7.2.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 36/29


DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE

Nru 84/2017

tal-5 ta' Mejju 2017

li temenda l-Anness II (Regolamenti tekniċi, standards, ittestjar u ċertifikazzjoni) tal-Ftehim ŻEE [2019/196]

IL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE,

Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (“il-Ftehim ŻEE”), u b'mod partikolari l-Artikolu 98 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/662 tal-1 ta' April 2016 dwar programm multiannwali tal-Unjoni kkoordinat u ta' kontroll għall-2017, l-2018 u l-2019 biex tiġi żgurata l-konformità mal-livelli massimi ta' residwi ta' pestiċidi fi u fuq ikel li joriġina mill-pjanti u mill-annimali u biex jiġi vvalutat l-esponiment tal-konsumatur għalihom (1) għandu jiġi inkorporat fil-Ftehim ŻEE.

(2)

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/662 iħassar ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/595 (2) li huwa inkorporat fil-Ftehim ŻEE u li konsegwentement għandu jitħassar skont il-Ftehim ŻEE.

(3)

Din id-Deċiżjoni tikkonċerna l-leġiżlazzjoni marbuta mal-oġġetti tal-ikel. Il-leġiżlazzjoni dwar il-prodotti tal-ikel ma tapplikax għal-Liechtenstein dment li l-applikazzjoni tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar in-Negozju fi Prodotti Agrikoli tkun estiża għal-Liechtenstein, kif speċifikat fl-introduzzjoni tal-Kapitolu XII tal-Anness II tal-Ftehim ŻEE. Għaldaqstant, din id-Deċiżjoni ma tapplikax għal-Liechtenstein.

(4)

Għalhekk, l-Anness II tal-Ftehim ŻEE għandu jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Kapitolu XII tal-Anness II tal-Ftehim ŻEE jiġi emendat kif ġej:

1.

Dan li ġej jiddaħħal wara l-punt 120 (ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2016/1412) tal-Kapitolu XII tal-Anness II tal-Ftehim ŻEE:

“121.

32016 R 0662: Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/662 tal-Il-Ġimgħa, 1 ta' April 2016 dwar programm multiannwali tal-Unjoni kkoordinat u ta' kontroll għall-2017, l-2018 u l-2019 biex tiġi żgurata l-konformità mal-livelli massimi ta' residwi ta' pestiċidi fi u fuq ikel li joriġina mill-pjanti u mill-annimali u biex jiġi vvalutat l-esponiment tal-konsumatur għalihom (ĠU L 115, 29.4.2016, p. 2).

Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament għandhom, għall-finijiet ta' dan il-Ftehim, jinqraw bl-adattament li ġej:

Fit-tabella fil-punt (5) fl-anness II, jiżdied dan li ġej:

IS

12

NO

12”

2.

It-test tal-punt 102 (Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/595) jitħassar.

Artikolu 2

It-test tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/662 bil-lingwa Iżlandiża u b'dik Norveġiża, li se jiġi ppubblikat fis-Suppliment taż-ŻEE ta' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, għandu jkunu awtentiku.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fis-6 ta' Mejju 2017, bil-kundizzjoni li jkunu saru n-notifiki kollha skont l-Artikolu 103(1) tal-Ftehim ŻEE (*1).

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fit-Taqsima taż-ŻEE ta' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fis-Suppliment tiegħu dwar iż-ŻEE.

Magħmul fi Brussell, il-5 ta' Mejju 2017.

Għall-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

Il-President

Claude MAERTEN


(1)   ĠU L 115, 29.4.2016, p. 2.

(2)   ĠU L 99, 16.4.2015, p. 7.

(*1)  L-ebda rekwiżiti kostituzzjonali ma huma indikati.