi l-attivitajiet ta’ tisħiħ ta’ kapaċitajiet,

FILWAQT LI JIRRIKONOXXU li l-parteċipazzjoni reċiproka fil-programmi ta’ riċerka u innovazzjoni ta’ xulxin għandha tipprovdi benefiċċji reċiproċi; filwaqt li jirrikonoxxu li l-Partijiet iżommu d-dritt tagħhom li jillimitaw jew li jikkundizzjonaw il-parteċipazzjoni fil-programmi ta’ riċerka u innovazzjoni tagħhom inkluż b’mod partikolari għal azzjonijiet relatati mal-assi strateġiċi, l-interessi, l-awtonomija jew is-sigurtà tagħhom,

QABLU FUQ DAN LI ĠEJ:

Artikolu 1

Suġġett

Dan il-Ftehim jistabbilixxi r-regoli applikabbli għall-parteċipazzjoni tal-Gżejjer Faeroe fi kwalunkwe programm jew attività tal-Unjoni ( “il-Ftehim”).

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“att bażiku” tfisser:

(i)

att legali ta’ istituzzjoni tal-Unjoni waħda jew aktar, għajr rakkomandazzjoni jew opinjoni, li jistabbilixxi programm u li jipprovdi bażi ġuridika għal azzjoni u għall-implimentazzjoni tan-nefqa korrispondenti mdaħħla fil-baġit tal-Unjoni jew tal-garanzija baġitarja jew tal-assistenza finanzjarja appoġġata mill-baġit tal-Unjoni, inkluż kwalunkwe emenda u kwalunkwe att rilevanti ta’ istituzzjoni tal-Unjoni li jissupplimentaw jew jimplimentaw dak l-att, għajr dawk li jadottaw programmi ta’ ħidma; jew

(ii)

att legali ta’ istituzzjoni tal-Unjoni waħda jew aktar, għajr rakkomandazzjoni jew opinjoni, li jistabbilixxi attività ffinanzjata mill-baġit tal-Unjoni għajr programmi, inkluż kwalunkwe emenda u kwalunkwe att rilevanti ta’ istituzzjoni tal-Unjoni li jissupplimentaw jew jimplimentaw dak l-att, għajr dawk li jadottaw programmi ta’ ħidma;

(b)

“ftehimiet ta’ finanzjament” tfisser ftehimiet li jirrelataw ma’ programmi u ma’ attivitajiet tal-Unjoni skont il-Protokolli ta’ dan il-Ftehim li fihom jipparteċipaw il-Gżejjer Faeroe, u li jimplimentaw fondi tal-Unjoni, bħal ftehimiet ta’ għotja, ftehimiet ta’ kontribuzzjoni, ftehimiet qafas ta’ sħubija finanzjarja, ftehimiet ta’ finanzjament u ftehimiet ta’ garanzija;

(c)

“regoli oħra li għandhom x’jaqsmu mal-implimentazzjoni tal-programmi u l-attivitajiet tal-Unjoni” tfisser ir-regoli stabbiliti fir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) (“ir-Regolament Finanzjarju”) li japplikaw għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, u fil-programm ta’ ħidma jew fis-sejħiet jew fi proċeduri oħra ta’ għoti tal-Unjoni;

(d)

“proċedura ta’ għoti tal-Unjoni” tfisser proċedura għall-għoti ta’ finanzjament tal-Unjoni mnedija mill-Unjoni jew minn persuni jew minn entitajiet fdati bl-implimentazzjoni ta’ fondi tal-Unjoni;

(e)

“entità tal-Gżejjer Faeroe” tfisser kwalunkwe tip ta’ entità, kemm jekk persuna fiżika, persuna ġuridika jew tip ieħor ta’ entità, li tista’ tipparteċipa f’attivitajiet ta’ programm jew attività tal-Unjoni f’konformità mal-att bażiku rilevanti u li tirrisjedi jew li tkun stabbilita fil-Gżejjer Faeroe.

Artikolu 3

Stabbiliment tal-parteċipazzjoni

1.   Il-Gżejjer Faeroe għandhom jitħallew jipparteċipaw fi programmi jew f’attivitajiet tal-Unjoni, jew, f’każijiet eċċezzjonali, f’partijiet minnhom li jkunu miftuħa għall-parteċipazzjoni tal-Gżejjer Faeroe, u li jikkontribwixxu għalihom, f’konformità mal-atti bażiċi u kif kopert mill-Protokolli ta' dan il-Ftehim.

2.   It-termini u l-kundizzjonijiet speċifiċi għall-parteċipazzjoni tal-Gżejjer Faeroe fil-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2021-2027) huma stabbiliti fil-Protokoll dwar l-assoċjazzjoni tal-Gżejjer Faeroe ma’ Orizzont Ewropa – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2021-2027). Minkejja l-Artikolu 15(7) ta’ dan il-Ftehim, dak il-Protokoll jista’ jiġi emendat mill-Kumitat Konġunt stabbilit skont dan il-Ftehim.

3.   Minkejja l-Artikolu 15(7) ta’ dan il-Ftehim, it-termini u l-kundizzjonijiet speċifiċi għall-parteċipazzjoni tal-Gżejjer Faeroe fi kwalunkwe programm jew attività partikolari oħra tal-Unjoni għandhom jiġu stabbiliti fi Protokolli ulterjuri ta’ dan il-Ftehim li għandhom jiġu adottati u emendati mill-Kumitat Konġunt stabbilit skont dan il-Ftehim.

4.   Il-Protokolli ta' dan il-Ftehim għandhom:

(a)

jidentifikaw il-programmi jew l-attivitajiet tal-Unjoni, jew, f’każijiet eċċezzjonali, partijiet minnhom, li fihom ser jipparteċipaw il-Gżejjer Faeroe;

(b)

jistabbilixxu d-durata tal-parteċipazzjoni, li għandha tirreferi għall-perjodu ta’ żmien li matulu l-Gżejjer Faeroe u l-entitajiet tal-Gżejjer Faeroe jistgħu japplikaw għall-finanzjament tal-Unjoni jew jistgħu jiġu fdati bl-implimentazzjoni ta’ fondi tal-Unjoni;

(c)

jistabbilixxu kundizzjonijiet speċifiċi għall-parteċipazzjoni tal-Gżejjer Faeroe u tal-entitajiet tal-Gżejjer Faeroe, inkluż arranġamenti dettaljati speċifiċi għall-implimentazzjoni tal-kundizzjonijiet finanzjarji kif identifikati skont l-Artikoli 6 u 7 ta’ dan il-Ftehim, arranġamenti dettaljati speċifiċi tal-mekkaniżmu ta’ korrezzjoni kif identifikat skont l-Artikolu 8 ta’ dan il-Ftehim, u l-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni fi strutturi maħluqa għall-finijiet tal-implimentazzjoni ta’ dawk il-programmi jew l-attivitajiet tal-Unjoni. Dawn il-kundizzjonijiet għandhom jikkonformaw ma’ dan il-Ftehim u mal-atti bażiċi u mal-atti ta’ istituzzjoni tal-Unjoni waħda jew aktar li jistabbilixxu tali strutturi;

(d)

fejn applikabbli, jistabbilixxu l-ammont tal-kontribuzzjoni tal-Gżejjer Faeroe għal programm tal-Unjoni implimentat permezz ta’ strument finanzjarju jew garanzija baġitarja.

Artikolu 4

Konformità mal-programm jew mar-regoli tal-attività

1.   Il-Gżejjer Faeroe għandhom jipparteċipaw fil-programmi jew fl-attivitajiet tal-Unjoni, jew f’partijiet minnhom, koperti mill-Protokolli ta’ dan il-Ftehim skont it-termini u l-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan il-Ftehim, u l-Protokolli tiegħu, kif ukoll fl-atti bażiċi u f’regoli oħra li għandhom x’jaqsmu mal-implimentazzjoni tal-programmi u l-attivitajiet tal-Unjoni.

2.   It-termini u l-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu:

(a)

l-eliġibbiltà tal-entitajiet tal-Gżejjer Faeroe u kwalunkwe kundizzjoni oħra ta’ eliġibbiltà relatata mal-Gżejjer Faeroe, b’mod partikolari mal-oriġini, il-post ta’ attività jew in-nazzjonalità;

(b)

it-termini u l-kundizzjonijiet applikabbli għas-sottomissjoni, il-valutazzjoni u l-għażla tal-applikazzjonijiet u għall-implimentazzjoni tal-azzjonijiet minn entitajiet eliġibbli tal-Gżejjer Faeroe.

3.   It-termini u l-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 2 għandhom ikunu ekwivalenti għal dawk applikabbli għall-entitajiet eliġibbli tal-Istati Membri, inkluż il-konformità mal-miżuri restrittivi (4) tal-Unjoni, sakemm ma jkunx previst mod ieħor fit-termini u fil-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1.

