|
18.2.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 46/3 |
FTEHIM TA' STATUS
bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Albanija dwar azzjonijiet imwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fir-Repubblika tal-Albanija
L-UNJONI EWROPEA,
minn naħa waħda, u
R-REPUBBLIKA TAL-ALBANIJA,
min-naħa l-oħra,
minn hawn 'il quddiem imsejħa b'mod konġunt “il-Partijiet”,
BILLI jistgħu jinħolqu sitwazzjonijiet fejn l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta, minn hawn 'il quddiem imsejħa “l-Aġenzija”, bħala struttura tal-Unjoni Ewropea, tikkoordina l-kooperazzjoni operattiva bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Albanija, inklużi azzjonijiet operattivi fit-territorju tar-Repubblika tal-Albanija,
BILLI jenħtieġ li jiġi stabbilit qafas legali fil-forma ta' ftehim dwar l-istatus għal sitwazzjonijiet fejn il-membri tat-timijiet tal-Aġenzija jistgħu jkollhom setgħat eżekuttivi fit-territorju tar-Repubblika tal-Albanija,
FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW li l-azzjonijiet kollha tal-Aġenzija fit-territorju tar-Repubblika tal-Albanija għandhom jirrispettaw bis-sħiħ id-drittijiet fundamentali u l-atti internazzjonali li għalihom hija Parti r-Repubblika tal-Albanija,
IDDEĊIDEW LI JIKKONKLUDU DAN IL-FTEHIM:
Artikolu 1
Kamp ta' applikazzjoni
1. Dan il-Ftehim għandu jkopri l-aspetti kollha li huma meħtieġa għat-twettiq tal-azzjonijiet mill-Aġenzija li jistgħu jsiru fit-territorju tar-Repubblika tal-Albanija fejn membri tat-timijiet tal-Aġenzija jkollhom setgħat eżekuttivi.
2. Dan il-Ftehim japplika biss fit-territorju tar-Repubblika tal-Albanija.
3. L-istatus u d-delimitazzjoni, taħt il-liġi internazzjonali, tat-territorji rispettivi tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Albanija, bl-ebda mod ma huma affettwati la minn dan il-Ftehim u lanqas minn kwalunkwe att imwettaq fl-implimentazzjoni tiegħu mill-Partijiet jew f'isimhom, inklużi l-istabbiliment ta' pjanijiet operazzjonali jew il-parteċipazzjoni f'operazzjonijiet transfruntieri.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta' dan il-Ftehim, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
|
(1) |
“azzjoni” tfisser operazzjoni konġunta, intervent rapidu fil-fruntiera jew operazzjoni ta' ritorn; |
|
(2) |
“operazzjoni konġunta” tfisser azzjoni mmirata biex tindirizza l-immigrazzjoni illegali jew kriminalità transfruntiera jew li għandha l-għan li tipprovdi aktar assistenza teknika u operattiva fil-fruntiera tar-Repubblika tal-Albanija li tmiss ma' Stat Membru u mwettqa fit-territorju tar-Repubblika tal-Albanija; |
|
(3) |
“intervent rapidu fil-fruntiera” tfisser azzjoni mmirata biex tindirizza b'mod rapidu sitwazzjoni b'diffikultajiet speċifiċi u sproporzjonati fil-fruntieri tar-Repubblika tal-Albanija li jmissu ma' Stat Membru u mwettqa fit-territorju tar-Repubblika tal-Albanija għal perjodu limitat ta' żmien; |
|
(4) |
“operazzjoni ta' ritorn” tfisser operazzjoni li tkun koordinata mill-Aġenzija u tinvolvi rinfurzar tekniku u operazzjonali li jiġi pprovdut minn Stat Membru wieħed jew aktar li fiha persuni rimpatrijati minn Stat Membru wieħed jew aktar jiġu rritornati fuq bażi furzata jew fuq bażi volontarja lejn ir-Repubblika tal-Albanija; |
|
(5) |
“kontroll tal-fruntieri” tfisser il-kontroll ta' persuni mwettaq fuq xi fruntiera b'reazzjoni esklussivament għal xi intenzjoni ta' qsim jew għall-att ta' qsim ta' dik il-fruntiera, irrispettivament minn kull konsiderazzjoni oħra, li jikkonsisti f'verifiki fuq il-fruntiera fil-punti tal-qsim tal-fruntiera u s-sorveljanza tal-fruntiera bejn il-punti tal-qsim tal-fruntiera; |
|
(6) |
