26.10.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 268/3


TRADUZZJONI

FTEHIM TA' KOOPERAZZJONI

bejn l-Unjoni Ewropea u l-Aġenzija għas-Sigurtà tan-Navigazzjoni bl-Ajru fl-Afrika u f'Madagascar (ASECNA) dwar l-iżvilupp tar-radjunavigazzjoni bis-satellita u l-provvista ta' servizzi relatati fiż-żona ta' kompetenza tal-ASECNA għall-benefiċċju tal-avjazzjoni ċivil

L-UNJONI EWROPEA

minn hawn 'il quddiem imsejħa l-“Unjoni”,

minn naħa waħda,

u

L-AĠENZIJA GĦAS-SIGURTÀ TAN-NAVIGAZZJONI BL-AJRU FL-AFRIKA U F'MADAGASCAR,

minn hawn 'il quddiem imsejħa l-“ASECNA”,

min-naħa l-oħra,

minn hawn 'il quddiem flimkien imsejħa “il-Partijiet”,

FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW l-iżvilupp dejjem jikber tal-applikazzjonijiet tas-sistemi globali ta' radjunavigazzjoni bis-satellita fl-Unjoni, fl-Afrika u f'reġjuni oħra tad-dinja, b'mod partikolari fis-settur tal-avjazzjoni ċivili,

FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW li l-ASECNA hija prinċipalment inkarigata mill-provvista tas-servizzi ta' navigazzjoni bl-ajru fl-ispazji tal-ajru fdati lilha, mill-organizzazzjoni ta' dawn l-ispazji, mill-pubblikazzjoni tal-informazzjoni dwar l-avjazzjoni, u mit-tbassir u t-trażmissjoni tal-informazzjoni fil-qasam tal-meteoroloġija ajrunawtika,

FILWAQT LI JIRRIKONOXXU l-importanza tal-programmi ta' radjunavigazzjoni bis-satellita tal-Unjoni, Galileo u s-Sistema Ewropea ta' Navigazzjoni b'Kopertura Ġeostazzjonarja (EGNOS) imfassla speċifikament għall-użu ċivili, il-benefiċċji assoċjati mal-implimentazzjoni tagħhom u l-interess li l-ASECNA għandha fis-servizzi ta' radjunavigazzjoni bis-satellita,

FILWAQT LI JIRRIKONOXXU li s-sistema EGNOS, li hija infrastruttura reġjonali ffokata fuq l-Ewropa li tikkontrolla u tikkoreġi s-sinjali miftuħa ġġenerati mis-sistemi globali ta' radjunavigazzjoni bis-satellita billi toffri b'mod partikolari preċiżjoni superjuri u funzjoni ta' integrità, tipprovdi servizzi partikolarment adatti għall-ħtiġijiet tal-avjazzjoni ċivili,

FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW li s-servizzi bbażati fuq it-teknoloġija tas-sistema EGNOS jistgħu teknikament jiġu estiżi għall-kontinent Afrikan kollu sakemm minn naħa jkun hemm sinerġiji bejn infrastrutturi fuq l-art taħt ir-responsabbiltà tal-Partijiet, u min-naħa l-oħra t-trasponders tas-sistema EGNOS ikunu installati fuq is-satelliti mqiegħda fl-orbita ġeostazzjonarja fuq l-Afrika,

FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW li r-riżoluzzjoni tal-Kunsill “Spazju” tal-Unjoni, bl-isem “Sfidi globali: Nieħdu l-Benefiċċju Sħiħ mis-Sistemi Spazjali Ewropej”, adottata fil-25 ta' Novembru 2010, li tistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex tikkollabora mal-Kummissjoni tal-Unjoni Afrikana bl-għan li ssaħħaħ il-mezzi disponibbli u tiddetermina l-modi kif infrastruttura simili għal dik tal-programm EGNOS tista' titħaddem fl-Afrika,

FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW li l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea tas-26 ta' April 2007 dwar il-politika Ewropea għall-ispazju, li tagħti importanza speċjali lill-kooperazzjoni tal-Ewropa mal-Afrika fil-qasam spazjali, u l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta' April 2011 bl-isem “lejn strateġija tal-ispazju tal-Unjoni Ewropea għas-servizz taċ-ċittadini”, li tenfasizza x-xewqa tal-Unjoni li tqiegħed l-esperjenza u l-infrastrutturi tagħha għas-servizz tal-Afrika u li ssaħħaħ il-kooperazzjoni ma' dan il-kontinent,

FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW ir-Riżoluzzjoni Nru 2005 CM 44-11 tas-7 ta' Lulju 2005 tal-Kumitat tal-Ministri tal-ASECNA dwar l-implimentazzjoni tas-Sistemi Globali ta' Navigazzjoni bis-Satellita (GNSS) lill-ASECNA, li tħeġġeġ b'mod partikolari l-appoġġ tal-awtoritajiet Ewropej biex jibbenefikaw mit-tnedija ta' EGNOS jew Galileo għall-ħtiġijiet operattivi tal-Aġenzija,

FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW ir-Riżoluzzjoni Nru 2011 CA 120-18 tas-7 ta' Lulju 2011 tal-Bord tad-Diretturi tal-ASECNA dwar il-parteċipazzjoni effettiva tal-Aġenzija fit-tnedija ta' EGNOS/Galileo fir-reġjun tal-Afrika u fl-Oċean Indjan, li tawtorizza b'mod partikolari li d-Direttur Ġenerali jieħu l-passi meħtieġa fir-rigward tal-awtoritajiet Ewropej xierqa biex dan iseħħ,

FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW li bħala parti mill-implimentazzjoni ta' din ir-Riżoluzzjoni, l-ASECNA żviluppat programm SBAS-ASECNA bl-għan li tipprovdi servizzi SBAS ibbażati fuq it-teknoloġija tas-sistema EGNOS fi ħdan il-qasam ta' kompetenza tal-Aġenzija.

FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW li kooperazzjoni fit-tul bejn l-Unjoni u l-ASECNA fil-qasam tar-radjunavigazzjoni bis-satellita taqa' taħt il-qafas ġenerali tal-Istrateġija Konġunta bejn l-Unjoni u l-Afrika, peress li l-Pjan Direzzjonali adottat waqt ir-Raba' Summit UE-Afrika li sar fi Brussell fit-2 u fit-3 ta' April 2014, bl-għan li jiddefinixxi l-kooperazzjoni bejn iż-żewġ kontinenti għall-perijodu 2014-2017, jipprovdi li jiġu allokati riżorsi umani u finanzjarji permanenti u suffiċjenti għat-tnedija tal-infrastrutturi tar-radjunavigazzjoni bis-satellita bbażati fuq EGNOS u għall-istabbiliment tas-sistemi ta' governanza u ta' finanzjament għall-ispejjeż ta' investiment u l-ispejjeż operattivi ta' EGNOS fl-Afrika għall-pajjiżi kkonċernati,

FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW li taħt l-Istrateġija Konġunta bejn l-Unjoni u l-Afrika, l-ASECNA u l-Unjoni diġà jikkooperaw skont il-programm ta' appoġġ lis-settur tat-trasport bl-ajru u lis-servizzi satellitari fl-Afrika, iffinanzjat mill-Għaxar Fond Ewropew għall-Iżvilupp, u l-programm Pan-Afrikan ta' appoġġ lill-EGNOS fl-Afrika, iffinanzjat mill-Istrument ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp, b'mod partikolari permezz tal-istabbiliment tal-Uffiċċju Konġunt ta' Ġestjoni tal-Programm (JPO) EGNOS-Afrika.

FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW l-interess komuni għal kooperazzjoni fit-tul bejn l-Unjoni u l-ASECNA fl-iżvilupp tar-radjunavigazzjoni bis-satellita għall-benefiċċju tal-avjazzjoni ċivili u filwaqt li jixtiequ jistabbilixxu din il-kooperazzjoni b'mod formali,

FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW il-ħtieġa li jassiguraw livell eċċellenti ta' protezzjoni tas-servizzi ta' radjunavigazzjoni bis-satellita fit-territorji koperti mill-Partijiet,

FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW li l-Unjoni stabbilixxiet l-aġenziji tagħha stess sabiex jgħinuha f'ċerti oqsma partikolari, fosthom l-Aġenzija tal-GNSS Ewropea għall-programmi Ewropej ta' radjunavigazzjoni bis-satellita u l-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni għall-avjazzjoni ċivili, u li t-tħaddim tas-sistema EGNOS matul il-perijodu ta' bejn l-2014 u l-2021 kien is-suġġett ta' ftehim ta' delegazzjoni bejn l-Unjoni u l-Aġenzija tal-GNSS Ewropea,

FILWAQT LI JIRRIKONOXXU li r-Regolament (UE) Nruo1285/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar l-implimentazzjoni u l-esplojtazzjoni tas-sistemi Ewropej tar-radjunavigazzjoni bis-satellita (1) jistipula li l-Unjoni hija l-proprjetarja tal-assi kollha tanġibbli jew intanġibbli maħluqa jew żviluppati taħt il-programmi Galileo u EGNOS, li l-Unjoni tista' tagħmel ftehimiet mal-pajjiżi terzi u l-organizzazzjonijiet internazzjonali skont dawn il-programmi u li l-ispiża ta' estensjoni eventwali tal-kopertura tas-sistema EGNOS barra l-Ewropa ma tkunx koperta mir-riżorsi tal-baġit allokati skont dan ir-Regolament,

FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW ir-Regolament (UE) Nruo 912/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Settembru 2010 li jistabbilixxi l-Aġenzija Ewropea GNSS (2),

FILWAQT LI JIRRIKONOXXU l-interess fil-koordinament tal-approċċi lejn l-istandardizzazzjoni u ċ-ċertifikazzjoni, u fil-kwistjonijiet kollha li jirrigwardaw is-sistemi u s-servizzi ta' radjunavigazzjoni bis-satellita fi ħdan l-awtoritajiet internazzjonali ta' standardizzazzjoni u ta' ċertifikazzjoni, sabiex jippromwovu b'mod partikolari użu estiż u innovattiv tas-servizzi Galileo u EGNOS u SBAS-ASECNA bħala standard dinji ta' radjunavigazzjoni u ta' sinkronizzazzjoni fis-settur tal-avjazzjoni ċivili,

FTIEHMU KIF ĠEJ:

PARTI I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Għanijiet

1.   L-għanijiet ta' dan il-Ftehim huma l-iżvilupp tar-radjunavigazzjoni bis-satellita u l-provvista ta' servizzi assoċjati fiż-żona ta' kompetenza tal-ASECNA għall-avjazzjoni ċivili billi jippermettulha li tibbenefika mill-programmi Ewropej ta' radjunavigazzjoni bis-satellita.

Dan il-Ftehim jifforma parti mill-arranġamenti għall-promozzjoni ta' servizzi bbażati fuq programmi Ewropej ta' radjunavigazzjoni bis-satellita fil-kontinent tal-Afrika.

2.   Il-forma u l-kundizzjonijiet tal-kooperazzjoni bejn il-Partijiet biex jintlaħqu l-għanijiet imsemmija fil-paragrafu 1 huma stabbiliti b'dan il-Ftehim.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan il-Ftehim:

(1)

“GNSS” jew “sistema globali ta' navigazzjoni bis-satellita”tfisser infrastruttura magħmula minn konstellazzjoni ta' satelliti u minn netwerk ta' ċentri u stazzjonijiet fuq l-art li jużaw is-sinjali tar-radju mibgħuta biex jiġi pprovdut madwar id-dinja kollha ta' servizz ta' kejl ta' ħin u ta' ġeolokalizzazzjoni preċiżi ħafna lill-utenti li jkollhom ir-riċettur adattat;

(2)

“sistemi Ewropej ta' radjunavigazzjoni bis-satellita” tfisser is-sistema globali ta' radjunavigazzjoni bis-satellita li nħolqot mill-programm Galileo u s-sistema EGNOS, li huma proprjetà tal-Unjoni;

(3)

“żona ta' kompetenza tal-ASECNA” hija ż-żona ġeografika li fiha l-ASECNA tipprovdi servizzi ta' navigazzjoni bl-ajru, kemm jekk huwa fl-ispazju tal-ajru tal-Istati Membri tagħha kif ukoll jekk le;

(4)

“Sistema Ewropea ta' navigazzjoni b'kopertura ġeostazzjonarja” jew “EGNOS” tfisser infrastruttura reġjonali ta' sistema ta' radjunavigazzjoni bis-satellita li tikkontrolla u tikkoreġi s-sinjali miftuħa pprovduti mis-sistemi globali ta' radjunavigazzjoni bis-satellita, l-aktar il-GPS u Galileo, li jippermettu lill-utenti ta' dawn is-sistemi globali li jiksbu prestazzjonijiet aqwa f'termini ta' preċiżjoni u ta' integrità. EGNOS tinkludi stazzjonijiet fuq l-art u diversi transponders installati fuq satelliti ġeostazzjonarji. L-istazzjonijiet fuq l-art huma magħmula minn ċentru tal-inġinerija, ċentri ta' kontroll tal-missjoni, stazzjonijiet RIMS, stazzjonijiet NLES, ċentru ta' servizz u server EDAS. Il-kopertura reġjonali ta' EGNOS hija primarjament it-territorju tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea li ġeografikament jinsabu fl-Ewropa;

(5)

“SBAS-ASECNA” tfisser is-sistema ta' radjunavigazzjoni bis-satellita tal-ASECNA li tikkontrolla u tikkoreġi s-sinjali miftuħa mibgħuta mis-sistemi globali ta' radjunavigazzjoni bis-satellita, l-aktar il-GPS u Galileo, li jippermettu lill-utenti ta' dawn is-sistemi globali jiksbu prestazzjonijiet aqwa, b'mod partikolari f'dak li jirrigwarda preċiżjoni u integrità. SBAS-ASECNA hija l-proprjetà tal-ASECNA. Din tinkludi infrastruttura fuq l-art u diversi transponders installati fuq satelliti ġeostazzjonarji. L-infrastruttura fuq l-art hija magħmula primarjament minn stazzjonijiet RIMS, minn ċentru jew żewġ ċentri ta' kontroll tal-missjoni u stazzjonijiet NLES. Il-kopertura ta' SBAS-ASECNA hija primarjament iż-żona ta' kompetenza tal-ASECNA. Is-sistema SBAS-ASECNA tkopri kemm il-verżjoni inizjali tas-sistema kif ukoll l-iżviluppi suċċessivi tagħha, inklużi l-iżviluppi ta' frekwenza doppja u ta' kostellazzjonijiet multipli. L-istabbiliment ta' din is-sistema jinkludi b'mod partikolari l-fażijiet ta' definizzjoni u ta' tfassil, ta' żvilupp u ta' tnedija, u ta' approvazzjoni u ta' ċertifikazzjoni. Din hija segwita mill-fażi operazzjonali;