Artikolu 5

Parteċipazzjoni tal-Gżejjer Faeroe fil-governanza ta’ programmi jew attivitajiet tal-Unjoni

1.   Ir-rappreżentanti tal-Gżejjer Faeroe jew l-esperti mill-Gżejjer Faeroe jew l-esperti maħtura mill-Gżejjer Faeroe għandhom jitħallew jieħdu sehem bħala osservaturi f’kumitati, laqgħat tal-gruppi ta’ esperti jew jew laqgħat simili oħra, sakemm is-suġġett ma jkunx jikkonċerna punti riżervati biss għall-Istati Membri jew ma jkunux relatati ma’ programm jew attività li fiha l-Gżejjer Faeroe ma jkunux qegħdin jipparteċipaw, u dment li dawn ikunu kumitati, laqgħat tal-gruppi ta’ esperti jew laqgħat simili oħra fejn jieħdu sehem rappreżentanti jew esperti tal-Istati Membri, jew esperti maħtura mill-Istati Membri, u li jassistu lill-Kummissjoni Ewropea fl-implimentazzjoni u fil-ġestjoni tal-programmi jew l-attivitajiet tal-Unjoni, jew ta’ partijiet minnhom, li fihom il-Gżejjer Faeroe jipparteċipaw f’konformità mal-Artikolu 3 jew jiġu stabbiliti mill-Kummissjoni Ewropea fir-rigward tal-implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fir-rigward ta’ dawn il-programmi jew l- attivitajiet, jew partijiet minnhom. Ir-rappreżentanti tal-Gżejjer Faeroe jew l-esperti mill-Gżejjer Faeroe, jew l-esperti maħtura mill-Gżejjer Faeroe, ma għandhomx ikunu preżenti fil-ħin tal-votazzjoni. Il-Gżejjer Faeroe għandhom jiġu informati bir-riżultat tal-votazzjoni.

2.   Meta l-esperti jew l-evalwaturi ma jinħatrux abbażi tan-nazzjonalità, in-nazzjonalità ma għandhiex tkun raġuni sabiex jiġu esklużi l-esperti u l-evalwaturi tal-Gżejjer Faeroe.

3.   Soġġetta għall-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1, il-parteċipazzjoni tar-rappreżentanti tal-Gżejjer Faeroe fil-laqgħat imsemmija fil-paragrafu 1, għandha tkun regolata mill-istess regoli u proċeduri bħal dawk applikabbli għar-rappreżentanti tal-Istati Membri, b’mod partikolari fir-rigward tad-drittijiet tal-kelma, il-wasla ta’ informazzjoni u dokumentazzjoni, sakemm is-suġġett ma jkunx jikkonċerna punti riżervati biss għall-Istati Membri jew fir-rigward ta’ programm jew attività li fiha l-Gżejjer Faeroe ma jkunux qegħdin jipparteċipaw, u r-rimborż tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tas-sussistenza.

4.   Il-Protokolli għal dan il-Ftehim jistgħu jiddefinixxu arranġamenti dettaljati ulterjuri għall-parteċipazzjoni tal-esperti, kif ukoll għall-parteċipazzjoni tal-Gżejjer Faeroe fil-bordijiet ta’ tmexxija u fl-istrutturi maħluqa għall-finijiet tal-implimentazzjoni ta’ programmi jew attivitajiet tal-Unjoni definiti fil-Protokoll rilevanti.

Artikolu 6

Kundizzjonijiet finanzjarji

1.   Il-parteċipazzjoni tal-Gżejjer Faeroe jew tal-entitajiet tal-Gżejjer Faeroe fi programmi jew f’attivitajiet tal-Unjoni, jew f’partijiet minnhom, għandha tkun soġġetta għall-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Gżejjer Faeroe għall-finanzjament korrispondenti skont il-baġit tal-Unjoni.

2.   Il-kontribuzzjoni finanzjarja għandha tieħu l-forma tat-total ta’:

(a)

tariffa tal-parteċipazzjoni; u

(b)

kontribuzzjoni operazzjonali.

3.   Il-kontribuzzjoni finanzjarja għandha tieħu l-forma ta’ pagament annwali li jsir f’pagament wieħed jew aktar.

4.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 8 ta’ dan l-Artikolu u għall-Artikolu 7, it-tariffa tal-parteċipazzjoni għandha tkun 4 % tal-kontribuzzjoni operazzjonali annwali u ma għandhiex tkun soġġetta għal aġġustamenti retrospettivi. Mill-2028, il-livell tat-tariffa tal-parteċipazzjoni jista’ jiġi aġġustat mill-Kumitat Konġunt.

5.   Il-kontribuzzjoni operazzjonali għandha tkopri l-infiq operazzjonali u ta’ appoġġ, u għandha tkun addizzjonali, kemm f’approprjazzjonijiet ta’ impenn kif ukoll f’approprjazzjonijiet ta’ pagament, għall-ammonti mdaħħla fil-baġit tal-Unjoni adottat, b’mod definittiv, għal programmi jew għal attivitajiet, jew f’każijiet eċċezzjonali, għal partijiet minnhom, miżjuda, fejn xieraq, bi dħul assenjat estern li ma jirriżultax minn kontribuzzjonijiet finanzjarji għal programmi u attivitajiet tal-Unjoni minn donaturi oħrajn, koperti minn kull Protokoll rispettiv ta’ dan il-Ftehim.

6.   Il-kontribuzzjoni operazzjonali inizjali għandha tkun ibbażata fuq kjavi ta’ kontribuzzjoni definita bħala l-proporzjon tal-Prodott Domestiku Gross (PDG) tal-Gżejjer Faeroe bil-prezzijiet tas-suq għall-PDG tal-Unjoni bil-prezzijiet tas-suq. Il-PDG bil-prezzijiet tas-suq li jridu jiġu applikati għandhom jiġu ddeterminati mis-servizzi dedikati tal-Kummissjoni Ewropea abbażi tal-aktar data statistika reċenti disponibbli għall-kalkoli tal-baġit fis-sena ta’ qabel is-sena li fiha jkun dovut il-pagament annwali. B’deroga minn din ir-regola, għall-2021, il-kontribuzzjoni operazzjonali inizjali għandha tkun ibbażata fuq il-PDG tas-sena 2019 bil-prezzijiet tas-suq. L-aġġustamenti għal din il-kjavi ta’ kontribuzzjoni jistgħu jiġu stabbiliti fil-Protokolli rilevanti ta' dan il-Ftehim.

7.   Il-kontribuzzjoni operazzjonali għandha tkun ibbażata fuq l-applikazzjoni tal-kjavi ta’ kontribuzzjoni għall-approprjazzjonijiet ta’ impenn inizjali, miżjuda kif deskritt fil-paragrafu 5, imdaħħla fil-baġit tal-Unjoni adottat b’mod definittiv għas-sena applikabbli għall-finanzjament tal-programmi jew l-attivitajiet tal-Unjoni, jew, f’każijiet eċċezzjonali, ta’ partijiet minnhom, li fihom jipparteċipaw il-Gżejjer Faeroe.

8.   It-tariffa tal-parteċipazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 għandu jkollha l-valur li ġej fis-snin 2021 sa 2027:

2021: 0,5 %;

2022: 1 %;

2023: 1,5 %;

2024: 2 %;

2025: 2,5 %;

2026: 3 %;

2027: 4 %.

9.   Fuq talba, l-Unjoni għandha tipprovdi lill-Gżejjer Faeroe b’informazzjoni fir-rigward tal-parteċipazzjoni finanzjarja tagħha kif inkluża fl-informazzjoni relatata mal-baġit, mal-kontabilità, mal-prestazzjoni u mal-evalwazzjoni pprovduta lill-awtoritajiet baġitarji u tal-kwittanza tal-Unjoni dwar il-programmi u l-attivitajiet tal-Unjoni li fihom jipparteċipaw il-Gżejjer Faeroe. Dik l-informazzjoni għandha tiġi pprovduta wara li jitqiesu kif xieraq ir-regoli tal-Unjoni u tal-Gżejjer Faeroe dwar il-kunfidenzjalità u l-protezzjoni tad-data u hija mingħajr preġudizzju għall-informazzjoni li l-Gżejjer Faeroe huma intitolati li jirċievu skont l-Artikolu 10.

10.   Il-kontribuzzjonijiet kollha mill-Gżejjer Faeroe jew il-pagamenti mill-Unjoni, u l-kalkolu tal-ammonti dovuti jew li għandhom jiġu riċevuti, għandhom isiru f’euro.

11.   Id-dispożizzjonijiet dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu huma stabbiliti fil-Protokolli rilevanti.

Artikolu 7

Programm u attivitajiet li għalihom japplika mekkaniżmu ta’ aġġustament

1.   Jekk ikun previst hekk fi Protokoll rilevanti għal dan il-Ftehim , il-kontribuzzjoni operazzjonali ta’ programm jew attività, jew partijiet minnhom, għal sena N, tista’ tiġi aġġustata ’l fuq jew ’l isfel b’mod retrospettiv f’sena waħda jew aktar sussegwenti abbażi tal-impenji baġitarji magħmula fuq l-approprjazzjonijiet ta’ impenn ta’ dik is-sena, l-implimentazzjoni tagħhom permezz ta’ impenji legali u d-diżimpenn tagħhom.

2.   L-ewwel aġġustament għandu jsir fis-sena N+1 meta l-kontribuzzjoni inizjali għandha tiġi aġġustata ’l fuq jew ’l isfel bid-differenza bejn il-kontribuzzjoni inizjali u kontribuzzjoni aġġustata kkalkolata bl-applikazzjoni tal-kjavi ta’ kontribuzzjoni tas-sena N, aġġustata permezz tal-applikazzjoni ta’ koeffiċjenti jekk il-Protokoll rilevanti għal dan il-Ftehim jipprevedi dan, għas-somma ta’:

(a)

l-ammont ta’ impenji baġitarji magħmula fuq approprjazzjonijiet ta’ impenn awtorizzati fis-sena N skont il-baġit tal-Unjoni adottat u fuq approprjazzjonijiet ta’ impenn li jikkorrispondu għal impenji magħmula disponibbli mill-ġdid; u

(b)

kwalunkwe approprjazzjoni ta’ dħul assenjat estern li ma tirriżultax minn kontribuzzjonijiet finanzjarji għal programmi u attivitajiet tal-Unjoni minn donaturi oħrajn koperti f’kull Protokoll rilevanti għal dan il-Ftehim u li kienet disponibbli fi tmiem is-sena N.

