19.3.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 75/120 |
DEĊIŻJONI Nru 1/2019 TAL-KUNSILL KONĠUNT
stabbilit taħt il-Ftehim ta' Sħubija Ekonomika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Istati EPA SADC, min-naħa l-oħra
tad-19 ta' Frar 2019
dwar l-adozzjoni tar-Regoli ta' Proċedura tal-Kunsill Konġunt u tal-Kumitat tal-Kummerċ u tal-Iżvilupp [2019/437]
IL-KUNSILL KONĠUNT,
Wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija Ekonomika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Istati EPA SADC, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”), u b'mod partikolari l-Artikoli 100, 101 u 102 tiegħu,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Ir-regoli ta' proċedura tal-Kunsill Konġunt huma stabbiliti kif jinsabu fl-Anness I ta' din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Ir-regoli ta' proċedura tal-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp huma stabbiliti kif jinsabu fl-Anness II ta' din id-Deċiżjoni.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul f'Cape Town, id-19 ta' Frar 2019.
Għall-Kunsill Konġunt
Rappreżentant tal-Istati EPA SADC
Bogolo Joy KENEWENDO
Rappreżentant tal-UE
Cecilia MALMSTRÖM
ANNESS I
REGOLI TA' PROĊEDURA TAL-KUNSILL KONĠUNT
KAPITOLU I
Organizzazzjoni
Artikolu 1
Kompożizzjoni u Presidenza
1. Il-Kunsill Konġunt, stabbilit taħt l-Artikolu 100 tal-Ftehim ta' Sħubija Ekonomika bejn l-Unjoni Ewropea (“UE”) u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Istati EPA SADC, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”), għandu jwettaq dmirijietu kif previst fl-Artikoli 100 u 101 tal-Ftehim.
2. Ir-referenza għall-“Partijiet” f'dawn ir-regoli ta' proċedura għandha ssir skont id-definizzjoni mogħtija fl-Artikolu 104 tal-Ftehim, jiġifieri għall-Botswana, il-Lesoto, in-Namibja, l-Afrika t'Isfel, l-Eswatini u l-Mozambique (“l-Istati EPA SADC”) minn naħa waħda u l-Parti UE (jiġifieri l-Unjoni Ewropea jew l-Istati Membri tagħha jew l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, b'kont meħud tal-oqsma ta' kompetenza rispettivi tagħhom) min-naħa l-oħra.
3. Skont l-Artikolu 101(1) tal-Ftehim, il-Kunsill Konġunt għandu jkun magħmul, minn naħa waħda, mill-membri rilevanti tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u mill-membri rilevanti tal-Kummissjoni Ewropea jew mir-rappreżentanti tagħhom, u, min-naħa l-oħra, mill-Ministri rilevanti tal-Istati EPA SADC jew mir-rappreżentanti tagħhom.
4. Il-Kunsill Konġunt għandu jkun ippresedut, fil-livell ministerjali, b'mod alternat għal perijodi ta' tnax(12)-il xahar minn rappreżentanti tal-Parti UE, b'kont meħud tal-oqsma ta' kompetenza rispettivi tal-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, u minn rappreżentant tal-Istati EPA SADC.
5. Minkejja l-paragrafu 4, il-laqgħat tal-Kunsill Konġunt għandhom ikunu ppreseduti b'mod alternat minn rappreżentanti tal-Parti UE, b'kont meħud tal-oqsma ta' kompetenza rispettivi tal-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, u minn rappreżentant tal-Istati EPA SADC. L-ewwel laqgħa tal-Kunsill Konġunt għandha tkun ippreseduta b'mod konġunt mill-Partijiet.
6. Minkejja l-perijodu msemmi fil-paragrafu 4, l-ewwel perijodu għandu jibda fil-jum li jaħbat l-għada tal-ewwel laqgħa tal-Kunsill Konġunt u jintemm fil-31 ta' Diċembru tal-istess sena. Il-presidenza ta' dak l-ewwel perijodu għandha tkun f'idejn rappreżentant tal-Istati EPA SADC.
Artikolu 2
Laqgħat
1. Skont l-Artikolu 102(4) tal-Ftehim, il-Kunsill Konġunt għandu jiltaqa' f'intervalli regolari, li ma jaqbżux perijodu ta' sentejn (2), u b'mod straordinarju kull meta ċ-ċirkustanzi jeħtieġu dan, jekk il-Partijiet jaqblu hekk.
