9.6.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 180/3


FTEHIM

bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Belarussja dwar il-faċilitazzjoni tal-ħruġ ta’ viżi

L-UNJONI EWROPEA, minn hawn ’il quddiem imsejħa l-"Unjoni"

u

ir-REPUBBLIKA TAL-BELARUSSJA, minn hawn ’il quddiem imsejħa “il-Belarussja”,

minn hawn ’il quddiem imsejħin “il-Partijiet”,

BIX-XEWQA li jiffaċilitaw il-kuntatti bejn il-persuni bħala kundizzjoni importanti għal żvilupp sod ta’ rabtiet ekonomiċi, umanitarji, kulturali, xjentifiċi u oħrajn, billi jiffaċilitaw il-ħruġ ta’ viża għaċ-ċittadini tal-Unjoni u r-Repubblika tal-Belarussja fuq il-bażi ta’ reċiproċità;

FILWAQT LI JAGĦRFU li l-faċilitazzjoni tal-viża ma għandiex twassal għall-migrazzjoni illegali u filwaqt li jagħtu attenzjoni speċjali lis-sigurtà u r-riammissjoni;

FILWAQT LI JITQIESU l-prinċipji fundamentali li jirregolaw il-kooperazzjoni bejn il-Partijiet kif ukoll l-obbligi u r-responsabbiltajiet, inkluż ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipji demokratiċi, li jirriżultaw mill-istrumenti internazzjonali rilevanti applikabbli għalihom;

FILWAQT LI JQISU l-Protokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u tal-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja u l-Protokoll dwar l-acquis ta’ Schengen integrat fil-qafas tal-Unjoni Ewropea, annessi mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u filwaqt li jikkonfermaw li d-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim ma japplikawx għar-Renju Unit u għall-Irlanda;

FILWAQT LI JQISU l-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u jikkonfermaw li d-dispożizzjonijiet ta’ dan il-ftehim ma japplikawx għar-Renju tad-Danimarka,

FTIEHMU KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Skop u kamp ta’ applikazzjoni

L-iskop ta’ dan il-Ftehim hu sabiex jiffaċilita, fuq il-bażi ta’ reċiproċità, il-ħruġ ta’ viża għal soġġorn intenzjonat ta’ mhux aktar minn 90 jum f’kull perijodu ta’ 180 jum għaċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-Belarussja.

Artikolu 2

Klawsola ġenerali

1.   Il-faċilitazzjonijiet tal-viża pprovduti f’dan il-Ftehim japplikaw għaċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-Belarussja biss sa fejn ma jkunux eżenti mir-rekwiżit li jiksbu viża bil-liġijiet u r-regolamenti tal-Belarussja jew tal-Istati Membri, b’dan il-Ftehim jew b’xi ftehimiet internazzjonali oħra.

2.   Il-liġi nazzjonali tal-Belarussja jew tal-Istati Membri jew il-liġi tal-Unjoni għandhom japplikaw fi kwistjonijiet li mhumiex koperti mid-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim, bħar-rifjut li tinħareġ viża, ir-rikonoxximent ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar, evidenza ta’ mezzi ta’ għajxien suffiċjenti u l-miżuri dwar rifjut tad-dħul u ta’ espulsjoni.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim:

(a)

"Stat Membru" għandha tfisser kwalunkwe Stat Membru tal-Unjoni, bl-eċċezzjoni tar-Renju tad-Danimarka, l-Irlanda u r-Renju Unit;

(b)

"Ċittadin tal-Unjoni" għandha tfisser ċittadin ta’ Stat Membru kif iddefinit fil-punt (a);

(c)

"Ċittadin tal-Belarussja" għandha tfisser ċittadin tar-Repubblika tal-Belarussja;

(d)

"viża" għandha tfisser awtorizzazzjoni maħruġa minn xi Stat Membru jew mill-Belarussja għall-intenzjoni ta’ tranżitu mit-territorju tal-Istati Membri jew tal-Belarussja, jew ta’ soġġorn intiż fihom ta’ mhux aktar minn 90 jum f’kull perijodu ta’ 180 jum;

(e)

"persuna legalment residenti" għandha tfisser:

għall-Belarussja, ċittadin tal-Unjoni awtorizzat jew intitolat għal soġġorn ta’ aktar minn 90 jum fit-territorju tal-Belarussja, fuq il-bażi tal-leġislazzjoni tal-Belarussja;

għall-Unjoni, ċittadin tal-Belarussja awtorizzat jew intitolat għal soġġorn ta’ aktar minn 90 jum fit-territorju ta’ Stat Membru, fuq il-bażi tal-liġi tal-Unjoni jew il-leġislazzjoni nazzjonali;

(f)

"laissez-passer tal-UE" għandha tfisser id-dokument maħruġ mill-Unjoni lil ċerti impjegati tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni f’konformità mar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1417/2013 (1).

Artikolu 4

Provi dokumentati dwar l-għan tal-vjaġġ

1.   Għall-kategoriji li ġejjin ta’ ċittadini tal-Unjoni u tal-Belarussja, id-dokumenti li ġejjin huma suffiċjenti sabiex ikun ġustifikat l-iskop tal-vjaġġ lejn il-Parti l-oħra:

(a)

fil-każ ta’ membri ta’ delegazzjonijiet uffiċjali, inklużi membri permanenti ta’ tali delegazzjonijiet li, wara xi stedina uffiċjali indirizzata lill-Istat Membru, l-Unjoni jew il-Belarussja, jieħdu sehem f’laqgħat uffiċjali, konsultazzjonijiet, negozjati jew programmi ta’ skambju, kif ukoll f’avvenimenti li jsiru minn organizzazzjonijiet intergovernattivi fit-territorju ta’ xi wieħed mill-Istati Membri jew tal-Belarussja:

ittra maħruġa minn xi awtorità kompetenti tal-Istat Membru, l-Unjoni jew il-Belarussja li tikkonferma li l-applikant ikun membru ta’ delegazzjoni tagħha, rispettivament jew membru permanenti tad-delegazzjoni tagħha, li jkun qiegħed jivvjaġġa lejn it-territorju tal-Parti l-oħra biex jipparteċipa fl-avvenimenti imsemmija, flimkien ma’ kopja tal-istedina uffiċjali;

