|
27.12.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 333/154 |
DEĊIŻJONI Nru 1/2019 TAL-KUMITAT TAL-FSE STABBILITA MILL-FTEHIM TA’ SĦUBIJA EKONOMIKA INTERIM BEJN IL-GHANA, MINN NAĦA WAĦDA, U L-KOMUNITÀ EWROPEA U L-ISTATI MEMBRI TAGĦHA, MIN-NAĦA L-OĦRA,
tat-2 ta’ Diċembru 2019
fir-rigward tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea [2019/2233]
IL-KUMITAT TAL-FSE,
Wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika interim bejn il-Ghana, minn naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra (il-“Ftehim”), iffirmat fi Brussell fit-28 ta’ Lulju 2016, u applikat fuq bażi provviżorja mill-15 ta’ Diċembru 2016, u b’mod partikolari l-Artikoli 76, 77 u 81 tiegħu,
Wara li kkunsidra t-Trattat li jikkonċerna l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea (“l-Unjoni”), u l-Att ta’ Adeżjoni tal-Ftehim iddepożitat mir-Repubblika tal-Kroazja fit-8 ta’ Novembru 2017,
Billi:
|
(1) |
Il-Ftehim japplika, minn naħa waħda, għat-territorji li fihom japplika t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u taħt il-kondizzjonijiet stipulati f’dak it-Trattat, u, min-naħa l-oħra, għat-territorju tal-Ghana. |
|
(2) |
Skont l-Artikolu 77 tal-Ftehim, il-Kumitat tal-EPA jista’ jiddeċiedi dwar kwalunkwe miżura emendatorja li tista’ tkun meħtieġa wara l-adeżjoni ta’ Stati Membri ġodda mal-Unjoni, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Ir-Repubblika tal-Kroazja, bħala Parti għall-Ftehim, għandha, bl-istess mod bħall-Istati Membri l-oħra tal-Unjoni, rispettivament tadotta u tieħu nota tat-test tal-Ftehim, kif ukoll tal-Annessi, il-Protokolli u d-Dikjarazzjonijiet mehmuża miegħu.
Artikolu 2
L-Artikolu 81 tal-Ftehim huwa sostitwit bis-segwenti:
“Artikolu 81
Testi awtentiċi
Dan il-Ftehim huwa mfassal f’żewġ eżemplari bil-lingwa Bulgara, Kroata, Ċeka, Daniża, Olandiża, Ingliża, Estona, Finlandiża, Franċiża, Ġermaniża, Griega, Ungeriża, Taljana, Latvjana, Litwana, Maltija, Pollakka, Portugiża, Rumena, Slovakka, Slovena, Spanjola u Żvediża, b’kull wieħed minn dawn it-testi ugwalment awtentiku.”
Artikolu 3
L-Unjoni għandha tikkomunika l-verżjoni tal-Ftehim bil-lingwa Kroata lill-Ghana.
Artikolu 4
1. Id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim għandhom japplikaw għall-merkanzija esportata mill-Ghana lejn ir-Repubblika tal-Kroazja jew mir-Repubblika tal-Kroazja lejn il-Ghana li tikkonforma mar-regoli tal-oriġini fis-seħħ fit-territorju tal-Partijiet għall-Ftehim li, fil-15 ta’ Diċembru 2016, kienet fi tranżitu jew f’ħażna temporanja, f’depost doganali jew f’żona ħielsa fil-Ghana jew fir-Repubblika tal-Kroazja.
2. Għandu jingħata trattament preferenzjali fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 1, sakemm tiġi ppreżentata prova tal-oriġini maħruġa retrospettivament mill-awtoritajiet doganali tal-pajjiż esportatur lill-awtoritajiet doganali tal-pajjiż importatur fi żmien erba’ xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 5
Il-Ghana timpenja ruħha li ma tintroduċi l-ebda pretensjoni, talba jew rimedju u lanqas ma timmodifika jew tirtira xi konċessjoni skont l-Artikolu XXIV (6) u l-Artikolu XXVIII tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (“GATT” — General Agreement on Tariffs and Trade) 1994 jew l-Artikolu XXI tal-Ftehim Ġenerali dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (“GATS” — General Agreement on Trade in Services) fir-rigward tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni.
Artikolu 6
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum li tiġi ffirmata.
Madankollu, l-Artikoli 3 u 4 għandhom japplikaw mill-15 ta’ Diċembru 2016.
Magħmul fi Brussell, it-2 ta’ Diċembru 2019.
Għall-Ghana
Alan KYEREMATEN
Ministru tal-Kummerċ u l-Industrija tar-Repubblika tal-Ghana
Għall-Unjoni Ewropea
Phil HOGAN
Kummissarju għall-Kummerċ Il-Kummissjoni Ewropea