3.4.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 103/47


DEĊIŻJONI Nru 1/2019 TAL-KUMITAT KONĠUNT EU-CTC STABBILIT PERMEZZ TAL-KONVENZJONI TAL-20 TA’ MEJJU 1987 DWAR PROĊEDURA KOMUNI TA’ TRANŻITU

tal-4 ta’ Diċembru 2019

li temenda dik il-Konvenzjoni [2020/487]

IL-KUMITAT KONĠUNT EU-CTC

Wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-20 ta’ Mejju 1987 dwar proċedura komuni ta’ tranżitu, u b’mod partikolari l-Artikolu 15(3)(a) tagħha,

Billi:

(1)

Skont il-punt (a) tal-Artikolu 15(3) tal-Konvenzjoni tal-20 ta’ Mejju 1987 dwar proċedura komuni ta’ tranżitu (1) (“il-Konvenzjoni”), il-Kumitat Konġunt stabbilit permezz ta’ dik il-Konvenzjoni (il-“Kumitat Konġunt EU-CTC”) irid jadotta, permezz ta’ deċiżjoni, emendi għall-Appendiċijiet tal-Konvenzjoni.

(2)

Id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni li jikkonċernaw is-simplifikazzjoni tat-tranżitu, li jikkonsistu fl-użu tad-dokument tat-trasport elettroniku (ETD) bħala dikjarazzjoni ta’ tranżitu għat-trasport bl-ajru, ilhom japplikaw mill-1 ta’ Mejju 2018. Is-simplifikazzjoni tat-tranżitu preċedenti għat-trasport bl-ajru setgħet tintuża biss sal-1 ta’ Mejju 2018. Għalhekk, ir-referenzi kollha għas-simplifikazzjoni tat-tranżitu preċedenti għat-trasport bl-ajru jenħtieġ li jiġu emendati skont dan.

(3)

Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), li jistabbilixxi qafas legali għall-protezzjoni tad-data personali fl-Unjoni, daħal fis-seħħ fl-24 ta’ Mejju 2018. Dak ir-Regolament ħassar l-att legali preċedenti f’dan il-qasam, jiġifieri d-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3). Konsegwentement, ir-referenzi għad-Direttiva 95/46/KE li saru fl-Appendiċi I tal-Konvenzjoni jenħtieġ li jiġu sostitwiti b’referenzi għar-Regolament (UE) 2016/679.

(4)

L-Artikolu 84 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446 (4), li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li jridu jiġu ssodisfati mill-applikanti sabiex jiġu awtorizzati jużaw garanzija komprensiva b’ammont imnaqqas jew rinunzja tal-garanzija, ġie emendat bir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/1118 (5). Bħala riżultat ta’ dik l-emenda, tneħħa r-rekwiżit dwar riżorsi finanzjarji suffiċjenti bħala kundizzjoni awtonoma, minħabba li l-esperjenza prattika wriet li din il-kundizzjoni ġiet interpretata b’mod restrittiv wisq u ffukat biss fuq id-disponibbiltà tal-flus kontanti. Għalhekk, jenħtieġ li l-valutazzjoni tal-kapaċità tal-operaturi ekonomiċi li jħallsu l-ammont sħiħ tad-dejn tiġi integrata fil-valutazzjoni tal-kapaċità finanzjarja tagħhom. L-Artikolu 75 tal-Appendiċi I tal-Konvenzjoni jirrifletti d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 84 tar-Regolament Delegat (UE) 2015/2446 u għalhekk jenħtieġ li jiġi emendat skont dan.

(5)

Attwalment, il-kundizzjonijiet li skonthom il-merkanzija trasportata fil-kuritur T2 iżżomm l-istatus doganali tagħha ta’ merkanzija tal-Unjoni huma stabbiliti fl-Artikolu 2a tat-Titolu I tal-Appendiċi II tal-Konvenzjoni, li l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu huwa limitat għal merkanzija mhux imqiegħda skont il-proċedura ta’ esportazzjoni. Ma kinitx l-intenzjoni li tali restrizzjoni tiġi stabbilita għal merkanzija tal-Unjoni trasportata fil-kuritur T2. Għalhekk, l-Artikolu 2a tal-Appendiċi II tal-Konvenzjoni jenħtieġ li jitħassar mit-Titolu I u jenħtieġ li Artikolu ġdid jiġi introdott f’Titolu Ia ġdid li għalih ma tapplika l-ebda restrizzjoni simili.