“membru tat-tim” tfisser membru tal-persunal tal-Aġenzija jew membru ta' tim ta' gwardji tal-fruntiera u persunal rilevanti ieħor minn Stati Membri parteċipanti, inklużi gwardji tal-fruntiera u persunal rilevanti ieħor li jkunu sekondati mill-Istati Membri lill-Aġenzija biex jiġu skjerati f'azzjoni; |
|
(7) |
“Stat Membru” tfisser Stat Membru tal-Unjoni Ewropea; |
|
(8) |
“Stat Membru tal-oriġini” tfisser l-Istat Membru li tegħu membru tat-tim ikun gwardja tal-fruntiera jew membru ieħor tal-persunal rilevanti; |
|
(9) |
“data personali” tfisser kwalunkwe informazzjoni relatata ma' persuna fiżika identifikata jew identifikabbli; persuna identifikabbli hija persuna li tista' tiġi identifikata, direttament jew indirettament, partikolarment b'referenza għal identifikatur bħal isem, numru ta' identifikazzjoni, data dwar post, identifikatur online jew għal xi fattur wieħed jew aktar li jkunu speċifiċi għall-identità fiżika, fiżjoloġika, ġenetika, mentali, ekonomika, kulturali jew soċjali ta' dik il-persuna fiżika; |
|
(10) |
“Stat Membru parteċipanti” tfisser Stat Membru li jipparteċipa f'azzjoni fir-Repubblika tal-Albanija billi jipprovdi tagħmir tekniku, gwardji tal-fruntieri u persunal rilevanti ieħor stazzjonat bħala parti mit-tim; |
|
(11) |
“l-Aġenzija” tfisser l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta stabbilita bir-Regolament (UE) 2016/1624 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1); |
|
(12) |
“setgħat eżekuttivi tal-membri tat-tim” tfisser is-setgħat meħtieġa biex jitwettqu l-kompiti meħtieġa għall-kontroll tal-fruntieri u għall-operazzjonijiet ta' ritorn li jitwettqu fuq it-territorju tar-Repubblika tal-Albanija waqt azzjoni konġunta kif inkluż fil-pjan operazzjonali; |
|
(13) |
“force majeure” tinkludi, mingħajr limitazzjoni, kwalunkwe att ta' gwerra (kemm jekk iddikjarata kif ukoll jekk le), invażjoni, kunflitt armat jew azzjoni ta' għedewwa barranin, imblokk, rewwixta, terroriżmu jew l-eżerċizzju ta' setgħa militari, terremot, għargħar, nar, tempesta jew diżastru naturali u, kull meta hekk iseħħ, kwalunkwe avveniment jew ċirkostanza simili għal dak imsemmi hawn fuq. |
Artikolu 3
Pjan operazzjonali
1. Għandu jiġi miftiehem bejn l-Aġenzija u r-Repubblika tal-Albanija pjan operazzjonali, li jaqblu miegħu l-Istat Membru jew l-Istati Membri li jmissu mal-fruntiera taż-żona ta' operazzjoni, għal kull operazzjoni konġunta jew intervent rapidu fil-fruntiera.
2. Il-pjan operazzjonali għandu jistabbilixxi fid-dettall l-aspetti organizzattivi u proċedurali tal-operazzjoni konġunta jew tal-intervent rapidu fil-fruntiera, inklużi deskrizzjoni u valutazzjoni tas-sitwazzjoni, l-għan u l-objettivi operazzjonali, il-kunċett operazzjonali, it-tip ta' tagħmir tekniku li jrid jintuża, il-pjan ta' implimentazzjoni, il-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi oħra, Aġenziji u korpi oħrajn tal-Unjoni Ewropea jew organizzazzjonijiet internazzjonali, id-dispożizzjonijiet fir-rigward tad-drittijiet fundamentali, inkluża l-protezzjoni tad-data personali, l-istruttura tal-koordinazzjoni, tal-kmand, tal-kontroll, tal-komunikazzjoni u tar-rapportar, l-arranġamenti organizzattivi u loġistiċi, l-evalwazzjoni u l-aspetti finanzjarji tal-operazzjoni konġunta jew tal-intervent rapidu fil-fruntiera.
3. L-evalwazzjoni tal-operazzjoni konġunta jew tal-intervent rapidu fil-fruntiera għandha titwettaq b'mod konġunt bejn ir-Repubblika tal-Albanija u l-Aġenzija.
Artikolu 4
Kompiti u setgħat tal-membri tat-tim
1. Il-membri tat-tim għandhom ikollhom l-awtorità li jwettqu l-kompiti u jeżerċitaw is-setgħat eżekuttivi meħtieġa għall-kontroll tal-fruntieri u għall-operazzjonijiet ta' ritorn.
