29.10.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 276/3


TRADUZZJONI

FTEHIM

bejn l-unjoni ewropea u l-gvern tar-repubblika soċjalista tal-vjetnam li jistabbilixxi qafas għall-parteċipazzjoni tal-vjetnam f’operazzjonijiet tal-unjoni ewropea ta’ maniġġar ta’ kriżijiet

L-UNJONI EWROPEA (l-“Unjoni” jew l-“UE”) minn naħa waħda, u l-VJETNAM min-naħa l-oħra, minn hawn 'il quddiem imsejħa l-“Partijiet”,

billi:

(1)

Fil-qafas tal-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni tagħha, l-Unjoni Ewropea tista’ tiddeċiedi li twettaq operazzjonijiet ta’ maniġġar ta’ kriżijiet li jistgħu jinkludu l-kompiti stabbiliti fl-Artikoli 42(1) u 43(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, kif deċiż mill-Kunsill.

(2)

Il-Vjetnam u l-UE jirrikonoxxu l-importanza tal-paċi dinjija għall-iżvilupp tal-Istati kollha, u jibqgħu impenjati li jikkontribwixxu għaż-żamma tal-paċi u s-sigurtà fil-viċinat rispettiv tagħhom u fid-dinja b’mod aktar wiesa’, abbażi tal-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti.

(3)

Meta jiġi kkunsidrat l-impenn bejn il-Partijiet biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni tagħhom fi kwistjonijiet li jikkonċernaw is-sigurtà u d-difiża, u filwaqt li jiġi rikonoxxut li l-kapaċitajiet u l-abbiltajiet tal-Vjetnam jistgħu jintużaw f’operazzjonijiet tal-UE ta’ maniġġar ta’ kriżijiet.

(4)

Il-Vjetnam u l-UE jixtiequ jistabbilixxu kondizzjonijiet ġenerali fir-rigward tal-parteċipazzjoni tal-Vjetnam f’operazzjonijiet tal-UE ta’ maniġġar ta’ kriżijiet fi ftehim li jistabbilixxi qafas għal tali parteċipazzjoni futura possibbli, aktar milli jiddefinixxu dawk il-kondizzjonijiet każ b’każ għal kull operazzjoni kkonċernata.

(5)

Jenħtieġ li tali ftehim ikun mingħajr preġudizzju għall-awtonomija tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-Unjoni, u jenħtieġ li ma jippreġudikax in-natura każ b’każ tad-deċiżjoni tal-Vjetnam li jieħu sehem f’operazzjoni tal-UE ta’ maniġġar ta’ kriżijiet.

(6)

L-Unjoni ser tiddeċiedi jekk Stati terzi jiġux mistiedna jieħdu sehem f’operazzjoni tal-UE ta’ maniġġar ta’ kriżijiet. Il-Vjetnam jista’ taċċetta l-istedina tal-Unjoni u joffri l-kontribuzzjoni tiegħu. F’dak il-każ, l-Unjoni tiddeċiedi dwar jekk taċċettax il-kontribuzzjoni proposta,

Ftiehmu Kif Ġej:

TAQSIMA I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Deċiżjonijiet relatati mal-parteċipazzjoni

1.   Wara d-deċiżjoni tal-Unjoni li tistieden lill-Vjetnam biex jieħu sehem f’operazzjoni tal-UE ta’ maniġġar ta’ kriżijiet, il-Vjetnam għandu, fl-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim, jikkomunika d-deċiżjoni tal-awtorità kompetenti tiegħu rigward il-parteċipazzjoni tiegħu, inkluż il-kontribuzzjoni propost tiegħu, lill-Unjoni Ewropea.

2.   Il-valutazzjoni mill-Unjoni tal-kontribuzzjoni proposta tal-Vjetnam għandha ssir b’konsultazzjoni ma’ dan tal-aħħar.

3.   L-Unjoni għandha tipprovdi lill-Vjetnam b’indikazzjoni bikrija tal-kontribuzzjoni probabbli għall-ispejjeż komuni tal-operazzjoni mill-aktar fis possibbli bil-ħsieb li tgħin lill-Vjetnam fil-formulazzjoni tal-offerta tiegħu.

4.   L-Unjoni għandha tikkomunika bil-miktub lill-Vjetnam l-eżitu tal-valutazzjoni u d-deċiżjoni tagħha dwar il-kontribuzzjoni proposta tal-Vjetnam, bil-għan li tiżgura l-parteċipazzjoni tal-Vjetnam, f’konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim.

