|
2.3.2018 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 60/51 |
RAKKOMANDAZZJONI Nru 1/2017 TAL-KUNSILL TA' KOOPERAZZJONI UE-ARMENJA
tal-20 ta' Novembru 2017
dwar il-Prijoritajiet ta' Sħubija UE-Armenja [2018/315]
IL-KUNSILL TA' KOOPERAZZJONI UE-ARMENJA,
Wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Armenja, min-naħa l-oħra, u b'mod partikolari l-Artikolu 78 tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Il-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Armenja, min-naħa l-oħra (1) (“il-Ftehim”), ġie ffirmat fit-22 ta' April 1996 u daħal fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 1999. |
|
(2) |
F'konformità mal-Artikolu 78 tal-Ftehim, il-Kunsill ta' Kooperazzjoni jista' jagħmel rakkomandazzjonijiet xierqa biex jinkisbu l-għanijiet tal-Ftehim. |
|
(3) |
Skont l-Artikolu 95(1) tal-Ftehim, il-Partijiet għandhom jieħdu kwalunkwe miżura ġenerali jew speċifika meħtieġa biex jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont il-Ftehim u għandhom jagħmlu ħilithom biex l-objettivi stabbiliti fil-Ftehim jintlaħqu. |
|
(4) |
Ir-rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat ippropona fażi ġdida ta' involviment mas-sħab, li tippermetti sens akbar ta' sjieda miż-żewġ naħat. |
|
(5) |
L-Unjoni u l-Armenja qablu li jikkonsolidaw is-sħubija tagħhom billi jaqblu fuq sett ta' prijoritajiet għall-perjodu 2017-2020 bl-għan li jappoġġjaw u jsaħħu r-reżiljenza u l-istabbiltà tal-Armenja. |
|
(6) |
Il-Partijiet għall-Ftehim għalhekk qablu fuq it-test tal-Prijoritajiet ta' Sħubija UE-Armenja, li ser jappoġġaw l-implimentazzjoni tal-Ftehim, filwaqt li jiffokaw fuq il-kooperazzjoni f'interessi kondiviżi identifikati b'mod komuni, |
ADOTTA DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:
Artikolu 1
Il-Kunsill ta' Kooperazzjoni jirrakkomanda li l-Partijiet jimplimentaw il-Prijoritajiet ta' Sħubija UE-Armenja, kif stipulat fl-Anness.
Artikolu 2
Din ir-Rakkomandazzjoni għandha ssir effettiva fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, l-20 ta' Novembru 2017.
Għall-Kunsill ta' Kooperazzjoni
L-Unjoni Ewropea
F. MOGHERINI
Ir-Repubblika tal-Armenja
E. NALBANDIAN
ANNESS
PRIJORITAJIET TAS-SĦUBIJA BEJN L-UNJONI EWROPEA U L-ARMENJA
I. KUNTEST
Il-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda u l-Armenja, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni”), ġie ffirmat fit-22 ta' April 1996 u daħal fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 1999. L-UE u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Armenja, min-naħa l-oħra, fis-27 ta' Frar 2017, temmew in-negozjati dwar Ftehim ta' Sħubija Komprensiv u Mtejjeb (CEPA), li t-test tiegħu qed jiġi ffinalizzat għall-iffirmar. Il-Prijoritajiet tas-Sħubija bejn l-UE u l-Armenja għandhom l-għan li jiffaċilitaw l-implimentazzjoni tal-kooperazzjoni bejn is-sħab, inkluż fil-kuntest tal-ftehim il-ġdid. Il-Prijoritajiet tas-Sħubija jfittxu li jsaħħu r-relazzjoni bejn l-UE u l-Armenja u jippromwovu l-valuri universali u l-istabbiltà, ir-reżiljenza, is-sigurtà u l-prosperità mibnija fuq id-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt u t-tkabbir u l-ftuħ ekonomiku sostenibbli. Dawn huma allinjati mal-prijoritajiet stabbiliti mir-Repubblika tal-Armenja u l-UE, inklużi dawk stabbiliti fir-Rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV) (1). Il-Prijoritajiet tas-Sħubija jsegwu l-prinċipji ta' sjieda konġunta u divrenzjar u joħorġu minn erba' prijoritajiet (2) miftiehma b'mod konġunt fis-Summit ta' Riga tas-Sħubija tal-Lvant (Eastern Partnership, EaP) tal-2015, li kienu kkonfermati miż-żewġ naħat fil-Laqgħa tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin għas-Sħubija tal-UE-Lvant f'Mejju 2016 bħala l-qafas ta' gwida għal ħidma futura. Fl-aħħar nett, il-Prijoritajiet tas-Sħubija huma wkoll skont l-Għan ta' Żvilupp Sostenibbli tal-2030 u l-Ftehim ta' Pariġi tal-2015 dwar it-tibdil fil-klima u l-impenn tagħhom għal kwistjonijiet ta' sostenibbiltà ekonomika, ambjentali u soċjali u t-tibdil fil-klima.
