19.3.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 75/128


DEĊIŻJONI Nru 2/2019 TAL-KUNSILL KONĠUNT

stabbilit skont il-Ftehim ta' Sħubija Ekonomika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u l-Istati EPA SADC min-naħa l-oħra,

tad-19 ta' Frar 2019

dwar l-adozzjoni tar-Regoli ta' Proċedura għall-evitar u soluzzjoni tat-tilwim u l-Kodiċi ta' Kondotta għall-Arbitri u l-Medjaturi [2019/438]

IL-KUNSILL KONĠUNT,

Wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija Ekonomika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u l-Istati EPA SADC, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”) u b'mod partikolari l-Artikolu 89(1) u l-Artikoli 100, 101 u 102 tiegħu,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Ir-Regoli ta' Proċedura għall-evitar u r-riżoluzzjoni tat-tilwim, kif indikat fl-Anness I għal din id-Deċiżjoni, huma b'dan adottati.

Artikolu 2

Il-Kodiċi ta' Kondotta għall-arbitri u l-medjaturi, kif indikat fl-Anness II għal din id-Deċiżjoni, huma b'dan adottati.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul f'Cape Town, id-19 ta' Frar 2019.

Għall-Kunsill Konġunt

Rappreżentant tal-Istati EPA SADC

Bogolo Joy KENEWENDO

Rappreżentant tal-UE

Cecilia MALMSTRÖM


ANNESS I

REGOLI TA' PROĊEDURA GĦALL-EVITAR U R-RIŻOLUZZJONI TAT-TILWIM

Artikolu 1

Definizzjonijiet

F'dawn ir-Regoli ta' Proċedura u f'konformità mal-Parti III (Evitar u riżoluzzjoni tat-tilwim) tal-Ftehim:

(a)

“persunal amministrattiv”, fir-rigward ta' arbitru, tfisser individwi taħt id-direzzjoni u l-kontroll ta' arbitru, minbarra assistenti;

(b)

“konsulent” tfisser individwu magħżul minn Parti sabiex jagħti pariri jew jassisti lil dik il-Parti b'konnessjoni mal-proċedimenti ta' arbitraġġ;

(c)

“il-Ftehim” tfisser il-Ftehim ta' Sħubija Ekonomika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Istati EPA SADC, min-naħa l-oħra, iffirmat fl-10 ta' Ġunju 2016;

(d)

“arbitru” tfisser membru tal-bord tal-arbitraġġ;

(e)

“bord tal-arbitraġġ” tfisser bord stabbilit skont l-Artikolu 80 tal-Ftehim;

(f)

“assistent” tfisser individwu li, skont it-termini tal-ħatra u taħt id-direzzjoni u l-kontroll ta' arbitru, iwettaq riċerka jew jipprovdi assistenza lil dak l-arbitru;

(g)

“parti lmentatriċi” tfisser kwalunkwe Parti li titlob it-twaqqif ta' bord tal-arbitraġġ skont l-Artikolu 80 tal-Ftehim;

(h)

“jum” tfisser jum kalendarju;

(i)

“Parti” tfisser Partijiet fit-tilwima;

(j)

“parti konvenuta” tfisser il-Parti li hija allegata li qiegħda tikser id-dispożizzjonijiet koperti taħt l-Artikolu 76 tal-Ftehim; u

(k)

“rappreżentant ta' Parti” tfisser impjegat jew kwalunkwe individwu maħtur minn dipartiment jew aġenzija tal-gvern jew kwalunkwe entità pubblika oħra ta' Parti li tirrappreżenta l-Parti għall-finijiet ta' tilwim taħt il-Ftehim.

Artikolu 2

Notifiki

1.   Kwalunkwe talba, notifika, sottomissjoni bil-miktub jew dokument ieħor tal-bord tal-arbitraġġ għandhom jintbagħtu liż-żewġ Partijiet fl-istess ħin.

2.   Kwalunkwe talba, notifika, sottomissjoni bil-miktub jew dokument ieħor tal-parti li hija indirizzata lill-bord tal-arbitraġġ għandha tiġi kkupjata lill-Parti l-oħra fl-istess ħin.

3.   Kwalunkwe talba, notifika, sottomissjoni bil-miktub jew dokument ieħor tal-parti li hija indirizzata lill-Parti l-oħra għandha tiġi kkupjata lill-bord tal-arbitraġġ fl-istess ħin, fejn xieraq.

4.   Kwalunkwe notifika msemmija fil-paragrafi 1, 2 u 3 għandha ssir permezz tal-posta elettronika jew, fejn xieraq, b'kull mezz ieħor ta' telekomunikazzjoni li jipprovdi rekord li d-dokument ikun intbagħat. Sakemm ma jkunx ippruvat mod ieħor, in-notifika għandha titqies li tkun waslet fl-istess jum li tkun intbagħtet.