5.   L-offerta mill-Vjetnam skont il-paragrafu 1, u l-aċċettazzjoni tiegħu mill-UE skont il-paragrafu 4, għandhom jikkostitwixxu l-bażi għall-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim għal kull operazzjoni speċifika ta’ maniġġar ta’ kriżijiet.

6.   Il-Vjetnam jista’, fuq inizjattiva tiegħu stess jew fuq talba tal-Unjoni, u wara konsultazzjonijiet bejn il-Partijiet, jirtira fi kwalunkwe ħin b’mod sħiħ jew parzjali mill-parteċipazzjoni f’operazzjoni tal-UE ta’ maniġġar ta’ kriżijiet.

Artikolu 2

Qafas

1.   Il-Vjetnam għandu jassoċja ruħu mad-Deċiżjoni tal-Kunsill rilevanti li biha l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jiddeċiedi li l-Unjoni ser twettaq operazzjoni ta’ maniġġar ta’ kriżijiet, u ma’ kwalunkwe Deċiżjoni oħra li biha l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jiddeċiedi li jestendi operazzjoni tal-UE ta’ maniġġar ta’ kriżijiet, f’konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim u kwalunkwe arranġament ta’ implimentazzjoni meħtieġ.

2.   Il-kontribuzzjoni tal-Vjetnam għal operazzjoni tal-UE ta’ maniġġar ta’ kriżijiet għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-awtonomija tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-Unjoni.

Artikolu 3

L-istatus tal-persunal u tal-forzi tal-Vjetnam

1.   L-istatus tal-persunal issekondat għal operazzjoni ċivili tal-UE ta’ maniġġar ta’ kriżijiet u/jew tal-forzi kkontribwiti lil operazzjoni militari tal-UE ta’ maniġġar ta’ kriżijiet mill-Vjetnam għandu jkun irregolat mill-ftehim rilevanti dwar l-istatus tal-forzi/missjoni, jekk dan ikun konkluż, jew minn kwalunkwe arranġament ieħor bejn l-Unjoni u l-Istat(i) li fihom titwettaq l-operazzjoni. Il-Vjetnam għandu jkun mgħarraf b’dan.

2.   L-istatus tal-persunal ikkontribwit għall-kwartieri ġenerali jew elementi ta’ kmand li jinsabu barra l-Istat(i) li fih(om) titwettaq l-operazzjoni tal-UE ta’ maniġġar ta’ kriżijiet, għandu jkun irregolat minn arranġamenti bejn il-kwartieri ġenerali u l-elementi ta’ kmand ikkonċernati u l-awtoritajiet kompetenti tal-Vjetnam.

3.   Mingħajr preġudizzju għall-ftehim dwar l-istatus tal-forzi/missjoni msemmi fil-paragrafu 1, il-Vjetnam għandu jeżerċita l-ġurisdizzjoni fuq il-persunal tiegħu li jipparteċipa fl-operazzjoni tal-UE ta’ maniġġar ta’ kriżijiet. Fejn il-forzi tal-Vjetnam joperaw abbord bastiment jew inġenju tal-ajru ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, dak l-Istat Membru jista’ jeżerċita ġurisdizzjoni soġġett għal kwalunkwe ftehimiet eżistenti u/jew futuri u f’konformità mal-liġijiet u r-regolamenti tiegħu u d-dritt internazzjonali.

4.   Il-Vjetnam għandu jkun responsabbli biex jirrispondi għal kwalunkwe pretensjoni marbuta mal-parteċipazzjoni f’operazzjoni tal-UE ta’ maniġġar ta’ kriżijiet li tiġi minn jew li tikkonċerna xi membru tal-persunal tiegħu u għandu jkun responsabbli biex iressaq kwalunkwe azzjoni, b’mod partikolari azzjoni legali jew dixxiplinarja, kontra kwalunkwe membru tal-persunal tiegħu f’konformità mal-liġijiet u r-regolamenti tiegħu.

