3.6.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 173/3


FTEHIM TA' STATUS

bejn l-Unjoni Ewropea u l-Montenegro dwar azzjonijiet imwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fil-Montenegro

L-UNJONI EWROPEA

u l-MONTENEGRO,

minn hawn ’il quddiem imsejħin “il-Partijiet”,

BILLI jistgħu jinħolqu sitwazzjonijiet fejn l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (minn hawn ’il quddiem imsejħa “l-Aġenzija”) tikkoordina l-kooperazzjoni operazzjonali bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u l-Montenegro, inkluż fit-territorju tal-Montenegro,

BILLI jenħtieġ li jiġi stabbilit qafas legali fil-forma ta’ Ftehim ta' Status għal sitwazzjonijiet meta l-membri tat-tim tal-Aġenzija se jkollhom setgħat eżekuttivi fit-territorju tal-Montenegro.

FID-DAWL li jenħtieġ li l-azzjonijiet kollha tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fit-territorju tal-Montenegro jirrispettaw id-drittijiet fundamentali bis-sħiħ,

IDDEĊIDEW LI JIKKONKLUDU DAN IL-FTEHIM:

Artikolu 1

Kamp ta’ applikazzjoni

1.   Dan il-Ftehim għandu jkopri l-aspetti kollha li huma meħtieġa għat-twettiq tal-azzjonijiet tal-Aġenzija li jistgħu jitwettqu fit-territorju tal-Montenegro fejn il-membri ta' tim tal-Aġenzija jkollhom setgħat eżekuttivi.

2.   Dan il-Ftehim għandu japplika biss fit-territorju tal-Montenegro jew f’partijiet minnu.

3.   L-istatus u d-delimitazzjoni, taħt il-liġi internazzjonali, tat-territorji rispettivi tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u tal-Montenegro bl-ebda mod ma jintlaqtu, la minn dan il-Ftehim u lanqas minn kull att imwettaq fl-implimentazzjoni tiegħu mill-Partijiet jew f’isimhom, inkluż l-istabbiliment ta’ pjanijiet operazzjonali jew il-parteċipazzjoni f’operazzjonijiet transfruntieri.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“azzjoni” tfisser operazzjoni konġunta, intervent rapidu fil-fruntiera jew operazzjoni ta’ ritorn;

(2)

“operazzjoni konġunta” tfisser kwalunkwe azzjoni mmirata li tindirizza l-immigrazzjoni illegali jew il-kriminalità transfruntiera jew li jkollha l-għan li tipprovdi aktar assistenza teknika u operazzjonali fil-fruntiera tal-Montenegro li tmiss ma’ Stat Membru u li tkun skjerata fit-territorju tal-Montenegro;

(3)

“intervent rapidu fil-fruntiera” tfisser azzjoni mmirata li tindirizza sitwazzjoni b’diffikultajiet speċifiċi u sproporzjonati fil-fruntieri tal-Montenegro li jmissu ma’ Stat Membru u li tkun skjerata fit-territorju tal-Montenegro għal perjodu ta’ żmien limitat;

(4)

“operazzjoni ta’ ritorn” tfisser operazzjoni li tkun koordinata mill-Aġenzija u li tkun tinvolvi rinforzi tekniċi u operazzjonali minn Stat Membru wieħed jew aktar li fiha persuni rimpatrijati minn Stat Membru wieħed jew aktar jiġu rritornati fuq bażi furzata jew fuq bażi volontarja lejn il-Montenegro;

(5)

“kontroll tal-fruntieri” tfisser il-kontroll ta’ persuni mwettqa fuq il-fruntiera b’reazzjoni esklużiva għall-intenzjoni tal-qsim jew għall-att tal-qsim ta’ dik il-fruntiera, irrispettivament minn kull konsiderazzjoni oħra, li tikkonsisti f’verifiki fuq il-fruntieri fil-punti tal-qsim tal-fruntieri u s-sorveljanza tal-fruntieri bejn il-punti tal-qsim tal-fruntieri;

(6)

“membru tat-tim” tfisser membru jew tal-persunal tal-Aġenzija jew ta’ tim ta’ gwardji tal-fruntiera u persunal rilevanti ieħor minn Stati Membri parteċipanti, inklużi gwardji tal-fruntiera u persunal rilevanti ieħor li jkunu ssekondati mill-Istati Membri mal-Aġenzija biex jieħdu sehem f’azzjoni;

(7)

“Stat Membru” tfisser Stat Membru tal-Unjoni Ewropea;

(8)

