20.7.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 184/10


DEĊIŻJONI Nru 1/2018 TAL-KUNSILL TA' ASSOĊJAZZJONI UE-TURKIJA

tas-27 ta' Marzu 2018

li temenda l-Protokoll 2 għad-Deċiżjoni Nru 1/98 dwar is-sistema ta' kummerċ għal prodotti agrikoli [2018/1029]

IL-KUNSILL TA' ASSOĊJAZZJONI UE-TURKIJA,

Wara li kkunsidra l-Ftehim li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija (1),

Wara li kkunsidra l-Protokoll Addizzjonali għall-Ftehim li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 35 tiegħu,

Billi,

(1)

Id-Deċiżjoni Nru 1/98 tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni KE-Turkija (3) tistabbilixxi s-sistema preferenzjali applikabbli għall-kummerċ fi prodotti agrikoli bejn l-Unjoni u t-Turkija. Il-Protokoll 2 għal dik id-Deċiżjoni jinkludi dettalji dwar is-sistema preferenzjali applikabbli għall-importazzjoni fit-Turkija ta' prodotti agrikoli li joriġinaw mill-Unjoni, inkluża sistema preferenzjali għall-importazzjoni ta' laħam iffriżat tal-bovini.

(2)

L-Unjoni u t-Turkija kellhom konsultazzjonijiet u qablu li jemendaw is-sistema preferenzjali applikabbli għall-importazzjoni fit-Turkija ta' laħam tal-bovini li joriġina mill-Unjoni, u li jestendu l-kamp ta' applikazzjoni tal-kwota tariffarja eżistenti, stabbilita fl-Anness għall-Protokoll 2 għad-Deċiżjoni Nru 1/98, għal-laħam frisk u mkessaħ tal-bovini.

(3)

Għalhekk, il-Protokoll 2 għad-Deċiżjoni Nru 1/98 tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni KE-Turkija għandu jiġi emendat kif meħtieġ,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Anness għall-Protokoll 2 għad-Deċiżjoni Nru 1/98 huwa emendat skont l-Anness għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, is-27 ta' Marzu 2018.

Għall-Kunsill ta' Assoċjazzjoni UE-Turkija

Il-President

F. MOGHERINI


(1)  ĠU L 361, 31.12.1977, p. 29.

(2)  ĠU L 361, 31.12.1977, p. 60.

(3)  Id-Deċiżjoni Nru 1/98 tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni KE-Turkija tal-25 ta' Frar 1998 dwar is-sistema ta' kummerċ għal prodotti agrikoli (98/223/KE) (ĠU L 86, 20.3.1998, p. 1).


ANNESS

L-entrati għall-kodiċi NM 0202 20 fl-Anness għall-Protokoll 2 għad-Deċiżjoni Nru 1/98 jinbidlu b'dan li ġej:

“Kodiċi NM

Deskrizzjoni

Tnaqqis tad-dazju MFN (%)

Kwota tariffarja (piż nett f'tunnellati)

0201 20

0202 20

Qatgħat oħra ta' laħam tal-bovini, bl-għadma, friski jew imkessħa, jew iffriżati

Tnaqqis ta' 50 % b'dazju massimu ta' 30 %

5 000

0201 20

0202 20

Qatgħat oħra ta' laħam tal-bovini, bl-għadma, friski jew imkessħa, jew iffriżati

Tnaqqis ta' 30 % b'dazju massimu ta' 43 %

14 100 ”.