5.   Il-Partijiet jaqblu li jirrinunzjaw għal kwalunkwe pretensjoni, ħlief għal dawk kuntrattwali, kontra xulxin għal dannu fi, telf ta’ jew distruzzjoni ta’ assi ta’ proprjetà ta’, jew operati minn Parti jew oħra, jew għal korriment jew mewt ta’ persunal ta’ Parti jew oħra, li jirriżultaw mit-twettiq tad-doveri uffiċjali tagħhom konnessi mal-attivitajiet taħt dan il-Ftehim, ħlief fil-każ ta’ negliġenza serja jew imġiba ħażina volontarja. Kwalunkwe każ ta’ negliġenza serja jew imġiba ħażina volontarja għandu jiġi solvut b’mezzi diplomatiċi bejn il-Partijiet.

6.   Il-Vjetnam jintrabat li jagħmel dikjarazzjoni fir-rigward tar-rinunzja għal pretensjonijiet kontra kwalunkwe Stat li jipparteċipa f’operazzjoni tal-UE ta’ maniġġar ta’ kriżijiet li fiha jipparteċipa l-Vjetnam, u li jagħmel dan meta jiffirma dan il-Ftehim.

7.   L-Unjoni tintrabat li tiżgura li l-Istati Membri tal-Unjoni jagħmlu dikjarazzjoni fir-rigward tar-rinunzja ta’ kwalunkwe parteċipazzjoni futura tal-Vjetnam f’operazzjoni tal-UE ta’ maniġġar ta’ kriżijiet, u jagħmlu dan meta jiffirmaw dan il-Ftehim.

Artikolu 4

Informazzjoni klassifikata

1.   Il-Vjetnam għandu jieħu miżuri adatti sabiex jiżgura li l-informazzjoni klassifikata tal-UE tkun protetta f’konformità mar-regoli ta’ sigurtà tal-Kunsill għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE, li jinsabu fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE (1), u f’konformità ma’ linji gwida ulterjuri maħruġa minn awtoritajiet kompetenti, inkluż mill-Kmandant ta’ Operazzjoni tal-UE fir-rigward ta’ operazzjoni militari tal-UE ta’ maniġġar ta’ kriżijiet, jew mill-Kap tal-Missjoni fir-rigward ta’ operazzjoni ċivili tal-UE ta’ maniġġar ta’ kriżijiet.

2.   Fejn il-Partijiet jikkonkludu ftehim dwar proċeduri ta’ sigurtà għall-iskambju ta’ informazzjoni klassifikata, dan il-ftehim għandu japplika fil-kuntest ta’ operazzjoni tal-UE ta’ maniġġar ta’ kriżijiet.

TAQSIMA II

DISPOŻIZZJONIJIET DWAR IL-PARTEĊIPAZZJONI F’OPERAZZJONIJIET ĊIVILI TAL-UE TA’ MANIĠĠAR TA’ KRIŻIJIET

Artikolu 5

Persunal issekondat lil operazzjoni ċivili tal-UE ta’ maniġġar ta’ kriżijiet

1.   Il-Vjetnam:

(a)

għandu jiżgura li l-persunal tiegħu ssekondat lil operazzjoni ċivili tal-UE ta’ maniġġar ta’ kriżijiet iwettaq il-missjoni tiegħu f’konformità ma’:

(i)

id-Deċiżjoni tal-Kunsill rilevanti u l-emendi sussegwenti tagħha kif imsemmija fl-Artikolu 2(1);

(ii)

il-Pjan tal-Operazzjoni;

(iii)

kwalunkwe arranġament ta’ implimentazzjoni applikabbli;

(iv)

kwalunkwe politika applikabbli għal operazzjonijiet ċivili tal-UE ta’ maniġġar ta’ kriżijiet,

(b)

għandu jinforma lill-Kmandant ta’ Operazzjoni Ċivili fi żmien debitu bi kwalunkwe bidla fil-kontribuzzjoni tiegħu għall-operazzjoni ċivili tal-UE ta’ maniġġar ta’ kriżijiet.

2.   Il-persunal issekondat mill-Vjetnam għal operazzjoni ċivili tal-UE ta’ maniġġar ta’ kriżijiet għandu jagħmel eżami mediku, jirċievi tilqim u jkun iċċertifikat medikament b’saħħtu biex iwettaq dmirijietu mill-awtorità kompetenti tiegħu u jipproduċi kopja ta’ dik iċ-ċertifikazzjoni.

3.   Il-persunal issekondat mill-Vjetnam għandu jwettaq id-doveri tiegħu u jġib ruħu b’konsiderazzjoni biss għall-interessi tal-operazzjoni ċivili tal-UE ta’ maniġġar ta’ kriżijiet u josserva l-ogħla standards ta’ mġieba stabbiliti fil-politiki applikabbli għal operazzjonijiet ċivili tal-UE ta’ maniġġar ta’ kriżijiet.

