|
4.2.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 32/32 |
DEĊIŻJONI Nru 1/2019 TAL-KUMITAT DWAR IL-KOOPERAZZJONI DOGANALI ALN-UE
tal-14 ta' Jannar 2019
dwar deroga mir-regoli ta' oriġini stabbiliti fil-Protokoll 1 tal-Ftehim Interim li jistabbilixxi qafas għal Ftehim ta' Sħubija Ekonomika bejn l-Istati tal-Afrika tal-Lvant u tan-Nofsinhar, minn naħa, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, biex titqies is-sitwazzjoni speċjali ta' Mauritius rigward tat-tirsite mmellaħ [2019/167]
IL-KUMITAT DWAR IL-KOOPERAZZJONI DOGANALI,
Wara li kkunsidra l-Ftehim Interim li jistabbilixxi qafas għal Ftehim ta' Sħubija Ekonomika bejn l-Istati tal-Afrika tal-Lvant u tan-Nofsinhar (“ALN”), minn naħa, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, u b'mod partikolari l-Artikolu 41(4) tal-Protokoll 1 tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Il-Ftehim Interim li jistabbilixxi qafas ta' Ftehim ta' Sħubija Ekonomika bejn l-Istati tal-Afrika tal-Lvant u tan-Nofsinhar min-naħa u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha min-naħa l-oħra (1) (“l-FSE interim”) japplika b'mod proviżorju sa mill-14 ta' Mejju 2012 bejn l-Unjoni u r-Repubblika ta' Madagascar, ir-Repubblika ta' Mauritius, ir-Repubblika tas-Seychelles u r-Repubblika taż-Żimbabwe. |
|
(2) |
Il-Protokoll 1 tal-FSE interim, li jikkonċerna d-definizzjoni tal-kunċett ta' “prodotti oriġinarji” u l-metodi ta' kooperazzjoni amministrattiva, jinkludi r-regoli ta' oriġini għall-importazzjoni fl-Unjoni ta' prodotti li joriġinaw fl-Istati tal-ALN. |
|
(3) |
F'konformità mal-Artikolu 42(1) tal-Protokoll 1 tal-FSE interim, jingħataw derogi minn dawk ir-regoli ta' oriġini meta l-iżvilupp tal-industriji eżistenti fl-Istati tal-ALN jiġġustifikahom. |
|
(4) |
Fit-2 ta' Ottubru 2017, il-Kumitat dwar il-Kooperazzjoni Doganali ALN-UE adotta d-Deċiżjoni Nru 2/2017 tal-Kumitat dwar il-Kooperazzjoni Doganali ALN-UE [2017/1924] (2) li tagħti deroga mir-regoli ta' oriġini fir-rigward tat-tirsite mmellaħ importat fl-Unjoni bejn it-2 ta' Ottubru 2017 u l-1 ta' Ottubru 2018 f'konformità mal-Artikolu 42(1) tal-Protokoll 1 tal-FSE interim. Madankollu, minħabba li kien hemm dewmien biex jiksbu l-ordnijiet, l-użu tal-kwota tad-deroga kien baxx. |
|
(5) |
F'konformità mal-Artikolu 42 tal-Protokoll 1 tal-FSE interim, Mauritius talab deroga ġdida mir-regoli ta' oriġini fir-rigward ta' 100 tunnellata ta' tirsite mmellaħ tal-intestatura tas-SA 0305 69 importati fl-Unjoni bejn Ottubru 2018 u Ottubru 2019. Fit-talba tiegħu Mauritius itenni li ma hemmx disponibbiltà ta' tirsite li joriġina fl-Unjoni jew f'Mauritius, u li t-tirsite minn Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (“l-Istati AKP”) oħrajn ma jissodisfax ir-rekwiżiti dwar il-kwalità u l-provvista regolari. Għalhekk, jeħtieġ li Mauritius ikompli jakkwista materja prima mhux oriġinarja għall-industrija tal-ipproċessar tiegħu. Mauritius jantiċipa li se jkun kapaċi juża bis-sħiħ il-kwota mitluba għall-perjodu 2018/2019. |
|
(6) |
Id-deroga tikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-Intrapriżi Żgħar u Medji u tippermetti d-diversifikazzjoni tas-settur tal-frott tal-baħar ta' Mauritius, li huwa fil-biċċa l-kbira tiegħu bbażat fuq prodotti tat-tonn. Mauritius indika li l-valur tal-esportazzjonijiet antiċipati taħt deroga jammonta għal EUR 390 000. Fl-2017, il-valur tal-importazzjonijiet tal-prodotti tas-sajd tal-Kapitolu 03 tas-SA minn Mauritius lejn l-Unjoni ammonta għal EUR 21 217 843. Il-kwantitajiet baxxi, li jirrappreżentaw 1,84 % biss tal-valur ta' dawn l-importazzjonijiet u l-perjodu limitat mitlub għad-deroga ma jikkawżawx dannu serju lil xi wieħed mis-setturi ekonomiċi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru wieħed jew aktar. |
|
(7) |
Għalhekk, jixraq li Mauritius jingħata deroga għal 100 tunnellata ta' tirsite mmellaħ, li tirrispetta l-abbiltà tal-industrija eżistenti li tkompli l-esportazzjonijiet tagħha lejn l-Unjoni, limitata għal perjodu ta' sena. |