(b)

fil-każ ta’ qraba mill-viċin – konjugi, tfal, ġenituri u persuni li jeżerċitaw l-awtorità tal-ġenituri, nanniet u neputijiet li jżuru ċittadini tal-Unjoni li jgħixu legalment fil-Belarussja jew ċittadini tal-Belarussja li jirrisjedu legalment fl-Istati Membri, jew ċittadini tal-Unjoni residenti fit-territorju tal-Istat Membru li tiegħu huma ċittadini, jew ċittadini tal-Belarussja li jirrisjedu fit-territorju tal-Belarussja:

talba bil-miktub mill-persuna ospitanti;

(c)

fil-każ ta’ nies tan-negozju jew rappreżentanti ta’ organizzazzjonijiet tan-negozju:

talba bil-miktub mill-persuna ġuridika jew kumpanija ospitanti, mill-organizzazzjoni jew l-uffiċċju jew fergħa ta’ tali persuna ġuridika, jew kumpanija, awtoritajiet statali jew lokali tal-Belarussja jew ta’ xi wieħed mill-Istati Membri jew kumitati organizzattivi ta’ wirjiet ta’ kummerċ u industrija, konferenzi u simpożji li jsiru fit-territorji tal-Belarussja jew ta’ xi wieħed mill-Istati Membri, approvata mill-awtoritajiet kompetenti skont il-leġislazzjoni nazzjonali;

(d)

fil-każ ta’ xufiera li jipprovdu servizzi ta’ trasport internazzjonali ta’ tagħbija u ta’ passiġġieri bejn it-territorji tal-Belarussja u tal-Istati Membri f’vetturi reġistrati fl-Istati Membri jew fil-Belarussja:

talba bil-miktub mill-kumpanija jew l-assoċjazzjoni nazzjonali (l-unjoni) tat-trasportaturi tal-Belarussja, jew mill-assoċjazzjonijiet nazzjonali tat-trasportaturi tal-Istati Membri li jipprovdu trasport internazzjonali bit-triq, li tiddikjara l-iskop, l-itinerarju, it-tul u l-frekwenza tal-vjaġġi;

(e)

fil-każ ta’ membri tal-ekwipaġġ ta’ ferroviji, refriġeraturi u lokomottivi f’ferroviji internazzjonali li jivvjaġġaw lejn it-territorji tal-Belarussja u tal-Istati Membri:

talba bil-miktub mill-organizzazzjoni jew kumpanija ferrovjarja kompetenti tal-Belarussja jew ta’ wieħed mill-Istati Membri, li tistqarr l-iskop, it-tul u l-frekwenza tal-vjaġġi;

(f)

fil-każ ta’ ġurnalisti u l-ekwipaġġ tekniku li jakkumpanjawhom f’kapaċità professjonali:

ċertifikat jew dokument ieħor maħruġ minn organizzazzjoni professjonali jew minn impjegatur tal-applikant, li jixhed li l-persuna kkonċernata hi ġurnalist ikkwalifikat u li jistqarr li l-għan tal-vjaġġ hu li jwettaq xogħol ġurnalistiku jew li jixhed li l-persuna hi membru tal-ekwipaġġ tekniku li jkun qiegħed jakkumpanja l-ġurnalist f’kapaċità professjonali.

(g)

fil-każ ta’ persuni li jkunu qed jipparteċipaw f’attivitajiet xjentifiċi, akkademiċi, kulturali jew artistiċi, inklużi programmi universitarji u programmi oħra ta’ skambju:

talba bil-miktub mill-organizzazzjoni ospitanti għall-parteċipazzjoni f’dawk l-attivitajiet;

(h)

fil-każ ta’ tfal tal-iskola, studenti, studenti gradwati u għalliema li jakkumpanjawhom li jivvjaġġaw għall-iskop ta’ studju jew taħriġ edukattiv, inkluż fil-qafas ta’ programmi ta’ skambju kif ukoll ta’ attivitajiet oħra marbuta mal-iskola:

talba bil-miktub jew ċertifikat ta’ reġistrazzjoni mill-università, akkademja, istitut, kulleġġ jew skola ospitanti, jew karti tal-istudenti jew ċertifikati tal-korsijiet li jkunu ser jiġu segwiti;

(i)

fil-każ ta’ parteċipanti f’avvenimenti sportivi internazzjonali u persuni li jakkumpanjawhom f’kapaċità professjonali:

bil-miktub mill-organizzazzjoni ospitanti - l-awtoritajiet kompetenti, il-federazzjonijiet sportivi nazzjonali tal-Istati Membri jew tal-Belarussja jew il-Kumitat Olimpiku Nazzjonali tal-Belarussja jew il-Kumitati Olimpiċi Nazzjonali tal-Istati Membri;

(j)

fil-każ ta’ parteċipanti fi programmi uffiċjali ta’ skambju organizzati minn bliet ġemellati jew minn entitajiet muniċipali oħrajn:

talba bil-miktub mill-Kap tal-Amministrazzjoni/mis-Sindku ta’ dawn l-ibliet jew awtoritajiet muniċipali;

(k)

fil-każ ta’ żjarat f’ċimiterji militari u ċivili:

dokument uffiċjali li jikkonferma l-eżistenza u l-preservazzjoni tal-qabar kif ukoll ir-relazzjoni familjali jew oħra bejn l-applikant u l-persuna midfuna;

(l)

fil-każ ta’ qraba li jżuru għal ċerimonji ta’ dfin:

dokument uffiċjali li jikkonferma l-fatt tal-mewt kif ukoll konferma tar-relazzjoni familjali jew ta’ xi xorta oħra bejn l-applikant u l-mejjet;