5.   In-notifiki għandhom ikunu indirizzati lid-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ tal-Kummissjoni Ewropea tal-Unjoni Ewropea u lill-koordinatur tal-Istati EPA SADC, previsti fl-Artikolu 105 tal-Ftehim.

6.   Żbalji żgħar ta' natura klerikali li jsiru f'xi talba, notifika, sottomissjoni bil-miktub jew dokument ieħor relatat mal-proċedimenti tal-bord tal-arbitraġġ jistgħu jitranġaw permezz tal-kunsinna ta' dokument ġdid li jindika l-bidliet b'mod ċar.

7.   Jekk l-aħħar jum għall-kunsinna ta' dokument jaħbat jum ta' btala pubblika tal-Kummissjoni Ewropea jew tal-Istat jew l-Istati EPA SADC kkonċernati, id-dokument għandu jitqies li jkun intbagħat fil-jum ta' xogħol li jkun imiss.

8.   Skont in-natura tat-tilwima, it-talbiet u n-notifiki kollha indirizzati lill-Kumitat tal-Kummerċ u l-Iżvilupp għandhom ikunu kkupjati lis-sottokumitati rilevanti l-oħra stabbiliti taħt il-Ftehim.

Artikolu 3

Ħatra ta' arbitri

1.   Jekk, skont l-Artikolu 80 tal-Ftehim, arbitru jiġi magħżul bil-polza, il-President tal-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp għandu minnufih jinforma lill-Partijiet dwar id-data, il-ħin u l-post tal-polza.

2.   Il-Partijiet jistgħu jkunu preżenti waqt it-tlugħ bil-polza, u l-polza għandha ssir mal-Parti jew Partijiet li jkunu preżenti.

3.   Il-President tal-Kumitat tal-Kummerċ u tal-Iżvilupp għandu jinnotifika, bil-miktub, kull individwu li jkun ntgħażel sabiex iservi ta' arbitru bil-ħatra tiegħu. Kull individwu għandu jikkonferma d-disponibbiltà tiegħu liż-żewġ Partijiet fi żmien ħamest (5) ijiem mid-data li fiha jkun ġie infurmat bil-ħatra tiegħu.

4.   F'każ li l-lista prevista fl-Artikolu 94 tal-Ftehim ma tkunx ġiet stabbilita jew ma tinkludix biżżejjed ismijiet fiż-żmien li fih issir it-talba skont l-Artikolu 80(3) tal-Ftehim, l-arbitri għandhom jintgħażlu bil-polza minn fost l-individwi li jkunu ġew formalment proposti minn Parti waħda jew miż-żewġ Partijiet.

Artikolu 4

Laqgħa organizzazzjonali

1.   Sakemm il-Partijiet ma jiftehmux mod ieħor, huma għandhom jiltaqgħu mal-bord tal-arbitraġġ fi żmien għaxart (10) ijiem mit-twaqqif tiegħu biex jistabbilixxu dawk il-kwistjonijiet kif l-Partijiet jew il-bord tal-arbitraġġ iqisu xierqa, inkluż:

(a)

ir-remunerazzjoni u l-ispejjeż li għandhom jitħallsu lill-arbitri, skont l-istandards tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO);

(b)

ir-remunerazzjoni li għandha titħallas lill-assistent(i), li l-ammont totali tagħha ma għandux jaqbeż il-50 % tar-rimunerazzjoni li titħallas lill-arbitru(i); jew

(c)

is-skeda ta' żmien tal-proċedimenti.

2.   L-arbitri u r-rappreżentanti tal-Partijiet jistgħu jieħdu sehem fil-laqgħa msemmija fil-paragrafu 1 permezz ta' konferenza bit-telefon jew b'mezz awdjoviżiv.

Artikolu 5

Termini ta' referenza

1.   Sakemm il-Partijiet ma jiftehmux mod ieħor, fi żmien sebat (7) ijiem mid-data tat-twaqqif tal-bord tal-arbitraġġ, it-termini ta' referenza tal-bord tal-arbitraġġ għandhom ikunu:

(a)

l-eżami, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Ftehim ċċitati mill-Partijiet, tal-kwistjoni msemmija fit-talba għall-istabbiliment tal-bord tal-arbitraġġ;

(b)

il-formulazzjoni ta' konklużjonijiet dwar il-konformità tal-miżura inkwistjoni mad-dispożizzjonijiet koperti taħt l-Artikolu 76 tal-Ftehim; u

(c)

il-preżentazzjoni ta' rapport f'konformità mal-Artikoli 81 u 82 tal-Ftehim.