L-UE u l-Armenja jaqsmu interessi u valuri komuni, b'mod partikolari fid-dawl tal-impenn tal-Armenja f'riformi ekonomiċi u politiċi kif ukoll il-kooperazzjoni reġjonali, inkluż fil-qafas tas-Sħubija tal-Lvant. Il-ftehim komprensiv il-ġdid ser iġedded u jifforma l-bażi ġuridika għar-relazzjonijiet bilaterali u trid tinħataf l-okkażjoni biex jissaħħu r-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Armenja, anke billi jaqblu fuq il-Prijoritajiet tas-Sħubija. Dan il-qafas ġenerali ġdid u l-oqsma prijoritarji ta' kooperazzjoni ser jibnu fuq l-interess reċiproku fit-tisħiħ tal-involviment tagħna filwaqt li jitqiesu l-impenji internazzjonali l-oħra tal-UE u tal-Armenja.
Il-Prijoritajiet tas-Sħubija jibnu fuq il-kooperazzjoni produttiva tal-passat inkluż fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni tal-PEV, li ser jissostitwuh. Dawn il-Prijoritajiet tas-Sħubija jenħtieġu li jifformaw l-aġenda għal laqgħat regolari ta' djalogu politiku u djalogi settorjali kif definit fil-Ftehim il-ġdid, li ser ikun ukoll il-qafas għall-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-Prijoritajiet.
Il-kooperazzjoni u programmar futuri bejn l-UE u l-Armenja, b'mod partikolari l-Qafas ta' Appoġġ Uniku għall-Armenja għall-2020-2017, ser ikunu bbażati fuq dawn il-Prijoritajiet tas-Sħubija.
II. PRIJORITAJIET
Il-Prijoritajiet tas-Sħubija jirriflettu l-interessi komuni u jiffokaw fuq dawk l-oqsma fejn il-kooperazzjoni hija ta' benefiċċju reċiproku. L-Armenja u l-UE ser ikomplu jsegwu l-għanijiet ewlenin ta' appoġġ għall-istabbiltà reġjonali bbażata fuq valuri komuni u impenn qawwi għad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem. Is-soċjetà ċivili hija attur importanti fil-kuntest tas-Sħubija tal-Lvant, u l-UE u l-Armenja ser ikomplu jiffaċilitaw iktar l-involviment tagħha fl-implimentazzjoni ta' dawn il-prijoritajiet. Il-kooperazzjoni ekonomika lejn tkabbir sostenibbli huwa qasam fejn l-interess reċiproku huwa qawwi u fejn aħna ser nesploraw l-opportunitajiet kollha possibbli biex jitjieb l-ambjent tan-negozju. Tkabbir aktar mgħaġġel u iktar inklużiv ser jeħtieġ it-tisħiħ tal-ħiliet xierqa u tal-kapital uman tal-istituzzjonijiet pubbliċi, u governanza iktar mtejba u konnessjonijiet infrastrutturali aħjar. L-indirizzar ta' dawn il-kwistjonijiet ser joħloq kundizzjonijiet favorevoli għal kooperazzjoni aktar b'saħħitha fis-setturi ewlenin u għal żieda fil-mobbiltà, għall-benefiċċju taċ-ċittadini kemm fl-UE kif ukoll fl-Armenja. Il-prijoritajiet huma interkonnessi u jsaħħu lil xulxin b'mod reċiproku. Kull tema ta' prijorità tinkludi diversi elementi f'approċċ multidixxiplinarju u trasversali li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq l-għan. Dan jinkludi l-involviment attiv konġunt f'fora ta' kooperazzjoni multilaterali, inkluż fil-qafas ta' Sħubija tal-Lvant.