“Stat Membru ta’ domiċilju” tfisser l-Istat Membru minn fejn joriġina membru tat-tim li jkun gwardja tal-fruntiera jew membru rilevanti ieħor tal-persunal;

(9)

“data personali” tfisser kwalunkwe informazzjoni relatata ma’ persuna fiżika identifikata jew identifikabbli; persuna fiżika identifikabbli hija persuna li tkun tista’ tiġi identifikata, direttament jew indirettament, b’mod partikolari b’referenza għal identifikatur bħal isem, numru ta’ identifikazzjoni, data ta’ lokalizzazzjoni, identifikatur onlajn jew fattur speċifiku wieħed jew aktar relatati mal-identità fiżika, fiżjoloġika, ġenetika, mentali, ekonomika, kulturali jew soċjali ta’ dik il-persuna fiżika;

(10)

“Stat Membru parteċipanti” tfisser Stat Membru li jipparteċipa fl-azzjoni fil-Montenegro billi jipprovdi tagħmir tekniku, gwardji tal-fruntiera u persunal rilevanti ieħor mibgħut bħala parti mit-tim;

(11)

“Aġenzija” tfisser l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 2016/1624 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).

Artikolu 3

Il-varar ta' azzjoni

1.   L-Aġenzija tista' tipproponi l-varar ta' azzjoni lill-awtoritajiet kompetenti tal-Montenegro. L-awtoritajiet kompetenti tal-Montenegro jistgħu jitolbu wkoll lill-Aġenzija biex tikkunsidra l-varar ta’ azzjoni.

2.   It-twettiq ta’ azzjoni jeħtieġ il-kunsens kemm tal-awtoritajiet kompetenti tal-Montenegro kif ukoll tal-Aġenzija.

Artikolu 4

Pjan operazzjonali

1.   Għal kull operazzjoni konġunta jew intervent rapidu fil-fruntiera għandu jiġi miftiehem, bejn l-Aġenzija u l-Montenegro, pjan operazzjonali bil-kunsens tal-Istat Membru jew l-Istati Membri li jmissu mal-fruntiera taż-żona operazzjonali.

2.   Il-pjan operazzjonali għandu jistabbilixxi fid-dettall l-aspetti organizzazzjonali u proċedurali tal-operazzjoni konġunta jew tal-intervent rapidu fil-fruntiera, inklużi: deskrizzjoni u valutazzjoni tas-sitwazzjoni; l-għan u l-objettivi operazzjonali; il-kunċett operazzjonali; it-tip ta’ tagħmir tekniku li jkun irid jintuża; il-pjan ta’ implimentazzjoni; il-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi oħra, aġenziji u korpi oħrajn tal-Unjoni Ewropea jew organizzazzjonijiet internazzjonali; id-dispożizzjonijiet fir-rigward tad-drittijiet fundamentali, fosthom l-protezzjoni tad-data personali; l-istruttura tal-koordinazzjoni, tal-kmand, tal-kontroll, tal-komunikazzjoni u tar-rappurtar; l-arranġamenti organizzattivi u loġistiċi; u l-evalwazzjoni u l-aspetti finanzjarji tal-operazzjoni konġunta jew tal-intervent rapidu fil-fruntiera.

3.   L-evalwazzjoni tal-operazzjoni konġunta jew tal-intervent rapidu fil-fruntiera għandha ssir b’mod konġunt bejn il-Montenegro u l-Aġenzija.

Artikolu 5

Kompiti u setgħat tal-membri tat-tim

1.   Il-membri tat-tim għandu jkollhom l-awtorità li jwettqu l-kompiti u jeżerċitaw is-setgħat eżekuttivi meħtieġa għall-kontroll tal-fruntieri u għall-operazzjonijiet ta’ ritorn.

2.   Il-membri tat-tim għandhom jirrispettaw il-liġijiet u r-regolamenti tal-Montenegro.

3.   Il-membri tat-tim jistgħu jwettqu l-kompiti u jeżerċitaw is-setgħat tagħhom fit-territorju tal-Montenegro fuq struzzjonijiet tal-gwardji tal-fruntiera jew persunal rilevanti ieħor tal-Montenegro biss, u bħala regola ġenerali fil-preżenza tagħhom. Il-Montenegro għandu jagħti struzzjonijiet lit-tim skont il-pjan operazzjonali meta xieraq. Il-Montenegro jista’, fuq bażi eċċezzjonali, jawtorizza lill-membri tat-tim biex jaġixxu f’ismu.