2.   Jekk il-Partijiet jaqblu dwar termini ta' referenza oħra, dawn għandhom jinnotifikaw it-termini ta' referenza maqbula lill-bord tal-arbitraġġ fil-perijodu ta' żmien stabbilit fil-paragrafu 1.

Artikolu 6

Sottomissjonijiet bil-miktub

Il-Parti lmentatriċi għandha tippreżenta s-sottomissjoni inizjali tagħha bil-miktub mhux aktar tard minn għoxrin (20) jum wara l-istabbiliment tal-bord tal-arbitraġġ. Il-Parti konvenuta għandha tippreżenta s-sottomissjoni tagħha bil-miktub sa mhux aktar tard minn għoxrin (20) jum wara d-data tal-kunsinna tas-sottomissjoni bil-miktub tal-Parti lmentatriċi.

Artikolu 7

Operat tal-bord tal-arbitraġġ

1.   Il-President tal-bord tal-arbitraġġ għandu jippresiedi fil-laqgħat kollha tiegħu. Il-bord tal-arbitraġġ jista' jiddelega l-awtorità lill-President biex jieħu deċiżjonijiet amministrattivi u proċedurali.

2.   Sakemm ma jkunx stipulat mod ieħor fil-Parti III tal-Ftehim jew f'dawn ir-Regoli ta' Proċedura, il-bord tal-arbitraġġ jista' jwettaq l-attivitajiet tiegħu bi kwalunkwe mezz, inkluż bit-telefon, trażmissjonijiet bil-fax jew kollegamenti bil-kompjuter.

3.   L-arbitri biss jistgħu jieħdu sehem fid-deliberazzjonijiet tal-bord tal-arbitraġġ, iżda l-bord tal-arbitraġġ jista' jippermetti li l-assistenti tal-arbitri jkunu preżenti waqt id-deliberazzjonijiet tiegħu.

4.   L-abbozzar ta' kwalunkwe deċiżjoni jew rapport għandu jibqa' r-responsabbiltà esklużiva tal-bord tal-arbitraġġ u ma għandux jiġi ddelegat.

5.   Meta tqum xi kwistjoni proċedurali li mhix koperta mill-Parti III tal-Ftehim u l-Annessi tiegħu, il-bord tal-arbitraġġ, wara li jikkonsulta lill-Partijiet, jista' jadotta proċedura xierqa li tkun kompatibbli ma' dawk id-dispożizzjonijiet.

6.   Meta l-bord tal-arbitraġġ jikkunsidra li hemm il-ħtieġa li jinbidel xi limitu ta' żmien għall-proċedimenti tiegħu minbarra l-limiti ta' żmien stipulati fil-Parti III tal-Ftehim jew li jsir xi aġġustament proċedurali jew amministrattiv, għandu jinforma lill-Partijiet, bil-miktub u wara li jikkonsultahom, bir-raġunijiet għall-bidla jew għall-aġġustament u bil-perijodu ta' żmien il-ġdid jew l-aġġustament meħtieġ.

Artikolu 8

Sostituzzjoni

1.   Jekk arbitru ma jkunx jista' jipparteċipa fil-proċedimenti, jirtira jew ikollu jinbidel, għandu jintgħażel sostitut f'konformità mal-Artikolu 80(3) tal-Ftehim.

2.   Meta Parti tqis li l-arbitru ma jikkonformax mar-rekwiżiti tal-Anness II (Kodiċi ta' Kondotta għall-arbitri u l-medjaturi) u għaldaqstant jenħtieġ li jiġi sostitwit, din il-Parti għandha tinnotifika lill-Parti l-oħra fi żmien ħmistax(15)-il jum mid-data meta tkun kisbet evidenza suffiċjenti tal-allegat nuqqas ta' konformità tal-arbitru mal-ħtiġiet ta' dak l-Anness.

3.   Il-Partijiet għandhom jikkonsultaw lil xulxin fi żmien ħmistax(15)-il jum min-notifika lill-Parti l-oħra.

4.   Il-Partijiet għandhom jinfurmaw lill-arbitru bl-allegat nuqqas ta' konformità tiegħu u jistgħu jitolbu lill-arbitru biex jieħu passi biex jirrimedja l-allegat nuqqas ta' konformità. Huma jistgħu wkoll, jekk jaqblu fuq hekk, ineħħu lill-arbitru u jagħżlu arbitru ġdid skont l-Artikolu 80 tal-Ftehim.

5.   Jekk il-Partijiet jonqsu milli jaqblu dwar il-bżonn li jinbidel l-arbitru, u mhux il-President tal-bord tal-arbitraġġ, kwalunkwe Parti tista' titlob li din il-kwistjoni tiġi riferuta lill-President tal-bord tal-arbitraġġ, u d-deċiżjoni tiegħu għandha tkun finali.

