27.12.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 333/151


DEĊIŻJONI Nru 1/2019 TAL-KUNSILL TA’ STABBILIZZAZZJONI U ASSOĊJAZZJONI UE-ALBANIJA

tat-28 ta’ Novembru 2019

dwar il-parteċipazzjoni tal-Albanija bħala osservatur fil-ħidma tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali u l-modalitajiet rispettivi tagħha, fil-qafas tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 168/2007 [2019/2232]

IL-KUNSILL TA’ STABBILIZZAZZJONI U ASSOĊJAZZJONI UE-ALBANIJA,

Wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika tal-Albanija, min-naħa l-oħra (1),

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 168/2007 tal-15 ta’ Frar 2007 li jistabbilixxi Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 28 tiegħu,

Billi

(1)

Il-Kunsill Ewropew tal-Lussemburgu ta’ Diċembru 1997 stabbilixxa li l-parteċipazzjoni fl-aġenziji tal-Unjoni tkun mezz li jaċċelera l-istrateġija ta’ qabel l-adeżjoni. Il-konklużjonijiet ta’ dak il-Kunsill Ewropew jgħidu li l-“aġenziji tal-Unjoni li fihom ikunu jistgħu jipparteċipaw il-pajjiżi applikanti jiġu ddeterminati fuq bażi ta’ każ b’każ”.

(2)

L-Albanija tikkondividi l-għanijiet u l-objettivi tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (l-“Aġenzija”) u tassoċja ruħha mal-ambitu u d-deskrizzjoni tal-ħidmiet tal-Aġenzija, kif previsti fir-Regolament (KE) Nru 168/2007.

(3)

Huwa xieraq li l-Aġenzija tkun tista’ tittratta kwistjonijiet ta’ drittijiet fundamentali li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 168/2007 fl-Albanija sa fejn ikun meħtieġ għall-allinjament gradwali tagħha mad-dritt tal-Unjoni.

(4)

Għaldaqstant, l-Albanija għandha titħalla tipparteċipa bħala osservatur fil-ħidma tal-Aġenzija u l-modalitajiet għal din il-parteċipazzjoni għandhom jiġu definiti, inklużi dispożizzjonijiet li jirrigwardaw il-parteċipazzjoni f’inizjattivi meħuda mill-Aġenzija, il-kontribuzzjoni finanzjarja u l-persunal.

(5)

Skont il-punt (a) tal-Artikolu 12(2) u l-punt (a) tal-Artikolu 82(3) tal-Kundizzjonijiet tal-Impjieg għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni Ewropea, stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 (3), id-Direttur tal-Aġenzija jista’, b’mod eċċezzjonali, jawtorizza l-ingaġġar ta’ ċittadini tal-Albanija li jgawdu d-drittijiet sħaħ tagħhom bħala ċittadini tali,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Albanija, bħala pajjiż kandidat, tipparteċipa bħala osservatur fl-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali, stabbilita mir-Regolament (KE) Nru 168/2007.

Artikolu 2

1.   L-Aġenzija tista’ tittratta kwistjonijiet ta’ drittijiet fundamentali li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 168/2007 fl-Albanija sa fejn ikun meħtieġ għall-allinjament gradwali tagħha mad-dritt tal-Unjoni.

2.   Għal dan il-għan, l-Aġenzija tista’ twettaq fl-Albanija l-kompiti stabbiliti fl-Artikoli 4 u 5 tar-Regolament (KE) Nru 168/2007.

Artikolu 3

L-Albanija għandha tikkontribwixxi finanzjarjament għall-attivitajiet tal-Aġenzija msemmija fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 168/2007 f’konformità mal-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 4

1.   L-Albanija għandha taħtar persuni li jissodisfaw il-kriterji previsti fl-Artikolu 12(1) tar-Regolament (KE) Nru 168/2007 bħala osservatur u sostitut, rispettivament. Huma jistgħu jipparteċipaw fil-ħidma tal-Bord ta’ Tmexxija fuq bażi ugwali mal-membri u s-sostituti maħtura mill-Istati Membri, iżda mingħajr id-dritt tal-vot.

2.   L-Albanija għandha tinnomina uffiċjal tal-gvern bħala l-Uffiċjal Nazzjonali ta’ Kuntatt, kif imsemmi fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament (KE) Nru 168/2007.

3.   Fi żmien erba’ xhur mid-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni, l-Albanija għandha tinforma lill-Kummissjoni Ewropea bl-ismijiet, il-kwalifiki u d-dettalji ta’ kuntatt tal-persuni msemmija fil-paragrafi 1 u 2.

Artikolu 5

Id-dejta pprovduta lil, jew derivanti minn, l-Aġenzija tista’ tiġi ppubblikata u tkun għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, bil-kundizzjoni li l-informazzjoni kunfidenzjali tingħata l-istess grad ta’ protezzjoni fl-Albanija hekk kif tingħata fl-Unjoni.