L-Aġenzija, permezz tal-uffiċjal tal-koordinazzjoni tagħha, tista’ tgħarraf lill-Montenegro dwar il-fehmiet tagħha fuq l-istruzzjonijiet mogħtija lit-tim. F’dak il-każ, il-Montenegro għandu jikkunsidra dawn il-fehmiet u jsegwihom sa fejn ikun possibbli.

F’każijiet fejn l-istruzzjonijiet maħruġa lit-tim ma jkunux konformi mal-pjan operazzjonali, l-uffiċjal tal-koordinazzjoni għandu jirrapporta minnufih lid-direttur eżekuttiv tal-Aġenzija (minn hawn 'il quddiem id-'direttur eżekuttiv'). Id-direttur eżekuttiv jista’ jieħu miżuri xierqa, fosthom is-sospensjoni jew it-terminazzjoni tal-azzjoni.

4.   Il-membri tat-timijiet għandhom jilbsu l-uniformi tagħhom stess meta jwettqu l-kompiti u jeżerċitaw is-setgħat tagħhom. Il-membri tat-tim għandhom ukoll jilbsu identifikazzjoni personali u faxxa tal-idejn blu bl-insinji tal-Unjoni Ewropea u tal-Aġenzija fuq l-uniformi tagħhom b’mod viżibbli. Għall-finijiet tal-identifikazzjoni fil-konfront tal-awtoritajiet nazzjonali tal-Montenegro, il-membri tat-timijiet għandhom iġorru magħhom id-dokument ta’ akkreditazzjoni msemmi fl-Artikolu 8 l-ħin kollu.

5.   Meta jkunu qegħdin iwettqu l-kompiti tagħhom u jeżerċitaw is-setgħat tagħhom, il-membri tat-timijiet jistgħu jġorru armi, munizzjon u tagħmir kif awtorizzat mil-liġi nazzjonali tal-Istat Membru ta’ domiċilju. Qabel ma jintbagħtu l-membri tat-tim il-Montenegro għandu jinforma lill-Aġenzija dwar l-armi, il-munizzjon u t-tagħmir tas-servizz permissibbli u dwar il-kundizzjonijiet biex jintużaw.

6.   Waqt li jkunu qed iwettqu l-kompiti tagħhom u jeżerċitaw is-setgħat tagħhom, il-membri tat-tim għandhom ikunu awtorizzati jużaw il-forza, inkluż l-armi, il-munizzjon u tagħmir tas-servizz, bil-kunsens tal-Montenegro u tal-Istat Membru ta’ domiċilju, fil-preżenza ta’ gwardji tal-fruntiera jew persunal rilevanti ieħor tal-Montenegro u f’konformità mal-liġi nazzjonali tal-Montenegro. Il-Montenegro jista’ jawtorizza lill-membri tat-tim jużaw il-forza mingħajr il-preżenza ta’ gwardji tal-fruntiera jew persunal rilevanti ieħor tal-Montenegro.

7.   Il-Montenegro jista’ jawtorizza lill-membri tat-tim jikkonsultaw mal-bażijiet tad-data tiegħu jekk dan ikun meħtieġ biex jintlaħqu l-għanijiet operazzjonali speċifikati fil-pjan operazzjonali u għall-operazzjonijiet ta’ ritorn. Il-membri tat-tim għandhom jikkonsultaw biss id-data li tkun meħtieġa għat-twettiq tal-kompiti tagħhom u biex jeżerċitaw is-setgħat tagħhom. Qabel ma jintbagħtu l-membri tat-tim il-Montenegro għandu jgħarraf lill-Aġenzija dwar liema bażijiet ta’ data nazzjonali jkunu jistgħu jiġu kkonsultati. Dik il-konsultazzjoni għandha ssir skont il-liġi nazzjonali tal-Montenegro dwar il-protezzjoni tad-data.

Artikolu 6

Sospensjoni jew terminazzjoni tal-azzjoni

1.   Jekk dan il-Ftehim jew il-pjan operazzjonali ma jiġux rispettati mill-Montenegro, id-direttur eżekuttiv jista’ jissospendi jew itemm l-azzjoni, wara li jinforma lill-Montenegro dwar dan bil-miktub. Id-direttur eżekuttiv għandu jinnotifika lill-Montenegro bir-raġunijiet għal dan.

2.   Jekk dan il-Ftehim jew il-pjan operazzjonali ma jiġux rispettati mill-Aġenzija jew minn kwalunkwe Stat Membru parteċipant, il-Montenegro jista’ jissospendi jew jittermina l-azzjoni wara li jinforma lill-Aġenzija bil-miktub dwar dan. Il-Montenegro għandu jgħarraf lill-Aġenzija bir-raġunijiet għal dan.