(m)

fil-każ ta’ persuni li jkunu qegħdin jivvjaġġaw għal raġunijiet mediċi u l-persuni li jkun jeħtieġ li jakkumpanjawhom:

dokument uffiċjali tal-istituzzjoni medika li jikkonferma l-ħtieġa ta’ kura medika f’din l-istituzzjoni, in-neċessità tal-akkompanjament, u evidenza ta’ mezzi finanzjarji suffiċjenti sabiex jitħallas it-trattament mediku;

(n)

fil-każ ta’ membri tal-professjonijiet li jipparteċipaw f’wirjiet internazzjonali, konferenzi, simpożji, seminars jew avvenimenti oħrajn simili organizzati fit-territorju tal-Belarussja jew tal-Istati Membri:

talba bil-miktub mill-organizzazzjoni li tkun qed tospita li tikkonferma li l-persuna kkonċernata qed tipparteċipa fl-avveniment;

(o)

fil-każ ta’ rappreżentanti ta’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili meta jagħmlu vjaġġi għall-għanijiet ta’ taħriġ edukattiv, seminars, konferenzi, inklużi fil-qafas ta’ programmi ta’ skambju:

talba bil-miktub maħruġa mill-organizzazzjoni li tospita, konferma li l-persuna tkun qiegħda tirrappreżenta l-organizzazzjoni tas-soċjetà ċivili u ċ-ċertifikat dwar l-istabbiliment ta’ tali organizzazzjoni mir-reġistru rilevanti maħruġ minn awtorità tal-Istat skont il-leġislazzjoni nazzjonali;

(p)

fil-każ ta’ parteċipanti fi programmi uffiċjali tal-UE ta’ kooperazzjoni transfruntiera bejn il-Belarussja u l-Unjoni:

talba bil-miktub mill-organizzazzjoni ospitanti.

2.   It-talba bil-miktub imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandu jkollha l-elementi li ġejjin:

(a)

għall-persuna mistiedna: l-isem u l-kunjom, id-data tat-twelid, is-sess, iċ-ċittadinanza, in-numru tal-passaport, il-ħin u l-għan tal-vjaġġ, in-numru ta’ daħliet u fejn rilevanti l-isem tat-tfal li jkunu qegħdin jakkumpanjaw lill-persuna mistiedna;

(b)

għall-persuna li tistieden: l-isem, il-kunjom u l-indirizz;

(c)

għall-persuna ġuridika, kumpanija jew organizzazzjoni li tistieden: l-isem sħiħ u l-indirizz u:

jekk it-talba ssir minn organizzazzjoni jew awtorità, - l-isem u l-pożizzjoni tal-persuna li tiffirma t-talba;

jekk il-persuna li tistieden hija persuna ġuridika jew kumpanija jew uffiċċju jew fergħa ta’ tali persuna ġuridika jew kumpanija stabbilita fit-territorju ta’ Stat Membru jew fil-Belarussja, in-numru ta’ reġistrazzjoni kif mitlub mil-liġi nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat jew mil-liġi tal-Belarussja.

3.   Fil-każ tal-kategoriji ta’ persuni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan 1-Artikolu, il-kategoriji kollha tal-viżi jinħarġu skont il-proċedura simplifikata mingħajr ma jkunu meħtieġa l-ebda ġustifikazzjoni, invit jew validazzjoni ulterjuri dwar l-iskop tal-vjaġġ, li tkun prevista mil-leġislazzjoni tal-Partijiet.

Artikolu 5

Il-ħruġ ta’ viżi ta’ dħul multiplu

1.   Il-missjonijiet diplomatiċi u l-postazzjonijiet konsulari tal-Istati Membri u tal-Belarussja għandhom joħorġu viżi għal dħul multiplu b’terminu ta’ validità ta’ ħames (5) snin għal dawn il-kategoriji ta’ persuni:

(a)

membri ta’ Gvernijiet u Parlamenti nazzjonali u reġjonali, tal-Qorti Kostituzzjonali u l-Qorti Suprema, jekk ma jkunux eżenti mill-obbligu tal-viża bil-Ftehim preżenti, fl-eżerċizzju ta’ dmirijiethom;

(b)

membri permanenti ta’ delegazzjonijiet uffiċjali li, wara stedina uffiċjali indirizzata lill-Istati Membri, l-Unjoni jew il-Belarussja, ikunu ser jieħdu sehem b’mod regolari f’laqgħat, konsultazzjonijiet, negozjati jew programmi ta’ skambju, kif ukoll f’avvenimenti li jsiru minn organizzazzjonijiet intergovernattivi fit-territorju tal-Belarussja jew ta’ xi wieħed mill-Istati Membri;

(c)

konjugi, ulied, li jkunu taħt l-età ta’ 21 sena jew li jkunu dipendenti, ġenituri u persuni li jeżerċitaw l-awtorità tal-ġenituri, nanniet u neputijiet li jżuru ċittadini tal-Unjoni li jgħixu legalment fil-Belarussja jew ċittadini tal-Belarussja li jirrisjedu legalment fl-Istati Membri, jew ċittadini tal-Unjoni residenti fit-territorju tal-Istat Membru li tiegħu huma ċittadini, jew ċittadini tal-Belarussja li jirrisjedu fit-territorju tal-Belarussja;

(d)

negozjanti u rappreżentanti ta’ organizzazzjonijiet tan-negozju li jivvjaġġaw regolarment lejn il-Belarussja jew l-Istati Membri.

