30.1.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 26/20


DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE

Nru 45/2018

tat-23 ta’ Marzu 2018

li temenda l-Anness II (Regolamenti tekniċi, standards, ittestjar u ċertifikazzjoni) tal-Ftehim ŻEE [2020/62]

IL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE,

Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (“il-Ftehim ŻEE”), u b’mod partikolari l-Artikolu 98 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1862 tas-16 ta’ Ottubru 2017 li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1235/2008 li jistabbilixxi r-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 dwar l-arranġamenti għall-importazzjonijiet ta’ prodotti organiċi minn pajjiżi terzi (1) għandu jkun inkorporat fil-Ftehim ŻEE.

(2)

Din id-Deċiżjoni tikkonċerna l-leġiżlazzjoni marbuta mal-oġġetti tal-ikel. Il-leġiżlazzjoni dwar l-oġġetti tal-ikel ma tapplikax għal-Liechtenstein dment li l-applikazzjoni tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar in-Negozju fi Prodotti Agrikoli tkun estiża għal-Liechtenstein, kif speċifikat fl-introduzzjoni tal-Kapitolu XII tal-Anness II tal-Ftehim ŻEE. Għaldaqstant, din id-Deċiżjoni ma tapplikax għal-Liechtenstein.

(3)

Għalhekk, l-Anness II tal-Ftehim ŻEE jenħtieġ li jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-inċiż li ġej jiżdied mal-punt 54bb (ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1235/2008) tal-Kapitolu XII tal-Anness II tal-Ftehim ŻEE:

“—

32017 R 1862: Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 2017/1862 tas-16 ta’ April 2017 (ĠU L 266, 17.10.2017, p. 1).”

Artikolu 2

It-test tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/1862 bil-lingwa Iżlandiża u b’dik Norveġiża, li għandhom jiġu ppubblikati fis-Suppliment taż-ŻEE ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, għandhom ikunu awtentiċi.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-24 ta’ Marzu 2018, bil-kundizzjoni li jkunu saru n-notifiki kollha skont l-Artikolu 103(1) tal-Ftehim ŻEE (*1).

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fit-Taqsima taż-ŻEE ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fis-Suppliment tiegħu dwar iż-ŻEE.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Marzu 2018.

Għall-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

Il-President

Claude MAERTEN


(1)   ĠU L 266, 17.10.2017, p. 1.

(*1)  Ma huwa indikat l-ebda rekwiżit kostituzzjonali.