(6)

“żona ta' kopertura EGNOS” jew “żona ta' kopertura SBAS-ASECNA” tfisser iż-żona li fiha huwa possibbli li wieħed jirċievi s-sinjali mibgħuta mis-sistema kkunsidrata (pereżempju, it-traċċa tas-satelliti ġeostazzjonarji);

(7)

“żona ta' servizzi ta' SBAS-ASECNA” tfisser iż-żona fiż-żona ta' kopertura ta' SBAS-ASECNA li fiha s-sistema SBAS-ASECNA tipprovdi servizz skont il-ħtiġijiet definiti mill-ASECNA u stabbiliti skont l-istandards u l-prattiki rakkomandati (SARPs) tal-ICAO, u tassumi r-responsabbiltà tal-operazzjonijiet approvati korrispondenti;

(8)

“żona ta' servizz SOL ta' EGNOS” tfisser iż-żona fiż-żona ta' kopertura EGNOS li fiha s-sistema EGNOS tipprovdi servizz skont l-istandards u l-prattiki rakkomandati (SARPs) tal-ICAO u tassumi r-responsabbiltà tal-operazzjonijiet approvati korrispondenti;

(9)

“stazzjonijiet RIMS” tfisser l-istazzjonijiet li jappartjenu għas-sistemi EGNOS jew SBAS-ASECNA u li r-rwol tagħhom huwa li jiġbru f'ħin reali d-data ta' ġeolokalizzazzjoni miksuba mis-sinjali ġġenerati mis-sistemi globali ta' radjunavigazzjoni bis-satellita;

(10)

“stazzjonijiet NLES” tfisser l-istazzjonijiet li jappartjenu għas-sistemi EGNOS jew SBAS-ASECNA li jibagħtu d-data korretta lejn it-transponders installati fuq is-satelliti ġeostazzjonarji biex ir-riċetturi tas-sinjali GNSS li jinsabu fiż-żona ta' kopertura ta' kwalunkwe waħda miż-żewġ sistemi jagħmlu l-korrezzjonijiet xierqa għall-ġeolokalizzazzjoni tagħhom;

(11)

“Galileo” tfisser sistema ċivili awtonoma Ewropea ta' radjunavigazzjoni u ta' sinkronizzazzjoni bis-satellita b'kopertura globali, taħt kontroll ċivili u maħsuba sabiex tipprovdi servizzi GNSS, imfassla u żviluppata mill-Unjoni, mill-Aġenzija Spazjali Ewropea u mill-Istati Membri rispettivi. L-operat ta' Galileo jista' jkun ittrasferit lil entità privata. Galileo għandha l-għan li toffri servizz miftuħ, servizz kummerċjali, servizz pubbliku regolat u servizz ta' riċerka u salvataġġ, kif ukoll li tikkontribwixxi għas-servizzi ta' kontroll tal-integrità maħsuba għall-utenti ta' applikazzjonijiet ta' ħarsien tal-ħajja;

(12)

“interoperabbiltà” tfisser il-kapaċità ta' żewġ sistemi jew aktar ta' radjunavigazzjoni bis-satellita u tas-servizzi li jipprovdu li jintużaw flimkien biex joffru lill-utent kapaċitajiet aqwa minn dawk li jikseb kieku kellu juża sistema waħda biss;

(13)

“proprjetà intellettwali” tfisser il-kunċett iddefinit fil-punt (viii) tal-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni li tistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali, iffirmata fi Stokkolma fl-14 ta' Lulju 1967;

(14)

“informazzjoni kklassifikata” tfisser kwalunkwe informazzjoni, taħt kwalunkwe forma, li teħtieġ protezzjoni mill-iżvelar mhux awtorizzat li jista' jagħmel ħsara, f'diversi gradi, lill-interessi essenzjali, inklużi ta' sigurtà nazzjonali, tal-partijiet jew ta' Stat Membru. Il-klassifikazzjoni tagħha hija indikata permezz ta' marka ta' klassifikazzjoni. Informazzjoni bħal din hija kklassifikata mill-partijiet skont il-liġijiet u r-regolamenti applikabbli u għandha tkun protetta kontra kwalunkwe nuqqas ta' kunfidenzjalità, ta' integrità u ta' disponibbiltà.

Artikolu 3

Prinċipji ta' kooperazzjoni

Il-Partijiet għandhom iwettqu l-attivitajiet ta' kooperazzjoni koperti minn dan il-Ftehim skont il-prinċipji li ġejjin:

1.

vantaġġ reċiproku msejjes fuq l-ekwilibriju globali tad-drittijiet u l-obbligi, inklużi l-kontribuzzjonijiet u l-aċċess għas-servizzi kollha;

2.

opportunitajiet reċiproċi ta' parteċipazzjoni f'attivitajiet ta' kooperazzjoni fil-programmi ta' radjunavigazzjoni bis-satellita tal-Unjoni u tal-ASECNA;

3.

skambju f'waqtu tal-informazzjoni rilevanti kollha għall-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim;

4.

protezzjoni xierqa u effettiva tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali.

Artikolu 4

Aġenziji tal-Unjoni

L-Unjoni tista' tafda f'idejn l-Aġenzija Ewropea tal-GNSS jew l-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni Ewropea t-twettiq tal-kompiti tagħha kollha jew ta' uħud minnhom previsti f'dan il-Ftehim. F'dan il-każ, hija tibqa' responsabbli fil-konfront tal-ASECNA f'dak li jirrigwarda t-twettiq tajjeb u sħiħ tal-obbligi tagħha skont dan il-Ftehim.

Artikolu 5

Relazzjonijiet ma' partijiet terzi

L-Unjoni għandha tiffaċilita u tappoġġa kwalunkwe inizjattiva ta' kollaborazzjoni jew ta' sħubija bejn l-ASECNA u entitajiet oħrajn involuti fil-programmi Ewropej ta' radjunavigazzjoni bis-satellita, EGNOS u Galileo, b'mod partikolari l-Aġenzija Spazjali Ewropea, bil-kondizzjoni li dawn l-inizjattivi jistgħu jiffavorixxu l-iżvilupp u l-provvista mill-ASECNA tas-servizzi ta' radjunavigazzjoni bis-satellita bbażati fuq dawn iż-żewġ programmi.

PARTI II

DISPOŻIZZJONIJIET DWAR IL-KOOPERAZZJONI

Artikolu 6

Attivitajiet ta' kooperazzjoni

1.   L-attivitajiet ta' kooperazzjoni previsti f'dan il-Ftehim jirrigwardaw prinċipalment dawk relatati mal-istabbiliment u l-operat tas-sistema SBAS-ASECNA, ibbażata fuq it-teknoloġija tas-sistema EGNOS. Huma jirrigwardaw ukoll l-użu fl-Afrika tas-sistema miksuba mill-programm Galileo, l-ispettru radjulelettriku, l-istandards, iċ-ċertifikazzjoni u l-organizzazzjonijiet internazzjonali, is-sigurtà, ir-riċerka u l-iżvilupp, ir-riżorsi umani, il-komunikazzjoni u l-viżibbiltà, l-iskambji ta' persunal u l-promozzjoni fil-kontinent Afrikan tas-servizzi ta' radjunavigazzjoni bis-satellita.