B’deroga mill-ewwel sentenza ta’ dan il-paragrafu, fejn il-ħtieġa jew l-intenzjoni li jivvjaġġaw sikwit jew regolarment hija manifestament limitata għal perijodu iqsar, it-terminu tal-validità tal-viża ta’ diversi dħul hu limitat għal dak il-perijodu, partikolarment meta:

fil-każ tal-persuni msemmija fil-punt (b), il-perijodu tal-validità tal-istatus bħala membru permanenti ta’ delegazzjoni uffiċjali jkun ta’ anqas minn ħames snin;

fil-każ tal-persuni msemmija fil-punt (c), il-perijodu ta’ validità tal-awtorizzazzjoni għal residenza legali ta’ ċittadini tal-Belarussja li jirrisjedu legalment f’wieħed mill-Istati Membri jew ċittadini tal-Unjoni li jirrisjedu legalment fil-Belarussja, ikun ta’ anqas minn ħames snin;

fil-każ tal-persuni msemmija fil-punt (d), il-perijodu ta’ validità tal-istatus bħala rappreżentant tal-organizzazzjoni ta’ negozju jew tal-kuntratt tax-xogħol ikun ta’ anqas minn ħames snin.

2.   Il-missjonijiet diplomatiċi u l-uffiċċji konsulari tal-Istati Membri u tal-Belarussja għandhom joħorġu viżi ta’ dħul multiplu b’perijodu ta’ validità ta’ sena għal dawn il-kategoriji ta’ ċittadini li ġejjin, jekk kemm-il darba matul is-sena ta’ qabel ikunu kisbu mill-inqas viża waħda u jkunu użawha skont il-liġijiet ta’ dħul u residenza fit-territorju tal-Istat li żaru:

(a)

membri ta’ delegazzjonijiet uffiċjali li, wara stedina uffiċjali indirizzata lill-Istat Membru, l-Unjoni jew il-Belarussja, jipparteċipaw b’mod regolari f’laqgħat uffiċjali, konsultazzjonijiet, negozjati jew programmi ta’ skambju, kif ukoll f’avvenimenti li jsiru minn organizzazzjonijiet intergovernattivi fit-territorju tal-Belarussja jew ta’ xi wieħed mill-Istati Membri;

(b)

xufiera li jipprovdu servizzi ta’ trasport internazzjonali ta’ tagħbija u ta’ passiġġieri bejn it-territorji tal-Belarussja u tal-Istati Membri f’vetturi reġistrati fl-Istati Membri jew fil-Belarussja;

(c)

membri tal-ekwipaġġ ta’ ferroviji, refriġeraturi u lokomottivi f’ferroviji internazzjonali li jivvjaġġaw lejn it-territorji tal-Belarussja u tal-Istati Membri;

(d)

persuni li jipparteċipaw f’attivitajiet xjentifiċi, kulturali u artistiċi, inklużi programmi universitarji u programmi oħra ta’ skambju, li jivvjaġġaw regolarment lejn il-Belarussja jew lejn l-Istati Membri;

(e)

studenti u studenti gradwati li jivvjaġġaw regolarment għal skopijiet ta’ studju jew taħriġ edukattiv, inkluż fil-qafas ta’ programmi ta’ skambju;

(f)

parteċipanti f’avvenimenti internazzjonali tal-isport u l-persuni li jakkumpanjawhom f’kapaċità professjonali;

(g)

fil-każ ta’ parteċipanti fi programmi uffiċjali ta’ skambju organizzati minn bliet ġemellati u minn entitajiet muniċipali oħrajn;

(h)

persuni li jeħtieġu li jagħmlu żjarat regolari għal raġunijiet mediċi u l-persuni meħtieġa li jakkumpanjawhom;

(i)

membri tal-professjonijiet li jkunu qed jipparteċipaw f’wirjiet internazzjonali, konferenzi, simpożji, seminars jew attivitajiet simili;

(j)

rappreżentanti ta’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jivvjaġġaw b’mod regolari lejn il-Belarussja jew lejn l-Istati Membri għall-għanijiet ta’ taħriġ edukattiv, seminars, konferenzi, inkluż fil-qafas ta’ programmi ta’ skambju;

(k)

parteċipanti fi programmi uffiċjali tal-UE ta’ kooperazzjoni transfruntiera bejn il-Belarussja u l-Unjoni;

(l)

ġurnalisti u l-ekwipaġġ tekniku li jakkumpanjawhom f’kapaċità professjonali.

B’deroga mill-ewwel sentenza ta’ dan il-paragrafu, fejn il-ħtieġa jew l-intenzjoni li jivvjaġġaw sikwit jew regolarment hija manifestament limitata għal perijodu iqsar, it-tul ta’ żmien tal-validità tal-viża għal dħul multiplu jkun limitat għal dak il-perijodu.

3.   Il-missjonijiet diplomatiċi u l-postazzjonijiet konsulari tal-Istati Membri u tal-Belarussja għandhom joħorġu viżi għal dħul multiplu b’perijodu ta’ validità minimu ta’ sentejn (2) u massimu ta’ ħames (5) snin għall-kategoriji ta’ ċittadini msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, dment li fis-sentejn (2) ta’ qabel ikunu użaw il-viżi għal dħul multiplu ta’ sena skont il-liġijiet dwar id-dħul u r-residenza fit-territorju tal-Istat li żaru sakemm il-ħtieġa jew l-intenzjoni li jivvjaġġaw sikwit jew regolarment ma tkunx manifestament limitata għal perijodu iqsar, li f’dan il-każ it-terminu tal-validità tal-viża għal dħul multiplu jkun limitat għal dak il-perijodu.

Artikolu 6

Ħlas għall-ipproċessar ta’ applikazzjonijiet għall-viża

1.   Il-ħlas għall-ipproċessar ta’ applikazzjonijiet għall-viża jammonta għal EUR 35. L-ammont imsemmi hawn fuq jista’ jiġi rivedut skont il-proċedura li hemm provvediment għaliha fl-Artikolu 14(4) ta’ dan il-Ftehim.

2.   l-Istati Membri u l-Belarussja għandhom jitolbu tariffa ta’ EUR 70 għall-ipproċessar ta’ applikazzjonijiet għal viża f’każijiet fejn l-applikant ikun talab li tittieħed deċiżjoni dwar l-applikazzjoni fi żmien jumejn mit-tressiq tagħha, u l-konsulat ikun aċċetta li jieħu deċiżjoni fi żmien jumejn.