Artikolu 6

Katina ta’ kmand

1.   Il-persunal kollu tal-Vjetnam parteċipanti f’operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet għandu jibqa’ taħt il-kmand sħiħ tal-awtoritajiet tal-Vjetnam.

2.   Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili tal-UE għandu jeżerċita kontroll operazzjonali fuq il-persunal kollu li jipparteċipa f’operazzjoni ċivili tal-UE ta’ maniġġar ta’ kriżijiet. Għal dan il-għan għandhom isiru arranġamenti ta’ implimentazzjoni, qabel l-istazzjonament, mill-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili tal-UE u l-awtoritajiet tal-Vjetnam.

3.   Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għandu jerfa’ r-responsabbiltà u jeżerċita l-kmand u l-kontroll tal-operazzjoni ċivili tal-UE ta’ maniġġar ta’ kriżijiet fil-livell strateġiku.

4.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jerfa’ r-responsabbiltà u jeżerċita l-kmand u l-kontroll tal-operazzjoni ċivili tal-UE ta’ maniġġar ta’ kriżijiet fuq il-post u jwettaq l-immaniġġar ta’ kuljum tagħha.

5.   Il-Vjetnam għandu jkollu l-istess drittijiet u obbligi f’termini tal-immaniġġar ta’ kuljum tal-operazzjoni bħall-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea li jkunu qed jieħdu sehem fl-operazzjoni, f’konformità mal-istrumenti legali msemmijin fl-Artikolu 2(1).

6.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jkun responsabbli għall-kontroll dixxiplinarju tal-persunal tal-operazzjoni ċivili tal-UE ta’ maniġġar ta’ kriżijiet. Il-Vjetnam għandu jkun responsabbli biex jieħu kwalunkwe azzjoni, inkluż azzjoni legali jew dixxiplinari, kontra kwalunkwe membru tal-persunal tiegħu, skont il-liġijiet, ir-regolamenti u l-politiki tiegħu.

7.   Għandu jinħatar Punt ta’ Kuntatt tal-Kontinġent Nazzjonali (“PKN”) mill-Vjetnam biex jirrappreżenta l-kontinġent nazzjonali tiegħu fl-operazzjoni. Il-PKN għandu jirrapporta lill-Kap tal-Missjoni dwar kwistjonijiet li jaffettwaw l-operazzjoni u għandu jkun responsabbli għad-dixxiplina ta’ kuljum tal-kontinġent tal-Vjetnam.

8.   Id-deċiżjoni li tintemm l-operazzjoni għandha tittieħed mill-Unjoni, wara konsultazzjoni mal-Vjetnam jekk huwa jkun għadu qiegħed jikkontribwixxi għall-operazzjoni ċivili tal-UE ta’ maniġġar ta’ kriżijiet fid-data tat-terminazzjoni tal-operazzjoni.

Artikolu 7

Aspetti finanzjarji

1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 8, il-Vjetnam għandu jġorr l-ispejjeż kollha assoċjati mal-parteċipazzjoni tiegħu f’operazzjoni ċivili tal-UE ta’ maniġġar ta’ kriżijiet minbarra l-ispejjeż kurrenti, kif stabbilit fil-baġit operazzjonali tal-operazzjoni.

2.   F’każ ta’ mewt, korriment, telf jew ħsara lil persuni fiżiċi jew ġuridiċi mill-Istat(i) li fih(om) titwettaq l-operazzjoni, il-kwistjonijiet ta’ responsabbiltà u l-kumpens possibbli mill-Vjetnam għandhom jiġu rregolati bil-kondizzjonijiet stabbiliti fil-ftehim applikabbli dwar l-istatus tal-missjoni msemmi fl-Artikolu 3(1) jew fi kwalunkwe dispożizzjoni alternattiva applikabbli.

Artikolu 8

Kontribuzzjoni għall-baġit operazzjonali

1.   Soġġett għall-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu, inkluż fir-rigward tal-kapaċitajiet proprji tal-Vjetnam, u wara d-deċiżjoni tal-Vjetnam li jipparteċipa f’operazzjoni ċivili tal-UE ta’ maniġġar ta’ kriżijiet f’konformità mal-Artikolu 1(5), il-Vjetnam hu lest jikkontribwixxi għall-finanzjament tal-baġit operazzjonali tal-operazzjoni ċivili tal-UE ta’ maniġġar ta’ kriżijiet ikkonċernata.