3.   B’mod partikolari, il-Montenegro jew id-direttur eżekuttiv jista’ jissospendi jew jittermina l-azzjoni f’każijiet ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali, ksur tal-prinċipju ta' non-refoulement jew tar-regoli tal-protezzjoni tad-data.

4.   It-terminazzjoni tal-azzjoni ma għandha taffettwa l-ebda dritt jew obbligu li jirriżulta mill-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim jew tal-pjan operazzjonali qabel tali terminazzjoni.

Artikolu 7

Privileġġi u immunitajiet tal-membri tat-tim

1.   Il-privileġġi u l-immunitajiet mogħtija lill-membri tat-tim għandhom l-għan li jiżguraw is-suċċess tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet uffiċjali tagħhom matul l-azzjonijiet imwettqa f’konformità mal-pjan operazzjonali fit-territorju tal-Montenegro.

2.   Id-dokumenti, il-korrispondenza u l-assi tal-membri tat-tim għandhom igawdu l-invjolabbiltà, ħlief fil-każ ta’ miżuri ta’ eżekuzzjoni li huma permessi skont il-paragrafu 8.

3.   Il-membri tat-tim għandhom igawdu minn immunità mill-ġuriżdizzjoni kriminali tal-Montenegro fir-rigward tal-attivitajiet u l-atti mwettqa fil-qadi tal-funzjonijiet uffiċjali tagħhom matul l-azzjonijiet li jsiru f’konformità mal-pjan operazzjonali.

Fil-każ ta’ allegazzjoni ta’ reat kriminali mwettaq minn membru tat-tim, id-direttur eżekuttiv u l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju għandhom jiġu nnotifikati minnufih. Qabel ma jinbeda proċediment quddiem il-qorti, id-direttur eżekuttiv, wara kunsiderazzjoni bir-reqqa ta’ kwalunkwe rappreżentazzjoni li ssir minn awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju u l-awtoritajiet kompetenti tal-Montenegro, għandu jiċċertifika lill-qorti jekk l-att inkwistjoni ikunx twettaq fil-qadi tal-funzjonijiet uffiċjali tal-membru tat-tim matul l-azzjonijiet li jsiru f’konformità mal-pjan operazzjonali. Sakemm ma tasal iċ-ċertifikazzjoni mid-direttur eżekuttiv, l-Aġenzija u l-Istat Membru ta’ domiċilju għandhom joqogħdu lura milli jieħdu xi miżuri li x’aktarx ifixklu l-prosekuzzjoni kriminali sussegwenti possibbli ta’ membru tat-tim mill-awtoritajiet kompetenti tal-Montenegro.

Fejn id-direttur eżekuttiv jiċċertifika li l-att twettaq fil-qadi tal-funzjonijiet uffiċjali tal-membru tat-tim matul l-azzjonijiet imwettqa f’konformità mal-pjan operazzjonali, il-proċediment ma għandux jibda. Jekk id-direttur eżekuttiv jiċċertifika li l-att ma twettaqx fil-qadi tal-funzjonijiet uffiċjali tal-membru tat-tim, il-proċediment jista’ jibda. Iċ-ċertifikazzjoni mid-direttur eżekuttiv għandha tkun vinkolanti fuq il-ġuriżdizzjoni tal-Montenegro. Il-privileġġi mogħtija lill-membri tat-tim u l-immunità mill-ġuriżdizzjoni kriminali tal-Montenegro ma jeżentawhomx mill-ġuriżdizzjoni tal-Istat Membru ta’ domiċilju.

4.   Il-membri tat-tim għandhom igawdu minn immunità mill-ġuriżdizzjoni ċivili u amministrattiva tal-Montenegro fir-rigward tal-atti kollha li jwettqu fil-qadi tal-funzjonijiet uffiċjali tagħhom matul l-azzjonijiet li jitwettqu f’konformità mal-pjan operazzjonali. Jekk jinbeda xi proċediment ċivili jew amministrattiv kontra l-membri tat-tim quddiem kwalunkwe qorti fil-Montenegro, id-direttur eżekuttiv u l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju għandhom jiġu nnotifikati minnufih. Qabel ma jinbeda proċediment quddiem il-qorti, id-direttur eżekuttiv, wara kunsiderazzjoni bir-reqqa ta’ kwalunkwe rappreżentazzjoni li ssir minn awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju u l-awtoritajiet kompetenti tal-Montenegro, għandu jiċċertifika lill-qorti jekk l-att inkwistjoni ikunx twettaq mill-membru tat-tim fil-qadi tal-funzjonijiet uffiċjali tiegħu matul l-azzjonijiet imwettqa f’konformità mal-pjan operazzjonali.