3.   Kull sena sussegwenti, sakemm l-impenji baġitarji kollha ffinanzjati skont l-approprjazzjonijiet ta’ impenn li joriġinaw mis-sena N ikunu tħallsu jew ikunu ġew diżimpenjati, u mhux aktar tard minn tliet snin wara tmiem il-programm jew wara tmiem il-qafas finanzjarju pluriennali li jikkorrispondi għas-sena N, skont liema jiġi l-ewwel, l-Unjoni għandha tikkalkola aġġustament tal-kontribuzzjoni tas-sena N billi tnaqqas il-kontribuzzjoni tal-Gżejjer Faeroe bl-ammont miksub bl-applikazzjoni tal-kjavi ta’ kontribuzzjoni, aġġustata jekk il-Protokoll rilevanti ta’ dan il-Ftehim jipprevedi dan, tas-sena N għad-diżimpenji li jsiru kull sena fuq l-impenji tas-sena N iffinanzjati skont il-baġit tal-Unjoni jew minn diżimpenji li jkunu reġgħu saru disponibbli.

4.   Jekk l-approprjazzjonijiet tad-dħul assenjat estern li ma jirriżultawx minn kontribuzzjonijiet finanzjarji għal programmi u għal attivitajiet tal-Unjoni minn donaturi oħrajn koperti minn kull Protokoll rilevanti ta’ dan il-Ftehim jiġu kkanċellati, il-kontribuzzjoni tal-Gżejjer Faeroe għall-programm jew l-attività rilevanti tal-Unjoni, jew partijiet minnhom, għandha titnaqqas bl-ammont miksub bl-applikazzjoni tal-kjavi ta’ kontribuzzjoni, aġġustata jekk il-Protokoll rilevanti jipprevedi dan, tas-sena N għall-ammont imħassar.

Artikolu 8

Programmi u attivitajiet tal-Unjoni li għalihom japplika mekkaniżmu ta’ korrezzjoni awtomatika

1.   Għandu japplika mekkaniżmu ta’ korrezzjoni awtomatika fir-rigward ta’ dawk il-programmi jew l-attivitajiet tal-Unjoni, jew partijiet minnhom, fejn l-applikazzjoni tiegħu hija prevista fil-Protokoll rilevanti ta’ dan il-Ftehim . L-applikazzjoni ta’ dak il-mekkaniżmu ta’ korrezzjoni awtomatika tista’ tkun limitata għal partijiet tal-programm jew tal-attività tal-Unjoni speċifikati fi Protokoll rilevanti li jiġu implimentati permezz ta’ għotjiet li għalihom jiġu organizzati sejħiet kompetittivi. Regoli dettaljati dwar l-identifikazzjoni tal-partijiet tal-programm jew tal-attività tal-Unjoni li għalihom japplika jew ma japplikax il-mekkaniżmu ta’ korrezzjoni awtomatika jistgħu jiġu stabbiliti fil-Protokoll rilevanti.

2.   L-ammont tal-korrezzjoni awtomatika għal programm jew attività tal-Unjoni, jew partijiet minnhom, għandu jkun id-differenza bejn l-ammonti inizjali tal-impenji legali li fil-fatt saru mal-Gżejjer Faeroe jew mal-entitajiet tal-Gżejjer Faeroe ffinanzjati mill-approprjazzjonijiet ta’ impenn tas-sena inkwistjoni u l-kontribuzzjoni operazzjonali korrispondenti mħallsa mill-Gżejjer Faeroe kif aġġustata skont l-Artikolu 7, bl-esklużjoni tan-nefqa ta’ appoġġ, li tkopri l-istess perjodu.

3.   Jistgħu jiġu stabbiliti regoli dettaljati dwar l-istabbiliment tal-ammonti rilevanti tal-impenji legali msemmija fil-paragrafu 2, inkluż fil-każ ta’ konsorzji, u dwar il-kalkolu tal-korrezzjoni awtomatika, fil-Protokoll rilevanti ta’ dan il-Ftehim.

Artikolu 9

Rieżamijiet u awditi

1.   L-Unjoni għandu jkollha d-dritt li twettaq, f’konformità mal-atti applikabbli ta’ istituzzjoni tal-Unjoni waħda jew aktar, jew ta’ korp tal-Unjoni wieħed jew aktar, u kif previst fi ftehimiet u/jew f’kuntratti rilevanti, rieżamijiet u awditi tekniċi, xjentifiċi, finanzjarji jew ta’ tip ieħor, fil-bini ta’ kwalunkwe persuna fiżika residenti fil-Gżejjer Faeroe jew ta’ kwalunkwe entità legali stabbilita fil-Gżejjer Faeroe, u li tirċievi finanzjament tal-Unjoni, kif ukollta’ kwalunkwe parti terza involuta fl-implimentazzjoni ta’ fondi tal-Unjoni li tirrisjedi jew li hija stabbilita fil-Gżejjer Faeroe. Tali rieżamijiet u awditi jistgħu jitwettqu mill-aġenti tal-istituzzjonijiet,il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni, b’mod partikolari tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Qorti tal-Awdituri, jew minn persuni oħrajn maħtura mill-Kummissjoni Ewropea f’konformità mad-dritt tal-Unjoni.

2.   L-aġenti tal-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni, b’mod partikolari tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Qorti tal-Awdituri, u l-persuni l-oħrajn maħtura mill-Kummissjoni Ewropea, għandu jkollhom aċċess xieraq għal siti, xogħlijiet u dokumenti (kemm f’verżjonijiet elettroniċi kif ukoll f’dawk stampati) u għall-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex iwettqu tali awditi, inkluż id-dritt li jiksbu kopja fiżika/elettronika ta’ kwalunkwe dokument, jew estratti minnu, jew il-kontenut ta’ kwalunkwe mezz ta’ data miżmum mill-persuna fiżika jew ġuridika awditjata, jew mill-parti terza awditjata.

3.   Il-Gżejjer Faeroe ma għandhomx jipprevjenu jew joħolqu xi ostakolu partikolari għad-dritt ta’ dħul fil-Gżejjer Faeroe u għall-aċċess għall-bini tal-aġenti tal-Unjoniu ta’ persuni oħrajn msemmija fil-paragrafu 2 abbażi tal-eżerċitar tad-dmirijiet tagħhom imsemmija f’dan l-Artikolu.

4.   Ir-rieżamijiet u l-awditi jistgħu jitwettqu, inkluż wara s-sospensjoni tal-applikazzjoni ta’ Protokoll ta’ dan il-Ftehim skont l-Artikolu 15(4) tiegħu, il-waqfien tal-applikazzjoni provviżorja jew it-terminazzjoni ta’ dan il-Ftehim, skont it-termini stabbiliti fl-atti applikabbli ta’ istituzzjoni waħda jew aktar tal-Unjoni, jew ta’ korp wieħed jew aktar tal-Unjoni, u kif previst fil-ftehimiet u/jew fil-kuntratti rilevanti fir-rigward ta’ kwalunkwe impenn legali li jimplimenta l-baġit tal-Unjoni li tkun daħlet għalih l-Unjoni qabel id-data li fiha s-sospensjoni tal-applikazzjoni tal-Protokoll rilevanti, il-waqfien tal-applikazzjoni provviżorja jew it-terminazzjoni ta’ dan il-Ftehim jidħlu fis-seħħ.

Artikolu 10

Il-ġlieda kontra l-irregolaritajiet, il-frodi u reati kriminali oħra li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni

1.   Il-Kummissjoni Ewropea u l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) għandhom ikunu awtorizzati jwettqu investigazzjonijiet amministrattivi, inklużi kontrolli u spezzjonijiet fuq il-post, fit-territorju tal-Gżejjer Faeroe. Dawn l-investigazzjonijiet għandhom jitwettqu f’konformità mat-termini u mal-kundizzjonijiet stabbiliti mill-atti applikabbli ta’ istituzzjoni tal-Unjoni waħda jew aktar.

2.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Gżejjer Faeroe għandhom jinformaw lill-Kummissjoni Ewropea jew lill-OLAF, fi żmien raġonevoli, bi kwalunkwe fatt jew suspett li jkunu saru jafu bihom dwar irregolarità, frodi jew attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

3.   Il-kontrolli u l-ispezzjonijiet fuq il-post jistgħu jitwettqu fil-bini ta’ kwalunkwe persuna fiżika li tkun residenti fil-Gżejjer Faeroe jew ta’ entità legali li tkun stabbilita fil-Gżejjer Faeroe u li jirċievu fondi tal-Unjoni, kif ukoll ta’ kwalunkwe parti terza involuta fl-implimentazzjoni ta’ fondi tal-Unjoni li tkun residenti jew stabbilita fil-Gżejjer Faeroe.

4.   Il-kontrolli u l-ispezzjonijiet fuq il-post għandhom jitħejjew u jitmexxu mill-Kummissjoni Ewropea jew mill-OLAF b’kollaborazzjoni mill-qrib mal-awtorità kompetenti tal-Gżejjer Faeroe maħtura mill-Gżejjer Faeroe. L-awtorità maħtura għandha tiġi nnotifikata fi żmien raġonevoli minn qabel bil-għan, bl-iskop u bil-bażi legali tal-kontrolli u tal-ispezzjonijiet, sabiex tkun tista’ tipprovdi assistenza. Għal dan il-għan, l-uffiċjali tal-awtoritajiet kompetenti tal-Gżejjer Faeroe, jistgħu jipparteċipaw fil-kontrolli u fl-ispezzjonijiet fuq il-post.

