7.1.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 3/37


DEĊIŻJONI Nru 1/2019 TAL-KUMITAT KONĠUNT UE-MESSIKU

tas-16 ta’ Ottubru 2019

fir-rigward tal-emendi għall-Anness III għad-Deċiżjoni Nru 2/2000 tal-Kunsill Konġunt KE-Messiku li jikkonċernaw id-definizzjoni tal-kunċett tal-prodotti oriġinarji u l-metodi ta’ kooperazzjoni amministrattiva (Andorra u San Marino, u ċerti regoli tal-oriġini speċifiċi għall-prodott għas-sustanzi kimiċi) [2021/10]

Il-KUMITAT KONĠUNT UE-MESSIKU,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 2/2000 tal-Kunsill Konġunt KE-Messiku tat-23 ta’ Marzu 2000 (1), u l-Anness III tagħha, u b’mod partikolari l-Artikolu 38 tal-Anness III,

Billi:

(1)

L-Anness III tad-Deċiżjoni Nru 2/2000 (“Anness III”) jistabbilixxi r-regoli ta’ oriġini għall-prodotti li joriġinaw fit-territorju tal-Partijiet għall-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika, Koordinazzjoni Politika u Kooperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Istati Uniti Messikani, min-naħa l-oħra (2), iffirmat fi Brussell fit-8 ta’ Diċembru 1997 (“il-Ftehim”).

(2)

L-Unjoni Ewropea għandha fis-seħħ unjonijiet doganali mal-Prinċipat ta’ Andorra u mar-Repubblika ta’ San Marino, rispettivament, u, b’riżultat ta’ dan, il-prodotti li joriġinaw fil-Messiku jibbenefikaw minn trattament preferenzjali meta jiġu esportati lejn dawn iż-żewġ pajjiżi.

(3)

Ġie miftiehem li l-Messiku ser jaċċetta l-prodotti li jaqgħu taħt il-Kapitoli 25 sa 97 tas-Sistema Armonizzata oriġinarji li joriġinaw fil-Prinċipat ta’ Andorra u l-prodotti li jaqgħu taħt il-Kapitoli 1 sa 97 tas-Sistema Armonizzata li joriġinaw fir-Repubblika ta’ San Marino bħala prodotti li joriġinaw fl-Unjoni Ewropea skont it-tifsira tal-Anness III.

(4)

Għandu għalhekk jiżdied Appendiċi VI għall-Anness III sabiex dawk il-prodotti jkunu jistgħu jiġu trattati, meta jiġu importati lejn il-Messiku, b’mod simili għall-prodotti li joriġinaw fl-Unjoni Ewropea, u biex jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet li jikkonċernaw l-applikazzjoni tal-Anness III għal dawk il-prodotti.

(5)

Fis-7 ta’ April 2017 il-Kumitat Konġunt adotta d-Deċiżjoni Nru 1/2017 (3), li testendi, għar-raba’ darba, l-applikazzjoni tar-regoli tal-oriġini stabbiliti fin-Noti 2 u 3 tal-Appendiċi II(a) għall-Anness III (“Noti 2 u 3”). L-estensjoni stipulata fid-Deċiżjoni Nru 1/2017 tapplika sal-31 ta’ Diċembru 2019.

(6)

Huwa xieraq li tiġi estiża l-applikazzjoni tar-regoli tal-oriġini stabbiliti fin-Noti 2 u 3 fuq bażi permanenti, minħabba li huma konformi mal-prinċipji tal-immodernizzar tal-Ftehim.

(7)

Għaldaqstant, l-Anness III għandu jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   L-Appendiċi II tal-Anness III tad-Deċiżjoni Nru 2/2000 huwa emendat kif stabbilit fl-Anness I ta’ din id-Deċiżjoni.

2.   Jiżdied Appendiċi VI għall-Anness III għad-Deċiżjoni Nru 2/2000 kif indikat fl-Anness II għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tieni xahar wara d-data li fiha l-Partijiet ikunu nnotifikaw lil xulxin dwar it-tlestija tal-proċeduri neċessarji għal dan l-iskop.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Ottubru 2019.