2. Il-membri tat-tim għandhom jirrispettaw il-liġijiet u r-regolamenti tar-Repubblika tal-Albanija.
3. Il-membri tat-tim jistgħu jwettqu l-kompiti u jeżerċitaw is-setgħat fit-territorju tar-Repubblika tal-Albanija biss fuq struzzjonijiet minn u, bħala regola ġenerali, fil-preżenza ta' gwardji tal-fruntiera jew persunal rilevanti ieħor tar-Repubblika tal-Albanija. Ir-Repubblika tal-Albanija għandha, fejn meħtieġ, tagħti struzzjonijiet lit-tim skont il-pjan operazzjonali. Ir-Repubblika tal-Albanija tista' eċċezzjonalment tawtorizza lill-membri tat-tim biex jaġixxu f'isimha.
L-Aġenzija, permezz tal-uffiċjal tal-koordinazzjoni tagħha, tista' tikkomunika l-opinjonijiet tagħha lir-Repubblika tal-Albanija dwar l-istruzzjonijiet mogħtija lit-tim. F'dak il-każ, ir-Repubblika tal-Albanija għandha tikkunsidra dawk l-opinjonijiet u ssegwihom sa fejn ikun possibbli.
F'każijiet fejn l-istruzzjonijiet maħruġa lit-tim ma jkunux konformi mal-pjan operazzjonali, l-uffiċjal tal-koordinazzjoni għandu jirrapporta immedjatament għand id-direttur eżekuttiv tal-Aġenzija (minn hawn 'il quddiem “id-direttur eżekuttiv”). Id-direttur eżekuttiv jista' jieħu miżuri xierqa, inkluża s-sospensjoni jew it-terminazzjoni tal-azzjoni.
4. Il-membri tat-tim għandhom jilbsu l-uniformi tagħhom stess meta jkunu qed iwettqu l-kompiti tagħhom u jeżerċitaw is-setgħat tagħhom. Il-membri tat-tim għandhom ukoll jilbsu b'mod viżibbli fuq l-uniformi tagħhom identifikazzjoni personali u faxxa tad-driegħ blu bl-insinji tal-Unjoni Ewropea u tal-Aġenzija. Għall-finijiet ta' identifikazzjoni fir-rigward tal-awtoritajiet nazzjonali tar-Repubblika tal-Albanija, il-membri tat-tim għandhom, f'kull ħin iġorru magħhom id-dokument ta' akkreditazzjoni msemmi fl-Artikolu 7.
5. Waqt li jwettqu l-kompiti tagħhom u jeżerċitaw is-setgħat tagħhom, il-membri tat-tim jistgħu jġorru armi, munizzjon u tagħmir tas-servizz kif awtorizzati skont il-liġi nazzjonali tal-Istat Membru tal-oriġini. Ir-Repubblika tal-Albanija għandha, qabel l-iskjerament tal-membri tat-tim, tinforma lill-Aġenzija dwar l-armi, munizzjon u tagħmir tas-servizz li jkunu permissibbli u dwar il-qafas legali rilevanti u l-kondizzjonijiet għall-użu tagħhom.
6. Waqt li jwettqu l-kompiti tagħhom u jeżerċitaw is-setgħat tagħhom, il-membri tat-tim għandhom ikunu awtorizzati jużaw il-forza, inklużi armi, munizzjon u tagħmir tas-servizz, bil-kunsens tal-Istat Membru tal-oriġini u tar-Repubblika tal-Albanija, fil-preżenza ta' gwardji tal-fruntiera jew persunal rilevanti ieħor tar-Repubblika tal-Albanija u f'konformità mal-liġi nazzjonali tar-Repubblika tal-Albanija. Ir-Repubblika tal-Albanija tista' tawtorizza lill-membri tat-tim biex jużaw il-forza mingħajr il-preżenza ta' gwardji tal-fruntiera jew persunal rilevanti ieħor tar-Repubblika tal-Albanija. L-awtorità biex jingħata l-kunsens tal-Istat Membru tal-oriġini se tkun definita fil-pjan operazzjonali.
7. Ir-Repubblika tal-Albanija tista' tawtorizza lill-membri tat-tim jikkonsultaw il-bażijiet tad-data tagħha jekk ikun meħtieġ biex jintlaħqu l-għanijiet operazzjonali speċifikati fil-pjan operazzjonali u għall-operazzjonijiet ta' ritorn. Il-membri tat-tim għandhom jikkonsultaw biss id-data li tkun meħtieġa għat-twettiq tal-kompiti tagħhom u biex jeżerċitaw is-setgħat tagħhom kif speċifikat fil-pjan operazzjonali jew kif meħtieġ għal operazzjonijiet ta' ritorn. Ir-Repubblika tal-Albanija għandha, qabel l-iskjerament tal-membri tat-tim, tinforma lill-Aġenzija dwar liema bażijiet ta' data nazzjonali jistgħu jiġu kkonsultati. Dik il-konsultazzjoni għandha ssir skont il-liġi nazzjonali tal-protezzjoni tad-data tar-Repubblika tal-Albanija.