5.   Fuq talba tal-awtoritajiet kompetenti tal-Gżejjer Faeroe, il-kontrolli u l-ispezzjonijiet fuq il-post jistgħu jitwettqu b’mod konġunt mal-Kummissjoni Ewropea jew mal-OLAF.

6.   L-aġenti tal-Kummissjoni Ewropea u l-persunal tal-OLAF għandu jkollhom aċċess għall-informazzjoni u d-dokumentazzjoni kollha, inkluża d-data tal-kompjuter, dwar l-operazzjonijiet ikkonċernati li huma meħtieġa għat-twettiq xieraq tal-kontrolli u tal-ispezzjonijiet fuq il-post. Huma jistgħu, b’mod partikolari, jikkopjaw id-dokumenti rilevanti.

7.   Meta persuna, entità jew parti terza oħra topponi kontroll jew spezzjoni fuq il-post, l-awtoritajiet kompetenti tal-Gżejjer Faeroe, filwaqt li jaġixxu f’konformità mal-liġijiet u r-regolamenti nazzjonali, għandhom jassistu lill-Kummissjoni Ewropea jew lill-OLAF sabiex dawn ikunu jistgħu jaqdu dmirijiethom fit-twettiq tal-kontroll jew l-ispezzjoni fuq il-post. Din l-assistenza għandha tinkludi t-teħid ta’ miżuri xierqa ta’ prekawzjoni skont il-liġi nazzjonali, b’mod partikolari sabiex tiġi ssalvagwardjata l-evidenza.

8.   Il-Kummissjoni Ewropea jew l-OLAF għandhom jinformaw lill-awtoritajiet kompetenti tal-Gżejjer Faeroe bir-riżultat ta’ tali kontrolli u spezzjonijiet. B’mod partikolari, il-Kummissjoni Ewropea jew l-OLAF għandhom jirrapportaw malajr kemm jista’ jkun lill-awtorità kompetenti tal-Gżejjer Faeroe b’kull fatt jew suspett relatat ma’ irregolarità li jkunu saru jafu bih waqt il-kontroll jew l-ispezzjoni fuq il-post.

9.   Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-liġi kriminali tal-Gżejjer Faeroe, il-Kummissjoni Ewropea tista’ timponi miżuri u penali amministrattivi fuq kwalunkwe persuna fiżika li tkun residenti fil-Gżejjer Faeroe jew kwalunkwe entità ġurifika stabbilita fil-Gżejjer Faeore li tipparteċipa fl-implimentazzjoni ta’ programmjew attività tal-Unjoni f’konformità mal-leġital-Unjoni.

10.   Għall-finijiet tal-implimentazzjoni xierqa ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni Ewropea jew l-OLAF u l-awtoritajiet kompetenti tal-Gżejjer Faeroe għandhom jiskambjaw regolarment informazzjoni u, fuq talba ta’ waħda mill-Partijiet, jikkonsultaw lil xulxin.

11.   Sabiex jiġu ffaċilitati l-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni effettivi mal-OLAF, il-Gżejjer Faeroe għandhom jaħtru punt ta’ kuntatt.

12.   L-informazzjoni skambjata bejn il-Kummissjoni Ewropea jew l-OLAF u l-awtoritajiet kompetenti tal-Gżejjer Faeroe għandha ssir b’kunsiderazzjoni xierqa tar-rekwiżiti ta’ kunfidenzjalità. Id-data personali inkluża fl-iskambju ta’ informazzjoni għandha tiġi protetta f’konformità mar-regoli applikabbli.

13.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Gżejjer Faeroe għandhom jikkooperaw mal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew sabiex dan ikun jista’ jwettaq id-dmir tiegħu li jinvestiga, iħarrek u jressaq quddiem il-qorti l-awturi ta’ reati kriminali, kif ukoll il-kompliċi tagħhom, li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni f’konformità mal-liġi applikabbli.

Artikolu 11

Emendi għall-Artikoli 9 u 10

Il-Kumitat Konġunt skont dan il-Ftehim jista’ jemenda l-Artikoli 9 u 10 ta’ dan il-Ftehim, b’mod partikolari sabiex iqis il-bidliet fl-atti ta’ istituzzjoni waħda jew aktar tal-Unjoni.

Artikolu 12

Irkupru u infurzar

1.   Id-deċiżjonijiet adottati mill-Kummissjoni Ewropea li jimponu obbligu pekunjarju fuq persuni ġuridiċi jew fiżiċi għajr l-Istati fir-rigward ta’ kwalunkwe pretensjoni li tirriżulta mill-programmi, l-attivitajiet, l-azzjonijiet jew il-proġetti tal-Unjoni, għandhom ikunu infurzabbli fil-Gżejjer Faeroe. It-titolu eżekuttiv għandu jiġi mehmuż mad-deċiżjoni rilevanti, mingħajr l-ebda formalità oħra għajr verifika tal-awtentiċità tad-deċiżjoni mill-awtorità nazzjonali maħtura għal dan l-għan mill-gvern tal-Gżejjer Faeroe. Il-gvern tal-Gżejjer Faeroe għandu jgħarraf lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea bl-awtorità nazzjonali maħtura tiegħu. F’konformità mal-Artikolu 13, il-Kummissjoni Ewropea għandha tkun intitolata tinnotifika tali deċiżjonijiet infurzabbli direttament lil persuni residenti u lil entitajiet ġuridiċi stabbiliti fil-Gżejjer Faeroe. L-infurzar għandu jsir f’konformità mal-liġi u mar-regoli ta’ proċedura tal-Gżejjer Faeroe.

2.   Is-sentenzi u d-digrieti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea mogħtija b’applikazzjoni ta’ klawżola ta’ arbitraġġ li tinsab f’kuntratt jew fi ftehim fir-rigward ta’ programmi, attivitajiet, azzjonijiet jew proġetti tal-Unjoni, għandhom ikunu infurzabbli fil-Gżejjer Faeroe bl-istess mod bħad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea msemmija fil-paragrafu 1.

3.   Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandu jkollha ġuriżdizzjoni sabiex tirrieżamina l-legalità tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea msemmija fil-paragrafu 1 u sabiex tissospendi l-infurzar tagħha. Madankollu, il-Qrati tal-Gżejjer Faeroe għandu jkollhom il-ġuriżdizzjoni fuq ilmenti li l-infurzar ikun qiegħed isir b’mod irregolari.

Artikolu 13

Komunikazzjoni u skambju ta’ informazzjoni

L-istituzzjonijiet il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni Ewropea involuti fl-implimentazzjoni ta’ programmi jew attivitajiet tal-Unjoni, jew fil-kontrolli ta’ tali programmi jew attivitajiet, għandhom ikunu intitolati li jikkomunikaw direttament, inkluż permezz ta’ sistemi ta’ skambju elettroniku, ma’ kwalunkwe persuna fiżika residenti fil-Gżejjer Faeroe jew entità legali li tkun stabbilita fil-Gżejjer Faeroe u li tirċievi finanzjament tal-Unjoni, kif ukoll ma’ kwalunkwe parti terza involuta fl-implimentazzjoni ta’ finanzjament tal-Unjoni residenti jew stabbilita fil-Gżejjer Faeroe. Tali persuni, entitajiet u partijiet terzi jistgħu jissottomettu direttament lill-istituzzjonijiet u lill-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni l-informazzjoni u d-dokumentazzjoni kollha rilevanti li huma meħtieġa jissottomettu abbażi tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni applikabbli għall-programm jew l-attività tal-Unjoni, u abbażi tal-kuntratti jew tal-ftehimiet ta’ finanzjament konklużi għall-implimentazzjoni ta’ dak il-programm jew attività.

Artikolu 14

Il-Kumitat Konġunt

1.   Il-Kumitat Konġunt huwa b’dan stabbilit. Il-kompiti tal-Kumitat Konġunt għandhom jinkludu:

(a)

il-valutazzjoni, l-evalwazzjoni u r-rieżami tal-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim u tal-Protokolli tiegħu, b’mod partikolari:

(i)

il-parteċipazzjoni u l-prestazzjoni tal-entitajiet legali tal-Gżejjer Faeroe fil-programmi u l-attivitajiet tal-Unjoni;

(ii)

fejn rilevanti, il-livell ta’ ftuħ (reċiproku) għall-entitajiet legali stabbiliti f’kull Parti sabiex jipparteċipaw fi programmi tal-Unjoni, proġetti, azzjonijiet, attivitajiet, jew partijiet minnhom, tal-Parti l-oħra;

(iii)

l-implimentazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ kontribuzzjoni finanzjarja u, fejn rilevanti, il-mekkaniżmu ta’ korrezzjoni awtomatika applikabbli għall-programmi jew għall-attivitajiet tal-Unjoni koperti mill-Protokolli ta’ dan il-Ftehim;

(iv)

l-iskambju ta’ informazzjoni u, fejn rilevanti, l-eżaminazzjoni ta’ kwalunkwe mistoqsija possibbli dwar l-isfruttament tar-riżultati, inklużi d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali;

(b)

id-diskussjoni fuq talba ta’ kwalunkwe Parti fuq restrizzjonijiet applikati jew ippjanati mill-Partijiet dwar l-aċċess għall-programmi rispettivi tagħhom ta’ riċerka u innovazzjoni, inkluż b’mod partikolari għal azzjonijiet relatati mal-assi strateġiċi, l-interessi, l-awtonomija jew is-sigurtà tagħhom;

(c)

l-eżaminazzjoni ta’ kif tista’ tittejjeb u tiġi żviluppata l-kooperazzjoni;

(d)

id-diskussjoni b’mod konġunt tal-orjentazzjonijiet u l-prijoritajiet futuri tal-politiki relatati ma’ programmi jew ma’ attivitajiet tal-Unjoni koperti mill-Protokolli ta’ dan il-Ftehim;

(e)

l-iskambju ta’ informazzjoni, inter alia, dwar leġiżlazzjoni, deċiżjonijiet jew programmi nazzjonali ġodda li huma rilevanti għall-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim u l-Protokolli tiegħu;

(f)

l-adozzjoni ta’ Protokolli ta’ dan il-Ftehim dwar termini u kundizzjonijiet speċifiċi ta’ parteċipazzjoni tal-Gżejjer Faeroe fi programmi, attivitajiet tal-Unjoni, jew partijiet minnhom, jew l-emendar ta’ tali Protokolli kif meħtieġ;

(g)

l-emendar tal-Artikoli 9 u 10, b’mod partikolari sabiex jitqiesu l-bidliet fl-atti adottati minn istituzzjoni waħda jew aktar tal-Unjoni.