3.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 4, it-tariffi għall-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għall-viża ma jitħallsux minn dawn il-kategoriji ta’ persuni:

(a)

membri ta’ Gvernijiet u Parlamenti nazzjonali u reġjonali, Qrati Kostituzzjonali u Qrati Supremi, jekk ma jkunux eżentati mill-ħtieġa tal-viża bil-Ftehim preżenti;

(b)

membri ta’ delegazzjonijiet uffiċjali, inklużi membri permanenti ta’ delegazzjonijiet uffiċjali li, wara stedina uffiċjali indirizzata lill-Istati Membri, l-Unjoni jew il-Belarussja, jieħdu sehem f’laqgħat uffiċjali, konsultazzjonijiet, negozjati jew programmi ta’ skambju, kif ukoll f’avvenimenti li jsiru minn organizzazzjonijiet intergovernattivi fit-territorju tal-Belarussja jew f’ta’ wieħed mill-Istati Membri;

(c)

qraba mill-viċin – konjugi, tfal, ġenituri u persuni li jeżerċitaw l-awtorità tal-ġenituri, nanniet u neputijiet ta’ ċittadini tal-Unjoni li jgħixu legalment fit-territorju tal-Belarussja, ta’ ċittadini tal-Belarussja li jirrisjedu legalment fit-territorju tal-Istati Membri, ta’ ċittadini tal-Unjoni residenti fit-territorju tal-Istat Membru li tiegħu huma ċittadini, u ta’ ċittadini tal-Belarussja li jirrisjedu fit-territorju tal-Belarussja;

(d)

persuni li jkunu qegħdin jipparteċipaw f’attivitajiet xjentifiċi, akkademiċi, kulturali u artistiċi, inklużi programmi universitarji u programmi oħra ta’ skambju;

(e)

tfal tal-iskola, studenti, studenti postuniversitarji u għalliema li jakkumpanjawhom li jivvjaġġaw għall-iskop ta’ studju jew taħriġ edukattiv, inkluż fil-qafas ta’ programmi ta’ skambju kif ukoll attivitajiet oħra marbuta mal-iskola;

(f)

parteċipanti f’avvenimenti internazzjonali tal-isport u l-persuni li jakkumpanjawhom f’kapaċità professjonali;

(g)

fil-każ ta’ parteċipanti fi programmi uffiċjali ta’ skambju organizzati minn bliet ġemellati u minn entitajiet muniċipali oħrajn;

(h)

rappreżentanti ta’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili meta jivvjaġġaw għal raġunijiet ta’ taħriġ edukattiv, seminars, konferenzi, inkluż fil-qafas ta’ programmi ta’ skambju;

(i)

parteċipanti fi programmi uffiċjali tal-UE ta’ kooperazzjoni transfruntiera bejn il-Belarussja u l-Unjoni;

(j)

persuni b’diżabbiltà u l-persuni li jakkumpanjawhom, jekk meħtieġ;

(k)

persuni li jkunu ppreżentaw dokumenti li jagħtu prova tal-ħtieġa li jivvjaġġaw għal raġunijiet umanitarji, inkluż biex jirċievu trattament mediku urġenti u l-persuna li takkumpanjahom, jew li jattendu funeral ta’ qarib, jew biex iżuru qarib li għandu mard serju;

(l)

tfal ta’ taħt it-12-il sena.

4.   Jekk xi Stat Membru jew il-Belarussja jikkooperaw ma’ fornitur tas-servizzi estern bl-iskop ta’ ħruġ ta’ viżi, il-fornitur tas-servizzi estern jista’ jitlob ħlas għas-servizz. Dan il-ħlas ikun proporzjonat ma’ kemm ikun nefaq il-fornitur tas-servizzi estern waqt it-twettiq tal-ħidmiet tiegħu, u ma għandux ikun aktar minn EUR 30. Fejn ikun possibbli, l-Istat Membru jew il-Belarussja għandhom iżommu l-possibbiltà għall-applikanti kollha li jippreżentaw l-applikazzjonijiet tagħhom direttament fil-konsulati tagħhom.

Għall-Unjoni, il-fornitur estern tas-servizzi għandu jwettaq l-operazzjonijiet tiegħu skont il-Kodiċi dwar il-Viżi u fir-rispett sħiħ tal-leġislazzjoni tal-Belarussja.

Għall-Belarussja, il-fornitur estern tas-servizzi għandu jwettaq l-operazzjonijiet tiegħu skont il-leġislazzjoni tal-Belarussja, u fir-rispett sħiħ tal-leġislazzjoni tal-Istati Membri tal-UE.

Artikolu 7

It-tul tal-proċeduri għall-ipproċessar ta’ applikazzjonijiet għall-viża

1.   Il-missjonijiet diplomatiċi u l-uffiċċji konsulari tal-Istati Membri u tal-Belarussja għandhom jieħdu deċiżjoni fuq it-talba għall-ħruġ ta’ viża fi żmien għaxart (10) ijiem mid-data ta’ meta tasal l-applikazzjoni u d-dokumenti meħtieġa għall-ħruġ ta’ viża.

2.   Il-perijodu ta’ żmien għat-teħid ta’ deċiżjoni dwar applikazzjoni għall-viża jista’ jkun estiż sa 30 jum f’każijiet individwali, notevolment meta jkun hemm il-ħtieġa ta’ aktar skrutinju tal-applikazzjoni.

3.   Il-perijodu biex tittieħed deċiżjoni dwar applikazzjoni għall-viża jista’ jitnaqqas għal jumejn (2) ta’ xogħol jew inqas f’każijiet urġenti.

Jekk l-applikanti jkunu obbligati jiksbu appuntament għall-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni, l-appuntament għandu jseħħ, bħala regola, fi żmien ġimagħtejn mid-data ta’ meta jkun intalab l-appuntament. Minkejja s-sentenza ta’ qabel din, il-fornituri esterni tas-servizzi għandhom jiżguraw li applikazzjoni għal viża, bħala regola, tkun tista’ tiġi ppreżentata mingħajr dewmien bla bżonn.