2. Il-laqgħat tal-Kunsill Konġunt għandhom isiru b'mod alternat fi Brussell jew fit-territorju ta' wieħed mill-Istati EPA SADC, sakemm il-Partijiet ma jaqblux mod ieħor.
3. Sakemm il-Partijiet ma jaqblux mod ieħor, il-laqgħat tal-Kunsill Konġunt għandhom jissejħu mill-Parti li jkollha l-presidenza, wara li tikkonsulta mal-Parti l-oħra.
4. Il-Partijiet jistgħu jaqblu li jagħmlu laqgħat tal-Kunsill Konġunt permezz ta' mezzi elettroniċi.
Artikolu 3
Osservaturi
Il-Kunsill Konġunt jista' jiddeċiedi li jistieden osservaturi biex jattendu laqgħat tiegħu fuq bażi ad hoc u jiddetermina liema punti fl-aġenda jkunu miftuħa għal dawk l-osservaturi.
Artikolu 4
Segretarjat
1. Is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea, minn naħa waħda, u l-Unità EPA SADC fi ħdan is-Segretarjat tal-SADC, min-naħa l-oħra, għandhom iservu bħala s-Segretarjat tal-Kunsill Konġunt (“is-Segretarjat”) b'mod alternat għal perijodi ta' tnax(12)-il xahar. Dawk il-perijodi għandhom jikkoinċidu mal-arranġamenti għall-presidenza stabbiliti taħt l-Artikolu 1(4) u (6).
2. Fuq in-naħa tal-Parti UE, l-aġendi proviżorji u l-abbozzi tal-minuti għandhom jitfasslu mill-Kummissjoni Ewropea u d-dokumenti uffiċjali kollha maħsuba għall-Kunsill Konġunt jew maħruġa minnu għandhom jiġu ċċirkulati mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
3. Fuq in-naħa tal-Istati EPA SADC, l-aġendi proviżorji u l-abbozzi tal-minuti għandhom jitfasslu mill-Unità tal-EPA SADC u d-dokumenti uffiċjali kollha maħsuba għall-Kunsill Konġunt jew maħruġa minnu għandhom jiġu ċċirkulati mill-Unità tal-EPA SADC.
KAPITOLU II
Funzjonament
Artikolu 5
Dokumenti
Fejn id-deliberazzjonijiet tal-Kunsill Konġunt jkunu bbażati fuq dokumenti bil-miktub ta' appoġġ, tali dokumenti għandhom jiġu enumerati u ċċirkolati mis-Segretarjat bħala dokumenti tal-Kunsill Konġunt.
Artikolu 6
Notifika u aġenda għal-laqgħat
1. Is-Segretarjat għandu jinnotifika lill-Partijiet dwar is-sejħa għal laqgħa tal-Kunsill Konġunt u jitlob għal entrati fl-aġenda mhux aktar tard minn tletin (30) jum qabel il-laqgħa. F'każ ta' xi kwistjoni urġenti jew ta' ċirkostanzi mhux previsti li jridu jiġu kkunsidrati, il-laqgħa tista' tissejjaħ fi żmien qasir.
2. Għandha titfassal aġenda proviżorja għal kull laqgħa mis-Segretarjat. Din għandha tintbagħat mis-Segretarjat lill-President u lill-Membri tal-Kunsill Konġunt mhux aktar tard minn erbatax(14)-il jum qabel il-laqgħa.
3. L-aġenda proviżorja għandha tinkludi l-punti li fir-rigward tagħhom is-Segretarjat ikun irċieva talba għall-inklużjoni mingħand Parti.
4. L-aġenda għandha tkun adottata mill-Kunsill Konġunt fil-bidu ta' kull laqgħa. Jistgħu jiddaħħlu fl-aġenda punti oħra barra minn dawk fl-aġenda proviżorja jekk il-Partijiet jaqblu li jsir hekk.
5. Il-President tal-Kunsill Konġunt jista', bi qbil mal-Partijiet kollha, jistieden esperti biex jattendu l-laqgħat tiegħu sabiex jipprovdu informazzjoni dwar suġġetti speċifiċi.
Artikolu 7
Minuti
1. L-abbozz tal-minuti ta' kull laqgħa għandu jitfassal mis-Segretarjat, fi żmien wieħed u għoxrin (21) jum wara l-laqgħa, sakemm ma jkunx deċiż mod ieħor b'kunsens reċiproku tal-Partijiet.