2.   Id-deċiżjonijiet tal-Kumitat Konġunt għandhom jittieħdu b’kunsens.

3.   Il-Kumitat Konġunt għandu jikkonsisti minn rappreżentanti tal-Unjoni u tal-Gżejjer Faeroe. Huwa għandu jadotta r-Regoli ta’ Proċedura tiegħu.

4.   Il-Kumitat Konġunt jista’ jiddeċiedi li jistabbilixxi kwalunkwe grupp ta’ ħidma/ jew korp konsultattiv fuq bażi ad hoc fil-livell ta’ esperti li jista’ jassisti fit-twettiq tal-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim.

5.   Il-Kumitat Konġunt għandu jiltaqa’ mill-anqas darba fis-sena, u, kull meta ċirkostanzi speċjali jirrikjedu dan, fuq talba ta’ kwalunkwe waħda mill-Partijiet. Il-laqgħat għandhom jiġu organizzati u ospitati b’mod alternat mill-Unjoni u mill-Gżejjer Faeroe.

6.   Il-Kumitat Konġunt għandu jaħdem fuq bażi kontinwa permezz ta’ skambju ta’ informazzjoni rilevanti bi kwalunkwe mezz ta’ komunikazzjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-parteċipazzjoni/prestazzjoni tal-entitajiet tal-Gżejjer Faeroe. Il-Kumitat Konġunt jista’, b’mod partikolari, iwettaq il-kompiti tiegħu bil-miktub kull meta tinqala’ l-ħtieġa.

Artikolu 15

Dispożizzjonijiet finali

1.   Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fid-data li fiha l-Partijiet jinnotifikaw lil xulxin bit-tlestija tal-proċeduri interni tagħhom meħtieġa għal dak il-għan. Huwa għandu japplika b’mod retroattiv mill-1 ta’ Jannar 2021.

2.   Il-Partijiet jistgħu japplikaw dan il-Ftehim b’mod provviżorju f’konformità mal-proċeduri u l-leġiżlazzjoni interni rispettivi tagħhom. L-applikazzjoni provviżorja għandha tibda fid-data li fiha l-Partijiet jinnotifikaw lil xulxin bit-tlestija tal-proċeduri interni tagħhom meħtieġa għal dak il-għan.

3.   Jekk il-Gżejjer Faeroe jinnotifikaw lill-Unjoni li ma humiex se jlestu l-proċeduri interni tagħhom meħtieġa għad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim, dan il-Ftehim ma għandux jibqa’ japplika b’mod provviżorju fid-data tal-wasla ta’ din in-notifika mill-Unjoni, li għandha tikkostitwixxi d-data ta’ waqfien għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim.

Id-deċiżjonijiet tal-Kumitat Konġunt ma għandhomx jibqgħu japplikaw fl-istess data.

4.   L-applikazzjoni ta’ Protokoll rilevanti għal dan il-Ftehim tista’ tiġi sospiża mill-Unjoni f’każ ta’ pagament parzjali jew ta’ nuqqas ta’ pagament tal-kontribuzzjoni finanzjarja dovuta mill-Gżejjer Faeroe skont il-programm jew l-attività rilevanti tal-Unjoni.

F’każ ta’ nuqqas ta’ pagament li jista’ jipperikola b’mod sinifikanti l-implimentazzjoni u l-ġestjoni tal-programm jew l-attività rilevanti tal-Unjoni, il-Kummissjoni Ewropea għandha tibgħat ittra formali ta’ tfakkira. F’każ li ma jsir l-ebda pagament fi żmien 20 jum tax-xogħol wara l-ittra formali ta’ tfakkira, għandha tiġi nnotifikata s-sospensjoni tal-applikazzjoni tal-Protokoll rilevanti mill-Unjoni lill-Gżejjer Faeroe permezz ta’ ittra formali ta’ notifika, li għandha tidħol fis-seħħ 15-il jum wara l-wasla ta’ din in-notifika mill-Gżejjer Faeroe.

F’każ li l-applikazzjoni ta’ Protokoll tiġi sospiża, l-entitajiet tal-Gżejjer Faeroe ma għandhomx ikunu eliġibbli li jipparteċipaw fi proċeduri ta’ għoti li jkunu għadhom ma tlestewx meta tidħol fis-seħħ is-sospensjoni. Proċedura ta’ għoti għandha titqies bħala li tkun ġiet kompluta meta bħala riżultat ta’ dik il-proċedura jkunu saru impenji legali.

Is-sospensjoni ma għandhiex taffettwa l-impenji legali konklużi mal-entitajiet tal-Gżejjer Faeroe skont il-programm jew l-attività rilevanti tal-Unjoni qabel ma tkun daħlet fis-seħħ is-sospensjoni. Il-Protokoll rilevanti għandu jkompli japplika għal tali impenji legali.

L-Unjoni għandha tinnotifika minnufih lill-Gżejjer Faeroe ladarba l-ammont sħiħ tal-kontribuzzjoni finanzjarja dovuta jkun ġie riċevut mill-Unjoni. Is-sospensjoni għandha titneħħa b’effett immedjat malli ssir din in-notifika.

Mid-data meta titneħħa s-sospensjoni, l-entitajiet tal-Gżejjer Faeroe għandhom jerġgħu jkunu eliġibbli fi proċeduri ta’ għoti mnedija skont il-programm jew l-attività rilevanti tal-Unjoni wara din id-data, u fi proċeduri ta’ għoti mnedija qabel din id-data, li għalihom l-iskadenzi għas-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet ma jkunux skadew.

5.   Kwalunkwe Parti tista’ tittermina dan il-Ftehim fi kwalunkwe waqt b’notifika bil-miktub li tinforma lill-Parti l-oħra bl-intenzjoni tagħha li tittermina dan il-Ftehim. Dan il-Ftehim jista’ jiġi tterminat biss fl-intier tiegħu.

It-terminazzjoni tal-Ftehim għandha tidħol fis-seħħ tliet xhur kalendarji wara d-data li fiha n-notifika bil-miktub tkun waslet għand id-destinatarju tagħha. Id-data li fiha tidħol fis-seħħ it-terminazzjoni għandha tikkostitwixxi d-data tat-terminazzjoni għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim.

6.   F’każ li l-Ftehim ma jibqax japplika b’mod provviżorju f’konformità mal-paragrafu 3, jew jiġi tterminat f’konformità mal-paragrafu 5, il-Partijiet jaqblu li:

(a)

proġetti, azzjonijiet, attivitajiet jew partijiet minnhom li fir-rigward tagħhom ikunu saru impenji legali matul l-applikazzjoni provviżorja u/jew wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim, u qabel ma dan il-Ftehim ma jibqax japplika jew jiġi tterminat, għandhom ikomplu sakemm dawn jiġu konklużi skont il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan il-Ftehim;

(b)

il-kontribuzzjoni finanzjarja annwali għall-programm tal-Unjoni jew l-attività rilevanti tas-sena N li matulha dan il-Ftehim ma jibqax japplika b’mod provviżorju jew jiġi tterminat, għandha titħallas kompletament f’konformità mal-Artikolu 6 u kwalunkwe regola rilevanti fil-Protokolli rilevanti. Fejn japplika l-mekkaniżmu ta’ aġġustament, il-kontribuzzjoni operazzjonali għall-programm jew l-attività rilevanti tas-sena N għandha tiġi aġġustata f’konformità mal-Artikolu 7. Għal programmi jew attivitajiet fejn japplikaw kemm il-mekkaniżmu ta’ aġġustament kif ukoll il-mekkaniżmu ta’ korrezzjoni awtomatika, il-kontribuzzjoni operazzjonali rilevanti tas-sena N għandha tiġi aġġustata f’konformità mal-Artikolu 7 ta’ dan il-Ftehim u kkoreġuta f’konformità mal-Artikolu 8 tiegħu. It-tariffa tal-parteċipazzjoni mħallsa għas-sena N bħala parti mill-kontribuzzjoni finanzjarja għall-programm tal-Unjoni jew l-attività rilevanti ma għandhiex tiġi aġġustata jew ikkoreġuta.

