16.7.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 228/11


DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE Nru 6/2019

tat-8 ta’ Frar 2019

li temenda l-Anness I (Kwistjonijiet veterinarji u fitosanitarji) u l-Anness II (Regolamenti tekniċi, standards, testijiet u ċertifikazzjoni) tal-Ftehim ŻEE [2020/925]

IL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE,

Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (“il-Ftehim ŻEE”), u b’mod partikolari l-Artikolu 98 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2018/832 tal-5 ta’ Ġunju 2018 li jemenda l-Annessi II, III u V tar-Regolament (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’dak li għandu x’jaqsam mal-livelli massimi ta’ residwi għaċ-ċjantraniliprol, iċ-ċimoksanil, id-deltametrin, id-difenokonażol, il-fenamidon, il-flubendiammid, il-fluwopikolid, il-folpet, il-fosetil, il-mandestrobin, il-mepikwat, il-metażaklor, il-propamokarb, il-propargit, il-pirimetanil, is-sulfoksaflor u t-trifloksistrobin f’ċerti prodotti jew fuqhom (1), kif ikkoreġut mill-ĠU L 247 3.10.2018, p. 9, għandu jiġi inkorporat fil-Ftehim ŻEE.

(2)

Din id-Deċiżjoni tikkonċerna l-leġiżlazzjoni dwar l-għalf u l-prodotti alimentari. Il-leġiżlazzjoni dwar l-għalf u l-prodotti alimentari ma tapplikax għal-Liechtenstein sakemm l-applikazzjoni tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar il-kummerċ fi prodotti agrikoli tkun estiża għal-Liechtenstein, kif speċifikat fl-adattamenti settorjali fl-Anness I u fl-introduzzjoni għall-Kapitolu XII tal-Anness II tal-Ftehim ŻEE. Għaldaqstant, din id-Deċiżjoni ma tapplikax għal-Liechtenstein.

(3)

L-Annessi I u II tal-Ftehim ŻEE għandhom għalhekk jiġu emendati skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-inċiż segwenti jiżdied fil-punt 40 (ir-Regolament (KE) Nru 396/2005) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill) tal-Kapitolu II tal-Anness I tal-Ftehim ŻEE:

“—

32018 R 0832: Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2018/832 tal-5 ta’ Ġunju 2018 (ĠU L 140, 6.6.2018, p. 38), kif ikkoreġut fil-ĠU L 247, 3.10.2018, p. 9.”

Artikolu 2

L-inċiż li ġej jiżdied mal-punt 54zzy (ir-Regolament (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill) tal-Kapitolu XII tal-Anness II tal-Ftehim ŻEE:

“—

32018 R 0832: Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2018/832 tal-5 ta’ Ġunju 2018 (ĠU L 140, 6.6.2018, p. 38), kif ikkoreġut fil-ĠU L 247, 3.10.2018, p. 9.”

Artikolu 3

It-testi tar-Regolament (UE) 2018/832, kif rettifikati fil-ĠU L 247, 3.10.2018, p. 9, bil-lingwa Iżlandiża u b’dik Norveġiża, li ser jiġu ppubblikati fis-Suppliment dwar iż-ŻEE ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, għandhom ikunu awtentiċi.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-9 ta’ Frar 2019, bil-kundizzjoni li jkunu saru n-notifiki kollha skont l-Artikolu 103(1) tal-Ftehim ŻEE (*1).

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fit-Taqsima taż-ŻEE ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fis-Suppliment tiegħu dwar iż-ŻEE.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Frar 2019.

Għall-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

Il-President

Claude MAERTEN


(1)   ĠU L 140, 6.6.2018, p. 38.

(*1)  Ma huwa indikat l-ebda rekwiżit kostituzzjonali.