|
(8) |
Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 (3) jistabbilixxi r-regoli għall-ġestjoni tal-kwoti tariffarji. Jenħtieġ li dawk ir-regoli jiġu applikati għall-ġestjoni tal-kwantità li għaliha qed tingħata d-deroga permezz ta' din id-Deċiżjoni. |
|
(9) |
Sabiex ikun hemm monitoraġġ effiċjenti tal-operat tad-deroga, jenħtieġ li l-awtoritajiet ta' Mauritius jikkomunikaw lill-Kummissjoni b'mod regolari d-dettalji taċ-ċertifikati tal-moviment EUR.1 maħruġa, |
IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:
Artikolu 1
B'deroga mill-Protokoll 1 tal-FSE interim u f'konformità mal-Artikolu 42(1) ta' dak il-Protokoll, it-tirsite mmellaħ tal-intestatura tas-SA 0305 69 (kodiċi NM 0305 69 80) manifatturat minn tirsite mmellaħ mhux oriġinarju (barracouta) tal-intestatura tas-SA 0303 89 għandu jitqies li joriġina f'Mauritius f'konformità mat-termini stabbiliti fl-Artikoli 2 sa 5 ta' din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Id-deroga prevista fl-Artikolu 1 għandha tapplika għall-prodott u għall-kwantità stabbiliti fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni, iddikjarat għar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera fl-Unjoni minn Mauritius għal perjodu limitat ta' sena mid-data tal-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni.
Artikolu 3
Il-kwantità stabbilita fl-Anness għandha tiġi ġestita f'konformità mal-Artikoli 49 sa 54 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/2447.
Artikolu 4
L-awtoritajiet doganali ta' Mauritius għandhom iwettqu verifiki kwantitattivi fuq l-esportazzjonijiet tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 1.
Qabel tmiem ix-xahar wara kull tliet xhur, l-awtoritajiet doganali ta' Mauritius għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni, permezz tas-Segretarjat tal-Kumitat dwar il-Kooperazzjoni Doganali, dikjarazzjoni tal-kwantitajiet li fir-rigward tagħhom ikunu nħarġu ċertifikati tal-moviment EUR.1 skont din id-Deċiżjoni u n-numri tas-serje ta' dawk iċ-ċertifikati.
Artikolu 5
Il-Kaxxa 7 taċ-ċertifikati tal-moviment EUR.1 li nħarġu skont din id-Deċiżjoni għandha tinkludi waħda mill-indikazzjonijiet li ġejjin:
“Deroga-Deċiżjoni Nru 1/2019 tal-Kumitat dwar il-Kooperazzjoni Doganali ALN-UE tal-14 ta' Jannar 2019 ”;
“Dérogation-Décision no 1/2019 du Comité de Coopération Douanière AfOA-UE du 14 janvier 2019 ”.
Artikolu 6
1. Mauritius u l-Unjoni għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa min-naħa tagħhom sabiex jimplimentaw din id-Deċiżjoni.
2. Meta l-Unjoni tiskopri, abbażi ta' informazzjoni oġġettiva, każijiet ta' irregolaritajiet jew frodi jew ta' nuqqas ripetut ta' rispett tal-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 4, l-Unjoni tista' titlob sospensjoni temporanja tad-deroga msemmija fl-Artikolu 1 f'konformità mal-proċedura prevista fl-Artikolu 22(5) u (6) tal-FSE interim.
Artikolu 7
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-14 ta' Jannar 2019.
Magħmul fi Brussel, l-14 ta' Jannar 2019.
B. SAMSON
Rappreżentant tal-Istati tal-ALN
f'isem l-Istati tal-ALN
J.G. SANCHEZ
Il-Kummissjoni Ewropea
f'isem l-Unjoni Ewropea
(1) ĠU L 111, 24.4.2012, p. 2.
(2) Id-Deċiżjoni Nru 2/2017 tal-Kumitat dwar il-Kooperazzjoni Doganali ALN-UE tat-2 ta' Ottubru 2017 dwar deroga mir-regoli ta' oriġini stabbiliti fil-Protokoll 1 tal-Ftehim Interim li jistabbilixxi qafas għal Ftehim ta' Sħubija Ekonomika bejn l-Istati tal-Afrika tal-Lvant u tan-Nofsinhar, minn naħa, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, biex tittieħed f'kunsiderazzjoni s-sitwazzjoni speċjali ta' Mauritius fir-rigward tat-tirsite [2017/1924] (ĠU L 271, 20.10.2017, p. 47).
(3) Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta' Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558).
ANNESS
|
Numru tal-ordni |
Kodiċi NM |
Kodiċi tat-TARIC |
Deskrizzjoni tal-prodotti |
Perjodu |
Piż nett (f'tunnellati) |
|
09.1611 |
ex 0305 69 80 |
25 |
tirsite (barracouta), immellaħ |
14.1.2019–13.1.2020 |
100 |