(c)

meta japplika l-mekkaniżmu ta’ aġġustament, wara s-sena li matulha dan il-Ftehim ma jibqax japplika b’mod provviżorju jew jiġi tterminat, il-kontribuzzjonijiet operazzjonali inizjali għall-programm tal-unjoni jew l-attività rilevanti mħallsa għas-snin li matulhom kien japplika dan il-Ftehim għandhom jiġu aġġustati f’konformità mal-Artikolu 7. Fir-rigward ta’ programmi tal-Unjoni jew ta’ attivitajiet fejn japplikaw kemm il-mekkaniżmu ta’ aġġustament kif ukoll il-mekkaniżmu ta’ korrezzjoni awtomatika, dawn il-kontribuzzjonijiet operazzjonali għandhom jiġu aġġustati f’konformità mal-Artikolu 7 u għandhom jiġu kkoreġuti awtomatikament f’konformità mal-Artikolu 8.

7.   Il-Partijiet għandhom isolvu b’kunsens komuni kwalunkwe konsegwenza oħra tat-terminazzjoni jew tal-waqfien tal-applikazzjoni provviżorja ta’ dan il-Ftehim.

8.   Dan il-Ftehim jista’ jiġi emendat biss bil-miktub u bil-kunsens komuni tal-Partijiet. Id-dħul fis-seħħ tal-emendi se jsegwi l-istess proċedura bħal dik applikabbli għad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim kif previst fil-paragrafu 1.

9.   Il-Protokolli għandhom jikkostitwixxu parti integrali minn dan il-Ftehim.

10.   Dan il-Ftehim għandu jitfassal f’żewġ kopji bil-Bulgaru, biċ-Ċek, bid-Daniż, bl-Estonjan, bil-Finlandiż, bil-Franċiż, bil-Ġermaniż, bil-Grieg, bl-Ingliż, bl-Irlandi, bil-Kroat, bil-Latvjan, bil-Litwan, bil-Malti, bin-Netherlandiż, bil-Pollakk, bil-Portugiż, bir-Rumen, bis-Slovakk, bis-Sloven, bl-Ispanjol, bit-Taljan, bl-Ungeriż, bl-Iżvediż u bil-lingwi tal-Gżejjer Faeroe, b’kull test ikun ugwalment awtentiku.

Image 1


(1)  Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tal-Gżejjer Faeroe dwar il-kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika (ĠU UE L 245, 17.9.2010, p. 2), il-Ftehim għal kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gżejjer Faeroe li jassoċja lill-Gżejjer Faeroe ma’ Orizzont 2020 — il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) (ĠU UE L 35, 11.2.2015, p. 3).

(2)  Ir-Regolament (UE) 2021/695 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-Orizzont Ewropa – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, u li jistabbilixxi r-regoli tiegħu għall-parteċipazzjoni u d-disseminazzjoni, u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1290/2013 u (UE) Nru 1291/2013 (ĠU UE L 170, 12.5.2021, p. 1).

(3)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU UE L 193, 30.7.2018, p. 1).

(4)  Il-miżuri restrittivi tal-Unjoni huma miżuri restrittivi adottati skont it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jew it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.


PROTOKOLL

dwar l-assoċjazzjoni tal-Gżejjer Faeroe ma’ Orizzont Ewropa – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2021-2027)

Artikolu 1

L-ambitu tal-assoċjazzjoni

1.   Il-Gżejjer Faeroe għandhom jipparteċipaw bħala pajjiż assoċjat fil-Programm Orizzont Ewropa u għandhom jikkontribwixxu għall-partijiet kollha tiegħu - il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (“il-Programm Orizzont Ewropa”) imsemmi fl-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2021/695 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), u implimentat permezz tal-programm speċifiku stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/764 (2), fl-aktar verżjonijiet aġġornati tagħhom, u permezz ta’ kontribuzzjoni finanzjarja lill-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija.

2.   Ir-Regolament (UE) 2021/819 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), u d-Deċiżjoni (UE) 2021/820 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), fl-aktar verżjonijiet aġġornati tagħhom, għandhom japplikaw għall-parteċipazzjoni tal-entitajiet tal-Gżejjer Faeroe fil-Komunitajiet tal-Għarfien u tal-Innovazzjoni.

Artikolu 2

Kundizzjonijiet addizzjonali tal-parteċipazzjoni fil-Programm Orizzont Ewropa

1.   Qabel ma jiġi deċiż dwar jekk l-entitajiet tal-Gżejjer Faeroe humiex eliġibbli sabiex jipparteċipaw f’azzjoni relatata mal-assi strateġiċi, l-interessi, l-awtonomija jew is-sigurtà tal-Unjoni skont l-Artikolu 22(5) tar-Regolament (UE) 2021/695, il-Kummissjoni Ewropea tista’ titlob informazzjoni jew assigurazzjonijiet speċifiċi, bħal:

(a)

informazzjoni dwar jekk ingħatax jew jekk huwiex se jingħata aċċess reċiproku lill-entitajiet tal-Unjoni għal programmi, proġetti, azzjonijiet, attivitajiet jew partijiet minnhom eżistenti u ppjanati tal-Gżejjer Faeroe, li huma ekwivalenti għall-Programm Orizzont Ewropa kkonċernat;

(b)

informazzjoni dwar jekk il-Gżejjer Faeroe għandhomx fis-seħħ mekkaniżmu nazzjonali ta’ skrinjar tal-investiment, u assigurazzjonijiet li l-awtoritajiet kompetenti tal-Gżejjer Faeroe jirrapportaw dwarhom u jikkonsultaw lill-Kummissjoni Ewropea dwar kwalunkwe każ possibbli fejn bl-applikazzjoni ta’ tali mekkaniżmu jkunu saru konxji ta’ investiment barrani/akkwiżizzjoni barranija ppjanat(a) minn entità stabbilita jew ikkontrollata minn barra l-Gżejjer Faeroe ta’ entità tal-Gżejjer Faeroe, li tkun irċeviet finanzjament minn Orizzont Ewropa f’azzjonijiet relatati mal-assi strateġiċi, l-interessi, l-awtonomija jew is-sigurtà tal-Unjoni, dment li l-Kummissjoni Ewropea tforni lill-Gżejjer Faeroe bil-lista tal-entitajiet rilevanti tal-Gżejjer Faeroe wara l-iffirmar ta’ ftehimiet ta’ għotja ma’ dawn l-entitajiet; u

(c)

assigurazzjonijiet li l-ebda wieħed mir-riżultati, mit-teknoloġiji, mis-servizzi u mill-prodotti żviluppati skont l-azzjonijiet rilevanti mill-entitajiet tal-Gżejjer Faeroe ma għandhom ikunu soġġett għal restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni tagħhom lejn l-Istati Membri tal-Unjoni matul l-azzjoni u għal erba’ snin wara tmiem l-azzjoni. Il-Gżejjer Faeroe se jaqsmu lista aġġornata ta’ suġġetti ta’ restrizzjonijiet nazzjonali fuq l-esportazzjoni fuq bażi annwali, matul l-azzjoni u għal erba’ snin wara tmiem l-azzjoni.

2.   L-entitajiet tal-Gżejjer Faeroe jistgħu jipparteċipaw fl-attivitajiet taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (JRC) skont termini u kundizzjonijiet ekwivalenti għal dawk applikabbli għall-entitajiet tal-Unjoni, sakemm ma jkunux meħtieġa limitazzjonijiet sabiex tiġi żgurata l-konsistenza mal-għan tal-parteċipazzjoni li tirriżulta mill-implimentazzjoni tal-paragrafu 1.

3.   Meta l-Unjoni timplimenta l-Programm Orizzont Ewropa permezz tal-applikazzjoni tal-Artikoli 185 u 187 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-Gżejjer Faeroe u l-entitajiet tal-Gżejjer Faeroe jistgħu jipparteċipaw fl-istrutturi legali maħluqa skont dawk id-dispożizzjonijiet, f’konformità mal-atti legali tal-Unjoni li jkunu ġew adottati jew li jkunu se jiġu adottati għall-istabbiliment ta’ dawk l-istrutturi legali.

4.   Id-drittijiet tal-Gżejjer Faeroe tar-rappreżentazzjoni u tal-parteċipazzjoni fil-Kumitat taż-Żona Ewropea tar-Riċerka u l-Innovazzjoni u s-sottogruppi tiegħu għandhom ikunu dawk applikabbli għall-kategorija rilevanti ta’ pajjiżi assoċjati f’konformità mar-regoli u l-proċeduri applikabbli.

5.   Ir-rappreżentanti tal-Gżejjer Faeroe għandu jkollhom id-dritt li jipparteċipaw bħala osservaturi fil-Bord tal-Gvernaturi tal-JRC, mingħajr drittijiet tal-vot. Soġġetta għal dik il-kundizzjoni, tali parteċipazzjoni għandha tkun regolata mill-istess regoli u proċeduri bħal dawk applikabbli għar-rappreżentanti tal-Istati Membri tal-Unjoni, inkluż id-drittijiet tal-kelma u l-proċeduri għall-wasla ta’ informazzjoni u dokumentazzjoni fir-rigward ta’ punt li jikkonċerna l-Gżejjer Faeroe.

6.   Il-Gżejjer Faeroe jistgħu jipparteċipaw f’Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta’ Riċerka (ERIC) f’konformità mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 723/2009 (5), fl-aktar verżjoni aġġornata tiegħu, u mal-att legali li jistabbilixxi l-ERIC.