Il-Partijiet għandhom il-possibbiltà li jemendaw din il-lista ta' attivitajiet f'konformità mal-Artikolu 34 ta' dan il-Ftehim.

2.   Dan il-Ftehim huwa mingħajr preġudizzju għall-awtonomija istituzzjonali tal-Unjoni f'termini ta' regolamentazzjoni tal-programmi Ewropej ta' radjunavigazzjoni bis-satellita u għall-istruttura stabbilita mill-Unjoni għall-implimentazzjoni ta' dawn il-programmi. Il-Ftehim huwa wkoll mingħajr preġudizzju għal miżuri regolatorji li jimplimentaw obbligi ta' nonproliferazzjoni, il-kontroll tal-esportazzjoni u l-kontroll ta' trasferimenti intanġibbli ta' teknoloġija. Huwa wkoll mingħajr preġudizzju għall-miżuri li jirrigwardaw is-sigurtà nazzjonali.

3.   Dan il-Ftehim huwa wkoll mingħajr preġudizzju għall-indipendenza istituzzjonali tal-ASECNA.

4.   Soġġetti għar-regolamenti rispettivi tagħhom, il-partijiet għandhom jippromwovu kemm jista' jkun l-attivitajiet ta' kooperazzjoni mwettqa skont dan il-Ftehim.

SUBPARTI I

Artikolu 7

Stabbiliment u operat tas-sistema SBAS-ASECNA

1.   L-Unjoni għandha tgħin lill-ASECNA fl-istabbiliment u l-implimentazzjoni tas-sistema SBAS-ASECNA. Minbarra d-dispożizzjonijiet speċifiċi previsti fl-Artikoli 8 sa 16, hija għandha timpenja ruħha b'mod ġenerali sabiex tiffaċilita l-istabbiliment u l-implimentazzjoni tas-sistema SBAS-ASECNA, b'mod partikolari billi toffri bla ħlas lill-ASECNA kwalunkwe informazzjoni rilevanti, waqt li tagħti pariri lill-ASECNA rigward il-ġestjoni tal-programm u l-pjanijiet tekniċi u organizzattivi, u billi tikkontribwixxi għall-valutazzjonijiet u l-monitoraġġ tal-programm SBAS-ASECNA.

2.   Meta jiġu stabbiliti interkonnessjonijiet bejn is-sistemi EGNOS u SBAS-ASECNA, kull Parti għandha tkun responsabbli għall-bidliet fis-sistema tagħha u għandha tagħmel tajjeb għall-ispejjeż ta' investiment u ta' implimentazzjoni relatati. Hija għandha tikkomunika lill-Parti l-oħra l-informazzjoni meħtieġa u tikkoopera fil-bidliet tas-sistema tal-Parti l-oħra. Għandu jiġi implimentat proċess ta' impenn u ta' monitoraġġ tal-prestazzjonijiet, li jistabbilixxi l-obbligi rispettivi.

Artikolu 8

Definizzjoni u disinn tas-sistema SBAS-ASECNA

L-Unjoni għandha tgħin lill-ASECNA fid-definizzjoni u fit-tfassil tas-sistema SBAS-ASECNA, b'mod partikolari f'dak li jirrigwarda l-arkitettura tas-sistema, is-siti ta' kollokazzjoni tal-infrastruttura fuq l-art u l-kunċett tal-operazzjonijiet. L-istudji li jsiru għal dak il-għan għandhom jispeċifikaw l-interkonnessjonijiet bejn is-sistemi SBAS-ASECNA u EGNOS.

Artikolu 9

Żvilupp u tnedija tal-istazzjonijiet RIMS

L-Unjoni għandha tgħin lill-ASECNA fl-iżvilupp u fit-tnedija tal-istazzjonijiet RIMS tas-sistema SBAS-ASECNA, b'mod partikolari f'dak li jirrigwarda t-tagħmir, il-proċeduri operazzjonali, il-kwalifiki tal-operaturi u l-validazzjoni tas-siti ta' kollokazzjoni tal-infrastruttura fuq l-art, fost oħrajn permezz tal-istabbiliment u l-verifika tar-rekwiżiti ta' sigurtà.

Biex jiġu ottimizzati l-prestazzjonijiet u ż-żoni ta' servizzi tas-sistemi EGNOS u SBAS-ASECNA, il-Partijiet għandhom jikkoordinaw l-installazzjoni tal-istazzjonijiet RIMS rispettivi tagħhom, fosthom ta' dawk li jinsabu fiż-żoni tal-fruntieri komuni għaż-żewġ sistemi, b'mod li dawn l-istazzjonijiet jitqassmu b'mod armonjuż u jkunu jistgħu jaħdmu f'sinerġija permezz tal-iskambju tad-data ġġenerata minn dawn l-istazzjonijiet RIMS, f'konformità mar-rekwiżiti ta' sikurezza u sigurtà stipulati mir-regoli applikabbli għal kull Parti.

Artikolu 10

Żvilupp u tnedija taċ-ċentri ta' kontroll

L-Unjoni għandha tgħin lill-ASECNA fl-iżvilupp u fit-tnedija taċ-ċentri ta' kontroll tas-sistema SBAS-ASECNA, b'mod partikolari f'dak li jirrigwarda t-tagħmir, il-proċeduri operazzjonali, il-kwalifiki tal-operaturi u l-validazzjoni tas-siti ta' kollokazzjoni tal-infrastruttura fuq l-art, fost oħrajn permezz tal-istabbiliment u l-verifika tar-rekwiżiti ta' sikurezza.

Artikolu 11

Żvilupp u tnedija tal-istazzjonijiet NLES u tat-transponders

L-Unjoni għandha tgħin lill-ASECNA fl-iżvilupp u fit-tnedija tas-servizzi ta' diffużjoni tad-data bbażati fuq it-transponders tas-sistema SBAS-ASECNA installati fuq satelliti ġeostazzjonarji u fuq l-istazzjonijiet terrestri ta' trażmissjoni ta' data relatata. Hija għandha tgħin lill-ASECNA ukoll fil-proċeduri u l-attivitajiet neċessarji sabiex tikseb il-kodiċijiet PRN li huma indispensabbli għall-operat tas-sistema SBAS-ASECNA.

Artikolu 12

Approvazzjoni u ċertifikazzjoni tas-sistema SBAS-ASECNA

L-Unjoni għandha tgħin lill-ASECNA, fuq talba tagħha, f'dawn li ġejjin:

iċ-ċertifikazzjoni tas-sistema SBAS-ASECNA;

l-approvazzjoni tas-sikurezza tas-sistema SBAS-ASECNA, inkluż tas-siti ta' kollokazzjoni tal-infrastruttura fuq l-art;

iċ-ċertifikazzjoni tas-servizzi pprovduti mis-sistema SBAS-ASECNA.

L-Unjoni tista' wkoll tgħin lill-ASECNA, fuq talba tagħha, fl-iżvilupp tal-metodoloġija u l-proċessi għal:

l-approvazzjoni tal-proċeduri ta' tluq, tal-vjaġġ u tal-inżul tal-ajruplani, relatati mas-sistema SBAS-ASECNA, qabel ma jidhru fil-mezzi tal-Pubblikazzjoni tal-Informazzjoni dwar l-Avjazzjoni;

iċ-ċertifikazzjoni tat-tagħmir imqiegħed abbord l-ajruplani imfassal sabiex jirċievi u jipproċessa s-sinjali ta' radjunavigazzjoni bis-satellita, u l-approvazzjoni tal-operaturi u tat-timijiet tal-ajruplani.