(6)

Wara n-notifika mill-Maċedonja ta’ Fuq, lin-Nazzjonijiet Uniti u lill-Unjoni Ewropea, tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ta’ Prespa mill-15 ta’ Frar 2019, il-pajjiż preċedentement imsejjaħ “l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja” biddel ismu għal “ir-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq”. Għalhekk, l-Appendiċijiet III u IIIa tal-Konvenzjoni jenħtieġ li jiġu emendati biex jirriflettu l-bidla tad-denominazzjoni ta’ dak il-pajjiż u tal-kodiċi tal-pajjiż rispettiv.

(7)

Għaldaqstant il-Konvenzjoni jenħtieġ li tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   L-Appendiċi I tal-Konvenzjoni huwa emendat kif indikat fl-Anness A ta’ din id-Deċiżjoni.

2.   L-Appendiċi II tal-Konvenzjoni huwa emendat kif indikat fl-Anness B ta’ din id-Deċiżjoni.

3.   L-Appendiċi III tal-Konvenzjoni huwa emendat kif indikat fl-Anness C ta’ din id-Deċiżjoni.

4.   L-Appendiċi IIIa tal-Konvenzjoni huwa emendat kif indikat fl-Anness D ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Skopje, l-4 ta’ Diċembru 2019.

Għall-Kumitat Konġunt

Il-President

Gjoko TANASOSKI


(1)  ĠU L 226, 13.8.1987, p. 2.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(3)  Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46/KE tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31).

(4)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446 tat-28 ta’ Lulju 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ regoli dettaljati li jikkonċernaw uħud mid-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 1).

(5)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/1118 tas-7 ta’ Ġunju 2018 li jemenda r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446 fir-rigward tal-kundizzjonijiet għal tnaqqis tal-livell tal-garanzija komprensiva u tar-rinunzja tal-garanzija (ĠU L 204, 13.8.2018, p. 11).


ANNESS A

L-Appendiċi I tal-Konvenzjoni huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 7, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.

Il-Partijiet Kontraenti għandhom jiżguraw li l-ipproċessar tad-data personali skambjata fl-applikazzjoni tal-Konvenzjoni jsir f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1)

(1)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).”;"

(2)

fl-Artikolu 13(1), il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(a)

il-merkanzija trasportata bl-ajru meta tintuża l-proċedura ta’ tranżitu bbażata fuq dokument tat-trasport elettroniku bħala dikjarazzjoni ta’ tranżitu għat-trasport bl-ajru;”;

(3)

l-Artikolu 55 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, il-punt (e) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(e)

l-użu tal-proċedura komuni ta’ tranżitu bbażata fuq il-karta għall-merkanzija trasportata bl-ajru”;

(b)

fil-paragrafu 3, jitħassar it-tieni subparagrafu;

(4)

fl-Artikolu 57(3), jitħassar il-punt (b);

(5)

l-Artikolu 75(2) huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-punt (a), jitħassar is-subpunt (vi);

(b)

fil-punt (b), jitħassar is-subpunt (vii);

(c)

fil-punt (c), jitħassar is-subpunt (xii);

(6)

fl-Artikolu 75, jiżdied il-paragrafu 3 li ġej:

“3.

Meta jivverifikaw jekk l-applikant għandux kapaċità finanzjarja suffiċjenti sabiex jingħata awtorizzazzjoni għall-użu ta’ garanzija komprensiva b’ammont imnaqqas jew rinunzja tal-garanzija kif meħtieġ skont il-paragrafi 2(a)(v), 2(b)(vi) u 2(c)(xi), l-awtoritajiet doganali għandhom iqisu l-kapaċità tal-applikant li jissodisfa l-obbligi tiegħu tal-ħlas tad-djun tiegħu u ta’ ħlasijiet oħrajn li jista’ jġarrab, li ma jkunux koperti minn dik il-garanzija.

Jekk ikun ġustifikat, l-awtoritajiet doganali jistgħu jqisu r-riskju li jġarrab dawk id-djun filwaqt li jitqiesu t-tip u l-volum tal-attivitajiet kummerċjali relatati mad-dwana tal-applikant u tat-tip ta’ merkanzija li għaliha hija meħtieġa l-garanzija.”;

(7)

it-titolu tal-Kapitolu VII huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Il-proċedura komuni ta’ tranżitu bbażata fuq il-karta għall-merkanzija trasportata bl-ajru u l-proċedura komuni ta’ tranżitu bbażata fuq dokument tat-trasport elettroniku bħala dikjarazzjoni ta’ tranżitu għat-trasport bl-ajru”;

(8)

l-Artikolu 111 jitħassar.