7.   Il-Partijiet għandhom jagħmlu kull sforz, fil-qafas tad-dispożizzjonijiet eżistenti, sabiex jiffaċilitaw il-moviment liberu u r-residenza tal-persuni li jipparteċipaw fl-attivitajiet koperti minn dan il-Protokoll, u sabiex jiffaċilitaw il-moviment transfruntier ta’ oġġetti u servizzi maħsubin sabiex jintużaw f’attivitajiet bħal dawn.

8.   Il-Gżejjer Faeroe għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa, kif xieraq, sabiex jiżguraw li oġġetti u servizzi mixtrija fil-Gżejjer Faeroe jew importati fil-Gżejjer Faeroe li jkunu parzjalment jew kompletament iffinanzjati skont il-ftehimiet ta’ għotja u/jew il-kuntratti konklużi għat-twettiq tal-attivitajiet f’konformità ma’ dan il-Protokoll ikunu eżentati mid-dazji doganali, mid-dazji tal-importazzjoni u minn tariffi fiskali oħra, inkluża l-VAT, li huma applikabbli fil-Gżejjer Faeroe.

Artikolu 3

Reċiproċità

Entitajiet legali stabbiliti fl-Unjoni jistgħu jipparteċipaw fi programmi, fi proġetti, f’azzjonijiet, f’attivitajiet jew f’partijiet minnhom tal-Gżejjer Faeroe li jkunu ekwivalenti għall-Programm Orizzont Ewropa, f’konformità mal-liġijiet u r-regolamenti applikabbli tal-Gżejjer Faeroe.

Il-lista mhux eżawrjenti tal-programmi, tal-proġetti, tal-azzjonijiet, tal-attivitajiet ekwivalenti, jew ta’ partijiet minnhom tal-Gżejjer Faeroe hija pprovduta fl-Anness II ta’ dan il-Protokoll.

Il-finanzjament mill-Gżejjer Faeroe ta’ entitajiet legali stabbiliti fl-Unjoni għandu jkun soġġett għal-liġijiet u r-regolamenti applikabbli tal-Gżejjer Faeroe li jirregolaw l-operat ta’ programmi, proġetti, azzjonijiet, attivitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni, jew partijiet minnhom. Meta ma jkunx hemm finanzjament ipprovdut, l-entitajiet legali stabbiliti fl-Unjoni jistgħu jipparteċipaw bil-mezzi tagħhom stess.

Artikolu 4

Xjenza miftuħa

Il-Partijiet għandhom jippromwovu u jinkoraġġixxu b’mod reċiproku prattiki tax-xjenza miftuħa fil-programmi, fil-proġetti, fl-azzjonijiet jew fl-attivitajiet tagħhom, jew f’partijiet minnhom, f’konformità mar-regoli tal-Programm Orizzont Ewropa u mal-liġijiet u mar-regolamenti applikabbli tal-Gżejjer Faeroe.

Artikolu 5

Regoli dettaljati dwar il-kontribuzzjoni finanzjarja, il-mekkaniżmu ta’ aġġustament u l-mekkaniżmu ta’ korrezzjoni awtomatika

1.   Għandu japplika mekkaniżmu ta’ aġġustament u mekkaniżmu ta’ korrezzjoni awtomatika fir-rigward tal-kontribuzzjoni operazzjonali tal-Gżejjer Faeroe għall-Programm Orizzont Ewropa.

2.   Il-mekkaniżmu ta’ korrezzjoni awtomatika għandu jkun ibbażat fuq il-prestazzjoni tal-Gżejjer Faeroe u tal-entitajiet tal-Gżejjer Faeroe fil-partijiet tal-Programm Orizzont Ewropa li huma implimentati permezz ta’ għotjiet kompetittivi.

3.   Regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ korrezzjoni awtomatika huma stabbiliti fl-Anness I ta’ dan il-Protokoll.

Artikolu 6

Dispożizzjonijiet finali

1.   Dan il-Protokoll għandu jibqa’ fis-seħħ sakemm ikun meħtieġ sabiex il-proġetti, l-azzjonijiet, l-attivitajiet kollha, jew partijiet minnhom, li jkunu ffinanzjati mill-Programm Orizzont Ewropa, l-azzjonijiet kollha meħtieġa sabiex jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Unjoni u l-obbligi finanzjarji kollha li jirriżultaw mill-implimentazzjoni ta’ dan il-Protokoll bejn il-Partijiet jitlestew.

2.   L-Annessi ta’ dan il-Protokoll għandhom jifformaw parti integrali mill-Protokoll.

Anness I:

Regoli li jirregolaw il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Gżejjer Faeroe għall-Programm Orizzont Ewropa (2021-2027)

Anness II:

Lista tal-programmi, il-proġetti, l-azzjonijiet, l-attivitajiet ekwivalenti, jew partijiet minnhom, tal-Gżejjer Faeroe

(1)  Ir-Regolament (UE) 2021/695 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-Orizzont Ewropa – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, li jistabbilixxi r-regoli tiegħu għall-parteċipazzjoni u d-disseminazzjoni, u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1290/2013 u (UE) Nru 1291/2013 (ĠU UE L 170, 12.5.2021, p.1).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/764 tal-10 ta’ Mejju 2021 li tistabbilixxi l-Programm Speċifiku li jimplimenta l-Orizzont Ewropa – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, u li tħassar id-Deċiżjoni 2013/743/UE (ĠU UE L 167I, 12.5.2021, p. 1).

(3)  Ir-Regolament (UE) 2021/819 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2021 dwar l-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (riformulazzjoni), (ĠU UE L 189, 28.5.2021, p. 61).

(4)  Id-Deċiżjoni (UE) 2021/820 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2021 dwar l-Aġenda Strateġika ta’ Innovazzjoni tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT) 2021-2027: Nagħtu Spinta lit-Talent u lill-Kapaċità ta’ Innovazzjoni fl-Ewropa u li tħassar id-Deċiżjoni Nru 1312/2013/UE (ĠU UE L 189, 28.5.2021, p. 91).

(5)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 723/2009 tal-25 ta’ Ġunju 2009 dwar il-qafas ġuridiku Komunitarju applikabbli għal Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta’ Riċerka (ERIC) (ĠU UE L 206, 8.8.2009, p.1).


ANNESS I

Regoli li jirregolaw il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Gżejjer Faeroe għall-Programm Orizzont Ewropa (2021-2027)

I.   Kalkolu tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Gżejjer Faeroe

1.

Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Gżejjer Faeroe għall-Programm Orizzont Ewropa għandha tiġi stabbilita fuq bażi annwali fi proporzjon ma’, u apparti, l-ammont disponibbli kull sena fil-baġit tal-Unjoni għall-approprjazzjonijiet ta’ impenn meħtieġa għall-ġestjoni, għall-eżekuzzjoni u għall-operat tal-Programm Orizzont Ewropa, miżjuda f’konformità mal-Artikolu 6(5) ta’ dan il-Ftehim.

2.

It-tariffa tal-parteċipazzjoni tal-Gżejjer Faeroe għandha tiġi stabbilita u tiddaħħal gradwalment skont l-Artikolu 6(4) u (8) ta’ dan il-Ftehim.

3.

F’konformità mal-Artikolu 6(6) ta’ dan il-Ftehim, il-kontribuzzjoni operazzjonali inizjali li għandha titħallas mill-Gżejjer Faeroe għall-parteċipazzjoni tagħha fil-Programm Orizzont Ewropa se tiġi kkalkolata għas-snin finanzjarji rispettivi billi jiġi applikat aġġustament għall-kjavi ta’ kontribuzzjoni.

L-aġġustament għall-kjavi ta’ kontribuzzjoni għandu jkun:

Skema tal-Kontribuzzjoni Aġġustata = Skema tal-Kontribuzzjoni × Koeffiċjent

Il-koeffiċjent użat għall-kalkolu ta’ hawn fuq sabiex tiġi aġġustata l-iskema tal-kontribuzzjoni għandu jkun ta’ 0,4.

4.

Il-kontribuzzjoni operazzjonali tal-Gżejjer Faeroe għal Orizzont Ewropa għandha tiġi aġġustata f’konformità mar-regoli previsti fl-Artikolu 7 ta’ dan il-Ftehim.

II.   Korrezzjoni awtomatika tal-kontribuzzjoni operazzjonali tal-Gżejjer Faeroe

1.

Għall-kalkolu tal-korrezzjoni awtomatika kif imsemmi fl-Artikolu 8 ta’ dan il-Ftehim u l-Artikolu 5 ta’ dan il-Protokoll, għandhom japplikaw l-arranġamenti dettaljati li ġejjin:

(a)

“għotjiet kompetittivi” tfisser għotjiet mogħtija permezz ta’ sejħiet għal proposti fejn il-benefiċjarji finali jistgħu jiġu identifikati fil-ħin tal-kalkolu tal-korrezzjoni awtomatika. L-appoġġ finanzjarju lil partijiet terzi kif definit fl-Artikolu 204 tar-Regolament Finanzjarju huwa eskluż;

(b)

meta jiġi ffirmat impenn legali ma’ konsorzju, l-ammonti użati sabiex jiġu stabbiliti l-ammonti inizjali tal-impenn legali għandhom ikunu l-ammonti kumulattivi allokati lill-benefiċjarji li huma l-entitajiet tal-Gżejjer Faeroe f’konformità mad-diżaggregazzjoni tal-baġit indikattiv tal-ftehim ta’ għotja;

(c)

l-ammonti kollha ta’ impenji legali li jikkorrispondu għal għotjiet kompetittivi għandhom jiġu stabbiliti bl-użu tas-sistema elettronika tal-Kummissjoni Ewropea eCorda u għandhom jiġu estratti fit-tieni Erbgħa ta’ Frar tas-sena N+2;

(d)

“kostijiet mhux ta’ intervent” tfisser kostijiet tal-Programm minbarra għotjiet kompetittivi, inklużi nefqa ta’ appoġġ, amministrazzjoni speċifika għall-programm, azzjonijiet oħrajn (1);

(e)

l-ammonti allokati lill-organizzazzjonijiet internazzjonali bħala entitajiet legali li huma l-benefiċjarju finali (2) għandhom jitqiesu bħala kostijiet mhux ta’ intervent.