2.   Tali kontribuzzjoni għall-baġit operazzjonali għandha tiġi kalkolata abbażi ta’ waħda miż-żewġ formoli li ġejjin, skont liema tipproduċi l-ammont aktar baxx:

(a)

is-sehem tal-ammont ta’ referenza għall-baġit operazzjonali li jkun fi proporzjon għall-koeffiċjent tad-dħul nazzjonali gross (DNG) tal-Vjetnam għat-total tad-DNG tal-Istati kollha li jkunu qegħdin jikkontribwixxu għall-baġit operazzjonali tal-operazzjoni; jew

(b)

is-sehem tal-ammont ta’ referenza għall-baġit operazzjonali li jkun ugwali għall-proporzjon tan-numru tal-persunal mill-Vjetnam parteċipanti fl-operazzjoni mqabbel man-numru totali tal-persunal tal-Istati kollha parteċipanti fl-operazzjoni.

3.   Minkejja l-paragrafi 1 u 2, il-Vjetnam ma għandu jagħmel l-ebda kontribuzzjoni għall-finanzjament ta’ għotjiet per diem imħallsa lill-persunal tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea.

4.   Minkejja l-paragrafu 1 ta’ hawn fuq, l-Unjoni għandha, fil-prinċipju, teżenta lill-Vjetnam minn kontribuzzjonijiet finanzjarji għal operazzjoni ċivili partikolari tal-UE ta’ maniġġar ta’ kriżijiet meta:

(a)

l-Unjoni tiddeċiedi li l-Vjetnam jipprovdi kontribuzzjoni sostanzjali li tkun essenzjali għal din l-operazzjoni;

jew

(b)

il-Vjetnam ikollu DNG per capita li ma jaqbiżx dak ta’ xi Stat Membru tal-Unjoni.

5.   Soġġett għall-paragrafu 1, kwalunkwe arranġament dwar il-pagament tal-kontribuzzjonijiet tal-Vjetnam għall-baġit operazzjonali ta’ operazzjoni ċivili tal-UE ta’ maniġġar ta’ kriżijiet għandu jiġi ffirmat bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Partijiet u għandu, fost l-oħrajn, jinkludi d-dispożizzjonijiet li ġejjin dwar:

(a)

l-ammont tal-kontribuzzjoni finanzjarja kkonċernata;

(b)

l-arranġamenti għall-pagament tal-kontribuzzjoni finanzjarja; u

(c)

il-proċedura tal-awditjar.

TAQSIMA III

DISPOŻIZZJONIJIET DWAR PARTEĊIPAZZJONI F’OPERAZZJONIJIET MILITARI TAL-UE TA’ MANIĠĠAR TA’ KRIŻIJIET

Artikolu 9

Parteċipazzjoni f’operazzjoni militari tal-UE ta’ maniġġar ta’ kriżijiet

1.   Il-Vjetnam għandu jiżgura li l-forzi u l-persunal tiegħu parteċipanti f’operazzjoni militari tal-UE ta’ maniġġar ta’ kriżijiet iwettqu l-missjoni tagħhom f’konformità ma’:

(a)

id-Deċiżjoni tal-Kunsill rilevanti u l-emendi sussegwenti tagħha kif imsemmija fl-Artikolu 2(1);

(b)

il-Pjan tal-Operazzjoni;

(c)

kwalunkwe arranġament ta’ implimentazzjoni applikabbli; u

(d)

kwalunkwe politika applikabbli għal operazzjonijiet militari tal-UE ta’ maniġġar ta’ kriżijiet.

2.   Il-Vjetnam għandu jinforma lill-Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE fiż-żmien dovut bi kwalunkwe bidla fil-parteċipazzjoni tiegħu fl-operazzjoni.

3.   Il-persunal issekondat mill-Vjetnam għandu jwettaq id-doveri tiegħu u jġib ruħu b’konsiderazzjoni biss għall-interessi tal-operazzjoni militari tal-UE ta’ maniġġar ta’ kriżijiet u josserva l-ogħla standards ta’ mġieba stabbiliti fil-politiki applikabbli għal operazzjonijiet militari tal-UE ta’ maniġġar ta’ kriżijiet.