2. Il-minuti għandhom, bħala regola, jindikaw fir-rigward ta' kull punt fl-aġenda:
(a) |
id-dokumenti ppreżentati lill-Kunsill Konġunt; |
(b) |
kwalunkwe dikjarazzjoni li membru tal-Kunsill Konġunt ikun talab li tiddaħħal fil-minuti; u |
(c) |
kwistjonijiet li jkunu qablu dwarhom il-Partijiet, bħal deċiżjonijiet, rakkomandazzjonijiet jew Communiqué konġunta. |
3. L-abbozz tal-minuti ta' kull laqgħa għandu jiġi approvat bil-miktub miż-żewġ Partijiet fi żmien tnejn u erbgħin (42) jum wara l-laqgħa sakemm ma jkunx deċiż mod ieħor mill-Partijiet. Ladarba approvati l-minuti, għandhom jiġu ffirmati żewġ kopji mir-rappreżentanti tal-Partijiet f'konformità mar-rekwiżiti interni rispettivi tagħhom u kull Parti għandha tirċievi kopja oriġinali ta' dawn id-dokumenti awtentiċi.
Artikolu 8
Deċiżjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1. F'konformità mal-Artikolu 102 tal-Ftehim, il-Kunsill Konġunt għandu jadotta deċiżjonijiet jew rakkomandazzjonijiet b'konsensus fil-każijiet previsti fil-Ftehim.
2. Fejn il-Kunsill Konġunt ikollu s-setgħa, taħt il-Ftehim, li jadotta deċiżjonijiet jew rakkomandazzjonijiet, tali atti għandhom ikunu intitolati “Deċiżjoni” jew “Rakkomandazzjoni” rispettivament fil-minuti. Is-Segretarjat għandu jagħti, lil kull deċiżjoni jew rakkomandazzjoni adottata, numru ta' serje, id-data tal-adozzjoni u deskrizzjoni tas-suġġett tagħha. Kull deċiżjoni jew rakkomandazzjoni għandha tipprovdi għad-data tad-dħul fis-seħħ tagħha.
3. F'każ li Stat EPA SADC ma jkunx jista' jattendi laqgħa tal-Kunsill Konġunt, id-deċiżjonijiet jew rakkomandazzjonijiet maqbula matul dik il-laqgħa għandhom jiġu kkomunikati lil dak il-membru mis-Segretarjat. L-Istat EPA SADC kkonċernat għandu jipprovdi tweġiba bil-miktub fi żmien għaxart (10) ijiem kalendarji minn meta jintbagħtu d-deċiżjonijiet jew ir-rakkomandazzjonijiet, b'indikazzjoni ta' dawk id-deċiżjonijiet jew ir-rakkomandazzjonijiet li huwa ma jkunx jaqbel magħhom, inklużi r-raġunijiet għal dan. Fin-nuqqas ta' dik ir-risposta bil-miktub fl-iskadenza mogħtija, id-deċiżjonijiet jew rakkomandazzjonijiet għandhom jitqiesu li ġew adottati. F'każ li l-Istat EPA SADC li ma attendiex il-laqgħa ma jaqbilx ma' wieħed jew diversi deċiżjonijiet jew rakkomandazzjonijiet, il-Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom biex isolvu l-kwistjonijiet pendenti permezz ta' proċedura bil-miktub jew b'mezzi elettroniċi kif previst fil-paragrafu 4.
4. Fil-perijodu bejn il-laqgħat, il-Kunsill Konġunt jista' jadotta deċiżjonijiet jew rakkomandazzjonijiet bi proċedura bil-miktub jew b'mezzi elettroniċi jekk iż-żewġ Partijiet jaqblu li jsir hekk. Il-proċedura bil-miktub għandha tikkonsisti minn skambju ta' noti bejn ir-rappreżentanti tal-Partijiet.
5. Id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet adottati mill-Kunsill Konġunt għandhom jiġu awtentikati permezz ta' żewġ eżemplari oriġinali ffirmati minn rappreżentant tal-Kummissjoni Ewropea f'isem il-Parti UE u minn rappreżentant tal-Istati EPA SADC.
Artikolu 9
Ordni pubbliku
1. Il-laqgħat tal-Kunsill Konġunt ma għandhomx ikunu pubbliċi, sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor mill-Partijiet.
2. Il-Partijiet jistgħu jiddeċiedu li jippubblikaw id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill Konġunt.
Artikolu 10
Lingwi ta' ħidma
Sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor mill-Partijiet, il-korrispondenza kollha u l-komunikazzjonijiet kollha bejn il-Partijiet relattivi għall-ħidma tal-Kunsill Konġunt, kif ukoll id-deliberazzjonijiet waqt laqgħat tal-Kunsill Konġunt, għandhom isiru bl-Ingliż u bil-Portugiż.