Artikolu 13

Operat tas-sistema SBAS-ASECNA

1.   L-Unjoni għandha tgħin lill-ASECNA topera s-sistema SBAS-ASECNA.

F'dak li jirrigwarda t-tħejjija tat-tnedija tal-operat, din għandha tgħin lill-ASECNA b'mod speċjali f'dan li ġej:

l-implimentazzjoni tal-iskema ta' governanza tal-provvista tas-servizzi,

l-adattament, għall-benefiċċju tas-sistema SBAS-ASECNA, tal-proċeduri operattivi u tad-dokumentazzjoni ta' taħriġ tas-sistema EGNOS,

l-implimentazzjoni ta' sistema ta' ġestjoni integrata ddedikata għall-provvista tas-servizzi, li tkopri b'mod partikolari l-kwistjonijiet ta' sikurezza, sigurtà u ambjentali,

l-analiżi u l-implimentazzjoni tal-iskemi ta' sottokuntrattar,

it-taħriġ tal-operaturi,

id-dikjarazzjoni tas-servizzi.

L-Unjoni għandha tgħin ukoll lill-ASECNA fis-soluzzjoni tal-problemi operazzjonali li jinqalgħu wara d-dikjarazzjoni tas-servizzi, l-aktar permezz tat-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-proċeduri u l-għodod ta' analiżi tal-prestazzjonijiet, l-appoġġ għat-taħriġ, u l-preżenza ta' persunal fis-siti għal perijodu inizjali.

L-Unjoni għandha tipprovdi wkoll appoġġ lill-ASECNA għall-ikkummissjonar tal-bidliet fis-sistema operazzjonali.

2.   Il-Partijiet għandhom jgħinu lil xulxin biex iħeġġu lill-utenti jadottaw is-servizzi pprovduti mis-sistemi EGNOS u SBAS-ASECNA u biex jiffavorixxu l-iżvilupp tas-swieq korrispondenti.

Artikolu 14

Żoni ta' servizz

Id-definizzjonijiet taż-żona ta' servizz SOL ta' EGNOS u taż-żona ta' servizz SBAS-ASECNA għandhom ikunu miftiehma bejn il-Partijiet biex tiġi evitata kwalunkwe diffikultà operazzjonali, l-aktar f'termini ta' interoperabbiltà u ta' responsabbiltà. Il-Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom, f'dan ir-rigward, biex isibu soluzzjonijiet komuni.

F'każ li ż-żona ta' servizz SOL ta' EGNOS tkopri parti miż-żona ta' responsabbiltà tal-ASECNA jew f'każ li ż-żona ta' servizz SBAS-ASECNA tkopri parti mit-territorju tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi stabbilit proċess ta' impenn u ta' monitoraġġ tal-prestazzjonijiet, li jistabbilixxi l-obbligi rispettivi.

F'każ li ż-żona ta' servizz SOL ta' EGNOS u ż-żona ta' servizz SBAS-ASECNA ikopru territorju li jinsab barra mit-territorju tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u miż-żona ta' responsabbiltà tal-ASECNA - jew jikkoinċidu ma' sistema oħra li ma tkunx EGNOS u SBAS-ASECNA - il-Partijiet għandhom jinformaw lil xulxin u jikkoordinaw bejniethom l-azzjonijiet li jkollhom jieħdu mal-awtoritajiet tat-territorju jew territorji kkonċernati biex jiżguraw li l-problemi li jinqalgħu, speċjalment ta' interoperabbiltà u ta' responsabbiltà, jiġu solvuti b'mod konġunt.

Artikolu 15

Akkwist pubbliku

1.   L-Unjoni għandha tgħin lill-ASECNA, fuq talba tagħha, fit-tfassil ta' dossier ta' sejħa għall-offerti u fl-analiżi tas-sejħa għall-offerti bħala parti mill-għoti ta' kuntratti relatati mal-istabbiliment u l-operat tas-sistema SBAS-ASECNA.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu XXIII tal-Ftehim dwar l-Akkwisti Pubbliċi konkluż taħt l-awspiċju tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (l-Artikolu III tal-Ftehim rivedut), il-korpi pubbliċi u l-impriżi tal-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea għandhom id-dritt li jipparteċipaw għas-sejħiet tal-offerti relatati mal-istabbiliment u l-operat tas-sistema SBAS-ASECNA, ħlief f'każ ta' kunflitt ta' interess.

3.   L-akkwisti relatati mal-istabbiliment u l-operat tas-sistemi EGNOS u SBAS-ASECNA jistgħu jsiru fis-swieq pubbliċi komuni għall-Unjoni u għall-ASECNA skont l-interessi ta' kull Parti, b'mod partikolari fir-rigward tal-istazzjonijiet fuq l-art u tat-transponders.

Artikolu 16

Drittijiet ta' proprjetà intellettwali

1.   Kull Parti għandha tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Parti l-oħra, bla ħlas, id-drittijiet kollha tal-proprjetà intellettwali fuq ix-xogħlijiet jew l-invenzjonijiet tagħha li huma utli għall-istabbiliment u l-operat tas-sistemi EGNOS u SBAS-ASECNA. Dan il-Ftehim huwa ekwivalenti għal liċenzja għall-użu ta' dawn id-drittijiet.

Jekk waħda mill-Partijiet toħloq jew tiġġenera drittijiet ta' proprjetà intellettwali ġodda bbażati fuq id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali li tqiegħdu għad-dispożizzjoni tagħha mill-Parti l-oħra, din tal-aħħar għandha tirċievi l-proprjetà tad-drittijiet il-ġodda tal-proprjetà intellettwali maħluqa jew iġġenerata u hija għandha tagħti liċenzja ta' użu ta' dawn id-drittijiet il-ġodda lill-Parti li ħolqithom jew iġġenerathom. Madankollu, il-Parti li hija proprjetarja ta' dawn id-drittijiet il-ġodda ma tistax tagħti l-liċenzja tagħha lil xi parti terza mingħajr il-qbil espliċitu tal-Parti l-oħra.

Il-kundizzjonijiet tal-eżerċitar tal-liċenzja msemmija fl-ewwel u t-tieni subparagrafi huma stabbiliti fil-paragrafi 2 u 3.

2.   Il-liċenzja tal-użu msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 hija personali, mhux esklużiva u mhux trasferibbli, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tat-tieni subparagrafu tal-paragrafu. Din tinkludi, skont il-każ, id-dritt tal-użu, l-użu minn ħaddieħor, ta' tibdil, ta' riproduzzjoni u ta' manifattura, unikament għall-istabbiliment u l-operat tas-sistemi EGNOS u SBAS-ASECNA.

Parti ma tistax tqiegħed għad-dispożizzjoni ta' parti terza u lanqas ma tista' tikkummerċjalizza bl-ebda mod id-drittijiet ta' proprjetà intellettwali li l-Parti l-oħra tqiegħed għad-dispożizzjoni tagħha skont l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 mingħajr il-kunsens espliċitu ta' dik il-Parti l-oħra, sakemm ma tagħmilx hekk bħala parti minn proċedura ta' akkwist pubbliku jew kuntratti mogħtija minn Parti jew l-oħra għall-istabbiliment u l-operat tas-sistema EGNOS, tas-sistema li toħroġ mill-programm Galileo u tas-sistema SBAS-ASECNA.