F’każijiet ta’ urġenza ġġustifikati, il-konsulat jista’ jħalli l-applikanti jippreżentaw l-applikazzjoni tagħhom jew mingħajr appuntament, jew inkella jingħata appuntament minnufih.

Artikolu 8

Tluq f’każ ta’ dokumenti mitlufa jew misruqa

Iċ-ċittadini tal-Unjoni jew tal-Belarussja li jkunu tilfu d-dokumenti tal-ivvjaġġar tagħhom, jew li jkunu nsterqulhom dawn id-dokumenti waqt is-soġġorn tagħhom fit-territorju tal-Belarussja jew tal-Istati Membri, jistgħu jħallu t-territorju tal-Belarussja jew tal-Istati Membri fuq il-bażi ta’ dokumenti ta’ identità validi li jippermettulhom il-qsim tal-konfini, maħruġa minn missjonijiet diplomatiċi jew postazzjonijiet konsulari tal-Istati Membri jew tal-Belarussja mingħajr ebda viża jew awtorizzazzjoni oħra.

Artikolu 9

L-estensjoni tal-viża f’ċirkostanzi eċċezzjonali

Iċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-Belarussja li ma jkunux jistgħu jitilqu mit-territorju tal-Belarussja jew it-territorju tal-Istati Membri sal-mument iddikjarat fil-viżi tagħhom għal raġunijiet ta’ force majeure jew umanitarji li ma jħalluhomx jitilqu mit-territorju tal-Belarussja jew mit-territorju tal-Istati Membri għandu jkollhom il-perijodu ta’ validita tal-viża tagħhom estiż mingħajr ħlas konformement mal-leġislazzjoni applikata mill-Belarussja jew l-Istat Membru għal perijodu twil biżżejjed biex ikunu jistgħu jirritornaw lejn l-Istat ta’ residenza tagħhom.

Artikolu 10

Passaporti diplomatiċi u laissez-passer tal-UE

1.   Iċ-ċittadini tal-Unjoni li jkollhom passaport diplomatiku bijometriku validu maħruġ minn Stat Membru, kif ukoll id-detenturi ta’ laissez-passer validi tal-UE, jistgħu jidħlu, jitilqu jew jgħaddu mit-territorju tal-Belarussja mingħajr viża.

2.   Iċ-ċittadini tal-Belarussja li jkollhom passaport diplomatiku bijometriku validu maħruġ mill-Belarussja jistgħu jidħlu, jitilqu jew jgħaddu mit-territorji tal-Istati Membri mingħajr viża.

3.   Il-persuni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 jistgħu joqogħdu fit-territorji tal-Belarussja jew it-territorji tal-Istati Membri għal perijodu li ma jaqbiżx id-90 jum f’kull perijodu ta’ 180 jum.

Artikolu 11

Validità territorjali tal-viżi

Soġġetti għar-regoli u regolamenti nazzjonali dwar is-sigurtà nazzjonali tal-Belarussja u tal-Istati Membri u soġġetti għar-regoli tal-Unjoni dwar viżi b’validità territorjali limitata, iċ-ċittadini tal-Unjoni u ċ-ċittadini tal-Belarussja għandhom ikunu intitolati għall-ivvjaġġar fi ħdan it-territorju tal-Istati Membri u tal-Belarussja fuq bażi ugwali bħaċ-ċittadini tal-Belarussja u bħaċ-ċittadini tal-Unjoni.

Artikolu 12

Kumitat Konġunt għall-ġestjoni tal-Ftehim

1.   Il-Partijiet għandhom jistabbilixxu Kumitat Konġunt ta’ esperti (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Kumitat”), magħmul minn rappreżentanti tal-Unjoni u tal-Belarussja.

2.   Il-Kumitat għandu, b’mod partikolari, ikollu l-funzjonijiet li ġejjin:

(a)

li jissorvelja l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim;

(b)

li jissuġġerixxi emendi jew żidiet għal dan il-Ftehim;

(c)

li jirriżolvi tilwimiet li jqumu mill-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet f’dan il-Ftehim.

3.   Il-Kumitat għandu jiltaqa’ kull meta jkun meħtieġ, fuq talba minn waħda mill-Partijiet u għall-inqas darba f’sena.

4.   Il-Kumitat għandu jistabbilixxi r-regoli tal-proċedura tiegħu.

Artikolu 13

Ir-relazzjoni ta’ dan il-Ftehim ma’ Ftehimiet bilaterali bejn l-Istati Membri u l-Belarussja

Mid-dħul tiegħu fis-seħħ, dan il-Ftehim għandu jieħu preċedenza fuq id-dispożizzjonijiet ta’ kwalunkwe ftehimiet jew arranġamenti bilaterali jew multilaterali konklużi bejn l-Istati Membri individwali u l-Belarussja, sa fejn id-dispożizzjonijiet ta’ dawn il-ftehimiet jew arranġamenti tal-aħħar ikunu jistgħu jaffettwaw jew jalteraw l-ambitu ta’ dan il-Ftehim.

Artikolu 14

Klawsoli Finali

1.   Dan il-Ftehim jiġi rratifikat jew approvat mill-Partijiet skont il-proċeduri rispettivi tagħhom u jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tieni xahar wara d-data li fiha l-Partijiet jinnotifikaw lil xulxin li l-proċeduri msemmija hawn fuq ikunu tlestew.

2.   B’deroga mill-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ biss fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Belarussja dwar ir-riammissjoni ta’ persuni li jirresjedu mingħajr awtorizzazzjoni jekk din id-data tkun wara d-data prevista fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

3.   Dan il-Ftehim huwa konkluż għal perijodu ta’ żmien indefinit, sakemm ma jkunx terminat skont il-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu.