1. It-tisħiħ tal-istituzzjonijiet u l-governanza tajba
L-UE u l-Armenja huma impenjati f'aktar kooperazzjoni bl-għan tal-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt, u l-libertajiet fundamentali. Huma ser jaħdmu flimkien lejn titjib kontinwu tal-amministrazzjoni pubblika Armena, il-governanza u l-ġudikatura tajba, iżidu l-ġlieda kontra l-korruzzjoni u jsaħħu s-soċjetà ċivili. L-ugwaljanza bejn is-sessi, il-kwistjonijiet ambjentali u soċjali ser jiġu integrati fl-oqsma kollha.
L-enfasi ser tkun fuq l-implimentazzjoni u l-infurzar tal-leġislazzjoni rilevanti, inkluż l-Kostituzzjoni l-ġdida. Ir-riforma elettorali, li dwarha sar qbil f'Settembru 2016 fuq il-bażi ta', inter alia, ir-rakkomandazzjonijiet tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa u l-Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem tagħha, tapplika mill-elezzjonijiet parlamentari tat-2 ta' April 2017. Il-partijiet ser jirsistu wkoll biex jiżviluppaw aktar ambjent favorevoli għas-soċjetà ċivili, inkluż l-organizzazzjonijiet tas-sħab soċjali, u l-parteċipazzjoni tagħhom fit-teħid tad-deċiżjonijiet. Is-soċjetà ċivili ġiet ikkonsultata dwar it-twaqqif ta' dawn il-Prijoritajiet tas-Sħubija u ser ikollha wkoll rwol importanti billi tikkontribwixxi għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tagħhom.
Il-partijiet ser jintensifikaw l-isforzi tagħhom għar-riforma tal-amministrazzjoni pubblika, inkluż l-awtoritajiet lokali u l-eżekuzzjoni tal-liġi. ser tingħata importanza partikolari lill-istat tad-dritt, il-promozzjoni tal-indipendenza tal-ġudikatura, l-aċċess għall-ġustizzja u d-dritt għal proċess ġust. Din ir-riforma ser tibda b'qafas strateġiku għar-riforma tal-amministrazzjoni pubblika. L-għan tal-kooperazzjoni tagħna huwa li nsaħħu r-responsabilità u l-effikaċja tal-gvern b'mezzi li jinkludu ġestjoni tar-riżorsi umani moderna u sensittiva għad-differenza bejn is-sessi u l-użu mifrux tal-gvern elettroniku, inkluż fis-settur tas-saħħa. L-iżvilupp u l-evalwazzjoni tal-politika ser ikunu bbażati fuq evidenza ċara pprovduta minn, fost affarijiet oħra, servizz ta' statistika ta' kwalità għolja.
Il-ġlieda kontra l-korruzzjoni ser tkun fil-qalba tar-riforma amministrattiva u l-isforzi tal-pajjiż biex isaħħaħ l-istat tad-dritt. Il-kooperazzjoni ser tiffoka kemm fuq it-tisħiħ tal-korpi ta' kontra l-korruzzjoni kif ukoll fuq ir-rieżami tal-leġislazzjoni, b'mod partikolari s-sistema tal-akkwist pubbliku, is-sistema ta' dikjarazzjoni tal-assi biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni xierqa tagħha, u l-ġestjoni ta' funzjonijiet pubbliċi fejn ir-riskji ekonomiċi u oħrajn huma l-ogħla (l-akkwist pubbliku, id-dwana, il-permessi) bl-għan li jiġu żgurati standards etiċi għoljin u jiġu evitati l-kunflitti ta' interess. Il-partijiet għandhom jimplimentaw l-għajnuna skont il-prinċipji ta' ġestjoni finanzjarja tajba u jikkooperaw fil-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE u tal-Armenja skont d-dispożizzjonijiet rilevanti tas-CEPA.