Għall-Kumitat Konġunt

Edita HRDA

Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, Direttur Maniġerjali, Ameriki


(1)  ĠU L 157, 30.6.2000, p. 10.

(2)  ĠU L 276, 28.10.2000, p. 45.

(3)  Id-Deċiżjoni Nru 1/2017 tal-Kumitat Konġunt UE-Messiku tas-7 ta’ April 2017 fir-rigward tal-emendi għall-Anness III għad-Deċiżjoni Nru 2/2000 tal-Kunsill Konġunt KE-Messiku tat-23 ta’ Marzu 2000 li jikkonċernaw id-definizzjoni tal-kunċett tal-prodotti oriġinarji u l-metodi ta’ kooperazzjoni amministrattiva (ċerti regoli tal-oriġini speċifiċi għall-prodott għas-sustanzi kimiċi).


ANNESS I

Fl-Appendiċi II tal-Anness III tad-Deċiżjoni Nru 2/2000, l-entrati għall-intestaturi 2914 u 2915 tas-Sistema Armonizzata (SA) huma sostitwiti b’dan li ġej:

Intestatura SA

Deskrizzjoni tal-prodott

Ħdim jew ipproċessar, magħmula fuq materjali mhux ta’ oriġini, li jagħti l-istatus ta’ oriġini

(1)

(2)

(3) jew (4)

“ex 2914

Alkoħol diaċeton

Metilisobutilketon

Mesitil ossidu

Manifattura mill-aċeton

Manifattura li fiha sseħħ reazzjoni kimika  (*1)

2915

Aċidi monokarbossiliċi aċikliċi saturati u l-anidridi, l-alidi, il-perossidi u l-perossiaċidi tagħhom; id-derivattivi aloġenati, sulfonati, nitrati jew nitrosati tagħhom, ħlief għal:

Manifattura minn materjali ta’ kwalunkwe intestatura Madankollu, il-valur tal-materjali kollha tal-intestaturi 2915 u 2916 użati ma għandux jaqbeż l-20 % tal-prezz tal-prodott mill-fabbrika

Manifattura li fiha l-valur totali tal-materjali kollha użati ma jaqbiżx l-40 % tal-prezz tal-prodott mill-fabbrika

 

Anidride aċetiku, etil u aċetat n-butiliku, aċetat viniliku, aċetat isopropil u metilamil, aċti mono-, di- jew trikloroaċetiċi, il-melħ u l-esteri tagħhom

Manifattura minn materjali ta’ kwalunkwe intestatura Madankollu, il-valur tal-materjali kollha tal-intestatura 2916 użati ma għandux jaqbeż l-20 % tal-prezz tal-prodott mill-fabbrika

Manifattura li fiha sseħħ reazzjoni kimika  (*1)


(*1)  Ir-‘reazzjoni kimika’ hija proċess (inkluż proċess bijokimiku) li jirriżulta f’molekula bi struttura ġdida bit-tkissir ta’ rabtiet intramolekulari u bl-iffurmar ta’ rabtiet intramolekulari ġodda, jew bl-alterazzjoni tal-arranġament spazjali tal-atomi ġo molekula. Il-proċessi li ġejjin ma għandhomx jitqiesu għal skopijiet ta’ oriġini:

(a)

it-tidwib fl-ilma jew solventi oħra;

(b)

l-eliminazzjoni ta’ solventi inkluż ilma solventi; jew

(c)

iż-żieda jew l-eliminazzjoni ta’ ilma tal-kristallizzazzjoni.”.


ANNESS II

L-Appendiċi li ġej huwa miżjud mal-Anness III tad-Deċiżjoni Nru 2/2000:

“Appendiċi VI

IL-PRINĊIPAT TA’ ANDORRA U R-REPUBBLIKA TA’ SAN MARINO

1.   

Il-prodotti li joriġinaw fil-Prinċipat ta’ Andorra li jaqgħu taħt il-Kapitoli 25 sa 97 tas-Sistema Armonizzata għandhom ikunu aċċettati mill-Messiku taħt l-istess reġim doganali bħal dak applikabbli għall-prodotti importati u li joriġinaw fl-Unjoni Ewropea, sakemm l-unjoni doganali stabbilita bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 90/680/KEE (1) tibqa’ fis-seħħ.