6.   Jekk il-President tal-bord tal-arbitraġġ ssib li l-arbitru ma jikkonformax mar-rekwiżiti tal-Anness II (Kodiċi ta' Kondotta għall-arbitri u l-medjaturi), l-arbitru l-ġdid għandu jintgħażel skont l-Artikolu 80 tal-Ftehim.

7.   Jekk il-Partijiet jonqsu milli jaqblu dwar il-ħtieġa li jibdlu l-President, kull Parti tista' titlob li din il-kwistjoni tingħadda lil xi wieħed mill-membri li jkun fadal mil-lista ta' individwi msemmija fl-Artikolu 94 tal-Ftehim magħżula biex jaġixxu ta' President tal-bord tal-arbitraġġ. Ismu jew isimha għandu jittella' bil-polza mill-President tal-Kumitat tal-Kummerċ u tal-Iżvilupp. L-individwu magħżul b'dan il-mod għandu jieħu deċiżjoni dwar jekk il-President huwiex konformi mar-rekwiżiti tal-Anness II (Kodiċi ta' Kondotta għall-arbitri u l-medjaturi). Dik id-deċiżjoni għandha tkun finali. Jekk id-deċiżjoni tkun li l-President ma jikkonformax mar-rekwiżiti tal-Anness II (Kodiċi ta' Kondotta għall-arbitri u l-medjaturi), għandu jintgħażel President ġdid skont l-Artikolu 80 tal-Ftehim.

Artikolu 9

Seduti

1.   Skont l-iskeda determinata skont l-Artikolu 4(1)(c), wara li jikkonsulta mal-Partijiet u l-arbitri l-oħra, il-President tal-bord tal-arbitraġġ għandu jinnotifika lill-Partijiet dwar id-data, il-ħin u l-post tas-seduta. Din l-informazzjoni għandha tkun disponibbli pubblikament mill-Parti li fit-territorju tagħha ssir is-seduta, sakemm is-seduta ma tkunx magħluqa għall-pubbliku.

2.   Ħlief jekk il-Partijiet ma jaqblux mod ieħor, is-seduta għandha ssir fi Brussell jekk il-Parti lmentatriċi hija Stat EPA SADC jew l-Unjoni Doganali tan-Nofsinhar tal-Afrika (SACU), skont kif ikun il-każ, u fit-territorji tal-Istati EPA SADC jekk il-Parti lmentatriċi tkun l-Unjoni Ewropea. Jekk it-tilwima tikkonċerna miżura meħuda minn Stat EPA SADC, is-seduta għandha ssir fit-territorju ta' dak l-Istat sakemm l-Istat ma jagħtix avviż bil-miktub lill-bord tal-arbitraġġ fi żmien għaxart (10) ijiem mill-istabbiliment tiegħu li għandu jintuża post ieħor.

3.   Il-Parti konvenuta għandha tifdi l-ispejjeż tal-amministrazzjoni tal-loġistika waqt is-seduta, li jinkludu spejjeż relatati mal-kiri ta' post għas-seduta. Dawn l-ispejjeż ma għandhomx jinkludu kwalunkwe spiża għat-traduzzjoni jew l-interpretazzjoni, jew kwalunkwe spejjeż assoċjati ma' jew pagabbli lill-konsulenti, l-arbitri jew il-persunal amministrattiv tal-arbitri jew assistent(i) tagħhom.

4.   Il-bord tal-arbitraġġ jista' jsejjaħ seduti addizzjonali jekk il-Partijiet jaqblu dwar dan.

5.   L-arbitri kollha għandhom ikunu preżenti matul is-seduta kollha.

6.   Sakemm il-Partijiet ma jaqblux mod ieħor, il-persuni li ġejjin jistgħu jkunu preżenti għas-seduta, irrispettivament jekk il-proċedimenti jkunux miftuħin għall-pubbliku jew le:

(a)

rappreżentanti ta' Parti;

(b)

konsulenti;

(c)

assistenti u persunal amministrattiv;

(d)

interpreti, tradutturi u relaturi tal-qorti tal-bord tal-arbitraġġ; u

(e)

esperti, kif deċiż minn bord tal-arbitraġġ skont l-Artikolu 90 tal-Ftehim.

7.   Mhux aktar tard minn sebat (7) ijiem tax-xogħol qabel id-data ta' seduta, kull Parti għandha tagħti lill-bord tal-arbitraġġ u lill-Parti l-oħra lista bl-ismijiet ta' dawk il-persuni li ser jagħmlu argumenti jew preżentazzjonijiet orali matul is-seduta f'isem dik il-Parti u ta' rappreżentanti u konsulenti oħra li ser jattendu s-seduta.

