|
19.7.2018 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 183/23 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE
Nru 154/2018
tas-6 ta' Lulju 2018
li temenda l-Anness XI (Komunikazzjoni elettronika, servizzi awdjoviżwali u soċjetà tal-informatika) u l-Protokoll 37 (li fih il-lista prevista fl-Artikolu 101) tal-Ftehim ŻEE [2018/1022]
IL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE,
Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (“il-Ftehim ŻEE”), u b'mod partikolari l-Artikolu 98 tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (1) għandu jiġi inkorporat fil-Ftehim ŻEE. |
|
(2) |
Filwaqt li jirrikonoxxi li l-protezzjoni tad-data hija dritt fundamentali mħares f'bosta ftehimiet internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem. |
|
(3) |
Filwaqt li jirrikonoxxi l-importanza tad-drittijiet u l-obbligi indaqs tal-kontrolluri u l-proċessuri tad-data fiż-ŻEE. |
|
(4) |
Din id-Deċiżjoni tipprevedi li l-awtoritajiet superviżorji tal-Istati tal-EFTA għandhom jieħdu sehem bl-ikbar mod possibbli fil-punt uniku ta' servizz u l-mekkaniżmu ta' konsistenza u, apparti mid-dritt għall-vot u li joħorġu għal elezzjoni bħala l-president jew viċi presidenti tal-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (“il-Bord”), imwaqqaf bir-Regolament (UE) 2016/679, għandu jkollhom l-istess drittijiet u obbligi bħall-awtoritajiet superviżorji tal-Istati Membri tal-UE f'dak il-Bord. Għal dan il-għan, l-awtoritajiet superviżorji tal-Istati tal-EFTA għandhom ikunu inklużi fl-attivitajiet tal-Bord, inkluż l-attivitajiet ta' kwalunkwe sottogrupp li l-Bord jista' jistabbilixxi biex iwettaq ħidmietu, u li jirċievu kull informazzjoni meħtieġa biex ikunu jistgħu jieħdu sehem b'mod effettiv inkluża, skont kif ikun meħtieġ, permezz ta' aċċess sħiħ għal kwalunkwe sistema elettronika għall-iskambju tal-informazzjoni li l-Bord jista' jwaqqaf. |
|
(5) |
Ir-Regolament (UE) 2016/679 iħassar id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), li hija inkorporata fil-Ftehim ŻEE u li konsegwentement għandha titħassar skont il-Ftehim ŻEE. |
|
(6) |
Għaldaqstant, jenħtieġ li l-Anness XI u l-Protokoll 37 tal-Ftehim ŻEE jiġu emendati skont dan, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
It-test tal-punt 5e (id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill) tal-Anness XI tal-Ftehim ŻEE għandu jiġi mibdul b'dan li ġej:
“ 32016 R 0679: Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).
Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva għandhom jinqraw bl-adattamenti li ġejjin:
|
(a) |
L-awtoritajiet superviżorji tal-Istati tal-EFTA għandhom jieħdu sehem fl-attivitajiet tal-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, minn hawn 'il quddiem imsejjaħ ‘il-Bord’. Għal dan il-għan, apparti mid-dritt għall-vot u li joħorġu għal elezzjoni bħala l-president jew viċi presidenti tal-Bord, huma għandu jkollhom l-istess drittijiet u obbligi bħall-awtoritajiet superviżorji tal-Istati Membri tal-UE fil-Bord, sakemm ma jkunx previst mod ieħor f'dan il-Ftehim. Il-pożizzjonijiet tal-awtoritajiet superviżorji tal-Istati tal-EFTA għandhom jiġu mniżżla separatament mill-Bord. Ir-regoli ta' proċedura tal-Bord għandhom jagħtu effett sħiħ għall-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet superviżorji tal-Istati tal-EFTA u l-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA bl-eċċezzjoni tad-drittijiet tal-vot u tal-kandidatura għall-presidenza jew il-viċi presidenza tal-Bord. |
|
(b) |
Minkejja d-dispożizzjonijiet tal-Protokoll 1 ta' dan il-Ftehim, u sakemm mhux previst mod ieħor f'dan il-Ftehim, it-termini ‘Stat/i Membru/i’ u ‘awtoritajiet superviżorji’ għandhom jiġu mifhuma li jinkludu, apparti t-tifsira tagħhom fir-Regolament, l-Istati tal-EFTA u l-awtoritajiet superviżorji tagħhom, rispettivament. |
|
(c) |
Ir-referenzi għad-dritt tal-Unjoni jew id-dispożizzjonijiet tal-protezzjoni tad-data tal-Unjoni għandhom jinftiehmu li qed jirreferu għall-Ftehim taż-ŻEE jew id-dispożizzjonijiet tal-protezzjoni tad-data li hemm fih, rispettivament. |
|
(d) |
Fl-Artikoli 13(1)(f) u 14(1)(f), fir-rigward tal-Istati tal-EFTA, il-kliem ‘applikabbli skont il-Ftehim ŻEE’ għandhom jiddaħħlu wara l-kliem ‘deċiżjoni ta' adegwatezza mill-Kummissjoni’. |
|
(e) |
Fl-Artikolu 45, fir-rigward tal-Istati tal-EFTA, dan li ġej għandu jiddaħħal wara l-paragrafu 1: ‘1a. Sakemm tittieħed deċiżjoni mill-Kumitat Konġunt taż-ŻEE biex jiġi inkoporat fil-Ftehim ŻEE att ta' implimentazzjoni adottat bis-saħħa tal-paragrafi 3 jew 5 ta' dan l-Artikolu, Stat tal-EFTA jista' jiddeċiedi li japplika l-miżuri li hemm fih. Qabel id-dħul fis-seħħ ta' kull att ta' implimentazzjoni adottat bis-saħħa tal-paragrafi 3 jew 5 ta' dan l-Artikolu, kull Stat tal-EFTA għandu jiddeċiedi u jinforma lill-Kummissjoni u lill-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA jekk huwiex, sakemm tittieħed deċiżjoni mill-Kumitat Konġunt taż-ŻEE li l-att ta' implimentazzjoni jiġi inkorporat fil-Ftehim ŻEE, se japplika l-miżuri li jkun hemm fih fl-istess ħin bħall-Istati Membri tal-UE jew le. Fin-nuqqas ta' deċiżjoni bil-kontra, kull Stat tal-EFTA għandu japplika l-miżuri li jkun hemm f'att ta' implimentazzjoni adottat bis-saħħa tal-paragrafi 3 jew 5 ta' dan l-Artikolu fl-istess ħin bħall-Istati Membri tal-UE. Minkejja l-Artikolu 102 ta' dan il-Ftehim, jekk ma jkunx jista' jintlaħaq ftehim dwar l-inkorporazzjoni fil-Ftehim ŻEE ta' att ta' implimentazzjoni adottat bis-saħħa tal-paragrafi 3 jew 5 ta' dan l-Artikolu fi żmien tnax-il xahar mid-dħul fis-seħħ ta' dan l-att ta' implimentazzjoni, kull Stat tal-EFTA jista' jieqaf japplika tali miżuri u għandu jinforma lill-Kummissjoni u lill-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA b'dan mingħajr dewmien. Il-Partijiet Kontraenti l-oħra tal-Ftehim ŻEE għandhom, permezz ta' deroga mill-Artikolu 1(3), jirrestrinġu jew jipprojbixxu l-fluss liberu tad-data personali lejn Stat tal-EFTA li ma japplikax il-miżuri li jkun hemm f'att ta' implimentazzjoni adottat bis-saħħa tal-paragrafu 5 ta' dan l-Artikolu bl-istess mod kif dawn il-miżuri jipprevjenu t-trasferiment ta' data personali lejn pajjiż terz jew lejn organizzazzjoni internazzjonali.’ |