KAPITOLU III
Dispożizzjonijiet finali
Artikolu 11
Spejjeż
1. Kull Parti għandha tkopri kull spiża li tagħmel b'riżultat tal-parteċipazzjoni fil-laqgħat tal-Kunsill Konġunt, kemm fir-rigward tal-persunal, l-ivvjaġġar u l-ispejjeż ta' sussistenza kif ukoll fir-rigward tal-ispejjeż ta' posta u telekomunikazzjoni.
2. L-ispejjeż marbuta mal-organizzazzjoni ta' laqgħa, mal-provvediment ta' servizzi ta' interpretazzjoni u mar-riproduzzjoni ta' dokumenti għandhom jitħallsu mill-Parti li tkun qed tospita l-laqgħa.
Artikolu 12
Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp
F'konformità mal-Artikolu 103(5) tal-Ftehim, il-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp għandu jirrapporta u jkun responsabbli lill-Kunsill Konġunt.
Artikolu 13
Emenda tar-regoli ta' proċedura
Dawn ir-regoli ta' proċedura jistgħu jiġu emendati bil-miktub b'deċiżjoni tal-Kunsill Konġunt u adottata skont l-Artikolu 8 ta' dawn ir-regoli ta' proċedura.
ANNESS II
REGOLI TA' PROĊEDURA TAL-KUMITAT GĦALL-KUMMERĊ U L-IŻVILUPP
KAPITOLU I
Organizzazzjoni
Artikolu 1
Kompożizzjoni u Presidenza
1. Il-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp, stabbilit taħt l-Artikolu 103 tal-Ftehim ta' Sħubija Ekonomika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Istati EPA SADC, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”), għandu jwettaq dmirijietu f'konformità ma' dak l-Artikolu.
2. Ir-referenza għall-“Partijiet” f'dawn ir-regoli ta' proċedura għandha ssir skont id-definizzjoni mogħtija fl-Artikolu 104 tal-Ftehim, jiġifieri għall-Botswana, il-Lesoto, in-Namibja, l-Afrika t'Isfel, l-Eswatini u l-Mozambique (“l-Istati EPA SADC”) minn naħa waħda u l-Parti UE (jiġifieri l-Unjoni Ewropea jew l-Istati Membri tagħha jew l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, b'kont meħud tal-oqsma ta' kompetenza rispettivi tagħhom) min-naħa l-oħra.
3. F'konformità mal-Artikolu 103(1) tal-Ftehim, il-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp għandu jkun magħmul minn rappreżentanti tal-Partijiet, normalment fil-livell ta' uffiċjali għolja.
4. Il-laqgħat tal-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp għandhom ikunu ppreseduti b'mod alternat għal perijodi ta' tnax(12)-il xahar minn uffiċjal għoli tal-Kummissjoni Ewropea u minn uffiċjal għoli tal-Istati EPA SADC. L-ewwel laqgħa tal-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp għandu jiġi ppresedut b'mod konġunt mir-rappreżentanti rilevanti tal-Partijiet.
5. Minkejja l-perijodu msemmi fil-paragrafu 4, l-ewwel perijodu għandu jibda fil-jum wara dak tal-ewwel laqgħa tal-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp u jintemm fil-31 ta' Diċembru tal-istess sena. Il-presidenza ta' dak l-ewwel perijodu għandha tkun f'idejn rappreżentant tal-Istati EPA SADC.
Artikolu 2
Laqgħat
1. Il-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp għandu jiltaqa' f'intervalli regolari, għallinqas darba fis-sena u fuq it-talba ta' kwalunkwe waħda mill-Partijiet. Il-laqgħat għandhom isiru b'mod alternat fi Brussell jew fit-territorju ta' wieħed mill-Istati EPA SADC, sakemm il-Partijiet ma jaqblux mod ieħor.
2. Sakemm il-Partijiet ma jaqblux mod ieħor, il-laqgħat tal-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp għandhom jissejħu mill-Parti li jkollha l-presidenza, wara li tikkonsulta mal-Parti l-oħra.
3. Il-Partijiet jistgħu jaqblu li jagħmlu l-laqgħat tal-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp permezz ta' mezzi elettroniċi.