8.   Skont l-Artikolu 89(2) tal-Ftehim, is-seduti tal-bord tal-arbitraġġ għandhom ikunu miftuħin għall-pubbliku, sakemm il-bord tal-arbitraġġ ma jiddeċidix mod ieħor ex officio jew fuq it-talba tal-Partijiet.

9.   B'konsultazzjoni mal-Partijiet, il-bord tal-arbitraġġ għandu jiddeċiedi dwar il-proċeduri u l-arranġamenti loġistiċi adatti biex jiġi żgurat li s-seduti li jkunu miftuħa jkunu ġestiti b'mod effettiv. Dawn il-proċeduri jistgħu jinkludu l-użu ta' xandir dirett bl-Internet jew ta' televiżjoni b'ċirkwit magħluq.

10.   Il-bord tal-arbitraġġ għandu jmexxi s-seduta b'dan il-mod li ġej, filwaqt li jiżgura li l-Parti lmentatriċi u l-Parti konvenuta jingħataw l-istess ħin kemm fit-talba u fil-kontrotalba:

 

Talba

(a)

it-talba tal-Parti lmentatriċi;

(b)

it-talba tal-Parti konvenuta.

 

Kontrotalba

(a)

ir-risposta tal-Parti lmentatriċi;

(b)

il-kontrorisposta tal-Parti konvenuta.

11.   Il-bord tal-arbitraġġ jista' jindirizza direttament mistoqsijiet liż-żewġ Partijiet fi kwalunkwe ħin matul is-seduta.

12.   Il-bord tal-arbitraġġ għandu jagħmel arranġamenti għal traskrizzjoni ta' seduta biex tiġi ppreparata u tingħata lill-Partijiet f'perijodu ta' żmien raġonevoli wara s-seduta. Il-Partijiet involuti fit-tilwima jistgħu jikkummentaw dwar it-traskrizzjoni, u l-bord tal-arbitraġġ jista' jikkunsidra dawk il-kummenti.

13.   Kull Parti tista' tippreżenta sottomissjoni supplimentari bil-miktub rigward kwalunkwe kwistjoni li tkun qamet matul is-seduta fi żmien għaxart (10) ijiem mid-data tas-seduta.

Artikolu 10

Mistoqsijiet bil-miktub

1.   Il-bord tal-arbitraġġ jista' fi kwalunkwe ħin matul il-proċedimenti jindirizza mistoqsijiet bil-miktub lil waħda mill-Partijiet jew lit-tnejn li huma. Kwalunkwe mistoqsija sottomessa lil waħda mill-Partijiet għandha tiġi kkupjata lill-Parti l-oħra.

2.   Kull Parti għandha wkoll tipprovdi lill-Parti l-oħra kopja tat-tweġibiet tagħha bil-miktub għall-mistoqsijiet tal-bord tal-arbitraġġ. Il-Parti l-oħra għandu jkollha l-opportunità li tipprovdi kummenti bil-miktub dwar it-tweġibiet tal-Parti fi żmien sebat (7) ijiem wara l-kunsinna ta' dik il-kopja.

Artikolu 11

Kunfidenzjalità

1.   Kull Parti u l-bord tal-arbitraġġ għandhom jittrattaw bħala kunfidenzjali l-informazzjoni ppreżentata mill-Parti l-oħra lill-bord tal-arbitraġġ li dik il-Parti tkun indikat bħala tali. Meta Parti tissottometti lill-bord tal-arbitraġġ sottomissjoni bil-miktub li jkun fiha informazzjoni kunfidenzjali, din għandha tipprovdi wkoll, fi żmien ħmistax(15)-il jum, sottomissjoni mingħajr l-informazzjoni kunfidenzjali u li tista' tiġi żvelata lill-pubbliku.

2.   Ma hemm xejn f'dawn ir-Regoli ta' Proċedura li għandu jipprekludu Parti involuta fit-tilwima milli tiżvela stqarrijiet biex turi l-pożizzjonijiet tagħha lill-pubbliku, sakemm meta tirreferi għal informazzjoni mressqa mill-Parti l-oħra, ma tikxifx informazzjoni mmarkata mill-Parti l-oħra bħala kunfidenzjali.

3.   Il-bord tal-arbitraġġ għandu jiltaqa' f'seduta magħluqa meta s-sottomissjoni u l-argumenti ta' xi Parti jkun fihom informazzjoni kunfidenzjali. Il-Partijiet għandhom iżommu l-kunfidenzjalità tas-seduti tal-bord tal-arbitraġġ meta dawn jinżammu f'sessjonijiet fil-magħluq.