|
(f) |
Kull meta l-UE tidħol f'konsultazzjonijiet ma' pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali bl-għan li tadotta deċiżjoni ta' adegwatezza skont l-Artikolu 45, l-Istati tal-EFTA għandhom jinżammu infurmati kif xieraq. F'każijiet fejn il-pajjiż terz jew l-organizzazzjoni internazzjonali jkunu daħlu għal obbligi speċifiċi rigward l-ipproċessar ta' data personali mill-Istati Membri, l-UE se tqis is-sitwazzjoni tal-Istati tal-EFTA u tiddiskuti flimkien ma' pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali mekkaniżmi possibbli għall-applikazzjoni possibbli sussegwenti mill-Istati tal-EFTA. |
|
(g) |
Fl-Artikolu 46(2)(d) għandu jiżdied dan li ġej: ‘L-awtoritajiet superviżorji tal-Istati tal-EFTA għandu jkollhom l-istess dritt bħall-awtoritajiet superviżorji tal-UE li jippreżentaw klawżoli tal-protezzjoni tad-data standard lill-Kummissjoni għall-approvazzjoni skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 93(2).’ |
|
(h) |
Fl-Artikolu 46, fir-rigward tal-Istati tal-EFTA, għandu jiddaħħal dan il-paragrafu li ġej wara l-paragrafu 2: ‘2a. Sakemm tittieħed deċiżjoni mill-Kumitat Konġunt taż-ŻEE li jinkorpora att ta' implimentazzjoni fil-Ftehim ŻEE, is-salvagwardji xierqa msemmija fil-paragrafu 1 jistgħu jiġu previsti minn klawżoli standard ta' protezzjoni tad-data msemmija fil-punti (c) u (d) tal-Artikolu 46(2) meta Stat tal-EFTA japplika l-miżuri li jkun hemm fihom. Qabel id-dħul fis-seħħ ta' atti ta' implimentazzjoni adottati bis-saħħa tal-punti (c) u (d) tal-Artikolu 46(2), kull Stat tal-EFTA għandu jiddeċiedi u jinforma lill-Kummissjoni u lill-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA jekk huwiex, sakemm tittieħed deċiżjoni mill-Kumitat Konġunt taż-ŻEE li l-att ta' implimentazzjoni jiġi inkorporat fil-Ftehim ŻEE, se japplika l-miżuri li jkun hemm fih fl-istess ħin bħall-Istati Membri tal-UE jew le. Fin-nuqqas ta' deċiżjoni bil-kontra, kull Stat tal-EFTA għandu japplika l-miżuri li jkun hemm f'att ta' implimentazzjoni adottat bis-saħħa tal-punti (c) u (d) tal-Artikolu 46(2) fl-istess ħin bħall-Istati Membri tal-UE. Minkejja l-Artikolu 102 ta' dan il-Ftehim, jekk ma jkunx jista' jintlaħaq ftehim dwar l-inkorporazzjoni fil-Ftehim ŻEE ta' att ta' implimentazzjoni adottat bis-saħħa tal-punti (c) u (d) tal-Artikolu 46(2) fi żmien tnax-il xahar mid-dħul fis-seħħ ta' dan l-att ta' implimentazzjoni, kull Stat tal-EFTA jista' jieqaf japplika tali miżuri u għandu jinforma lill-Kummissjoni u lill-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA b'dan mingħajr dewmien.’ |
|
(i) |
Fl-Artikolu 58(4), fir-rigward tal-Istati tal-EFTA, il-kliem ‘f'konformità mal-Karta’ ma għandux japplika. |
|
(j) |
Fl-Artikolu 59, il-kliem ‘lill-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA’ għandu jiddaħħal wara l-kliem ‘lill-Kummissjoni’. |
|
(k) |
L-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA għandu jkollha d-dritt li tieħu sehem fil-laqgħat tal-Bord mingħajr id-dritt tal-vot. L-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA għandha taħtar rappreżentant. |
|
(l) |