3.   Kull Parti għandha żżomm aġġornat reġistru tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali li hija tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Parti l-oħra skont l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1. Din għandha tagħti kopja tiegħu lill-Parti l-oħra. Għal kull dritt ta' proprjetà intellettwali disponibbli, ir-reġistru għandu jispeċifika b'mod partikolari:

is-suġġett tad-dritt, bħal invenzjoni, softwer, bażi ta' data, eċċ.;

it-tip ta' dritt, bħal dritt tal-awtur, privattiva, eċċ.;

id-dritt ta' użu mogħti, bħad-dritt ta' riproduzzjoni, ta' adattament, ta' manifattura, eċċ.;

it-territorju li għalih id-dritt huwa disponibbli;

it-tul ta' żmien tad-disponibbiltà.

4.   Kull Parti li tagħti lill-Parti l-oħra liċenzja ta' użu skont l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 tista' ttemm dik il-liċenzja jekk tinnota nuqqas ta' konformità mal-kundizzjonijiet tal-eżerċitar tiegħu previsti fil-paragrafi 2 u 3.

5.   Il-Partijiet għandhom jagħtu u jiżguraw protezzjoni adegwata u effettiva tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fl-oqsma u fis-setturi li huma relatati mal-istabbiliment u l-operat tas-sistemi EGNOS u SBAS-ASECNA skont l-ogħla standards internazzjonali stabbiliti bil-Ftehim dwar l-Aspetti tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali Relatati mal-Kummerċ (TRIPS) tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, inkluż billi jipprovdu mezzi effiċjenti li jiżguraw il-konformità ma' dawn l-istandards.

SUBPARTI II

ATTIVITAJIET OĦRAJN

Artikolu 17

Galileo

1.   Il-Partijiet għandhom jikkooperaw sabiex jippromwovu u jużaw is-sistema li tirriżulta mill-programm Galileo fil-kontinent Afrikan, b'mod partikolari billi jiżviluppaw applikazzjonijiet u użu ta' servizzi bbażati fuq din is-sistema fl-oqsma tad-datazzjoni, tan-navigazzjoni, tas-sorveljanza, u tar-riċerka u ta' salvataġġ, u għall-enfasizzar tal-benefiċċji tal-applikazzjonijiet u s-servizzi bbażati fuq din is-sistema.

2.   L-ASECNA għandha żżomm lura minn kwalunkwe azzjoni jew inizjattiva li tista' tmur kontra -interessi tal-Unjoni fir-rigward ta' drittijiet ta' proprjetà intellettwali relatati mal-programm Galileo.

Artikolu 18

Spettru tar-radju

1.   Il-Partijiet għandhom jikkooperaw u jgħinu lil xulxin fir-rigward tal-ġestjoni tal-ispettru ta' frekwenzi bir-radju mill-Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjoni (minn hawn 'il quddiem imsejħa “UIT”), b'mod partikolari għall-protezzjoni tal-baned ta' frekwenzi relatati mas-servizzi ta' radjunavigazzjoni bis-satellita u ta' komunikazzjoni ajrunawtika.

2.   Il-Partijiet għandhom jiskambjaw informazzjoni u għandhom jgħinu lil xulxin f'dak li jirrigwarda l-kondiviżjoni u l-allokazzjoni tal-frekwenzi min-naħa tal-UIT. Huma għandhom jinkoraġġixxu u jipproteġu l-allokazzjonijiet ta' frekwenzi xierqa għas-sistemi EGNOS u SBAS-ASECNA, kif ukoll għas-sistema li toħroġ mill-programm Galileo, sabiex jiżguraw l-aċċessibbiltà tas-servizzi offruti minn dawn is-sistemi fl-Unjoni u fl-Afrika.

3.   Sabiex jipproteġu l-ispettru tar-radju allokat għar-radjunavigazzjoni minn interruzzjonijiet bħal interferenzi, intenzjonati jew le, u “immaskjar”, il-Partijiet għandhom jagħmlu kull sforz biex jidentifikaw is-sorsi ta' interferenza u jfittxu soluzzjonijiet aċċettabbli għaż-żewġ Partijiet.

4.   Xejn f'dan il-Ftehim ma għandu jinftiehem bħala deroga mid-dispożizzjonijiet applikabbli tal-UIT, b'mod partikolari dawk li jirregolaw il-komunikazzjonijiet bir-radju.

Artikolu 19

Standards, ċertifikazzjoni u organizzazzjonijiet internazzjonali

1.   Il-Partijiet għandhom jagħmlu kull sforz sabiex jadottaw approċċ komuni rigward l-istandardizzazzjoni u dwar kull kwistjoni li tirrigwarda s-sistemi ta' radjunavigazzjoni bis-satellita indirizzata mill-organizzazzjonijiet u l-assoċjazzjonijiet internazzjonali, b'mod partikolari mill-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali, l-assoċjazzjoni “Radio Technical Commission for Aeronautics” u l-Organizzazzjoni Ewropea għat-Tagħmir tal-Avjazzjoni Ċivili (“EUROCAE”), u minn assoċjazzjonijiet u gruppi attivi fil-qasam tal-istandardizzazzjoni.

2.   Il-Partijiet għandhom jappoġġaw b'mod konġunt l-iżvilupp tal-istandards ta' radjunavigazzjoni bis-satellita fi ħdan organizzazzjonijiet internazzjonali, b'mod partikolari l-istandards u l-prattiki rakkomandati tal-ICAO (SARPs) u l-ispeċifikazzjonijiet ta' prestazzjonijiet operattivi minimi tal-RTCA u tal-EUROCAE (MOPS). Huma għandhom jappoġġjaw flimkien f'dan il-kuntest ir-rikonoxximent tal-istandards Galileo, EGNOS u SBAS-ASECNA minn dawn l-organizzazzjonijiet internazzjonali u għandhom jippromwovu l-applikazzjoni tagħhom fid-dinja kollha, waqt li jinsistu fuq l-interoperabbiltà ma' sistemi oħrajn ta' radjunavigazzjoni bis-satellita.

Artikolu 20

Sigurtà

Biex jipproteġu s-sistema ta' radjunavigazzjoni bis-satellita Ewropea u s-sistema SBAS-ASECNA kontra theddid u atti malizzjużi, bħal interferenzi intenzjonati u “immaskjar”, il-Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri kollha possibbli, b'mod partikolari rigward il-kontroll u n-nonproliferazzjoni tat-teknoloġiji, sabiex jiżguraw il-kontinwità, is-sigurtà u s-sikurezza tas-servizzi ta' radjunavigazzjoni bis-satellita kif ukoll tal-infrastruttura u tal-assi essenzjali korrispondenti, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 6(2).

Artikolu 21

Riċerka u żvilupp

Il-Partijiet għandhom jagħmlu kull sforz sabiex jagħmlu attivitajiet konġunti ta' riċerka u ta' żvilupp fir-radjunavigazzjoni bis-satellita, b'mod partikolari bl-għan li jiżviluppaw u jippjanaw żviluppi teknoloġiċi futuri tas-sistemi ta' radjunavigazzjoni bis-satellita.

Kull Parti għandha tinkoraġġixxi lill-Parti l-oħra biex tipparteċipa fil-programmi tagħha ta' riċerka u ta' żvilupp.

L-Unjoni għandha tiffaċilita l-aċċess tal-ASECNA għall-fondi disponibbli taħt il-programmi qafas tagħha ta' riċerka u ta' żvilupp.