Artikolu 12

Kuntatti ex parte

1.   Il-bord tal-arbitraġġ ma għandux jiltaqa' jew jikkomunika ma' Parti fl-assenza tal-Parti l-oħra.

2.   L-ebda arbitru ma għandu jiddiskuti kwalunkwe aspett tal-kontenut tal-proċedimenti ma' Parti waħda jew maż-żewġ Partijiet fl-assenza tal-arbitri l-oħra.

Artikolu 13

Sottomissjonijiet amicus curiae

1.   Ħlief jekk il-Partijiet ma jaqblux mod ieħor, fi żmien ħamest (5) ijiem ta' xogħol mid-data tat-twaqqif tal-bord tal-arbitraġġ, il-bord tal-arbitraġġ jista' jirċievi sottomissjonijiet bil-miktub mhux mitluba minn persuna fiżika ta' Parti jew persuna ġuridika stabbilita fit-territorju ta' Parti li hija indipendenti mill-gvernijiet tal-Partijiet, sakemm dawn:

(a)

jaslu għand il-bord tal-arbitraġġ fi żmien għaxart (10) ijiem ta' xogħol mid-data tat-twaqqif tal-bord tal-arbitraġġ;

(b)

huma direttament rilevanti għal kwistjoni fattwali jew legali li jkunu qed jiġu kkunsidrati mill-bord tal-arbitraġġ;

(c)

jinkludu deskrizzjoni tal-persuna li tkun qiegħda tagħmel is-sottomissjoni, inkluż, għal persuna fiżika, in-nazzjonalità tagħha u għal persuna ġuridika, il-post ta' stabbiliment tagħha, in-natura tal-attivitajiet tagħha, l-istatus legali tagħha, l-għanijiet ġenerali tagħha u s-sorsi tagħha ta' finanzjament;

(d)

jispeċifikaw in-natura tal-interess li dik il-persuna għandha fil-proċedimenti tal-bord tal-arbitraġġ; u

(e)

dawn huma mfassla bil-lingwi magħżula mill-Partijiet skont l-Artikolu 15(1) u (2) ta' dawn ir-Regoli ta' Proċedura.

2.   Kull sottomissjoni għandha tiġi nnotifikata lill-Partijiet involuti fit-tilwima għall-kummenti tagħhom. Il-Partijiet jistgħu jibagħtu l-kummenti tagħhom, fi żmien għaxart (10) ijiem mid-data tal-kunsinna, lill-bord tal-arbitraġġ.

3.   Il-bord tal-arbitraġġ għandu jelenka s-sottomissjonijiet kollha li jkun irċieva li jkunu konformi mal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu. Il-bord tal-arbitraġġ ma għandux ikun obbligat jindirizza, fir-rapport tiegħu, l-argumenti li saru f'dawn is-sottomissjonijiet; madankollu, jekk dan ikun il-każ, għandu wkoll jieħu kont ta' kwalunkwe kummenti magħmula mill-Partijiet skont il-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu.

Artikolu 14

Każijiet urġenti

F'każijiet ta' urġenza msemmija fil-Parti III tal-Ftehim, il-bord tal-arbitraġġ, wara li jikkonsulta lill-Partijiet, għandu jaġġusta, kif jixraq, il-perijodi ta' żmien imsemmija f'dawn ir-Regoli ta' Proċedura. Il-bord tal-arbitraġġ għandu jinnotifika lill-Partijiet b'dawn l-aġġustamenti.

Artikolu 15

Traduzzjoni u interpretazzjoni

1.   Matul il-konsultazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 77 tal-Ftehim, u mhux iktar tard mil-laqgħa msemmija fl-Artikolu 4(1) ta' dawn ir-Regoli ta' Proċedura, il-Partijiet għandhom jippruvaw jaqblu dwar lingwa ta' ħidma komuni għall-proċedimenti quddiem il-bord tal-arbitraġġ.

2.   Jekk il-Partijiet ma jistgħux jaqblu dwar lingwa ta' ħidma komuni sa dakinhar, għandhom japplikaw ir-regoli stipulati fl-Artikolu 91(2) tal-Ftehim.

3.   Il-Parti konvenuta għandha tagħmel l-arranġamenti għall-interpretazzjoni tas-sottomissjonijiet orali fil-lingwi magħżulin mill-Partijiet.

4.   Ir-rapporti u d-deċiżjonijiet tal-bord tal-arbitraġġ għandhom jinħarġu bil-lingwa jew lingwi magħżula mill-Partijiet involuti fit-tilwima. Jekk il-Partijiet ma jkunux qablu dwar lingwa ta' ħidma komuni, ir-rapport interim u finali tal-bord tal-arbitraġġ għandu jinħareġ f'waħda mil-lingwi ta' ħidma tad-WTO.