Il-Kooperazzjoni fis-settur tas-sigurtà ser tfittex biex issaħħaħ ir-responsabbiltà tal-operaturi tas-sigurtà u tindirizza tħassib komuni fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, id-droga u t-terroriżmu, inkluż il-finanzjament tat-terroriżmu u l-ħasil tal-flus, b'mezzi li jirrispettaw id-dispożizzjonijiet dwar il-ġustizzja, il-libertà u s-sigurtà stabbiliti fid-diversi ftehimiet li jirregolaw ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Armenja. Il-modernizzazzjoni ulterjuri tal-ġestjoni tal-fruntieri ser tikkontribwixxi kemm għas-sigurtà tal-pajjiż u r-reġjun kif ukoll għall-iżvilupp ekonomiku billi jiġu ffaċilitati l-iskambji leġittimi. Il-partijiet ser jikkooperaw ukoll fuq l-irkupru tal-assi kriminali permezz tat-titjib tal-qafas legali tal-Armenja u l-istabbiliment ta' uffiċċju sħiħ għall-irkupru tal-assi.
2. Żvilupp ekonomiku u opportunitajiet tas-suq
L-għan komuni tal-partijiet huwa żvilupp ekonomiku sostenibbli u inklużiv tal-Armenja. It-tkabbir sostenibbli jeħtieġ politiki ekonomiċi sodi li jiżguraw l-istabbiltà makroekonomika u finanzjarja. Dawn jenħtieġ li jinkludu impenn kontinwu għal politiki baġitarji sostenibbli filwaqt li jżommu l-kapital u l-infiq soċjali u l-bafers tal-konsolidazzjoni kontra x-xokkijiet esterni. Il-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi (li huwa element importanti kemm għall-governanza u d-demokrazija kif ukoll għall-iżvilupp ekonomiku) ser taderixxi mal-prinċipji tal-aħjar prattika internazzjonali. Is-superviżjoni bankarja ser issaħħaħ aktar skont in-normi internazzjonali u l-aħjar prattiki, biex tiżdied ir-robustezza u r-reżiljenza tas-settur finanzjarju. Il-modernizzazzjoni u r-riformi fl-amministrazzjoni doganali u tat-taxxa, inklużi l-kooperazzjoni u t-tisħiħ internazzjonali tal-ġlieda kontra l-frodi, ser jixprunaw il-ġbir tad-dħul.
Titjib fl-ambjent tan-negozju huwa kundizzjoni fundamentali għall-iżvilupp ekonomiku. Aktar proċeduri amministrattivi simplifikati u spejjeż amministrattivi mnaqqsa, aċċess imtejjeb għall-finanzjament għal intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) f'suq finanzjarju b'saħħtu u diversifikat, u protezzjoni u nfurzar imsaħħa tad-drittijiet tal-proprjetà ser ikunu l-oqsma ta' prijorità f'dan ir-rigward. Organizzazzjonijiet ta' appoġġ kummerċjali u assoċjazzjonijiet ta' impriżi b'saħħithom jistgħu jgħinu lill-operaturi ekonomiċi biex jaħtfu opportunitajiet ġodda u jsaħħu l-vuċijiet tagħhom fit-tfassil tal-politika ekonomika. L-UE u l-Armenja ser ifittxu li jsaħħu l-kapaċità tal-impriżi Armeni sabiex jipparteċipaw fi ktajjen ta' valur internazzjonali, li jinvolvu kemm l-UE kif ukoll l-operaturi ekonomiċi Armeni, li ser irawwmu t-trasferiment tat-teknoloġija u tal-għarfien. Ir-rwol tal-Organizzazzjonijiet ta' Appoġġ għan-Negozju (Business Support Organisations - BSO) f'dan is-sens huwa ta' importanza kruċjali u l-appoġġ tal-UE għal tqabbil bejn impriżi Armeni u dawk Ewropej jista' jsaħħaħ l-isforzi nazzjonali. Il-parteċipazzjoni Armena fi ktajjen ta' valur internazzjonali tista' tinkludi u tiġi msaħħa u mgħaġġla mill-investiment Dirett Barrani, li jista' jikkontribwixxi biex jibni u jsaħħaħ il-ħiliet u l-kompetenzi lokali; għal dan l-għan huwa essenzjali li jittejjeb il-qafas tal-investiment billi jissaħħu t-trasparenza, il-kredibbiltà u l-effiċjenza tiegħu. Ambjent ta' investiment li jagħti appoġġ lin-negozju jinkludi wkoll kompetizzjoni effikaċi fi swieq għal prodotti u servizzi, żgurati permezz ta' awtorità tal-kompetizzjoni indipendenti u b'saħħitha li topera skont l-ogħla standards etiċi, b'aċċess għal mekkaniżmu ta' infurzar effikaċi għal leġislazzjoni dwar l-antitrust u l-protezzjoni effikaċi tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, inkluż indikazzjonijiet ġeografiċi. L-integrazzjoni tal-iffaċilitar li bih isir in-negozju fil-politiki kollha ser tkun strumentali biex jitrawwem it-tkabbir. Il-politiki moderni tal-impjieg u soċjali li ser ikunu meħtieġa biex jiżguraw li l-iżvilupp ekonomiku huwa inklużiv u jikkontribwixxu biex itejbu l-benesseri taċ-ċittadini Armeni kollha. Dan jinkludi istituzzjonijiet xierqa biex jiżguraw superviżjoni effikaċi tal-kundizzjonijiet tax-xogħol inklużi s-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol.