Artikolu 6

Fl-Albanija l-Aġenzija tgawdi l-istess kapaċità legali bħal dik mogħtija lill-entitajiet legali skont il-liġijiet tal-Albanija.

Artikolu 7

Sabiex l-Aġenzija u l-persunal tagħha jkunu jistgħu jwettqu l-kompiti tagħhom, l-Albanija tagħtihom il-privileġġi u l-immunitajiet identiċi għal dawk stabbiliti fl-Artikoli minn 1 sa 4, 5, 6, minn 10 sa 13, 15, 17 u 18 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 8

Kull waħda mill-Partijiet għandha tieħu kull miżura ġenerali jew speċifika li tkun meħtieġa sabiex ikunu sodisfatti l-obbligi tagħha skont din id-Deċiżjoni u tinnotifikahom lill-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni.

Artikolu 9

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tieni xahar wara d-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Novembru 2019.

Għall-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u

Assoċjazzjoni UE-Albanija

Il-President

J. BORRELL FONTELLES


(1)  ĠU L 107, 28.4.2009, p. 166.

(2)  ĠU L 53, 22.2.2007, p. 1.

(3)  ĠU L 56, 4.3.1968, p. 1.


ANNESS

KONTRIBUZZJONI FINANZJARJA TAL-ALBANIJA LILL-AĠENZIJA TAL-UNJONI EWROPEA GĦAD-DRITTIJIET FUNDAMENTALI

1.   

Il-kontribuzzjoni finanzjarja li għandha titħallas mill-Albanija għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea biex tipparteċipa fl-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (l-Aġenzija), kif stipulat fil-punt 2, tirrappreżenta l-kost sħiħ tal-parteċipazzjoni tagħha fiha għall-ewwel tliet snin. Mir-raba’ sena, l-ammonti jiġu determinati skont il-punt 6.

2.   

Il-kontribuzzjoni finanzjarja li għandha titħallas mill-Albanija għall-baġit ġenerali tal-Unjoni għall-ewwel tliet snin hija kif ġej:

Sena 1:

EUR 160 000

Sena 2:

EUR 163 000

Sena 3:

EUR 166 000

3.   

L-appoġġ finanzjarju possibbli mill-programmi ta’ assistenza tal-Unjoni ser jiġi miftiehem separatament skont il-programm tal-Unjoni relevanti.

4.   

Il-kontribuzzjoni tal-Albanija tkun amministrata skont ir-Regolament Finanzjarju (1) applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni.

5.   

L-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tal-għajxien li jintefqu mir-rappreżentanti u l-esperti tal-Albanija sabiex jieħdu sehem fil-ħidma tal-Aġenzija jew f’laqgħat relatati mal-implimentazzjoni tal-programm ta’ ħidma tal-Aġenzija għandhom jiġu rimborżati mill-Aġenzija fuq l-istess bażi tal-proċeduri attwalment fis-seħħ għall-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, u f’konformità ma’ dawn l-imsemmija proċeduri.

6.   

Wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni u fil-bidu ta’ kull sena sussegwenti, il-Kummissjoni se tibgħat lill-Albanija talba għall-fondi li jikkorrispondu għall-kontribuzzjoni tagħha lill-Aġenzija taħt din id-Deċiżjoni. Għall-ewwel sena kalendarja tal-parteċipazzjoni tagħha, l-Albanija se tħallas kontribuzzjoni kkalkulata mid-data tal-parteċipazzjoni sal-aħħar tas-sena fuq bażi pro rata. Għas-snin ta’ wara, il-kontribuzzjoni se tkun skont it-tabella fil-punt 2 ta’ dan l-Anness. Mir-raba’ sena, il-kontribuzzjoni se tiġi adattata fid-dawl ta’ kull żieda jew tnaqqis tas-sussidju tal-Aġenzija sabiex tinżamm l-analoġija bejn il-kontribuzzjoni għall-Albanija u l-baġit tal-Aġenzija għall-UE-28. Il-kontribuzzjoni tista’ wkoll tiġi rieżaminata fis-snin finanzjarji segwenti fuq il-bażi tal-aħħar dejta statistika ppubblikata mill-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Unjoni Ewropea (Eurostat).

7.   

Din il-kontribuzzjoni tkun espressa f’EUR u mħallsa f’kont bankarju tal-EUR tal-Kummissjoni.

8.   

L-Albanija tħallas il-kontribuzzjoni tagħha skont it-talba għal fondi għall-parti tagħha sa 30 jum wara li t-talba għall-fondi tintbagħat mill-Kummissjoni.

9.   

Kwalunkwe dewmien fil-ħlas tal-kontribuzzjoni jġib miegħu ħlas ta’ imgħax mill-Albanija fuq l-ammont pendenti mid-data li fih ikun dovut. Ir-rata tal-imgħax tikkorrispondi għar-rata applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew fid-data li fiha l-ħlas ikun dovut għall-operazzjonijiet tiegħu f’EUR, biż-żieda ta’ 1,5 punt perċentwali.


(1)  Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).