7.2.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 35/36


DEĊIŻJONI Nru 1/2019 TAL-GRUPP TA' ĦIDMA DWAR L-INBID UE-ĠAPPUN

tal-1 ta' Frar 2019

dwar il-formoli li għandhom jintużaw bħala ċertifikati għall-importazzjoni fl-Unjoni Ewropea ta' prodotti tal-inbid li joriġinaw mill-Ġappun u l-modalitajiet li jikkonċernaw l-awtoċertifikazzjoni [2019/224]

IL-GRUPP TA' ĦIDMA DWAR L-INBID,

Wara li kkunsidra l-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġappun għal Sħubija Ekonomika, u b'mod partikolari l-Artikoli 2.28 u 2.35 tiegħu,

Billi:

(1)

Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġappun għal Sħubija Ekonomika (“il-Ftehim”) jidħol fis-seħħ fl-1 ta' Frar 2019.

(2)

L-Artikolu 22.4 tal-Ftehim jistabbilixxi Grupp ta' Ħidma dwar l-Inbid li huwa responsabbli, fost l-oħrajn, għall-implimentazzjoni u għat-tħaddim effettivi tat-Taqsima C tal-Kapitolu 2 u tal-Anness 2-E tal-Ftehim.

(3)

Skont il-paragrafu 1 tal-Artikolu 2.28 tal-Ftehim, ċertifikat awtentikat skont il-liġijiet u r-regolamenti tal-Ġappun, inkluż awtoċertifikat stabbilit minn produttur awtorizzat mill-awtorità kompetenti tal-Ġappun, huwa biżżejjed bħala dokumentazzjoni li sservi ta' evidenza li r-rekwiżiti għall-importazzjoni u għall-bejgħ fl-Unjoni Ewropea ta' prodotti tal-inbid li joriġinaw mill-Ġappun imsemmija fl-Artikolu 2.25, 2.26 jew 2.27 tal-Ftehim ġew issodisfati.

(4)

Skont is-subparagrafu 2(a) tal-Artikolu 2.28 tal-Ftehim, il-formoli li għandhom jintużaw għaċ-ċertifikati u l-informazzjoni li għandha titniżżel fuq iċ-ċertifikati għandhom jiġu adottati b'deċiżjoni tal-Grupp ta' Ħidma dwar l-Inbid stabbilit skont l-Artikolu 22.4 tal-Ftehim.

(5)

Skont is-subparagrafu 2(a) tal-Artikolu 2.35 tal-Ftehim, il-modalitajiet li jikkonċernaw l-awtoċertifikazzjoni għandhom jiġu adottati mill-Grupp ta' Ħidma dwar l-Inbid,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Il-formola li għandha tintuża għaċ-ċertifikati awtentikati b'konformità mal-liġijiet u mar-regolamenti tal-Ġappun tinsab fl-Anness I ta' din id-Deċiżjoni.

2.   Il-formola li għandha tintuża għall-awtoċertifikati stabbiliti mill-produtturi awtorizzati mill-awtorità kompetenti tal-Ġappun tinsab fl-Anness II ta' din id-Deċiżjoni.

3.   Il-modalitajiet li jikkonċernaw l-awtoċertifikazzjoni mill-produtturi awtorizzati mill-awtorità kompetenti tal-Ġappun jinsabu fl-Anness III ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-formoli u l-modalitajiet stabbiliti f'din id-Deċiżjoni skont is-subparagrafu 2(a) tal-Artikolu 2.28 tal-Ftehim għandhom jidħlu fis-seħħ fl-1 ta' Frar 2019.

Għall-Grupp ta' Ħidma dwar l-Inbid, il-Presidenti tiegħu

Antonia GAMEZ MORENO

Il-Kap tal-Unità A4 L-Asja u l-Awstralasja

Id-Direttorat Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali

Il-Kummissjoni Ewropea

Kazuya OTSUKA

Id-Direttur tad-Diviżjoni tal-Affarijiet Ekonomiċi marbutin mal-Unjoni Ewropea

L-Uffiċċju tal-Affarijiet Ekonomiċi

Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin tal-Gappun


ANNESS I

Image 1
Test ta 'immaġni
Image 2
Test ta 'immaġni

ANNESS II

Image 3
Test ta 'immaġni
Image 4
Test ta 'immaġni
Image 5
Test ta 'immaġni

ANNESS III

MODALITAJIET TAL-AWTOĊERTIFIKAZZJONI

1.

L-Istitut Nazzjonali ta' Riċerka dwar il-Produzzjoni tal-Birra, taħt is-sorveljanza tal-Ministeru tal-Finanzi tal-Ġappun,

(i)

jaħtar individwalment lill-produtturi awtorizzati fil-Ġappun biex ifasslu l-awtoċertifikati msemmija fl-Artikolu 2.28 tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġappun għal Sħubija Ekonomika;

(ii)

jissorvelja u jispezzjona lill-produtturi awtorizzati; u

(iii)

jgħarraf lill-Unjoni Ewropea:

darbtejn fis-sena, fix-xhur ta' Jannar u ta' Lulju, bl-ismijiet u bl-indirizzi tal-produtturi awtorizzati, flimkien man-numri ta' reġistrazzjoni uffiċjali tagħhom; u

mingħajr dewmien, b'kull bidla fl-ismijiet u fl-indirizzi tal-produtturi awtorizzati jew bl-irtirar ta' xi wieħed minnhom.

2.

L-Unjoni Ewropea tippubblika u taġġorna mingħajr dewmien l-ismijiet u l-indirizzi tal-produtturi awtorizzati fil-lista intitolata “Il-korpi kompetenti tal-pajjiżi terzi, il-laboratorji maħtura u l-produtturi u l-proċessuri tal-inbid awtorizzati għat-tfassil tad-dokumenti VI-1 għall-importazzjoni tal-inbid fl-UE”, li tinsab fis-sit web uffiċjali tal-Kummissjoni Ewropea fl-indirizz elettroniku li ġej: ec.europa.eu/agriculture/sites/agriculture/files/wine/lists/06.pdf.