(1)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).”;”


ANNESS B

L-Appendiċi II tal-Konvenzjoni huwa emendat kif ġej:

(1)

it-titolu tat-Titolu I huwa sostitwit b’dan li ġej:

PROVA TAL-ISTATUS DOGANALI TAL-MERKANZIJA TAL-UNJONI”;

(2)

l-Artikolu 2a jitħassar;

(3)

jiddaħħal it-Titolu Ia li ġej:

“TITOLU Ia

DISPOŻIZZJONIJIET LI JIKKONĊERNAW IN-NONALTERAZZJONI TAL-ISTATUS DOGANALI TA’ MERKANZIJA TAL-UNJONI GĦAL MERKANZIJA TRASPORTATA F’KURITUR T2

Artikolu 21a

Preżunzjoni tal-istatus doganali tal-merkanzija tal-Unjoni

1.   Il-merkanzija li jkollha l-istatus doganali ta’ merkanzija tal-Unjoni trasportata bil-ferrovija tista’ tiġi trasportata minn punt għall-ieħor fit-territorju doganali tal-Unjoni, mingħajr ma tkun soġġetta għal proċedura doganali, u tista’ tiġi trasportata fit-territorju ta’ pajjiż ta’ tranżitu komuni mingħajr alterazzjoni tal-istatus doganali tagħha, meta:

(a)

it-trasport tal-merkanzija jkun kopert minn dokument tat-trasport uniku maħruġ fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea;

(b)

id-dokument tat-trasport uniku jkun fih l-approvazzjoni li ġejja: “Kuritur T2”;

(c)

it-tranżitu minn pajjiż ta’ tranżitu komuni qiegħed jiġi ssorveljat permezz ta’ sistema elettronika f’dak il-pajjiż ta’ tranżitu komuni; kif ukoll

(d)

l-impriża ferrovjarja kkonċernata tkun awtorizzata mill-pajjiż ta’ tranżitu komuni li t-territorju tiegħu jkun sar tranżitu minnu biex tuża l-proċedura tal-“Kuritur T2”.

2.   Il-pajjiż ta’ tranżitu komuni jżomm lill-Kumitat Konġunt imsemmi fl-Artikolu 14 tal-Konvenzjoni, jew lil grupp ta’ ħidma stabbilit mill-Kumitat abbażi tal-paragrafu 5 ta’ dak l-Artikolu, infurmat dwar il-modalitajiet relatati mas-sistema elettronika għall-monitoraġġ, u dwar l-impriżi ferrovjarji li huma awtorizzati jużaw il-proċedura msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.”.


ANNESS C

L-Appendiċi III tal-Konvenzjoni huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Anness B1 il-kliem “MK(1) l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja” huwa sostitwit bil-kliem “MK il-Maċedonja ta’ Fuq” u n-nota f’qiegħ il-paġna (1) titħassar;

(2)

fit-Titolu III tal-Anness B6, il-kodiċi “MK(1 )” huwa sostitwit bil-kodiċi “MK”;

(3)

fil-punt 1 tal-Anness C1, il-kliem “l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja” huwa sostitwit bil-kliem “ir-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq”;

(4)

fil-punt 1 tal-Anness C2, il-kliem “l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja” huwa sostitwit bil-kliem “ir-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq”;

(5)

fil-punt 1 tal-Anness C4, il-kliem “l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja” huwa sostitwit bil-kliem “ir-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq”;

(6)

fir-ringiela 7 tal-Anness C5, il-kliem “l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja” huwa sostitwit bil-kliem “il-Maċedonja ta’ Fuq”;

(7)

fir-ringiela 6 tal-Anness C6, il-kliem “l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja” huwa sostitwit bil-kliem “il-Maċedonja ta’ Fuq”.


ANNESS D

Fit-Titolu IV tal-Anness A1a tal-Appendiċi IIIa tal-Konvenzjoni, il-kodiċi “MK(1)” huwa sostitwit bil-kodiċi “MK”.