4.   Dan il-Ftehim jista’ jkun emendat bi ftehim bil-miktub bejn il-Partijiet. L-emendi jidħlu fis-seħħ wara li l-Partijiet ikunu avżaw lil xulxin dwar it-tlestija tal-proċeduri interni tagħhom li huma meħtieġa għal dan l-għan.

5.   Kull Parti tista’ tissospendi l-Ftehim kollu jew parti minnu. Id-deċiżjoni dwar is-sospensjoni tiġi nnotifikata lill-Parti l-oħra mhux aktar tard minn 48 siegħa qabel ma tidħol fis-seħħ. Il-Parti li tkun issospendiet l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim tgħarraf minnufih lill-Parti l-oħra malli r-raġunijiet għas-sospensjoni ma jkunux għadhom japplikaw.

6.   Kull Parti tista’ ttemm dan il-Ftehim billi tavża lill-Parti l-oħra bil-miktub. Dan il-Ftehim ma jibqax applikabbli 90 jum mid-data ta’ tali notifika.

Magħmul duplikatament bil-Bulgaru, biċ-Ċek, bid-Daniż, bl-Estonjan, bil-Finlandiż, bil-Franċiż, bil-Ġermaniż, bil-Grieg, bl-Ingliż, bil-Kroat, bil-Latvjan, bil-Litwan, bil-Malti, bin-Netherlandiż, bil-Pollakk, bil-Portugiż, bir-Rumen, bis-Slovakk, bis-Sloven, bl-Ispanjol, bl-Isvediż, bit-Taljan, bl-Ungeriż u bil-Belarussu, b’kull test ugwalment awtentiku.

Съставено в Брюксел на осми януари две хиляди и двадесета година.

Hecho en Bruselas, el ocho de enero de dos mil veinte.

V Bruselu dne osmého ledna dva tisíce dvacet.

Udfærdiget i Bruxelles den ottende januar to tusind og tyve.

Geschehen zu Brüssel am achten Januar zweitausendzwanzig.

Kahe tuhande kahekümnenda aasta jaanuarikuu kaheksandal päeval Brüsselis.

Έγινε στις Βρυξέλλες, στις οκτώ Ιανουαρίου δύο χιλιάδες είκοσι.

Done at Brussels on the eighth day of January in the year two thousand and twenty.

Fait à Bruxelles, le huit janvier deux mille vingt.

Sastavljeno u Bruxellesu osmog siječnja godine dvije tisuće dvadesete.

Fatto a Bruxelles, addì otto gennaio duemilaventi.

Briselē, divi tūkstoši divdesmitā gada astotajā janvārī.

Priimta du tūkstančiai dvidešimtų metų sausio aštuntą dieną Briuselyje.

Kelt Brüsszelben, a kétezer-huszadik év január havának nyolcadik napján.

Magħmul fi Brussell, fit-tmien jum ta’ Jannar fis-sena elfejn u għoxrin.

Gedaan te Brussel, acht januari tweeduizend twintig.

Sporządzono w Brukseli dnia ósmego stycznia roku dwa tysiące dwudziestego.

Feito em Bruxelas, em oito de janeiro de dois mil e vinte.

Întocmit la Bruxelles la opt ianuarie două mii douăzeci.

V Bruseli ôsmeho januára dvetisícdvadsať.

V Bruslju, dne osmega januarja leta dva tisoč dvajset.

Tehty Brysselissä kahdeksantena päivänä tammikuuta vuonna kaksituhattakaksikymmentä.

Som skedde i Bryssel den åttonde januari år tjugohundratjugo.

Заключана ў горадзе Бруселi восьмага студзеня дзве тысячы дваццатага года.

Image 1


(1)  Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1417/2013 tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-forma tal-laissez-passer maħruġin mill-Unjoni Ewropea (ĠU L 353, 28.12.2013, p. 26).


PROTOKOLL GĦALL-FTEHIM DWAR L-ISTATI MEMBRI LI MA JAPPLIKAWX GĦAL KOLLOX L-ACQUIS TA’ SCHENGEN

Dawk l-Istati Membri li huma marbuta bl-acquis ta’ Schengen iżda li għadhom ma joħorġux il-viżi ta’ Schengen, filwaqt li jistennew id-deċiżjoni rilevanti tal-Kunsill f’dan is-sens, għandhom joħorġu viżi nazzjonali li l-validità tagħhom tkun limitata għat-territorju tagħhom stess.

F’konformità mad-Deċiżjoni Nru 565/2014/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) tal-15 ta’ Mejju 2014, li mis-16 ta’ Ġunju 2014 tawtorizza lill-Bulgarija, lill-Kroazja, lil Ċipru u lir-Rumanija biex jirrikonoxxu b’mod unilaterali l-viżi għal soġġorn qasir li huma validi għal żewġ daħliet jew diversi dħul u viżi għal soġġorn twil u permessi ta’ residenza maħruġa mill-Istati ta’ Schengen, u viżi b’validità territorjali limitata maħruġa mill-Istati Membri ta’ Schengen f’konformità mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 25(3) tal-Kodiċi dwar il-Viżi, kif ukoll viżi nazzjonali u permessi ta’ residenza maħruġa mill-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru u r-Rumanija bħala ekwivalenti għall-viżi nazzjonali tagħhom mhux biss għat-tranżitu, iżda wkoll għal soġġorni previsti fit-territorju tagħhom li ma jaqbżux id-90 jum fi kwalunkwe perijodu ta’ 180 jum, ittieħdu miżuri armonizzati sabiex jiġi ssimplifikat it-tranżitu u s-soġġorn qasir ta’ detenturi ta’ viżi Schengen u ta’ permessi ta’ residenza ta’ Schengen fit-territorju tal-Istati Membri li għadhom ma japplikawx bis-sħiħ l-acquis ta’ Schengen.