Artikolu 10

Katina ta’ kmand

1.   Il-forzi u l-persunal kollha tal-Vjetnam li jipparteċipaw f’operazzjoni militari tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet għandhom jibqgħu taħt il-kmand sħiħ tal-awtoritajiet tal-Vjetnam.

2.   Il-Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE għandu jeżerċita l-kmand u/jew il-kontroll Operazzjonali u Tattiku tal-forzi u l-persunal kollha tal-Istati parteċipanti f’operazzjoni militari tal-UE ta’ maniġġar ta’ kriżijiet. Għal dak il-għan għandhom isiru arranġamenti ta’ implimentazzjoni, qabel l-istazzjonament, mill-Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE u l-awtoritajiet tal-Vjetnam.

3.   Il-Vjetnam għandu jkollu l-istess drittijiet u obbligi f’termini ta’ maniġġar ta’ kuljum tal-operazzjoni bħall-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea li jieħdu sehem fl-operazzjoni, f’konformità mal-istrumenti legali msemmijin fl-Artikolu 2(1).

4.   Il-Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE jista’, wara konsultazzjonijiet mal-Vjetnam, fi kwalunkwe ħin jitlob l-irtirar tal-kontribuzzjoni mill-Vjetnam.

5.   Għandu jinħatar Rappreżentant Militari Superjuri (“SMR”) mill-Vjetnam sabiex jirrappreżenta l-kontinġent nazzjonali tiegħu fl-operazzjoni militari tal-UE ta’ maniġġar ta’ kriżijiet. L-SMR għandu jikkonsulta mal-Kmandant tal-Forzi tal-UE dwar il-kwistjonijiet kollha li jaffettwaw l-operazzjoni u għandu jkun responsabbli għad-dixxiplina ta’ kuljum tal-kontinġent tal-Vjetnam.

Artikolu 11

Aspetti finanzjarji

1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 12 ta’ dan il-Ftehim, il-Vjetnam għandu jġorr l-ispejjeż kollha assoċjati mal-parteċipazzjoni tiegħu fl-operazzjoni sakemm l-ispejjeż ma jkunux soġġetti għal finanzjament komuni kif previst fl-istrumenti legali msemmija fl-Artikolu 2(1), kif ukoll fid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/528 (2).

2.   F’każ ta’ mewt, korriment, telf jew dannu lil persuni fiżiċi jew ġuridiċi mill-Istat(i) li fih(om) titwettaq l-operazzjoni, il-kwistjonijiet ta’ responsabbiltà u kumpens possibbli mill-Vjetnam għandhom jiġu rregolati mill-kondizzjonijiet stabbiliti fil-ftehim applikabbli dwar l-istatus tal-forzi msemmi fl-Artikolu 3(1) jew fi kwalunkwe dispożizzjoni alternattiva applikabbli.

Artikolu 12

Kontribuzzjoni għall-ispejjeż komuni

1.   Soġġett għall-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu u wara d-deċiżjoni tal-Vjetnam li jipparteċipa f’operazzjoni militari tal-UE ta’ maniġġar ta’ kriżijiet f’konformità mal-Artikolu 1(5), il-Vjetnam hu lest jikkontribwixxi għall-finanzjament tal-ispejjeż komuni tal-operazzjoni militari tal-UE ta’ maniġġar ta’ kriżijiet ikkonċernata.

2.   Tali kontribuzzjoni għall-ispejjeż komuni għandha tiġi kkalkolata fuq il-bażi ta’ waħda mill-formoli li ġejjin, skont liema waħda tipproduċi l-inqas ammont:

(a)

is-sehem tal-ispejjeż komuni li jkun ugwali għall-proporzjon tad-DNG tal-Vjetnam imqabbel mat-total tad-DNG tal-Istati kollha li jkunu qegħdin jikkontribwixxu għall-ispejjeż komuni tal-operazzjoni; jew

(b)

is-sehem tal-ispejjeż komuni li jkun ugwali għall-proporzjon tan-numru tal-persunal mill-Vjetnam parteċipanti fl-operazzjoni mqabbel man-numru totali tal-persunal tal-Istati kollha parteċipanti fl-operazzjoni.

Fejn tintuża l-formula taħt il-punt (b), u l-Vjetnam jikkontribwixxi persunal għall-Kwartieri Ġenerali tal-Operazzjoni jew tal-Forza biss, il-proporzjon li jintuża għandu jkun dak tal-persunal tiegħu mqabbel man-numru totali tal-persunal tal-kwartieri ġenerali rispettivi. F’każijiet oħra, il-proporzjon għandu jkun dak tal-persunal kollu kkontribwit mill-Vjetnam imqabbel mat-total tal-persunal tal-operazzjoni.