Artikolu 3
Osservaturi
Il-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp jista' jiddeċiedi li jistieden osservaturi biex jattendu laqgħat tiegħu fuq bażi ad hoc u jiddetermina liema punti fl-aġenda jkunu miftuħa għal dawk l-osservaturi.
Artikolu 4
Segretarjat
1. Il-Parti li tippresiedi l-laqgħa tal-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp għandha taġixxi bħala s-Segretarjat tal-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp (“is-Segretarjat”).
2. Meta l-laqgħa ssir permezz ta' mezzi elettroniċi, il-Parti li jkollha l-presidenza għandha taġixxi bħala s-Segretarjat.
KAPITOLU II
Funzjonament
Artikolu 5
Dokumenti
Fejn id-deliberazzjonijiet tal-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp ikunu bbażati fuq dokumenti ta' sostenn miktubin, tali dokumenti għandhom jiġu enumerati u ċċirkolati mis-Segretarjat bħala dokumenti tal-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp.
Artikolu 6
Notifika u aġenda għal-laqgħat
1. Is-Segretarjat għandu jinnotifika lill-Partijiet dwar is-sejħa ta' laqgħa u jitlob għal entrati fl-aġenda mhux aktar tard minn tletin (30) jum qabel il-laqgħa. F'każ ta' xi kwistjoni urġenti jew ta' ċirkostanzi mhux previsti li jridu jiġu kkunsidrati, il-laqgħa tista' tissejjaħ fi żmien qasir.
2. Għandha titfassal aġenda proviżorja għal kull laqgħa mis-Segretarjat. Din għandha tintbagħat mis-Segretarjat lill-President u lill-membri tal-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp mhux aktar tard minn erbatax(14)-il jum qabel il-laqgħa.
3. L-aġenda proviżorja għandha tinkludi l-punti li fir-rigward tagħhom is-Segretarjat ikun irċieva talba għall-inklużjoni mingħand Parti.
4. L-aġenda għandha tkun adottata mill-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp fil-bidu ta' kull laqgħa. Jistgħu jiddaħħlu fl-aġenda punti oħra barra minn dawk fl-aġenda proviżorja jekk il-Partijiet jaqblu li jsir hekk.
5. Il-President tal-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp jista', bi qbil mal-Partijiet kollha, jistieden esperti biex jattendu l-laqgħat tiegħu sabiex jipprovdu informazzjoni dwar suġġetti speċifiċi.
Artikolu 7
Rapport ta' laqgħa
Sakemm il-Partijiet ma jaqblux mod ieħor, ir-rapport ta' kull laqgħa għandu jitfassal mis-Segretarjat u jiġi adottat fit-tmiem ta' kull laqgħa.
Artikolu 8
Deċiżjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1. F'konformità mal-Artikolu 103(6) tal-Ftehim, il-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp għandu jadotta deċiżjonijiet jew rakkomandazzjonijiet b'konsensus fil-każijiet previsti fil-Ftehim jew fejn tali setgħa tkun ġiet iddelegata lilu mill-Kunsill Konġunt.
2. Fejn il-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp ikollu s-setgħa, taħt il-Ftehim, li jadotta deċiżjonijiet jew rakkomandazzjonijiet, jew fejn tali setgħa tkun ġiet iddelegata lilu mill-Kunsill Konġunt, tali atti għandhom ikunu intitolati “Deċiżjoni” jew “Rakkomandazzjoni” rispettivament fir-rapporti tal-laqgħat imsemmija fl-Artikolu 7. Is-Segretarjat għandu jagħti, lil kull deċiżjoni jew rakkomandazzjoni adottata, numru ta' serje, id-data tal-adozzjoni u deskrizzjoni tas-suġġett tagħha. Kull deċiżjoni jew rakkomandazzjoni għandha tipprovdi għad-data tad-dħul fis-seħħ tagħha.
3. F'każ li Stat EPA SADC ma jkunx jista' jattendi laqgħa, id-deċiżjonijiet jew rakkomandazzjonijiet maqbula matul dik il-laqgħa għandhom jiġu kkomunikati lil dak il-membru mis-Segretarjat. L-Istat EPA SADC kkonċernat għandu jipprovdi tweġiba bil-miktub fi żmien għaxart (10) ijiem kalendarji minn meta jintbagħtu d-deċiżjonijiet jew ir-rakkomandazzjonijiet, b'indikazzjoni ta' dawk id-deċiżjonijiet jew ir-rakkomandazzjonijiet li huwa ma jkunx jaqbel magħhom, inklużi r-raġunijiet għal dan. Fin-nuqqas ta' dik ir-risposta bil-miktub fl-iskadenza mogħtija, id-deċiżjonijiet jew rakkomandazzjonijiet għandhom jitqiesu li ġew adottati. F'każ li l-Istat EPA SADC li ma attendiex il-laqgħa ma jaqbilx ma' wieħed jew diversi deċiżjonijiet jew rakkomandazzjonijiet, il-Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom biex isolvu l-kwistjonijiet pendenti permezz ta' proċedura bil-miktub jew b'mezzi elettroniċi kif previst fil-paragrafu 4.