5.   Kull Parti involuta fit-tilwima tista' tipprovdi kummenti dwar il-preċiżjoni ta' kull verżjoni tradotta ta' dokument imfassal f'konformità ma' dawn ir-Regoli ta' Proċedura.

6.   Kull Parti għandha tħallas l-ispejjeż tat-traduzzjoni tas-sottomissjonijiet miktuba tagħha. L-ispejjeż li jirriżultaw mit-traduzzjoni ta' deċiżjoni tal-bord tal-arbitraġġ jinqasmu b'mod ugwali bejn il-Partijiet.

Artikolu 16

Proċeduri oħra

Il-perijodi ta' żmien stabbiliti f'dawn ir-Regoli ta' Proċedura għandhom jiġu aġġustati skont il-perijodi ta' żmien speċjali stipulati għall-adozzjoni ta' rapport jew deċiżjoni tal-bord tal-arbitraġġ fil-proċediment taħt l-Artikoli 84, 85, 86 u 87 tal-Ftehim.


ANNESS II

KODIĊI TA' KONDOTTA GĦALL-ARBITRI U L-MEDJATURI

Artikolu 1

Definizzjonijiet

F'dan il-Kodiċi ta' Kondotta:

(a)

“persunal amministrattiv”, tfisser, fir-rigward ta' arbitru, individwi taħt id-direzzjoni u l-kontroll tal-arbitru, minbarra l-assistenti;

(b)

“assistent” tfisser individwu li, skont it-termini tal-ħatra u taħt id-direzzjoni u l-kontroll ta' arbitru, iwettaq riċerka jew jipprovdi assistenza lil dak l-arbitru;

(c)

“kandidat” tfisser individwu li ismu jkun fil-lista tal-arbitri msemmija fl-Artikolu 94 tal-Ftehim u li jkun ikkunsidrat għall-għażla bħala arbitru skont l-Artikolu 80 tal-Ftehim;

(d)

“medjatur” tfisser individwu li ġie magħżul bħala medjatur f'konformità mal-Artikolu 78 tal-Ftehim; u

(e)

“membru” jew “arbitru” tfisser membru ta' bord tal-arbitraġġ stabbilit skont l-Artikolu 80 tal-Ftehim.

Artikolu 2

Prinċipji ġenerali

1.   Sabiex jinżammu l-integrità u l-imparzjalità tal-mekkaniżmu għar-riżoluzzjoni tat-tilwim kull kandidat u arbitru għandu:

(a)

jiffamiljarizza ruħu ma' dan il-Kodiċi ta' Kondotta;

(b)

ikun indipendenti u imparzjali;

(c)

jevita kunflitt ta' interess diretti jew indiretti;

(d)

jevita kondotta skorretta u l-impressjoni ta' kondotta skorretta jew preġudizzju;

(e)

josserva standards għolja ta' kondotta; u

(f)

ma jkunx influwenzat mill-interess personali, pressjoni esterna, kunsiderazzjonijiet politiċi, fama pubblika, lealtà lejn xi Parti jew biża' mill-kritika.

2.   Arbitru ma għandux jidħol, direttament jew indirettament, għal obbligi jew jaċċetta kwalunkwe benefiċċju li jista' bi kwalunkwe mod ifixkel, jew jidher li jfixkel, it-twettiq xieraq ta' dmirijietu.

3.   Arbitru ma għandux juża l-pożizzjoni tiegħu fuq il-bord tal-arbitraġġ biex imexxi 'l quddiem interessi personali jew privati. Arbitru għandu jevita azzjonijiet li jistgħu joħolqu l-impressjoni li xi oħrajn ikunu f'pożizzjoni speċjali li jinfluwenzawh.

4.   Arbitru ma għandux iħalli relazzjonijiet jew responsabbiltajiet finanzjarji, tan-negozju, professjonali, personali jew soċjali, passati jew preżenti, jinfluwenzaw il-kondotta jew ġudizzju tiegħu.

5.   Arbitru għandu jevita li jidħol fi kwalunkwe relazzjoni jew li jakkwista kwalunkwe interess finanzjarju, li x'aktarx jaffettwa l-imparzjalità tiegħu jew li jista', b'mod raġonevoli, joħloq dehra ta' mġiba mhux xierqa jew ta' preġudizzju.

6.   Arbitru għandu jeżerċita l-pożizzjoni tiegħu mingħajr ma jfittex jew jaċċetta struzzjonijiet minn ebda gvern, ebda organizzazzjoni governattiva internazzjonali, governattiva jew organizzazzjoni nongovernattiva internazzjonali jew ebda sors privat, u ma għandux jintervjeni f'ebda stadju preċedenti tat-tilwima assenjata lilu.