Artikolu 22

Riżorsi umani

Abbażi tal-esperjenza tagħha stess, l-Unjoni għandha tipprovdi lill-ASECNA bl-informazzjoni kollha rilevanti għall-ġestjoni tal-kapital uman meħtieġ għall-implimentazzjoni tal-programm SBAS-ASECNA.

L-Unjoni għandha tgħin lill-ASECNA fl-iżvilupp tal-impjiegi u tal-kompetenzi neċessarji għall-istabbiliment u l-operat tas-sistema SBAS-ASECNA.

L-Unjoni Ewropea għandha tappoġġa kwalunkwe inizjattiva ta' kollaborazzjoni u ta' sħubija bejn l-ASECNA u l-entitajiet involuti fit-tisħiħ tal-kapaċitajiet fl-oqsma relatati mal-programmi Ewropej ta' radjunavigazzjoni bis-satellita. Hija għandha tiffaċilita wkoll l-aċċess tal-ASECNA għall-fondi disponibbli taħt programmi Ewropej ta' taħriġ.

Jistgħu jitwettqu attivitajiet konġunti ta' taħriġ sabiex jintlaħqu l-ħtiġijiet tal-istabbiliment u tal-operat tas-sistemi EGNOS, SBAS-ASECNA u Galileo, u ta' tħejjija għall-iżvilupp teknoloġiku tagħhom.

Artikolu 23

Komunikazzjoni u viżibbiltà

Il-Partijiet għandhom jagħmlu kull sforz biex iwettqu attivitajiet konġunti ta' komunikazzjoni u ta' promozzjoni tal-programmi rispettivi tagħhom ta' radjunavigazzjoni bis-satellita.

L-Unjoni għandha tgħin lill-ASECNA fid-definizzjoni u fl-implimentazzjoni tal-istrateġiji ta' komunikazzjoni mmirati kemm lejn l-entitajiet ikkonċernati mill-istabbiliment u l-operat tas-sistema SBAS-ASECNA kif ukoll lejn il-pubbliku inġenerali.

Artikolu 24

Skambju ta' persunal

Il-Partijiet għandhom jagħmlu skambji ta' persunal bħala parti mill-attivitajiet ta' kooperazzjoni previsti minn dan il-Ftehim.

Artikolu 25

Il-promozzjoni tar-radjunavigazzjoni bis-satellita fil-kontinent tal-Afrika

Il-Partijiet għandhom jgħinu lil xulxin sabiex jippromwovu r-radjunavigazzjoni bis-satellita fil-kontinent tal-Afrika u għandhom jikkonsultaw lil xulxin kull meta jkun hemm bżonn sabiex jiftiehmu dwar azzjoni komuni li għandha tittieħed f'dan ir-rigward. Huma għandhom jappoġġjaw b'mod partikolari l-inizjattivi li jistgħu jiffavorixxu l-adozzjoni tar-radjunavigazzjoni bis-satellita mill-utenti u l-iżvilupp tas-swieq assoċjati ma' din it-teknoloġija.

PARTI III

DISPOŻIZZJONIJIET FINANZJARJI

Artikolu 26

Finanzjament

1.   L-ASECNA għandha tiffinanzja l-istabbiliment u l-operat tas-sistema SBAS-ASECNA permezz ta' riżorsi proprji, għajnuniet jew sussidji, b'mod partikolari dawk imsemmija fil-paragrafu 3, self miksub mingħand istituzzjonijiet finanzjarji, jew permezz ta' kwalunkwe mezz ta' finanzjament ieħor suġġett għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 2.

2.   L-istabbiliment u l-operat tas-sistema SBAS-ASECNA fl-ebda każ ma jistgħu jkunu ffinanzjati mill-kontribuzzjonijiet tal-baġit previsti għas-sistemi Ewropej ta' radjunavigazzjoni bis-satellita u msemmija fil-Kapitolu II tar-Regolament (UE) Nru 1285/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013.

3.   Għall-istabbiliment u l-operat tas-sistema SBAS-ASECNA, l-Unjoni għandha tiffaċilita l-aċċess tal-ASECNA għall-fondi tal-UE għall-kooperazzjoni u l-iżvilupp li l-ASECNA hija eliġibbli għalihom, kemm għall-programmi attwali kif ukoll futuri. Il-programmi attwali huma l-programm pan-Afrikan kopert mill-Artikolu 9 u l-Anness III għar-Regolament (UE) Nru 233/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi strument ta' finanzjament tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp (DCI) għall-perijodu 2014-2020, u dawk taħt il-Fondi Fiduċjarji UE-Afrika għall-Infrastrutturi previsti fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew tat-13 ta' Lulju 2006 - L-interkonnessjoni tal-Afrika: Sħubija dwar l-Infrastruttura bejn l-UE u l-Afrika COM(2006) 376 final.

PARTI IV

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 27

Responsabbiltà ġuridika

1.   Peress li l-ASECNA mhijiex il-proprjetarja tas-sistemi ta' radjunavigazzjoni bis-satellita Ewropej, hija ma għandha l-ebda responsabbiltà relatata mas-sjieda tas-sistemi.

Peress li l-Unjoni mhijiex il-proprjetarja tas-sistema SBAS-ASECNA, hija ma għandha l-ebda responsabbiltà relatata mas-sjieda ta' dik is-sistema.

2.   Ebda Parti ma tista' tinżamm responsabbli għall-ħsarat li jirriżultaw mill-użu mill-Parti l-oħra tat-teknoloġiji koperti f'dan il-Ftehim, u ebda Parti ma' tiggarantixxi l-funzjonament tajjeb tagħha.

Artikolu 28

Skambju ta' informazzjoni klassifikata

Il-Partijiet għandhom jiskambjaw informazzjoni klassifikata biss jekk ikunu kkonkludew ftehim dwar dan. Huma għandhom jagħmlu kull sforz sabiex jistabbilixxu qafas ġuridiku komplut u koerenti li jippermetti l-konklużjoni ta' ftehim bħal dan.

Artikolu 29

Kumitat konġunt

1.   Għandu jitwaqqaf kumitat konġunt, bl-isem ta' “Kumitat GNSS UE/ASECNA”. Dan għandu jkun magħmul minn rappreżentanti tal-Partijiet u għandu jkun responsabbli mill-ġestjoni u l-implimentazzjoni xierqa ta' dan il-Ftehim. Għal dan il-għan, dan għandu jieħu deċiżjonijiet fil-każijiet koperti minn dan il-Ftehim, li għandhom jiġu implimentati mill-Partijiet skont ir-regoli proprji tagħhom. Dawn id-deċiżjonijiet tal-Kumitat Konġunt għandhom jittieħdu bi ftehim reċiproku. Il-Kumitat Konġunt għandu jagħmel ukoll rakkomandazzjonijiet fil-kwistjonijiet li fuqhom ma għandux setgħa li jiddeċiedi.

Il-Kumitat Konġunt għandu jiddefinixxi l-kundizzjonijiet u l-arranġamenti li mhumiex speċifikati f'dan il-Ftehim.

2.   Il-Kumitat Konġunt għandu jistabbilixxi r-regoli ta' proċedura tiegħu, li, fost dispożizzjonijiet oħrajn, għandhom jinkludu l-arranġamenti għas-sejħa tal-laqgħat tiegħu, għall-ħatra tal-president tiegħu, għad-definizzjoni tal-mandat tal-president u għall-kuntatti bejn il-Partijiet.