Artikolu 5
Is-sospensjoni u t-terminazzjoni tal-azzjoni
1. Id-direttur eżekuttiv jista' jissospendi jew jittermina l-azzjoni, wara li jkun informa lir-Repubblika tal-Albanija bil-miktub, jekk id-dispożizzjonijiet ta' dan il-Ftehim jew tal-pjan operazzjonali ma jkunux rispettati mir-Repubblika tal-Albanija. Id-direttur eżekuttiv għandu jinnotifika lir-Repubblika tal-Albanija bir-raġunijiet għal dan.
2. Ir-Repubblika tal-Albanija tista' tissospendi jew tittermina l-azzjoni, wara li tinforma lill-Aġenzija bil-miktub, jekk id-dispożizzjonijiet ta' dan il-Ftehim jew tal-pjan operazzjonali ma jkunux rispettati mill-Aġenzija jew minn kwalunkwe Stat Membru parteċipanti. Ir-Repubblika tal-Albanija għandha tinnotifika lill-Aġenzija bir-raġunijiet għal dan.
3. B'mod partikolari, id-direttur eżekuttiv jew ir-Repubblika tal-Albanija jistgħu jissospendu jew jitterminaw l-azzjoni f'każijiet ta' ksur tad-drittijiet fundamentali, ksur tal-prinċipju ta' non-refoulement jew tar-regoli tal-protezzjoni tad-data.
4. It-terminazzjoni tal-azzjoni ma għandha taffettwa l-ebda dritt jew obbligu li jirriżulta mill-applikazzjoni ta' dan il-Ftehim jew il-pjan operazzjonali qabel tali terminazzjoni.
Artikolu 6
Privileġġi u immunitajiet tal-membri tat-tim
1. Id-dokumenti, il-korrispondenza u l-assi tal-membri tat-tim għandhom igawdu l-invjolabbiltà, ħlief fil-każ ta' miżuri ta' eżekuzzjoni li huma permessi skont il-paragrafu 7.
2. Il-membri tat-tim għandhom igawdu minn immunità mill-ġurisdizzjoni kriminali tar-Repubblika tal-Albanija fir-rigward tal-atti mwettqa fl-eżerċizzju ta' funzjonijiet uffiċjali tagħhom fil-kors tal-azzjonijiet li jsiru f'konformità mal-pjan operazzjonali.
Fil-każ ta' allegazzjoni ta' reat kriminali mwettaq minn membru tat-tim, id-direttur eżekuttiv u l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-oriġini għandhom jiġu nnotifikati minnufih. Qabel ma jinbeda proċediment quddiem il-qorti, id-direttur eżekuttiv, wara kunsiderazzjoni bir-reqqa ta' kwalunkwe rappreżentanza li ssir minn awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-oriġini u mill-awtoritajiet kompetenti tar-Repubblika tal-Albanija, għandu jiċċertifika lill-qorti jekk l-att inkwistjoni kienx twettaq fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet uffiċjali tal-membru matul l-azzjonijiet li jsiru f'konformità mal-pjan operazzjonali. Sa meta ssir iċ-ċertifikazzjoni mid-direttur eżekuttiv, l-Aġenzija u l-Istat Membru tal-oriġini għandhom joqogħdu lura milli jieħdu xi miżura li x'aktarx tipperikola xi prosekuzzjoni kriminali sussegwenti possibbli tal-membru tat-tim mill-awtoritajiet kompetenti tar-Repubblika tal-Albanija.
Jekk l-att twettaq fil-qadi ta' funzjonijiet uffiċjali, il-proċedimenti ma għandhomx jinbdew. Jekk l-att ma jkunx twettaq fil-qadi ta' funzjonijiet uffiċjali, il-proċedimenti jistgħu ikomplu. Iċ-ċertifikazzjoni mid-direttur eżekuttiv għandha tkun vinkolanti fuq il-ġurisdizzjoni tar-Repubblika tal-Albanija. Il-privileġġi mogħtija lill-membri tat-tim u l-immunità mill-ġurisdizzjoni kriminali tar-Repubblika tal-Albanija ma jeżentawhomx mill-ġurisdizzjoni tal-Istat Membru tal-oriġini.