Fejn id-direttur eżekuttiv jiċċertifika li l-att twettaq fil-qadi tal-funzjonijiet uffiċjali tal-membru tat-tim matul l-azzjonijiet imwettqa f’konformità mal-pjan operazzjonali, il-proċediment ma għandux jibda. Jekk id-direttur eżekuttiv jiċċertifika li l-att ma twettaqx fil-qadi tal-funzjonijiet uffiċjali tal-membru tat-tim, il-proċediment jista’ jibda. Iċ-ċertifikazzjoni mid-direttur eżekuttiv għandha tkun vinkolanti fuq il-ġuriżdizzjoni tal-Montenegro.

Il-bidu ta’ proċedimenti ċivili jew amministrattivi minn membri tat-tim għandu jipprekludihom milli jinvokaw l-immunità mill-ġuriżdizzjoni fir-rigward ta’ kwalunkwe kontrotalba relatata mat-talba prinċipali.

5.   L-immunità tal-membri tat-tim mill-ġuriżdizzjoni kriminali, ċivili u amministrattiva tal-Montenegro tista’ tiġi rinunzjata mill-Istat Membru ta’ domiċilju skont il-każ. Tali rinunzja għandha dejjem tkun rinunzja espressa.

6.   Il-membri tat-tim li jkunu xhieda jistgħu jkunu obbligati mill-awtoritajiet kompetenti tal-Montenegro, b’rispett sħiħ lejn il-paragrafi 3 u 4, li jipprovdu evidenza permezz ta’ dikjarazzjoni u skont il-liġi proċedurali tal-Montenegro.

7.   Fil-każ ta’ dannu kkawżat minn membru tat-tim fil-qadi tal-funzjonijiet uffiċjali matul l-azzjonijiet li jsiru f’konformità mal-pjan operazzjonali, il-Montenegro għandu jkun responsabbli għal kwalunkwe ħsara. Fil-każ ta’ dannu kkawżat minn negliġenza gravi jew imġiba ħażina volontarja jew jekk l-att ma jkunx twettaq fil-qadi ta’ funzjonijiet uffiċjali minn membru tat-tim minn Stat Membru parteċipanti, il-Montenegro jista’ jitlob, permezz tad-direttur eżekuttiv, li l-kumpens jitħallas mill-Istat Membru parteċipanti kkonċernat.

Fil-każ ta’ dannu kkawżat minn negliġenza gravi jew imġiba ħażina volontarja jew jekk l-att ma jkunx twettaq fil-qadi ta’ funzjonijiet uffiċjali minn membru tat-tim li jkun membru tal-persunal tal-Aġenzija, il-Montenegro jista’ jitlob li l-kumpens jitħallas mill-Aġenzija.

F’każ ta’ dannu kkawżat fil-Montenegro, minħabba force majeure, la l-Montenegro, lanqas l-Istat Membru parteċipanti, u lanqas l-Aġenzija, ma għandu jkollhom xi responsabbiltà.

L-ebda miżura ta’ eżekuzzjoni ma tista’ tittieħed fir-rigward tal-membri tat-tim, għajr fil-każ li jiġi istitwit kontrihom proċediment ċivili mhux relatat mal-funzjonijiet uffiċjali tagħhom matul l-azzjonijiet imwettqa skont il-pjan operazzjonali.

8.   Il-proprjetà tal-membri tat-tim, li tkun ċertifikata mid-direttur eżekuttiv bħala meħtieġa għall-qadi tal-funzjonijiet uffiċjali tagħhom, għandha tkun ħielsa minn sekwestru biex tiġi ssodisfata sentenza, deċiżjoni jew ordni. Fil-kuntest ta’ proċedimenti ċivili, il-membri tat-tim ma għandhomx ikunu suġġetti għal xi restrizzjoni fuq il-libertà personali tagħhom jew għal kwalunkwe miżura oħra ta’ restrizzjoni.

9.   L-immunità tal-membri tat-tim mill-ġurisdizzjoni tal-Montenegro ma għandhiex teżentahom mill-ġuriżdizzjonijiet tal-Istati Membri ta’ domiċilju rispettivi tagħhom.