2.   

Il-prodotti li joriġinaw fil-Messiku li jaqgħu taħt il-Kapitoli 25 sa 97 tas-Sistema Armonizzata jibbenefikaw mill-istess trattament tariffarju preferenzjali meta jiġu importati lejn Andorra bħal dak li jirċievu meta jiġu importati lejn l-Unjoni Ewropea, sakemm tibqa’ fis-seħħ l-unjoni doganali stabbilita bid-Deċiżjoni 90/680/KEE.

3.   

Il-prodotti li joriġinaw fir-Repubblika ta’ San Marino li jaqgħu taħt il-Kapitoli 1 sa 97 tas-Sistema Armonizzata għandhom ikunu aċċettati mill-Messiku taħt l-istess reġim doganali bħal dak applikabbli għall-prodotti importati u li joriġinaw fl-Unjoni Ewropea, sakemm jibqa’ fis-seħħ il-Ftehim dwar il-Kooperazzjoni u l-Unjoni Doganali bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Repubblika ta’ San Marino (2), magħmul fi Brussell fis-16 ta’ Diċembru 1991.

4.   

Il-prodotti li joriġinaw fil-Messiku li jaqgħu taħt il-Kapitoli 1 sa 97 tas-Sistema Armonizzata jistgħu jibbenefikaw mill-istess trattament tariffarju preferenzjali meta jiġu importati lejn San Marino bħal dak li jirċievu meta jiġu importati lejn l-Unjoni Ewropea, sakemm jibqa’ fis-seħħ il-Ftehim dwar il-Kooperazzjoni u l-Unjoni Doganali bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Repubblika ta’ San Marino, magħmul fi Brussell fis-16 ta’ Diċembru 1991.

5.   

L-Anness III għandu japplika mutatis mutandis għall-kummerċ tal-prodotti msemmija fil-punti 1 sa 4.

6.   

L-esportatur jew ir-rappreżentant awtorizzat tiegħu għandu jniżżel ‘il-Messiku’ kif ukoll ‘il-Prinċipat ta’ Andorra’ jew ‘ir-Repubblika ta’ San Marino’ fil-Kaxxa 2 taċ-ċertifikat ta’ moviment EUR.1 jew fid-dikjarazzjoni fuq fattura. Barra minn hekk, din l-informazzjoni għandha tiddaħħal fil-Kaxxa 4 taċ-ċertifikat ta’ moviment EUR.1, jew fid-dikjarazzjoni fuq fattura fil-każ ta’ prodotti li joriġinaw fil-Prinċipat ta’ Andorra jew mir-Repubblika ta’ San Marino.

7.   

L-Unjoni Ewropea għandha tibgħat lill-Messiku kampjuni taċ-ċertifikati ta’ moviment EUR.1, it-timbri li jridu jintużaw mill-Prinċipat ta’ Andorra u mir-Repubblika ta’ San Marino, u l-indirizzi tal-awtoritajiet responsabbli għall-proċess ta’ verifika fil-Prinċipat ta’ Andorra u fir-Repubblika ta’ San Marino.

8.   

Jekk l-awtorità governattiva kompetenti tal-Prinċipalità ta’ Andorra jew tar-Repubblika ta’ San Marino ma tikkonformax mad-dispożizzjonijiet tal-Anness III, il-Messiku jista’ jressaq il-każ quddiem il-Kumitat Speċjali dwar il-Kooperazzjoni Doganali u r-Regoli tal-Oriġini, stabbilit bl-Artikolu 17 tad-Deċiżjoni Nru 2/2000, sabiex jiġu ddeterminati l-miżuri xierqa biex tissolva l-kwistjoni”.


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 90/680/KEE tas-26 ta’ Novembru 1990 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim fil-għamla ta’ skambju tal-ittri bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u l-Prinċipalità ta’ Andorra (ĠU L 374, 31.12.1990, p. 13).

(2)  ĠU L 84, 28.3.2002, p. 43.