Huwa importanti li tiġi implimentata l-Istrateġija ta' Żvilupp Armen ġenerali kif ukoll strateġiji speċifiċi għas-settur (Strateġija dwar l-SMEs u r-rakkomandazzjonijiet tal-Valutazzjoni SBA, Strateġija għall-Promozzjoni tal-Esportazzjoni, żvilupp rurali eċċ.) biex jipparteċipaw b'mod attiv fil-programmi tal-UE għall-SMEs (COSME) u għar-riċerka u l-innovazzjoni (Orizzont 2020), kif ukoll biex jiġi aġġornat l-ambjent regolatorju u infrastutturali tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni (ICT), biex b'hekk isir użu sħiħ mill-appoġġ tal-UE f'dawn l-oqsma.
It-trawwim tal-ekonomija diġitali, inkluż permezz tal-approssimazzjoni tal-ambjent diġitali tal-Armenja mas-Suq Uniku Diġitali tal-UE, ser ikun importanti biex jimmodernizza l-ekonomija u s-soċjetà tal-Armenja.
Il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni ta' dawn l-istrateġiji jenħtieġ li jinkludi djalogu pubbliku-privat u konsultazzjoni mal-organizzazzjonijiet rilevanti tas-soċjetà ċivili, inkluż mal-organizzazzjonijiet tas-sħab soċjali.
L-ekonomija ekoloġika toffri triq ta' tkabbir importanti għall-iżvilupp sostenibbli. Kwistjonijiet ambjentali, inkluż it-tibdil fil-klima, ser jiġu integrati fil-politiki rilevanti kollha.
L-UE u l-Armenja stabbilixxew kooperazzjoni effikaċi fl-agrikoltura, l-iżvilupp reġjonali u rurali biex jiġi promoss l-iżvilupp ta' gruppi ta' bdiewa u katini ta' valur miżjud madwar l-Armenja. Filwaqt li l-agrikulturali u s-sussistenza minn fuq il-biedja jippreżentaw opportunitajiet għas-sigurtà tal-ikel u l-impjieg informali, huwa importanti li tiġu żviluppata aktar il-kompetittività tas-settur inkluż permezz tat-tisħiħ tal-kapaċitajiet u l-aċċess għall-finanzjament. Filwaqt li jibnu fuq il-kisbiet tal-passat u b'koordinazzjoni mar-riforma tal-amministrazzjoni pubblika fil-livelli kollha, il-partijiet ser ikomplu jsaħħu l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali madwar ir-reġjuni.
3. Il-konnettività, l-effiċjenza enerġetika, l-ambjent u l-azzjoni klimatika
Bħala pajjiż maqbud bejn ħafna artijiet, l-Armenja trid tegħleb l-isfidi tal-konnettività tagħha. Anke ġewwa l-pajjiż stess, ċerti żoni jsofru minn iżolament u konnessjonijiet limitati lejn ċentri ta' attività ekonomika, politika u soċjali. Il-kooperazzjoni mal-UE u pajjiżi oħra tas-Sħubija tal-Lvant fl-oqsma msemmija hawn fuq, b'mod partikolari l-Georgia, tista' tikkontribwixxi biex ittaffi l-konsegwenzi tas-sitwazzjoni ġeografika tal-pajjiż.