10.   Il-membri tat-tim għandhom, fir-rigward tas-servizzi mwettqa għall-Aġenzija, ikunu eżentati mid-dispożizzjonijiet tas-sigurtà soċjali li jistgħu jkunu fis-seħħ fil-Montenegro.

11.   Il-membri tat-tim għandhom ikunu eżentati minn kwalunkwe forma ta’ tassazzjoni fil-Montenegro fuq is-salarju u l-emolumenti mħallsa lilhom mill-Aġenzija jew mill-Istati Membri ta’ domiċilju kif ukoll fuq kwalunkwe introjtu li jirċievu minn barra l-Montenegro.

12.   Il-Montenegro għandu, f’konformità mal-liġijiet u r-regolamenti tiegħu, jippermetti d-dħul ta’ oġġetti għall-użu personali tal-membri tat-tim, u għandu jagħti eżenzjoni minn kull dazju doganali, taxxa u imposti relatati oħra ħlief għall-ħlasijiet għall-ħżin, it-trasport u servizzi simili, fir-rigward ta’ dawn l-oġġetti. Il-Montenegro għandu wkoll jippermetti l-esportazzjoni ta’ dawn l-oġġetti.

13.   Il-bagalji personali tal-membri tat-tim jistgħu jiġu spezzjonati biss f’każijiet ta’ suspetti ġustifikati li jkun fihom oġġetti li ma jkunux għall-użu personali tal-membri tat-tim, jew oġġetti li l-importazzjoni jew l-esportazzjoni tagħhom tkun ipprojbita mil-liġi jew suġġetta għar-regolamenti tal-kwarantina tar-Repubblika tal-Montenegro. L-ispezzjoni ta’ dawn il-bagalji personali għandha titwettaq biss fil-preżenza tal-membru jew membri tat-tim ikkonċernati jew ta’ rappreżentant awtorizzat tal-Aġenzija.

Artikolu 8

Dokument ta’ akkreditazzjoni

1.   L-Aġenzija għandha, f’kooperazzjoni mal-Montenegro, toħroġ dokument fil-lingwa tal-Montenegro u f'lingwa uffiċjali tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea lil kull membru tat-tim għall-għanijiet ta’ identifikazzjoni fil-konfront tal-awtoritajiet nazzjonali tal-Montenegro u bħala prova tad-drittijiet tad-detentur biex iwettaq il-kompiti u jeżerċita s-setgħat msemmija fl-Artikolu 5 ta’ dan il-Ftehim u fil-pjan operazzjonali. Id-dokument ta’ akkreditazzjoni għandu jinkludi l-informazzjoni li ġejja dwar il-membru tat-tim: l-isem u n-nazzjonalità; il-grad jew l-isem tal-impjieg; ritratt riċenti diġitalizzat u l-kompiti li huwa awtorizzat iwettaq matul l-iskjerament.

2.   Id-dokument ta’ akkreditazzjoni, flimkien ma’ dokument tal-ivvjaġġar validu, jagħti lill-membru tat-tim aċċess għall-Montenegro mingħajr il-bżonn ta’ viża jew awtorizzazzjoni minn qabel.

3.   Id-dokument ta’ akkreditazzjoni għandu jingħata lill-Aġenzija fi tmiem l-azzjoni.

Artikolu 9

Drittijiet fundamentali

1.   Fit-twettiq tal-kompiti tagħhom u meta jeżerċitaw is-setgħat tagħhom il-membri tat-tim għandhom jirrispettaw bis-sħiħ id-drittijiet fundamentali u l-libertajiet, inkluż fir-rigward tal-aċċess għal proċeduri tal-ażil, id-dinjità tal-bniedem u l-projbizzjoni tat-tortura, trattament inuman jew degradanti, id-dritt għal-libertà, il-prinċipju ta' non-refoulement u l-projbizzjoni ta’ tkeċċijiet kollettivi, id-drittijiet tat-tfal u d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja. Waqt it-twettiq tal-kompiti tagħhom u fl-eżerċizzju tal-poteri tagħhom, ma għandhomx jiddiskriminaw b’mod arbitrarju kontra persuni fuq l-ebda bażi, inkluż is-sess, ir-razza jew l-oriġini etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabbiltà, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali jew l-identità tal-ġeneru. Kwalunkwe miżura li tinterferixxi mad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali meħuda fit-twettiq tal-kompiti tagħhom u fit-twettiq tas-setgħat tagħhom għandha tkun proporzjonata mal-objettivi ta’ tali miżura u għandha tirrispetta l-qofol ta’ dawn id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali.