4. Fil-perijodu bejn il-laqgħat, il-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp jista' jadotta deċiżjonijiet u rakkomandazzjonijiet bi proċedura bil-miktub jew b'mezzi elettroniċi jekk iż-żewġ Partijiet jaqblu li jsir hekk. Il-proċedura bil-miktub għandha tikkonsisti minn skambju ta' noti bejn ir-rappreżentanti tal-Partijiet.
5. Id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet adottati mill-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp għandhom jiġu awtentikati permezz ta' żewġ eżemplari oriġinali ffirmati minn rappreżentant tal-UE u minn rappreżentant tal-Istati EPA SADC.
Artikolu 9
Ordni pubbliku
1. Il-laqgħat tal-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp ma għandhomx ikunu pubbliċi, sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor mill-Partijiet.
2. Il-Partijiet jistgħu jiddeċiedu li jippubblikaw id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp.
KAPITOLU III
Dispożizzjonijiet finali
Artikolu 10
Spejjeż
1. Kull Parti għandha tkopri kwalunkwe spiża li tagħmel b'riżultat tal-parteċipazzjoni tagħha fil-laqgħat tal-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp, kemm fir-rigward tal-persunal, l-ivvjaġġar u l-ispejjeż ta' sussistenza kif ukoll fir-rigward tal-ispejjeż ta' posta u telekomunikazzjoni.
2. L-ispejjeż marbuta mal-organizzazzjoni ta' laqgħa, mal-provvediment ta' servizzi ta' interpretazzjoni u mar-riproduzzjoni ta' dokumenti għandhom jitħallsu mill-Parti li tkun qed tospita l-laqgħa.
Artikolu 11
Kumitati Speċjali u korpi oħra
1. Il-Kumitat Speċjali dwar il-Faċilitazzjoni Doganali u Kummerċjali, stabbilit taħt l-Artikolu 50 tal-Ftehim, is-Sħubija Agrikola, stabbilita taħt l-Artikolu 68 tal-Ftehim, u l-Kumitat Speċjali dwar l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi u l-Kummerċ f'Inbejjed u Spirti, stabbilit taħt l-Artikolu 13 tal-Protokoll 3 tal-Ftehim, għandhom jirrapportaw lill-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp.
2. F'konformità mal-Artikolu 50(2)(f) tal-Ftehim u l-Artikolu 13(5) tal-Protokoll 3 tal-Ftehim rispettivament, il-Kumitat Speċjali dwar il-Faċilitazzjoni Doganali u Kummerċjali u l-Kumitat Speċjali dwar l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi u l-Kummerċ f'Inbejjed u Spirti għandhom jiddeterminaw ir-regoli ta' proċedura tagħhom.
3. F'konformità mal-Artikolu 68(3) tal-Ftehim, ir-regoli operattivi għas-Sħubija Agrikola għandhom ikunu stabbiliti permezz ta' qbil komuni tal-Partijiet, li jaġixxu fil-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp.
4. Skont l-Artikolu 103(3) tal-Ftehim, il-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp jista' jistabbilixxi kwalunkwe grupp tekniku speċjali sabiex jindirizza kwistjonijiet speċifiċi li jaqgħu taħt il-kompetenza tiegħu.
5. Il-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp għandu jistabbilixxi r-regoli ta' proċedura tal-gruppi tekniċi speċjali msemmija fil-paragrafu 4. Il-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp jista' jiddeċiedi li jabolixxi l-gruppi tekniċi speċjali u jiddefinixxi jew jemenda t-termini ta' referenza tagħhom.
6. Il-gruppi tekniċi speċjali għandhom jirrapportaw lill-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp wara kull laqgħa.
Artikolu 12
Emenda tar-regoli ta' proċedura
Dawn ir-regoli ta' proċedura jistgħu jiġu emendati bil-miktub b'deċiżjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp u adottata skont l-Artikolu 8 ta' dawn ir-regoli ta' proċedura.