3. Il-membri tat-tim għandhom igawdu minn immunità mill-ġurisdizzjoni ċivili u amministrattiva tar-Repubblika tal-Albanija fir-rigward tal-atti kollha li jwettqu fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet uffiċjali tagħhom matul l-azzjonijiet li jsiru f'konformità mal-pjan operazzjonali. Jekk jinbeda xi proċediment ċivili kontra xi membri tat-tim quddiem kwalunkwe qorti tar-Repubblika tal-Albanija, id-direttur eżekuttiv u l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-oriġini għandhom jiġu nnotifikati minnufih. Qabel ma jinbeda l-proċediment quddiem il-qorti, id-direttur eżekuttiv, wara kunsiderazzjoni bir-reqqa ta' kwalunkwe rappreżentanza li ssir mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-oriġini u mill-awtoritajiet kompetenti tar-Repubblika tal-Albanija, għandu jiċċertifika lill-qorti jekk l-att inkwistjoni kienx twettaq minn membri tat-tim fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet uffiċjali tagħhom matul l-azzjonijiet li jsiru f'konformità mal-pjan operazzjonali.
Jekk l-att twettaq fil-qadi ta' funzjonijiet uffiċjali, il-proċediment ma għandux jinbeda. Jekk l-att ma kienx twettaq fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet uffiċjali, il-proċediment jista' jitkompla. Iċ-ċertifikazzjoni mid-direttur eżekuttiv għandha tkun vinkolanti fuq il-ġurisdizzjoni tar-Repubblika tal-Albanija. Il-bidu ta' proċedimenti minn membri tat-tim għandu jipprekludihom milli jinvokaw l-immunità mill-ġurisdizzjoni fir-rigward ta' kwalunkwe kontrotalba li tkun direttament relatata mat-talba prinċipali.
4. L-immunità tal-membri tat-tim mill-ġurisdizzjoni kriminali, ċivili u amministrattiva tar-Repubblika tal-Albanija tista' tiġi rinunzjata mill-Istat Membru tal-oriġini skont il-każ. Tali rinunzja għandha dejjem tkun rinunzja espressa.
5. Il-membri tat-tim ma għandhomx ikunu obbligati jixhdu bħala xhieda.
6. Fil-każ ta' dannu kkawżat minn membru tat-tim fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet uffiċjali fil-kors tal-azzjonijiet li jsiru f'konformità mal-pjan operazzjonali, ir-Repubblika tal-Albanija għandha tkun responsabbli għal kwalunkwe ħsara.
Fil-każ ta' dannu kkawżat minn negliġenza gravi jew kondotta skorretta volontarja jew jekk l-att ma jkunx twettaq fil-qadi ta' funzjonijiet uffiċjali minn membru tat-tim minn Stat Membru parteċipanti, ir-Repubblika tal-Albanija tista' titlob, permezz tad-direttur eżekuttiv, li l-kumpens jitħallas mill-Istat Membru parteċipanti kkonċernat.
Fil-każ ta' dannu kkawżat minn negliġenza gravi jew kondotta skorretta volontarja jew jekk l-att ma jkunx twettaq fil-qadi ta' funzjonijiet uffiċjali minn membru tat-tim li jkun membru tal-persunal tal-Aġenzija, ir-Repubblika tal-Albanija tista' titlob li l-kumpens jitħallas mill-Aġenzija.
F'każ ta' dannu kkawżat fir-Repubblika tal-Albanija, minħabba force majeure, la r-Repubblika tal-Albanija, lanqas l-Istat Membru parteċipanti, u lanqas l-Aġenzija, ma għandu jkollhom l-ebda responsabbiltà.
7. L-ebda miżura ta' eżekuzzjoni ma tista' tittieħed fir-rigward tal-membri tat-tim, ħlief fil-każ li jiġi istitwit kontrihom proċediment ċivili li ma jkunx relatat mal-funzjonijiet uffiċjali tagħhom.
Il-proprjetà tal-membri tat-tim, li tkun ċertifikata mid-direttur eżekuttiv bħala meħtieġa għat-twettiq tal-funzjonijiet uffiċjali tagħhom, għandha tkun ħielsa minn sekwestru biex tiġi ssodisfata sentenza, deċiżjoni jew ordni. Fil-kuntest ta' proċedimenti ċivili, il-membri tat-tim ma għandhomx ikunu soġġetti għal xi restrizzjoni fuq il-libertà personali tagħhom jew għal kwalunkwe miżura oħra ta' kostrinġiment.
8. L-immunità tal-membri tat-tim mill-ġurisdizzjoni tar-Repubblika tal-Albanija ma għandhiex teżentahom mill-ġurisdizzjonijiet tal-Istati Membri tal-oriġini rispettivi.
9. Il-membri tat-tim għandhom, fir-rigward tas-servizzi mwettqa għall-Aġenzija, ikunu eżentati mid-dispożizzjonijiet tas-sigurtà soċjali li jistgħu jkunu fis-seħħ fir-Repubblika tal-Albanija.
10. Il-membri tat-tim għandhom ikunu eżentati minn kwalunkwe forma ta' tassazzjoni fir-Repubblika tal-Albanija fuq is-salarju u l-emolumenti mħallsa lilhom mill-Aġenzija jew mill-Istati Membri tal-oriġini, kif ukoll fuq kwalunkwe introjtu li jirċievu minn barra mir-Repubblika tal-Albanija.