2.

Il-mekkaniżmu għandu jiġi applikat kif ġej:

(a)

Il-korrezzjonijiet awtomatiċi għas-sena N fir-rigward tal-eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta’ impenn għas-sena N, miżjuda f’konformità mal-Artikolu 6(5) ta’ dan il-Ftehim, għandhom jiġu applikati abbażi ta’ data dwar is-sena N u s-sena N+1 minn e-Corda msemmija fil-punt (c) tal-paragrafu 1 tat-taqsima II ta’ dan l-Anness fis-sena N+2 wara li jkun ġie applikat kwalunkwe aġġustament għall-kontribuzzjoni tal-Gżejjer Faeroe għall-Programm Orizzont Ewropa f’konformità mal-Artikolu 7 ta’ dan il-Ftehim. L-ammont ikkunsidrat se jkun l-ammont ta’ għotjiet kompetittivi li għalihom hija disponibbli d-data, fil-ħin tal-kalkolu tal-korrezzjoni.

(b)

Mis-sena N+2 u sal-2029, l-ammont tal-korrezzjoni awtomatika għandu jiġi kkalkolat għas-sena N billi tittieħed id-differenza bejn:

(i)

l-ammont totali tal-għotjiet kompetittivi mqassma lill-Gżejjer Faeroe jew lill-entitajiet tal-Gżejjer Faeroe bħala impenji magħmula fuq l-approprjazzjonijiet tal-baġit tas-sena N; u

(ii)

l-ammont tal-kontribuzzjoni operazzjonali aġġustata tal-Gżejjer Faeroe għas-sena N immultiplikat bil-proporzjon bejn:

A.

l-ammont ta’ għotjiet kompetittivi magħmul fuq approprjazzjonijiet ta’ impenn tas-sena N, miżjud f’konformità mal-Artikolu 6(5) ta’ dan il-Ftehim; u

B.

it-total tal-approprjazzjonijiet ta’ impenn baġitarju awtorizzati kollha tas-sena N, inklużi l-kostijiet mhux ta’ intervent.

III.   Il-pagament tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Gżejjer Faeroe, il-pagament tal-aġġustamenti magħmula fuq il-kontribuzzjoni operazzjonali tal-Gżejjer Faeroe, u l-pagament tal-korrezzjoni awtomatika applikabbli għall-kontribuzzjoni operazzjonali tal-Gżejjer Faeroe

1.

Il-Kummissjoni Ewropea għandha tikkomunika lill-Gżejjer Faeroe, kemm jista’ jkun malajr u mhux aktar tard mill-ħruġ tal-ewwel sejħa għall-fondi tas-sena finanzjarja, l-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-ammonti f’approprjazzjonijiet ta’ impenn fil-baġit tal-Unjoni adottat b’mod definittiv għas-sena inkwistjoni għal-linji baġitarji li jkopru l-parteċipazzjoni tal-Gżejjer Faeroe fil-Programm Orizzont Ewropa, miżjuda, jekk rilevanti, f’konformità mal-Artikolu 6(5) ta’ dan il-Ftehim;

(b)

l-ammont tat-tariffa tal-parteċipazzjoni msemmija fl-Artikolu 6(8) ta’ dan il-Ftehim;

(c)

mis-sena N+1 tal-implimentazzjoni tal-Programm Orizzont Ewropa, l-implimentazzjoni tal-approprjazzjonijiet ta’ impenn li jikkorrispondu għas-sena baġitarja N, miżjuda f’konformità mal-Artikolu 6(5) ta’ dan il-Ftehim u l-livell ta’ diżimpenn;

(d)

għall-parti tal-Programm Orizzont Ewropa fejn tali informazzjoni hija meħtieġa sabiex tiġi kkalkolata l-korrezzjoni awtomatika, il-livell ta’ impenji li jkunu saru favur l-entitajiet tal-Gżejjer Faeroe diżaggregati skont is-sena korrispondenti tal-approprjazzjonijiet baġitarji u l-livell totali relatat tal-impenji.

Abbażi tal-Abbozz tal-Baġit tagħha, il-Kummissjoni Ewropea għandha tipprovdi stima tal-informazzjoni għas-sena ta’ wara skont il-punti (a) u (b) mill-aktar fis possibbli, u, mhux aktar tard mill-1 ta’ Settembru tas-sena finanzjarja.

2.

Il-Kummissjoni Ewropea għandha toħroġ, mhux aktar tard minn April u Ġunju ta’ kull sena finanzjarja, sejħa għal fondi lill-Gżejjer Faeroe li jikkorrispondu għall-kontribuzzjoni tagħhom skont dan il-Protokoll.

Kull sejħa għall-fondi għandha tipprevedi l-pagament ta’ nofs il-kontribuzzjoni tal-Gżejjer Faeroe mhux aktar tard minn 30 jum wara li tinħareġ is-sejħa għall-fondi.

Għall-ewwel sena ta’ implimentazzjoni ta’ dan il-Protokoll, il-Kummissjoni Ewropea għandha toħroġ sejħa waħda għall-fondi, fi żmien 60 jum mill-firma ta’ dan il-Ftehim.

3.

Kull sena mill-2023, is-sejħiet għall-fondi għandhom jirriflettu wkoll l-ammont tal-korrezzjoni awtomatika applikabbli għall-kontribuzzjoni operazzjonali mħallsa għas-sena N-2.

Is-sejħa għall-fondi maħruġa mhux aktar tard minn April tista’ tinkludi wkoll aġġustamenti tal-kontribuzzjoni finanzjarja mħallsa mill-Gżejjer Faeroe għall-implimentazzjoni, għall-ġestjoni u għall-operat tal-Programm(i) Qafas preċedenti għar-Riċerka u Innovazzjoni li fih(om) ipparteċipaw il-Gżejjer Faeroe.

Għal kull waħda mis-snin finanzjarji tal-2028, l-2029 u l-2030, l-ammont li jirriżulta mill-korrezzjoni awtomatika applikata għall-kontribuzzjonijiet operazzjonali mħallsa fl-2026 u fl-2027 mill-Gżejjer Faeroe jew mill-aġġustamenti magħmula f’konformità mal-Artikolu 7(8) ta’ dan il-Ftehim se jkun dovut lil jew mill-Gżejjer Faeroe.

4.

Il-Gżejjer Faeroe għandhom iħallsu l-kontribuzzjoni finanzjarja tagħhom skont dan il-Protokoll f’konformità mat-Taqsima III ta’ dan l-Anness. Fin-nuqqas ta’ pagament mill-Gżejjer Faeroe sad-data dovuta, il-Kummissjoni Ewropea għandha tibgħat ittra formali ta’ tfakkira.

Kull dewmien fil-pagament tal-kontribuzzjoni finanzjarja għandu jiskatta l-pagament ta’ mgħax ta’ inadempjenza mill-Gżejjer Faeroe fuq l-ammont pendenti, u dan mid-data dovuta.

Ir-rata tal-imgħax fuq l-ammonti riċevibbli mhux imħallsa fid-data dovuta għandha tkun ir-rata li japplika l-Bank Ċentrali Ewropew fl-operazzjonijiet ewlenin ta’ rifinanzjament tiegħu, kif ippubblikata fis-serje C ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, li tkun fis-seħħ fl-ewwel jum kalendarju tax-xahar meta kellu jsir il-pagament, u miżjuda b’punt u nofs perċentwali.


(1)  Azzjonijiet oħrajn jinkludu b’mod partikolari l-akkwist, il-premji, l-istrumenti finanzjarji, l-azzjonijiet diretti taċ-JRC, l-abbonamenti (l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD), l-Aġenzija Ewropea għall-Koordinazzjoni tar-Riċerka (Eureka), Sħubija Internazzjonali għall-Kooperazzjoni fl-Effiċjenza fl-Użu tal-Enerġija (IPEEC), Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija (IEA), …), l-esperti (l-evalwaturi, il-monitoraġġ tal-proġetti) eċċ.

(2)  L-organizzazzjonijiet internazzjonali jitqiesu biss bħala kostijiet mhux ta’ intervent jekk ikunu benefiċjarji finali. Dan ma huwiex se japplika meta organizzazzjoni internazzjonali tkun koordinatur ta’ proġett (tqassam fondi lil koordinaturi oħrajn).


ANNESS II

Lista tal-programmi, tal-proġetti, tal-azzjonijiet, tal-attivitajiet ekwivalenti jew ta’ partijiet minnhom, tal-Gżejjer Faeroe

Il-lista mhux eżawrjenti li ġejja għandha titqies bħala l-programmi, il-proġetti, l-azzjonijiet, l-attivitajiet tal-Gżejjer Faeroe jew partijiet minnhom ekwivalenti għall-Programm Orizzont Ewropa:

Il-Fondazzjoni tar-Riċerka tal-Gżejjer Faeroe;

Il-Fondazzjoni għar-Riċerka dwar is-Sajd tal-Gżejjer Faeroe.