2.   Kull Parti għandu jkollha mekkaniżmu ta’ lmenti sabiex tittratta l-allegazzjonijiet ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali mwettaq mill-persunal tagħha fil-qadi tal-funzjonijiet uffiċjali tagħhom matul azzjoni mwettqa taħt dan il-Ftehim.

Artikolu 10

Ipproċessar ta’ data personali

1.   L-ipproċessar ta’ data personali mill-membri tat-tim għandu jsir biss meta jkun meħtieġ għat-twettiq tal-kompiti tagħhom u għall-eżerċizzju tas-setgħat tagħhom għall-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim mill-Montenegro, mill-Aġenzija jew mill-Istati Membri parteċipanti.

2.   L-ipproċessar ta’ data personali mill-Montenegro għandu jkun suġġett għal liġijiet nazzjonali tiegħu.

3.   L-ipproċessar ta’ data personali mill-Aġenzija u mill-Istat Membru jew Stati Membri parteċipanti, inkluż f’każ ta’ trasferiment ta’ data personali lill-Montenegro, għandu jkun suġġett għar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), għar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), għad-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), u għal miżuri adottati mill-Aġenzija għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2018/1725 kif imsemmi fl-Artikolu 45(2) tar-Regolament (UE) Nru 2016/1624.

4.   F’każ li l-proċessar jinvolvi trasferiment ta’ data personali, l-Istati Membri u l-Aġenzija għandhom jindikaw, fil-mument tat-trasferiment tad-data personali lill-Montenegro, kwalunkwe restrizzjoni fuq l-aċċess tagħha jew l-użu tagħha, f’termini ġenerali jew speċifiċi, inkluż għat-trasferiment, it-tħassir jew il-qerda tagħha. Fejn tinqala' l-ħtieġa għal tali restrizzjonijiet wara t-trasferiment tad-data personali, dawn għandhom jinformaw lill-Montenegro dwar dan.

5.   Id-data personali miġbura għal għanijiet amministrattivi matul l-azzjoni tista’ tiġi pproċessata mill-Montenegro, mill-Aġenzija u mill-Istati Membri parteċipanti f’konformità mal-liġi applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data.

6.   L-Aġenzija, il-Montenegro u l-Istati Membri parteċipanti għandhom iħejju rapport komuni dwar l-applikazzjoni tal-paragrafi 1 sa 5 ta’ dan l-Artikolu fi tmiem kull azzjoni. Dak ir-rapport għandu jintbagħat lill-uffiċjal tad-drittijiet fundamentali tal-Aġenzija u lill-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data. Huma għandhom jirrapportaw lid-direttur eżekuttiv.

Artikolu 11

Riżoluzzjoni ta' tilwim

1.   Il-kwistjonijiet kollha li jirriżultaw b’rabta mal-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim għandhom jiġu eżaminati b’mod konġunt mir-rappreżentanti tal-awtoritajiet kompetenti tal-Montenegro u mir-rappreżentanti tal-Aġenzija, li għandhom jikkonsultaw kwalunkwe Stat Membru jew Stati Membri ġirien tal-Montenegro.

2.   Fin-nuqqas ta’ riżoluzzjoni minn qabel, it-tilwim li jikkonċerna l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim għandu jiġi riżolt biss b’negozjati bejn il-Montenegro u l-Kummissjoni Ewropea, li għandhom jikkonsultaw l-Istat Membru jew l-Istati Membri ġirien tal-Montenegro.

Artikolu 12

Dħul fis-seħħ, tul ta’ żmien, sospensjoni u terminazzjoni

1.   Dan il-Ftehim għandu jkun suġġett għar-ratifika, aċċettazzjoni jew approvazzjoni mill-Partijiet skont il-proċeduri interni tagħhom stess u l-Partijiet għandhom jinnotifikaw lil xulxin li jkunu lestew il-proċeduri meħtieġa għal dak il-għan.

2.   Il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tieni xahar wara x-xahar li matulu tkun saret l-aħħar notifika prevista fil-paragrafu 1.

3.   Dan il-Ftehim huwa konkluż għal perijodu ta' żmien mhux definit. Huwa jista’ jiġi tterminat jew sospiż permezz ta’ ftehim bil-miktub bejn il-Partijiet jew b’mod unilaterali minn waħda mill-Partijiet. F’dan il-każ tal-aħħar, il-Parti li jkollha l-intenzjoni tittermina jew tissospendi għandha tgħarraf bil-miktub lill-Parti l-oħra b’dan. It-terminazzjoni jew sospensjoni għandha tkun effettiva mill-ewwel jum tat-tieni x-xahar wara x-xahar li matulu tkun saret l-aħħar notifika jew ikun ġie konkluż il-ftehim bil-miktub bejn il-Partijiet.