11. Ir-Repubblika tal-Albanija għandha, f'konformità mal-liġijiet u r-regolamenti tagħha, tippermetti d-dħul ta' oġġetti għall-użu personali tal-membri tat-tim, u għandha tagħti eżenzjoni minn kull dazju doganali, taxxa u ħlasijiet relatati ħlief għal ħlasijiet għal ħżin, trasport u servizzi simili, fir-rigward ta' tali oġġetti. Ir-Repubblika tal-Albanija għandha wkoll tippermetti l-esportazzjoni ta' tali oġġetti.
12. Il-bagalji personali tal-membri tat-tim jistgħu jiġu spezzjonati biss f'każijiet ta' suspetti ġustifikati li fihom oġġetti li mhumiex għall-użu personali tal-membri tat-tim, jew oġġetti li l-importazzjoni jew l-esportazzjoni tagħhom tkun projbita mil-liġi jew suġġetta għar-regolamenti tal-kwarantina tar-Repubblika tal-Albanija. L-ispezzjoni ta' tali bagalji personali għandha ssir biss fil-preżenza tal-membru jew membri tat-tim ikkonċernat jew ta' rappreżentant awtorizzat tal-Aġenzija.
Artikolu 7
Dokument ta' akkreditazzjoni
1. L-Aġenzija għandha, f'kooperazzjoni mar-Repubblika tal-Albanija, toħroġ dokument fil-lingwi uffiċjali tar-Repubblika tal-Albanija u f'lingwa uffiċjali tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea lil kull membru tat-tim għall-għanijiet ta' identifikazzjoni fil-konfront tal-awtoritajiet nazzjonali tar-Repubblika tal-Albanija u bħala prova tad-drittijiet tad-detentur biex iwettaq il-kompiti u jeżerċita s-setgħat imsemmija fl-Artikolu 4 ta' dan il-Ftehim u fil-pjan operazzjonali. Id-dokument ta' akkreditazzjoni għandu jinkludi l-informazzjoni li ġejja dwar il-membru tat-tim: l-isem u n-nazzjonalità; il-grad jew it-titlu tal-impjieg; ritratt reċenti diġitalizzat u l-kompiti li huwa awtorizzat iwettaq matul l-iskjerament.
2. Id-dokument ta' akkreditazzjoni, flimkien ma' dokument tal-ivvjaġġar validu, jagħti lill-membru tat-tim aċċess għar-Repubblika tal-Albanija mingħajr il-bżonn ta' viża jew awtorizzazzjoni minn qabel.
3. Id-dokument tal-akkreditazzjoni għandu jiġi ritornat lill-Aġenzija fi tmiem l-azzjoni. L-awtoritajiet kompetenti Albaniżi għandhom jiġu infurmati b'dan.
Artikolu 8
Drittijiet fundamentali
1. Il-membri tat-tim għandhom, fit-twettiq tal-kompiti tagħhom u meta jeżerċitaw is-setgħat tagħhom, jirrispettaw bis-sħiħ id-drittijiet fundamentali u l-libertajiet, inkluż fir-rigward tal-aċċess għal proċeduri tal-ażil, id-dinjità tal-bniedem u l-projbizzjoni tat-tortura, trattament inuman jew degradanti, id-dritt għal-libertà, il-prinċipju ta' non-refoulement u l-projbizzjoni tat-tkeċċijiet kollettivi, id-drittijiet tat-tfal u d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja. Waqt it-twettiq tal-kompiti tagħhom u fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħhom, huma ma għandhomx jiddiskriminaw b'mod arbitrarju kontra persuni fuq l-ebda bażi, inklużi s-sess, ir-razza jew l-oriġini etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, diżabbiltà, età jew orjentazzjoni sesswali jew l-identità tal-ġeneru. Kwalunkwe miżura li tinterferixxi mad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali meħuda fit-twettiq tal-kompiti tagħhom u fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħhom għandha tkun proporzjonata għall-objettivi ta' tali miżura u għandha tirrispetta l-essenza ta' dawn id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali.
2. Kull Parti għandu jkollha mekkaniżmu ta' trattament ta' lmenti sabiex tittratta l-allegazzjonijiet ta' ksur tad-drittijiet fundamentali mwettaq mill-persunal tagħha fil-qadi tal-funzjonijiet uffiċjali tagħhom matul xi operazzjoni konġunta jew intervent rapidu fil-fruntiera jew operazzjoni ta' ritorn imwettqa taħt dan il-Ftehim.
