31.12.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 444/1


Avviż lill-qarrej

Minħabba t-tlestija tard ħafna tan-negozjati bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit, fl-24 ta' Diċembru 2020, u, bħala konsegwenza, id-disponibbiltà tard ħafna tal-verżjonijiet lingwistiċi kollha tal-Ftehimiet, fis-27 ta' Diċembru 2020, ma kienx materjalment possibbli li wieħed jipproċedi għar-reviżjoni finali mill-ġuristi-lingwisti fl-24 verżjoni lingwistika kollha tat-testi tal-Ftehimiet qabel l-iffirmar tagħhom mill-Partijiet u l-pubblikazzjoni tagħhom fil-Ġurnal Uffiċjali. Minħabba l-urġenza tas-sitwazzjoni, fejn il-perijodu ta' tranżizzjoni previst fil-Ftehim dwar il-Ħruġ tal-1 ta' Frar 2020 jintemm fil-31 ta' Diċembru 2020, madankollu tqies li huwa fl-interess kemm tal-Unjoni Ewropea kif ukoll tar-Renju Unit li jiġu ffirmati u ppubblikati t-testi tal-Ftehimiet kif irriżultaw min-negozjati, mingħajr ir-reviżjoni mill-ġuristi-lingwisti minn qabel. B'riżultat ta' dan, it-testi ppubblikati hawnhekk jista' jkun fihom żbalji tekniċi u impreċiżjonijiet li ser jiġu kkoreġuti fix-xhur li ġejjin.

Kif previst fl-Artikolu FINPROV.9 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, l-Artikolu 21 tal-Ftehim dwar Proċeduri ta' Sigurtà għall-Iskambju u għall-Protezzjoni ta' Informazzjoni Klassifikata u l-Artikolu 25 tal-Ftehim dwar l-Użu Sikur u Paċifiku tal-Enerġija Nukleari, il-verżjonijiet ta' dawk il-Ftehimiet bil-Bulgaru, il-Kroat, iċ-Ċek, id-Daniż, in-Netherlandiż, l-Ingliż, l-Estonjan, il-Finlandiż, il-Franċiż, il-Ġermaniż, il-Grieg, l-Ungeriż, l-Irlandiż, it-Taljan, il-Latvjan, il-Litwan, il-Malti, il-Pollakk, il-Portugiż, ir-Rumen, is-Slovakk, is-Sloven, l-Ispanjol u l-Iżvediż ser ikunu soġġetti għal reviżjoni finali mill-ġuristi-lingwisti u t-testi awtentiċi u definittivi li jirriżultaw minn dik ir-reviżjoni mill-ġuristi-lingwisti jissostitwixxu ab initio l-verżjonijiet iffirmati tal-Ftehimiet.

Dawn it-testi awtentiċi u definittivi tal-Ftehimiet ser jiġu ppubblikati f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fi żmien debitu sat-30 ta' April 2021.