(1)  Deċiżjoni Nru 565/2014/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 li tintroduċi reġim simplifikat għall-kontroll tal-persuni fuq il-fruntieri esterni li jkun ibbażat fuq ir-rikonoxximent unilaterali mill-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru u r-Rumanija ta’ ċerti dokumenti bħala ekwivalenti għall-viżi nazzjonali tagħhom għat-tranżitu minn jew permanenzi intiżi fit-territorji tagħhom li ma jaqbżux id-90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum u li tħassar id-Deċiżjonijiet Nru 895/2006/KE u Nru 582/2008/KE (ĠU L 157, 27.5.2014, p. 23).


DIKJARAZZJONI KONĠUNTA

Li tikkonċerna lid-danimarka

Il-Partijiet jieħdu nota li dan il-Ftehim mhux applikabbli għall-proċeduri tal-ħruġ ta’ viża mill-missjonijiet diplomatiċi u s-servizzi konsulari tad-Danimarka.

F’ċirkostanzi bħal dawn, ikun xieraq li l-awtoritajiet tad-Danimarka u tal-Belarussja jikkonkludu, bla dewmien, ftehim bilaterali dwar il-faċilitazzjoni tal-ħruġ ta’ viżi għal soġġorn qasir f’termini simili għal dan il-Ftehim.


DIKJARAZZJONI KONĠUNTA

Li tikkonċerna r-renju unit u l-irlanda

Il-Partijiet jieħdu nota li dan il-Ftehim mhux applikabbli fit-territorju tar-Renju Unit u tal-Irlanda.

F’dawn iċ-ċirkostanzi, ikun xieraq li l-awtoritajiet tar-Renju Unit, l-Irlanda u l-Belarussja jikkonkludu ftehimiet bilaterali dwar l-iffaċilitar tal-ħruġ ta’ viżi għal soġġorn qasir.


DIKJARAZZJONI KONĠUNTA

Li tikkonċerna l-iżlanda, in-norveġja, l-iżvizzera u l-liechtenstein

Il-Partijiet jieħdu nota tar-relazzjoni mill-qrib bejn l-Unjoni u l-Iżvizzera, l-Iżlanda, il-Liechtenstein, u n-Norveġja, b’mod partikolari bis-saħħa tal-Ftehimiet tat-18 ta’ Mejju 1999 u tas-26 ta’ Ottubru 2004 dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn il-pajjiżi mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen.

F’dawn iċ-ċirkostanzi, ikun xieraq li l-awtoritajiet tal-Iżvizzera, l-Iżlanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja, u l-Belarussja, jikkonkludu, mingħajr dewmien, ftehimiet bilaterali dwar il-faċilitazzjoni tal-ħruġ ta’ viżi għal soġġorn qasir f’termini simili għal dan il-Ftehim.


DIKJARAZZJONI KONĠUNTA

Dwar kooperazzjoni rigward dokumenti tal-ivvjaġġar

Il-Partijiet jaqblu li l-Kumitat Konġunt stabbilit skont l-Artikolu 12 tal-Ftehim, meta jkun qed jissorvelja l-implimentazzjoni tal-Ftehim, għandu jevalwa l-impatt tal-livell ta’ sigurtà tad-dokumenti tal-ivvjaġġar rispettivi fuq il-funzjonament tal-Ftehim. Għal dan il-għan, il-Partijiet jaqblu li jinformaw lil xulxin b’mod regolari dwar il-miżuri li jkunu ttieħdu biex jiġi evitat it-tifrix ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar, billi jiġu żviluppati l-aspetti tekniċi tas-sigurtà tad-dokumenti tal-ivvjaġġar kif ukoll dwar il-proċess tal-personalizzazzjoni tal-ħruġ ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar.

L-Istati Membri, l-Unjoni u l-Belarussja ser jinformaw mingħajr dewmien bla bżonn f’każ li jiġu introdotti dokumenti tal-ivvjaġġar ġodda jew ibiddlu d-dokumenti tal-ivvjaġġar eżistenti u jippreżentaw kampjuni ta’ dawn id-dokumenti tal-ivvjaġġar u d-deskrizzjoni tagħhom.


DIKJARAZZJONI KONĠUNTA

Rigward l-armonizzazzjoni ta’ informazzjoni dwar proċeduri għall-ħruġ ta’ viża għal soġġorn qasir u dokumenti li għandhom jitressqu meta ssir l-applikazzjoni għal viża għal soġġorn qasir

Filwaqt li jagħrfu l-importanza tat-trasparenza għall-applikanti għall-viża, il-Partijiet fil-Ftehim preżenti jqisu li għandhom jittieħdu l-miżuri li ġejjin:

jinġabar tagħrif bażiku għall-applikanti dwar il-proċeduri u l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni għall-viżi għal soġġorn qasir u dwar il-validità tagħhom;

għall-Unjoni, biex ixxerred b’mod wiesa’ l-lista ta’ dokumenti ta’ sostenn li għandhom jiġu ppreżentati mill-applikanti għal viża fil-Belarussja, adottata permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2014) 2727 tat-29 ta’ April 2014.

It-tagħrif imsemmi hawn fuq għandu jkun jidher b’mod ċar (fuq it-tabelli ta’ tagħrif fil-konsulati, fuq siti tal-Internet eċċ.)


DIKJARAZZJONI KONĠUNTA

Dwar il-persunal konsulari neċessarju għall-implimentazzjoni effettiva tal-ftehim

Filwaqt li jirrikonoxxu l-importanza ta’ implimentazzjoni effettiva ta’ dan il-Ftehim, il-Partijiet jenfasizzaw il-ħtieġa li l-Partijiet jipprovdu persunal konsulari adegwat.

Fid-dawl ta’ dan, il-Partijiet jaqblu li l-Kumitat Konġunt, stabbilit mill-Artikolu 12 ta’ dan il-Ftehim, jenħtieġ li jissorvelja l-implimentazzjoni miż-żewġ Partijiet tal-Artikoli 6(4) u 7 ta’ dan il-Ftehim li jistabbilixxu, rispettivament, il-possibbiltà għall-applikanti li jippreżentaw l-applikazzjonijiet direttament fil-konsulat, u t-tul tal-proċeduri għall-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għall-viża.