4.   Fil-każ tal-Montenegro, in-notifiki li jsiru f’konformità ma’ dan l-Artikolu għandhom jintbagħtu lill-Ministeru tal-Intern tal-Montenegro, u fil-każ tal-Unjoni Ewropea, lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

Dan il-Ftehim huwa mfassal duplikatament bil-lingwa Bulgara, Kroata, Ċeka, Daniża, Olandiża, Ingliża, Estona, Finlandiża, Franċiża, Ġermaniża, Griega, Ungeriża, Taljana, Latvjana, Litwana, Maltija, Pollakka, Portugiża, Rumena, Slovakka, Slovena, Spanjola, Żvediża u Montenegrina, u kull wieħed minn dawn it-testi jkun ugwalment awtentiku.

F’każ ta’ diverġenza bejn il-verżjonijiet lingwistiċi awtentiċi, għandha tipprevalixxi l-verżjoni bl-Ingliż.

Съставено в Люксембург на седми октомври две хиляди и деветнадесета година.

Hecho en Luxemburgo, el siete de octubre de dos mil diecinueve.

V Lucemburku dne sedmého října dva tisíce devatenáct.

Udfærdiget i Luxembourg den syvende oktober to tusind og nitten.

Geschehen zu Luxemburg am siebten Oktober zweitausendneunzehn.

Kahe tuhande üheksateistkümnenda aasta oktoobrikuu seitsmendal päeval Luxembourgis.

Έγινε στo Λουξεμβούργο, στις εφτά Οκτωβρίου δύο χιλιάδες δεκαεννέα.

Done at Luxembourg on the seventh day of October in the year two thousand and nineteen.

Fait à Luxembourg, le sept octobre deux mille dix-neuf.

Sastavljeno u Luxembourgu sedmog listopada godine dvije tisuće devetnaeste.

Fatto a Lussemburgo, addì sette ottobre duemiladiciannove.

Luksemburgā, divi tūkstoši deviņpadsmitā gada septītajā oktobrī.

Priimta du tūkstančiai devynioliktų metų spalio septintą dieną Liuksemburge.

Kelt Luxembourgban, a kétezer-tizenkilencedik év október havának hetedik napján.

Magħmul fil-Lussemburgu, fis-seba jum ta’ Ottubru fis-sena elfejn u dsatax.

Gedaan te Luxemburg, zeven oktober tweeduizend negentien.

Sporządzono w Luksemburgu dnia siódmego października roku dwa tysiące dziewiętnastego.

Feito em Luxemburgo, em sete de outubro de dois mil e dezanove.

Întocmit la Luxemburg la șapte octombrie două mii nouăsprezece.

V Luxemburgu siedmeho októbra dvetisícdevätnásť.

V Luxembourgu, dne sedmega oktobra leta dva tisoč devetnajst.

Tehty Luxemburgissa seitsemäntenä päivänä lokakuuta vuonna kaksituhattayhdeksäntoista.

Som skedde i Luxemburg den sjunde oktober år tjugohundranitton.

Sačinjeno u Luksemburgu sedmog oktobra dvije hiljade devetnaeste godine.

Image 1


(1)  Ir-Regolament (UE) 2016/1624 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Settembru 2016 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u li jemenda r-Regolament (UE) 2016/399 tal- Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 863/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/267/KE (ĠU UE L 251, 16.9.2016, p. 1 ).

(2)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU UE L 295, 21.11.2018, p. 39).

(3)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU UE L 119, 4.5.2016, p. 1).

(4)  Id-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 89).


DIKJARAZZJONI KONĠUNTA

Il-Partijiet jaqblu li l-astensjoni milli tittieħed kwalunkwe miżura li jaf tfixkel xi prosekuzzjoni kriminali sussegwenti possibbli ta' membru tat-tim mill-awtoritajiet kompetenti tal-Montenegro tinkludi l-astensjoni mill-faċilitazzjoni b'mod attiv tar-ritorn ta' dak il-membru tat-tim mill-bini operazzjonali tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta fil-Montenegro lejn l-Istat Membru ta’ domiċilju tiegħu, sa meta ssir iċ-ċertifikazzjoni mid-direttur eżekuttiv tal-Aġenzija.