3.   Minkejja l-paragrafu 1 ta’ hawn fuq, l-Unjoni għandha, fil-prinċipju, teżenta lill-Vjetnam minn kontribuzzjonijiet finanzjarji għal operazzjoni militari partikolari tal-UE ta’ maniġġar ta’ kriżijiet meta:

(a)

l-Unjoni tiddeċiedi li l-Vjetnam jipprovdi kontribuzzjoni sostanzjali li tkun essenzjali għal din l-operazzjoni;

jew

(b)

il-Vjetnam ikollu DNG per capita li ma jaqbiżx dak ta’ xi Stat Membru tal-Unjoni.

4.   Soġġett għall-paragrafu 1, kwalunkwe arranġament għall-pagament tal-kontribuzzjonijiet tal-Vjetnam għall-ispejjeż komuni għandu jiġi konkluż bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Partijiet u għandu jinkludi, fost l-oħrajn, id-dispożizzjonijiet li ġejjin dwar:

(a)

l-ammont tal-kontribuzzjoni finanzjarja kkonċernata;

(b)

l-arranġamenti għall-pagament tal-kontribuzzjoni finanzjarja; u

(c)

il-proċedura tal-awditjar.

TAQSIMA IV

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 13

Arranġamenti biex jiġi implimentat il-Ftehim

Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 8(5) u 12(4), kwalunkwe arranġament tekniku u amministrattiv meħtieġ biex issir l-implementazzjoni ta’ dan il-Ftehim għandu jiġi konkluż bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Partijiet.

Artikolu 14

Awtoritajiet kompetenti

Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim, l-awtoritajiet kompetenti tal-Vjetnam għandhom ikunu l-Ministeru għad-Difiża Nazzjonali tal-Vjetnam, dment li l-Unjoni Ewropea ma tiġix notifikata mod ieħor.

Artikolu 15

Nonkonformità

Jekk kwalunkwe waħda mill-Partijiet tonqos milli tikkonforma mal-obbligi tagħha skont dan il-Ftehim, il-Parti l-oħra għandu jkollha d-dritt li ttemm dan il-Ftehim permezz ta’ avviż bil-miktub ta’ xahar.

Artikolu 16

Riżoluzzjoni ta’ tilwim

Tilwim li jikkonċerna l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim għandu jiġi riżolt b’mezzi diplomatiċi bejn il-Partijiet.

Artikolu 17

Dħul fis-seħħ, tul ta’ żmien u terminazzjoni

1.   Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tal-ewwel xahar wara li l-Partijiet ikunu nnotifikaw lil xulxin bit-tlestija tal-proċeduri legali interni meħtieġa għad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim.

2.   Dan il-Ftehim għandu jiġi rivedut fuq it-talba ta’ kwalunkwe Parti.

3.   Dan il-Ftehim jista’ jiġi emendat abbażi ta’ ftehim reċiproku bil-miktub bejn il-Partijiet. L-emendi għandhom jidħlu fis-seħħ f’konformità mal-proċedura stipulata fil-paragrafu 1.

4.   Dan il-Ftehim jista’ jiġi ddenunzjat minn kwalunkwe Parti b’notifika bil-miktub ta’ denunzja mogħtija lill-Parti l-oħra. Tali denunzja għandha ssir effettiva sitt xhur wara li l-Parti l-oħra tirċievi n-notifika.

B’XHIEDA TA’ DAN, is-sottoskritti, li t-tnejn huma awtorizzati kif inhu dovut biex jagħmlu dan mill-Partijiet rispettivi, iffirmaw dan il-Ftehim.

Magħmul fi Brussell, fis-17 ta’ Ottubru 2019, f’żewġ kopji bl-Ingliż u bil-Vjetnamiż, biż-żewġ testi ugwalment awtentiċi. F’każ ta’ kwalunkwe diverġenza ta’ interpretazzjoni, it-test bl-Ingliż għandu jipprevali.

Għall-Unjoni Ewropea

Għall-Gvern tar-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam


(1)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE tat-23 ta’ Settembru 2013 dwar ir-regoli ta’ sigurtà għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU UE L 274, 15.10.2013, p. 1).