Meta dan ikun relevanti għat-twettiq tal-funzjonijiet tagħha skont l-Artikolu 109 ta' dan il-Ftehim, l-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA għandu jkollha d-dritt li titlob pariri jew opinjonijiet mingħand, u li tikkomunika kwistjonijiet lill-Bord bis-saħħa tal-Artikoli 63, 64(2), 65(1)(c) u 70(1)(e). Fl-Artikoli 63, 64(2), 65(1)(c) u 70(1)(e), il-kliem ‘u, fejn relevanti, l-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA’ għandu jiddaħħal wara l-kliem ‘il-Kummissjoni’. |
|
(m) |
Il-President tal-Bord, jew is-segretarjat, għandu jikkomunika lill-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA l-attivitajiet tal-Bord, fejn dan ikun relevanti skont l-Artikoli 64(5) (a) u (b), 65(5), u 75(6)(b). Fl-Artikoli 64(5)(a) u (b), 65(5), u 75(6)(b), il-kliem ‘u, fejn relevanti, l-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA’ għandu jiddaħħal wara l-kliem ‘il-Kummissjoni’. Meta dan ikun relevanti għat-twettiq tal-funzjonijiet tagħha skont l-Artikolu 109 ta' dan il-Ftehim, l-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA għandu jkollha d-dritt li tirċievi informazzjoni mingħand awtorità superviżorja ta' wieħed mill-Istati tal-EFTA kkonċernati bis-saħħa tal-Artikolu 66(1). Fl-Artikolu 66(1), il-kliem ‘u, fejn relevanti, l-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA’ għandu jiddaħħal wara l-kliem ‘il-Kummissjoni’. |
|
(n) |
Fl-Artikolu 71(1), il-kliem ‘, lill-Kumitat Permanenti tal-Istati tal-EFTA, lill-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA’ għandhom jiddaħħlu wara l-kelma ‘il-Kunsill’. |
|
(o) |
Is-sentenza li ġejja għandha tiżdied fl-Artikolu 73(1): ‘Il-membri tal-Bord mill-Istati tal-EFTA ma għandhomx ikunu eliġibbli li jkunu eletti bħala president jew viċi presidenti.’” |
Artikolu 2
It-test tal-punt 13 (Grupp ta' Ħidma għall-Protezzjoni ta' Individwi fl-Ipproċessar ta' Data Personali) tal-Protokoll 37 tal-Ftehim ŻEE għandu jitħassar.
Artikolu 3
It-testi tar-Regolament (UE) 2016/679 bil-lingwa Iżlandiża u b'dik Norveġiża, li għandhom jiġu ppubblikati fis-Suppliment taż-ŻEE ta' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, ikunu awtentiċi.
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-aħħar notifika skont l-Artikolu 103(1) tal-Ftehim ŻEE (*1).
Artikolu 5
Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fit-Taqsima taż-ŻEE ta' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, u fis-Suppliment tiegħu dwar iż-ŻEE.
Magħmul fi Brussell, is-6 ta' Lulju 2018.
Għall-Kumitat Konġunt taż-ŻEE
Il-President
Oda Helen SLETNES
(2) ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.
(*1) Huma indikati rekwiżiti kostituzzjonali.
Dikjarazzjoni Konġunta mill-Partijiet Kontraenti tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt Nru 154/2018 tas-6 ta' Lulju 2018 li tinkorpora r-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il- moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il- Protezzjoni tad-Data) fil-Ftehim ŻEE.
Konxji tas-sistema ta' żewġ pilastri tal-Ftehim ŻEE u b'konsiderazzjoni għall-effett vinkolanti dirett tal-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data fir-rigward tal-awtoritajiet superviżorji nazzjonali fl-Istati taż-ŻEE-EFTA il-Partijiet Kontraenti:
|
— |
jieħdu nota tal-fatt li d-deċiżjonijiet tal-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data huma diretti lejn l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali, |
|
— |
jirrikonoxxu li din is-soluzzjoni ma toħloqx preċedent għal adattamenti futuri ta' atti tal-UE li għandhom jiġu inkorporati fil-Ftehim ŻEE. |