Il-potenzjal tat-tkabbir tal-Armenja jitjieb permezz ta' opportunitajiet aħjar ta' negozju, tat-trasport, tal-loġistika u r-rabtiet mal-katina tal-valur, imrawma permezz ta' konnettività interna u transfruntiera mtejba. Ir-rotot tat-toroq, tal-ferroviji u tal-ajru huma l-mezzi ewlenin tat-trasport fl-Armenja. Peress li s-sħab kummerċjali ewlenin tal-Armenja huma l-UE, ir-Russja u ċ-Ċina, il-merkanzija tkun normalment mgħoddija permezz ta' servizzi ferrovjarji mill-portijiet tal-Georgia. Il-partijiet ser jikkooperaw fl-iżvilupp ta' proċeduri ta' kklerjar mħaffa fil-fruntieri peress li huma essenzjali għal kull mezz ta' trasport sabiex jiġi evitat dewmien għali.
Il-partijiet ser jikkooperaw ukoll fil-qafas tan-Netwerk trans-Ewropew tat-trasport (TEN-T) ċentrali estiż, imsejjes fuq prijoritizzazzjoni ċara, biex jitjieb l-aċċess għas-swieq internazzjonali tal-Armenja. ser tiġi promossa wkoll il-kooperazzjoni dwar is-sikurezza stradali, li tkopri kemm l-aspetti infrastrutturali kif ukoll dawk ta' politika. L-investiment fl-infrastruttura jenħtieġ li jkun favur l-ambjent u reżiljenti għat-tibdil fil-klima.
Sabiex jiġu żgurati konnessjonijiet u żvilupp tas-suq effikaċi lil hinn mill-viċinat immedjat, huwa importanti li ssir riforma tal-avjazzjoni ċivili, li eventwalment twassal għall-konklużjoni ta' ftehim dwar l-avjazzjoni mal-UE.
Il-governanza ambjentali tajba (b'mod partikolari l-użu tal-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali u l-Valutazzjoni tal-Impatt Strateġiku, l-aċċess għall-informazzjoni ambjentali u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali) u l-integrazzjoni tal-azzjoni ambjentali u klimatika fl-oqsma ta' politika rilevanti ser joħolqu bażi soda għall-iżvilupp sostenibbli. Impenji fil-qasam tal-ambjent kif inklużi fil-Ftehim il-ġdid ser jifformaw il-bażi għal riformi rilevanti. Żieda fl-effiċjenza fl-enerġija ser tiġġenera tfaddil rapidu, sinifikanti u sostnut, filwaqt li tavvanza t-transizzjoni lejn ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet u reżiljenti għat-tibdil fil-klima; fis-settur residenzjali, azzjonijiet bħal dawn jistgħu jkunu marbuta mal-ħidma tal-Patt tas-Sindki. Sakemm l-enerġija nukleari tintuża biex iżżomm livell adegwat ta' provvista tal-enerġija fil-pajjiż, jenħtieġ l-iżgurar ta' livelli għolja ta' sikurezza nukleari: L-istandards tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika (IAEA) u l-istandards u l-prattiki tal-UE, kif imsemmija fis-CEPA, għandhom iservu bħala bażi.
Provvisti ta' enerġija affidabbli u affordabbli huma kundizzjoni meħtieġa għall-funzjonament ta' soċjetà moderna u t-trażżin tal-impatt ambjentali u klimatiku tagħhom hija kundizzjoni għas-sostenibbiltà tagħha. Titjib fl-effiċjenza tal-enerġija u tar-riżorsi, inkluż fis-settur residenzjali, u l-użu iktar mifrux tal-enerġija rinnovabbli ser jikkontribwixxu għal dan l-għan permezz tal-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni tal-għola livell fl-effiċjenza fl-enerġija, sorsi rinnovabbli tal-enerġija u s-suq tal-elettriku. Dawn l-għanijiet jistgħu jiġu segwiti wkoll permezz tal-akkwist pubbliku għal servizzi u infrastruttura.