(2)  Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/528 tas-27 ta’ Marzu 2015 li tistabbilixxi mekkaniżmu sabiex jiġi amministrat il-finanzjament tal-ispejjeż komuni tal-operazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea li jkollhom implikazzjonijiet militari jew ta’ difiża (Athena) u li tħassar id-Deċiżjoni 2011/871/PESK (ĠUUE L 84, 28.3.2015, p. 39).


DIKJARAZZJONI MILL-ISTATI MEMBRI TAL-UE LI TAPPLIKA DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL TAL-UE DWAR OPERAZZJONI TAL-UE TA’ MANIĠĠAR TA’ KRIŻIJIET, LI FIHA JIPPARTEĊIPA L-VJETNAM, FIR-RIGWARD TAR-RINUNZJA GĦALL-PRETENSJONIJIET IMSEMMIJA FL-ARTIKOLU 3(5)

“L-Istati Membri tal-UE li japplikaw Deċiżjoni tal-Kunsill tal-UE dwar operazzjoni tal-UE ta’ maniġġar ta’ kriżijiet li fiha jipparteċipa l-Vjetnam ser jagħmlu ħilithom, sa fejn is-sistemi legali interni tagħhom jippermettu, biex jirrinunzjaw sa fejn ikun possibbli għal kwalunkwe pretensjoni kontra l-Vjetnam fir-rigward ta’ korriment jew mewt ta’ persunal tagħhom, jew ħsara lil, jew telf ta’, kwalunkwe assi ta’ proprjetà tagħhom u użata mill-operazzjoni tal-UE ta’ maniġġar ta’ kriżijiet jekk tali korriment, mewt, ħsara jew telf:

kien ikkawżat minn persunal, ikkontribwit mill-Vjetnam lil operazzjoni tal-UE ta’ maniġġar ta’ kriżijiet, fit-twettiq tad-doveri tagħhom b’konnessjoni mal-operazzjoni tal-UE ta’ maniġġar ta’ kriżijiet, ħlief f’każ ta’ negliġenza serja jew imġiba ħażina volontarja; jew

irriżulta mill-użu ta’ kwalunkwe assi li jkunu l-proprjetà tal-Vjetnam, dment li l-assi jkunu ntużaw b’konnessjoni mal-operazzjoni, u ħlief fil-każ ta’ negliġenza serja jew imġiba ħażina volontarja minn persunal ikkontribwit mill-Vjetnam lill-operazzjoni tal-UE ta’ maniġġar ta’ kriżijiet, li kien qed juża dawk l-assi.”.


DIKJARAZZJONI MILL-VJETNAM DWAR IR-RINUNZJA GĦAL PRETENSJONIJIET KONTRA KWALUNKWE STAT PARTEĊIPANTI F’OPERAZZJONIJIET TAL-UE TA’ MANIĠĠAR TA’ KRIŻIJIET, IMSEMMIJA FL-ARTIKOLU 3(5)

“Il-Vjetnam, wara li qabel li jipparteċipa f’operazzjoni tal-UE ta’ maniġġar ta’ kriżijiet, ser jagħmel ħiltu, sa fejn is-sistema legali interna tiegħu tippermetti, biex jirrinunzja sa fejn possibbli għal kwalunkwe pretensjoni kontra kwalunkwe Stat li jipparteċipa f’operazzjoni tal-UE ta’ maniġġar ta’ kriżijiet rigward il-korriment, jew mewt ta’, il-persunal tiegħu jew ħsara lil, jew telf ta’, kwalunkwe assi proprjetà tiegħu u użat mill-operazzjoni tal-UE ta’ maniġġar ta’ kriżijiet jekk tali korriment, mewt, dannu jew telf:

kien ikkawżat minn persunal fit-twettiq tad-doveri tagħhom b’konnessjoni mal-operazzjoni tal-UE ta’ maniġġar ta’ kriżijiet, ħlief f’każ ta’ negliġenza serja jew imġiba ħażina volontarja; jew

irriżulta mill-użu ta’ kwalunkwe assi li jkunu l-proprjetà ta’ Stati parteċipanti fl-operazzjoni tal-UE ta’ maniġġar ta’ kriżijiet, dment li l-assi jkunu ntużaw b’konnessjoni mal-operazzjoni u ħlief fil-każ ta’ negliġenza serja jew imġiba ħażina volontarja minn persunal tal-operazzjoni tal-UE ta’ maniġġar ta’ kriżijiet li kien qed juża dawk l-assi.”.