Artikolu 3

Obbligi dwar x'għandu jiġi żvelat

1.   Qabel ma jaċċetta l-ħatra tiegħu bħala arbitru skont l-Artikolu 80 tal-Ftehim, kandidat mitlub li jservi ta' arbitru għandu jiddikjara kwalunkwe interess, relazzjoni jew kwistjoni li x'aktarx li taffettwa l-indipendenza jew l-imparzjalità tiegħu, jew li tista' toħloq b'mod raġonevoli dehra ta' mġiba mhux xierqa jew preġudizzju fil-proċedimenti.

2.   Għal dan il-għan, kandidat għandu jagħmel l-isforzi kollha raġonevoli biex isir konxju ta' kwalunkwe interessi, relazzjonijiet u kwistjonijiet bħal dawn, inklużi l-interessi finanzjarji, jew interessi professjonali, xogħol jew interessi tal-familja.

3.   L-obbligu ta' żvelar skont il-paragrafu 1 huwa dmir kontinwu li jitlob li arbitru jiddivulga kwalunkwe interessi, relazzjonijiet jew kwistjonijiet bħal dawn li jistgħu jitfaċċaw matul kull stadju tal-proċedimenti.

4.   Kandidat jew arbitru għandu jikkomunika lill-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp għall-kunsiderazzjoni mill-Partijiet kwalunkwe kwistjonijiet li jikkonċernaw ksur reali jew potenzjali ta' dan il-Kodiċi ta' Kondotta malli jsir konxju minnhom.

Artikolu 4

Dmirijiet ta' arbitri

1.   Wara l-konferma tal-ħatra, arbitru għandu jkun disponibbli biex iwettaq id-dmirijiet tiegħu u għandu jwettaqhom fil-fond u malajr matul il-proċedimenti, u b'mod ġust u b'diliġenza.

2.   Arbitru għandu jikkunsidra biss dawk il-kwistjonijiet li jkunu tqajmu waqt il-proċedimenti u li jitqiesu meħtieġa biex tittieħed deċiżjoni u dan id-dmir ma għandux jiġi delegat lil ebda persuna oħra.

3.   Arbitru għandu jieħu l-passi kollha xierqa biex jiżgura li l-assistenti u l-persunal amministrattiv tiegħu jkunu konxji, u josservaw, l-obbligi mitluba mill-arbitri skont l-Artikoli 2, 3, 4 u 6 ta' dan il-Kodiċi ta' Kondotta.

Artikolu 5

Obbligi ta' eks arbitri

1.   Kull eks arbitru għandu jevita azzjonijiet li jistgħu joħolqu dehra li kellu preġudizzji fit-twettiq ta' dmirijietu jew li ħa vantaġġ mid-deċiżjoni tal-bord tal-arbitraġġ.

2.   Kull eks arbitru għandu jikkonforma mal-obbligi stipulati fl-Artikolu 6 ta' dan il-Kodiċi ta' Kondotta.

Artikolu 6

Kunfidenzjalità

1.   Arbitru ma għandux, fi kwalunkwe ħin, jiżvela xi informazzjoni mhux pubblika li tikkonċerna l-proċedimenti jew li akkwista waqt proċedimenti li għalihom kien ġie maħtur. Arbitru ma għandux, fi kwalunkwe każ, jiżvela jew juża informazzjoni ta' dan it-tip biex jikseb vantaġġ personali jew vantaġġ għal oħrajn jew biex jaffettwa ħażin l-interessi ta' oħrajn.

2.   Arbitru ma għandux jiżvela deċiżjoni tal-bord tal-arbitraġġ jew partijiet minnha qabel ma tiġi ppubblikata.

3.   Arbitru ma għandux, fl-ebda mument, jiżvela d-deliberazzjonijiet tal-bord tal-arbitraġġ, jew il-fehma ta' kwalunkwe arbitru, u lanqas jagħmel dikjarazzjonijiet dwar proċedimenti li għalihom hu jkun ġie maħtur, jew dwar il-kwistjonijiet ikkontestati fil-proċedimenti.

Artikolu 7

Spejjeż

Kull arbitru għandu jżomm rekords u jagħti rendikont finali tal-ħin dedikat għall-proċedimenti u tal-ispejjeż tiegħu, kif ukoll tal-ħin u l-ispejjeż tal-assistenti u l-persunal amministrattiv tiegħu.

Artikolu 8

Medjaturi

Dan il-Kodiċi ta' Kondotta għandu japplika għall-medjaturi, mutatis mutandis.