Is-sigurtà tal-enerġija tista' wkoll tiġi msaħħa billi jitjiebu u jiżdiedu l-konnessjonijiet mal-pajjiżi ġirien. Il-parteċipazzjoni attiva kontinwa tal-Armenja fil-kooperazzjoni multilaterali fis-Sħubija tal-Lvant ser tkun essenzjali biex jiġu identifikati proġetti ta' interess komuni li jistgħu jibbenefikaw minn appoġġ finanzjarju mill-UE. It-titjib tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u t-trawwim ta' enerġija rinnovabbli fit-tisħiħ tal-kapaċitajiet u prijoritizzazzjoni ċara ta' investimenti huma kruċjali biex jiġu żgurati s-sikurezza u s-sigurtà fl-Armenja.
Fl-aħħar nett, l-għeluq u d-dekummissjonar sikur tal-Impjant tal-Enerġija Nukleari ta' Medzamor (MNPP) u l-adozzjoni bikrija ta' pjan direzzjonali/pjan ta' azzjoni għal dan l-għan għandhom jibqgħu mira prinċipali, filwaqt li titqies il-ħtieġa għas-sostituzzjoni tiegħu b'kapaċità ġdida sabiex tiġi żgurata sigurtà tal-enerġija u l-kundizzjonijiet għall-iżvilupp sostenibbli tal-Armenja.
4. Il-mobbiltà u l-kuntatti bejn il-persuni
Il-partijiet ser jikkooperaw bl-għan li jiffaċilitaw il-mobbiltà taċ-ċittadini tagħhom, iwessgħu l-firxa ta' kuntatti bejn il-persuni permezz ta' azzjonijiet immirati inkluż għaż-żgħażagħ, l-istudenti, ir-riċerkaturi, l-artisti, l-operaturi kulturali u n-nies tan-negozju, filwaqt li jikkonfermaw mill-ġdid li l-mobbiltà msaħħa f'ambjent sigur u ġestit tajjeb għaċ-ċittadini tal-partijiet tibqa' objettiv ewlieni, u filwaqt li, fi żmien debitu, iqisu l-ftuħ ta' djalogu dwar il-viża mal-Armenja, dment li l-kondizzjonijiet għal mobbiltà sigura u ġestita tajjeb ikunu stabbiliti, inkluż l-implimentazzjoni effettiva ta' ftehimiet dwar il-faċilitazzjoni tal-viża u r-riammissjoni bejn il-partijiet. Huma ser jikkooperaw fil-ġlieda kontra l-migrazzjoni irregolari, inkluż permezz tal-implimentazzjoni tal-ftehim ta' riammissjoni, il-promozzjoni ta' politika dwar il-ġestjoni tal-fruntieri kif ukoll oqfsa legali u operazzjonali.
Il-ġestjoni tal-flussi migratorji ser tkun ibbażata fuq il-Ftehim għall-Faċilitazzjoni tal-Viża / Ftehim ta' Riammissjoni. L-UE tirrikonoxxi r-rwol tal-Armenja li tilqa' fiha refuġjati mis-Sirja, u b'hekk tagħmilha eliġibbli għall-appoġġ mill-Fond Fiduċjarju Reġjonali tal-UE b'Reazzjoni għall-Kriżi Sirjana. (3)
Biex niffaċċjaw l-isfidi tas-suq globali neħtieġu pakkett sod ta' ħiliet fil-livelli kollha, kemm jekk ikunu f'intrapriżi kif ukoll fl-amministrazzjoni pubblika. L-edukazzjoni bikrija tat-tfal, primarja, sekondarja u għolja, kif ukoll l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, kif ukoll il-kooperazzjoni bejn is-sistema tal-edukazzjoni u t-taħriġ u n-negozji kollha jeħtieġu li jiġu msaħħa sabiex jagħtu l-kontribut sħiħ tagħhom biex jiżviluppaw dawn il-ħiliet. Ser tingħata attenzjoni partikolari lir-riċerka u l-innovazzjoni b'segwitu għall-Assoċjazzjoni tal-Armenja mal-programm Orizzont 2020.
(1) JOIN(2015) 50 finali tat-18 ta' Novembru 2015
(2) Ara l-erba' titli taħt il-Parti II. Prijoritajiet
(3) Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2014) 9615 tal-10 ta' Diċembru 2014 dwar l-istabbiliment tal-Fond Fiduċjarju Reġjonali tal-Unjoni Ewropea b'reazzjoni għall-kriżi Sirjana, “il-Fond Madad”