|
22.8.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 219/1 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE Nru 193/2017
tas-27 ta' Ottubru 2017
li temenda l-Anness I (Kwistjonijiet veterinarji u fitosanitarji) tal-Ftehim ŻEE [2019/1356]
IL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE,
Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (“il-Ftehim ŻEE”), u b'mod partikolari l-Artikolu 98 tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1178 tat-2 ta' Ġunju 2017 li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2016/2008 dwar miżuri ta' kontroll tas-saħħa tal-annimali marbutin mal-marda tal-infafet fil-ġilda f'ċerti Stati Membri (1) trid tiġi inkorporata fil-ftehim ŻEE. |
|
(2) |
Din id-Deċiżjoni tikkonċerna l-leġiżlazzjoni dwar annimali ħajjin apparti ħut u annimali tal-akkwakultura u prodotti tal-annimali bħall-ova, l-embrijuni u s-semen. Il-leġiżlazzjoni li tikkonċerna dawn il-kwistjonijiet ma għandhiex tapplika għall-Iżlanda, kif speċifikat fil-paragrafu 2 tal-Parti Introduttorja tal-Kapitolu I tal-Anness I tal-Ftehim ŻEE. Għaldaqstant, din id-Deċiżjoni ma tapplikax għall-Iżlanda. |
|
(3) |
Din id-Deċiżjoni tikkonċerna l-leġiżlazzjoni dwar kwistjonijiet veterinarji. Il-leġiżlazzjoni dwar kwistjonijiet veterinarji ma għandhiex tapplika għal-Liechtenstein sakemm l-applikazzjoni tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar il-kummerċ fi prodotti agrikoli tibqa' estiża għal-Liechtenstein, kif speċifikat fl-adattamenti settorjali tal-Anness I tal-Ftehim ŻEE. Għaldaqstant, din id-Deċiżjoni ma tapplikax għal-Liechtenstein. |
|
(4) |
Għaldaqstant, l-Anness I tal-Ftehim ŻEE jenħtieġ li jiġi emendat skont dan, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Dan li ġej jiżdied mal-punt 152 (Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2008) fil-Parti 1.2 tal-Kapitolu I tal-Anness I tal-Ftehim ŻEE:
“, kif emendata bi:
|
— |
32017 D 1178: id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1178 tat-2 ta' Ġunju 2017 (ĠU L 170, 1.7.2017, p. 98).” |
Artikolu 2
It-test tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/1178 bil-lingwa Norveġiża, li ser jiġi ppubblikat fis-Suppliment dwar iż-ŻEE ta' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, għandu jkun awtentiku.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-28 ta' Ottubru 2017, bil-kundizzjoni li jkunu saru n-notifiki kollha skont l-Artikolu 103(1) tal-Ftehim ŻEE. (*1).
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fit-Taqsima taż-ŻEE ta' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fis-Suppliment tiegħu dwar iż-ŻEE.
Magħmul fi Brussell, is-27 ta' Ottubru 2017.
Għall-Kumitat Konġunt taż-ŻEE
Il-President
Sabine MONAUNI
(1) ĠU L 170, 1.7.2017, p. 98.
(*1) Ma huwa indikat l-ebda rekwiżit kostituzzjonali.