12.9.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 235/5


DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE Nru 84/2019

tad-29 ta' Marzu 2019

li temenda l-Anness IX (Servizzi finanzjarji) tal-Ftehim ŻEE [2019/1400]

IL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE,

Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (“il-Ftehim ŻEE”), u b'mod partikolari l-Artikolu 98 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2017/1129 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Ġunju 2017 dwar il-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ f'suq regolat, u li jħassar id-Direttiva 2003/71/KE (1) għandu jiġi inkorporat fil-Ftehim ŻEE.

(2)

Ir-Regolament (UE) 2017/1129 iħassar id-Direttiva 2003/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), li hija inkorporata fil-Ftehim ŻEE u li għalhekk, bħala konsegwenza, għandha titħassar skont il-Ftehim ŻEE b'effett mill-21 ta' Lulju 2019.

(3)

Għalhekk, l-Anness IX tal-Ftehim ŻEE jenħtieġ li jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Anness IX tal-Ftehim ŻEE għandu jiġi emendat kif ġej:

1.

Il-punt 29b (id-Direttiva 2003/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill) jitħassar b'effett mill-21 ta' Lulju 2019.

2.

Dan li ġej jiddaħħal wara l-punt 29bc (ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/301):

“29bd.

32017 R 1129: Ir-Regolament (UE) 2017/1129 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Ġunju 2017 dwar il-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ f'suq regolat, u li jħassar id-Direttiva 2003/71/KE (ĠU L 168, 30.6.2017, p. 12).

Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament għandhom, għall-finijiet ta' dan il-Ftehim, jinqraw bl-adattamenti li ġejjin:

(a)

Minkejja d-dispożizzjonijiet tal-Protokoll 1 ta' dan il-Ftehim, u sakemm ma jkunx provdut mod ieħor f'dan il-Ftehim, it-termini ‘Stat Membru/i’ u ‘awtoritajiet kompetenti’ għandhom jinftiehmu li jinkludu, apparti t-tifsira tagħhom fir-Regolament, l-Istati tal-EFTA u l-awtoritajiet kompetenti tagħhom, rispettivament.

(b)

Referenzi għal atti oħrajn fir-Regolament għandhom jitqiesu rilevanti sal-punt u b'mod li dawk l-atti jiġu inkorporati fil-Ftehim.

(c)

Fl-Artikolu 9(3), il-kliem ‘jew id-data tad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 84/2019 tad-29 ta' Marzu 2019, skont liema waħda tiġi l-aħħar’ għandu jiddaħħal wara l-kliem ‘il-21 ta' Lulju 2019’.

(d)

Fl-Artikolu 22(11), il-kliem ‘id-dritt tal-Unjoni’ għandu jiġi sostitwit bil-kliem ‘il-Ftehim ŻEE’.

(e)

Fit-tieni sentenza tal-Artikolu 33(5), il-kliem ‘jew, skont il-każ, l-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA’ għandu jiddaħħal wara l-kelma ‘ESMA’.

(f)

Fl-Artikolu 34(1), fir-rigward tal-Istati tal-EFTA, il-kliem ‘u l-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA’ għandu jiddaħħal wara l-kelma ‘ESMA’.

(g)

Fl-Artikolu 35(2), il-kliem ‘stipulat mill-Unjoni’ għandu jiġi sostitwit bi ‘tal-Ftehim ŻEE’.

(h)

Fit-tieni sentenza tal-Artikolu 37(3), il-kliem ‘jew, skont il-każ, l-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA’ għandu jiddaħħal wara l-kelma ‘ESMA’.

(i)

Fl-Artikolu 38(2)(d), il-kliem ‘id-dritt tal-Unjoni’ għandu jinqara ‘dispożizzjonijiet tal-Ftehim ŻEE’.

(j)

Fl-Artikolu 46(3), il-kliem ‘jew id-data tad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 84/2019 tad-29 ta' Marzu 2019, skont liema waħda tiġi l-aħħar’ għandu jiddaħħal wara l-kliem ‘il-21 ta' Lulju 2019’.

(k)

Fl-Artikolu 49(2) u (3), il-kliem ‘jew id-data tad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 84/2019 tad-29 ta' Marzu 2019, skont liema waħda tiġi l-aħħar’ għandu jiddaħħal wara l-kliem ‘il-21 ta' Lulju 2019’.

(l)

Fl-Artikolu 49(2), il-kliem ‘il-21 ta' Lulju 2018’ u l-kliem ‘l-20 ta' Lulju 2017’ għandu jinqara ‘id-data tad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 84/2019 tad-29 ta' Marzu 2019’.”

Artikolu 2

It-test tar-Regolament (UE) 2017/1129 bl-Iżlandiż u bin-Norveġiż, li għandu jiġi ppubblikat fis-Suppliment taż-ŻEE ta' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, għandu jkun awtentiku.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-30 ta' Marzu 2019 jew fil-jum ta' wara l-aħħar notifika skont l-Artikolu 103(1) tal-Ftehim taż-ŻEE (*1), skont liema minnhom jiġi l-aħħar.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fit-Taqsima taż-ŻEE ta' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, u fis-Suppliment tiegħu dwar iż-ŻEE.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta' Marzu 2019.

Għall-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

Il-President

Claude MAERTEN


(1)   ĠU L 168, 30.6.2017, p. 12.

(2)   ĠU L 345, 31.12.2003, p. 64.

(*1)  Hemm indikati rekwiżiti kostituzzjonali.