Artikolu 9
Ipproċessar ta' data personali
1. L-ipproċessar ta' data personali mill-membri tat-tim għandu jsir biss meta jkun meħtieġ għat-twettiq tal-kompiti tagħhom u l-eżerċizzju tas-setgħat tagħhom għall-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim mir-Repubblika tal-Albanija, mill-Aġenzija jew mill-Istati Membri parteċipanti.
2. L-ipproċessar ta' data personali mir-Repubblika tal-Albanija għandu jkun soġġett għal liġijiet nazzjonali tagħha.
3. L-ipproċessar ta' data personali għal għanijiet amministrattivi mill-Aġenzija u mill-Istat jew Stati Membri parteċipanti, inkluż f'każ ta' trasferiment ta' data personali lejn ir-Repubblika tal-Albanija, għandu jkun soġġett għar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta' dik id-data (2), ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (3), id-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (4) u għal miżuri adottati mill-Aġenzija għall-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 kif imsemmi fl-Artikolu 45(2) tar-Regolament (UE) 2016/1624.
4. F'każ li l-proċessar jinvolvi trasferiment ta' data personali, l-Istati Membri u l-Aġenzija għandhom jindikaw, fil-mument tat-trasferiment tad-data personali lir-Repubblika tal-Albanija, kwalunkwe restrizzjoni fuq l-aċċess tagħha jew l-użu tagħha, f'termini ġenerali jew speċifiċi, inkluż fir-rigward ta' trasferiment, tħassir jew qerda. Fejn il-ħtieġa ta' tali restrizzjonijiet issir ċara wara t-trasferiment tad-data personali, dawn għandhom jinformaw lir-Repubblika tal-Albanija dwar dan.
5. Data personali miġbura għal għanijiet amministrattivi matul l-azzjoni tista' tiġi pproċessata mill-Aġenzija, mill-Istati Membri parteċipanti u mir-Repubblika tal-Albanija f'konformità mal-liġi applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data.
6. L-Aġenzija, l-Istati Membri parteċipanti u r-Repubblika tal-Albanija għandhom iħejju rapport komuni dwar l-applikazzjoni tal-paragrafi 1 sa 5 ta' dan l-Artikolu fi tmiem kull azzjoni. Dak ir-rapport għandu jintbagħat lill-uffiċjal tad-drittijiet fundamentali u l-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data tal-Aġenzija. Huma għandhom jirrapportaw għand id-direttur eżekuttiv.
Artikolu 10
L-awtoritajiet kompetenti għall-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim
1. L-awtorità kompetenti għall-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim fir-Repubblika tal-Albanija għandha tkun il-Ministeru tal-Intern.
2. L-awtorità kompetenti tal-Unjoni Ewropea għall-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim għandha tkun l-Aġenzija.
Artikolu 11
Riżoluzzjoni ta' tilwim
1. Kull tilwim li jirriżulta b'rabta mal-applikazzjoni ta' dan il-Ftehim għandu jiġi eżaminat b'mod konġunt mir-rappreżentanti tal-awtorità kompetenti tar-Repubblika tal-Albanija u minn rappreżentanti tal-Aġenzija, li għandhom jikkonsultaw lill-Istat Membru jew l-Istati Membri ġirien tar-Repubblika tal-Albanija.
2. Fin-nuqqas ta' riżoluzzjoni minn qabel, it-tilwim li jikkonċerna l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta' dan il-Ftehim għandu jiġi riżolt biss b'negozjar bejn ir-Repubblika tal-Albanija u l-Kummissjoni Ewropea, li għandha tikkonsulta lil kwalunkwe Stat Membru ġar tar-Repubblika tal-Albanija.
Artikolu 12
Dħul fis-seħħ, tul ta' żmien u terminazzjoni
1. Dan il-Ftehim għandu jkun soġġett għar-ratifika, aċċettazzjoni jew approvazzjoni mill-Partijiet skont il-proċeduri interni tagħhom u l-Partijiet għandhom jinnotifikaw lil xulxin li lestew il-proċeduri meħtieġa għal dak l-iskop.
2. Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tieni xahar wara x-xahar li fih tkun saret l-aħħar notifika prevista fil-paragrafu 1.
3. Dan il-Ftehim huwa konkluż għal perjodu indefinit. Dan il-Ftehim jista' jiġi tterminat jew sospiż permezz ta' ftehim bil-miktub bejn il-Partijiet jew b'mod unilaterali minn kwalunkwe waħda mill-Partijiet. F'dan il-każ tal-aħħar, il-Parti li jkollha l-intenzjoni titterminah jew tissospendih għandha tinnotifika bil-miktub lill-Parti l-oħra b'dan. It-terminazzjoni jew sospensjoni għandha ssir effettiva fl-ewwel jum tat-tieni xahar wara x-xahar li fih tkun ingħatat in-notifika jew ikun ġie konkluż il-ftehim bil-miktub bejn il-Partijiet.
4. In-notifiki li jsiru skont dan l-Artikolu għandhom jintbagħtu, fil-każ tal-Unjoni Ewropea, lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u, fil-każ tar-Repubblika tal-Albanija, lill-Ministeru responsabbli għall-Affarijiet Barranin tar-Repubblika tal-Albanija.
Magħmul f'żewġ eżemplari bil-Bulgaru, biċ-Ċek, bid-Daniż, bl-Estonjan, bil-Finlandiż, bil-Franċiż, bil-Ġermaniż, bil-Grieg, bl-Ingliż, bl-Ispanjol, bl-Iżvediż, bil-Kroat, bil-Latvjan, bil-Litwan, bil-Malti, bin-Netherlandiż, bil-Pollakk, bil-Portugiż, bir-Rumen, bis-Slovakk, bis-Sloven, bit-Taljan, bl-Ungeriż u bl-Albaniż, b'kull test minn dawn ikollu l-istess awtentiċità.
Съставено в Тирана на пети октомври две хиляди и осемнадесета година.
Hecho en Tirana, el cinco de octubre de dos mil dieciocho.
V Tiraně dne pátého října dva tisíce osmnáct.
Udfærdiget i Tirana den femte oktober to tusind og atten.
Geschehen zu Tirana am fünften Oktober zweitausendachtzehn.
Kahe tuhande kaheksateistkümnenda aasta oktoobrikuu viiendal päeval Tiranas.
Έγινε στα Τίρανα, στις πέντε Οκτωβρίου δύο χιλιάδες δεκαοκτώ.
Done at Tirana on the fifth day of October in the year two thousand and eighteen.
Fait à Tirana, le cinq octobre deux mille dix-huit.
Sastavljeno u Tirani petog listopada godine dvije tisuće osamnaeste.
Fatto a Tirana, addì cinque ottobre duemiladiciotto.
Tiranā, divi tūkstoši astoņpadsmitā gada piektajā oktobrī.
Priimta du tūkstančiai aštuonioliktų metų spalio penktą dieną Tiranoje.
Kelt Tiranában, a kétezer-tizennyolcadik év október havának ötödik napján.
Magħmul f'Tirana, fil-ħames jum ta' Ottubru fis-sena elfejn u tmintax.
Gedaan te Tirana, vijf oktober tweeduizend achttien.
Sporządzono w Tiranie dnia piątego października roku dwa tysiące osiemnastego.
Feito em Tirana, em cinco de outubro de dois mil e dezoito.
Întocmit la Tirana la cinci octombrie două mii optsprezece.
V Tirane piateho októbra dvetisícosemnásť.
V Tirani, petega oktobra dva tisoč osemnajst.
Tehty Tiranassa viidentenä päivänä lokakuuta vuonna kaksituhattakahdeksantoista.
Som skedde i Tirana den femte oktober år tjugohundraarton.
Bërë në Tiranë, më pesë tetor në vitin dy mijë e tetëmbëdhjetë.
За Европейския съюз
Рог la Unión Europea
Za Evropskou unii
For Den Europæiske Union
Für die Europäische Union
Euroopa Liidu nimel
Για την Ευρωπαϊκή Ένωση
For the European Union
Pour l'Union européenne
Za Europsku uniju
Per l'Unione europea
Eiropas Savienības vārdā –
Europos Sąjungos vardu
Az Európai Unió részéről
Għall-Unjoni Ewropea
Voor de Europese Unie
W imieniu Unii Europejskiej
Pela União Europeia
Pentru Uniunea Europeană
Za Európsku úniu
Za Evropsko unijo
Euroopan unionin puolesta
För Europeiska unionen
Për Bashkimin Evropian
За Република Албания
Por la República de Albania
Za Albánskou republiku
For Republikken Albanien
Für die Republik Albanien
Albaania Vabariigi nimel
Για τη Δημοκρατία της Αλβανίας
For the Republic of Albania
Pour la République d'Albanie
Za Republiku Albaniju
Per la Repubblica d'Albania
Albānijas Republikas vārdā –
Albanijos Respublikos vardu
Az Albán Köztársaság részéről
Għar-Repubblika tal-Albanija
Voor de Republiek Albanië
W imieniu Republiki Albanii
Pela da República da Albânia
Pentru Republica Albania
Za Albánsku republiku
Za Republiko Albanijo
Albanian tasavallan puolesta
För Republiken Albanien
Për Republikën e Shqipërisë
(1) Regolament (UE) 2016/1624 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Settembru 2016 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u li jemenda r-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 863/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/267/KE (ĠU UE L 251, 16.9.2016, p. 1).
(2) ĠU UE L 8, 12.1.2001, p. 1.