3.   Il-Kumitat Konġunt għandu jiltaqa' skont il-ħtieġa. L-Unjoni jew l-ASECNA tista' titlob li tissejjaħ laqgħa. Il-Kumitat Konġunt għandu jiltaqa' fi żmien ħmistax-il jum minn meta ssir it-talba.

4.   Il-Kumitat Konġunt jista' jiddeċiedi li joħloq kwalunkwe grupp ta' ħidma jew ta' esperti li huwa jqis li huwa kapaċi jgħinu fit-twettiq tal-kompiti tiegħu.

5.   Il-Kumitat Konġunt jista' jiddeċiedi li jemenda l-Anness I.

Artikolu 30

Konsultazzjonijiet

1.   Għall-finijiet ta' implimentazzjoni korretta ta' dan il-Ftehim, il-Partijiet għandhom jiskambjaw informazzjoni b'mod regolari u, fuq talba ta' xi waħda minnhom, għandhom jiltaqgħu fi ħdan il-Kumitat Konġunt.

2.   Il-Partijiet għandhom jikkonsultaw lil xulxin minnufih, fuq talba ta' xi waħda minnhom, dwar kwalunkwe kwistjoni li tirrigwarda l-interpretazzjoni jew l-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim.

3.   Il-Partijiet għandhom jinformaw lil xulxin b'mod regolari u għandhom jagħtu viżibbiltà reċiproka dwar il-ġestjoni u l-iżviluppi tal-programmi tagħhom ta' radjunavigazzjoni bis-satellita. Meta Parti tippjana li tieħu deċiżjoni li tista' taffettwa lis-sistema jew lis-sistemi ta' radjunavigazzjoni bis-satellita tal-Parti l-oħra, din tal-aħħar għandha tiġi kkonsultata minn qabel sabiex tkun tista' tifformula opinjoni mhux vinkolanti. Jekk ir-rekwiżiti ta' kunfidenzjalità previsti mir-regoli applikabbli għall-Partijiet ma jirrikjedux mod ieħor, kull Parti għandha taċċetta l-parteċipazzjoni, bħala osservatur, ta' rappreżentant tal-Parti l-oħra fil-gruppi ta' ħidma, il-korpi u l-kumitati ta' ġestjoni tagħha.

Artikolu 31

Miżuri ta' salvagwardja

1.   Kull Parti tista', wara konsultazzjoni fil-Kumitat Konġunt, tieħu kwalunkwe miżura ta' salvagwardja li tkun meħtieġa, inkluż is-sospensjoni ta' attività jew attivitajiet ta' kooperazzjoni, jekk hija tqis li m'għadx hemm livell ekwivalenti ta' kontroll tal-esportazzjonijiet jew ta' sikurezza bejn il-Partijiet. Meta kwalunkwe dewmien jista' jipperikola l-funzjonament tajjeb tas-sistemi Ewropej ta' radjunavigazzjoni bis-satellita jew tas-sistema SBAS-ASECNA, jistgħu jiġu adottati miżuri protettivi provviżorji, mingħajr konsultazzjoni minn qabel, dment li jsiru konsultazzjonijiet minnufih wara li l-miżuri jiġu adottati.

2.   Il-kamp ta' applikazzjoni u d-durata tal-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu limitati għal dak li huwa meħtieġ biex tissolva s-sitwazzjoni u jkun żgurat bilanċ ġust bejn id-drittijiet u l-obbligi skont dan il-Ftehim. Il-Parti l-oħra tista' titlob lill-Kumitat Konġunt biex jibda konsultazzjonijiet dwar il-proporzjonalità ta' dawn il-miżuri. Jekk ma tinstabx soluzzjoni għal din it-tilwima fi żmien sitt xhur, din tista' titressaq quddiem korp ta' arbitraġġ vinkolanti minn waħda mill-Partijiet, skont il-proċedura prevista fl-Anness I. Ebda kwistjoni ta' interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' dan il-Ftehim li jkunu l-istess bħal dispożizzjonijiet korrispondenti tal-liġi tal-Unjoni ma tista' tiġi solvuta f'dan il-kuntest.

Artikolu 32

Soluzzjoni ta' tilwim

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 31, it-tilwim li jirrigwarda l-interpretazzjoni jew l-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim għandu jkun solvut permezz ta' konsultazzjonijiet tal-Kumitat Konġunt.

Jekk tilwima ma tiġix solvuta fi żmien tliet xhur mid-data li fiha tkun ġiet riferita lill-Kumitat Konġunt, għandha tintuża l-proċedura ta' arbitraġġ prevista fl-Anness I.

Artikolu 33

Annessi

L-Annessi għal dan il-Ftehim jagħmlu parti integrali minnu.

Artikolu 34

Emendi

Dan il-Ftehim jista' jiġi emendat u estiż fi kwalunkwe ħin permezz ta' emenda ffirmata bejn il-Partijiet, skont il-proċeduri interni rispettivi tagħhom.

Artikolu 35

Terminazzjoni

1.   L-Unjoni jew l-ASECNA tista' ttemm dan il-Ftehim billi tinnotifika lill-Parti l-oħra dwar id-deċiżjoni tagħha. Dan il-Ftehim għandu jintemm sitt xhur wara l-wasla ta' dik in-notifika.

2.   It-terminazzjoni ta' dan il-Ftehim huwa mingħajr preġudizzju għall-validità jew id-durata ta' kull dispożizzjoni sostantiva miftiehma matul it-twettiq tiegħu. Lanqas ma hija ta' preġudizzju għal drittijiet u obbligi speċifiċi stabbiliti fir-rigward ta' proprjetà intellettwali fil-Ftehim, u Parti li tkun tat lill-Parti l-oħra liċenzja ta' użu għandha żżomm, wara t-terminazzjoni tal-Ftehim, id-dritt li ttemmha jekk tinnota nuqqas ta' konformità mal-kundizzjonijiet tal-użu ta' din il-liċenzja.

3.   F'każ li dan il-Ftehim jiġi tterminat, il-Kumitat Konġunt għandu jagħmel proposta sabiex jippermetti lill-Partijiet isolvu kwalunkwe kwistjoni pendenti li jista' jkollha konsegwenzi finanzjarji, waqt li jitqies, fejn meħtieġ, il-prinċipju tal-pro rata temporis.

Artikolu 36

Dħul fis-seħħ

1.   Dan il-Ftehim għandu jiġi approvat mill-Partijiet skont il-proċeduri interni tagħhom. Huwa għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tal-ewwel xahar wara d-data tal-iffirmar mill-Parti li tkun wettqet din il-formalità l-aħħar.

2.   Dan il-Ftehim, imfassal f'żewġ kopji bil-Franċiż biss, huwa konkluż għal perijodu indefinit.

Għall-Unjoni Ewropea

Għall-ASECNA


(1)   ĠU L 347, 20.12.2013, p. 1.

(2)   ĠU L 276, 20.10.2010, p. 11.


ANNESS I

PROĊEDURA TA' ARBITRAĠĠ

Jekk tilwima titressaq għall-arbitraġġ, għandhom jintgħażlu tliet arbitri, sakemm il-Partijiet ma jiddeċidux mod ieħor.

Kull Parti għandha taħtar arbitru fi żmien tletin jum wara li jiġi identifikat nuqqas ta' ftehim fi ħdan il-Kumitat Konġunt.

Iż-żewġ arbitri maħtura għandhom jinnominaw, bi qbil reċiproku, arbitru anzjan li ma jkunx ċittadin tal-Partijiet. Jekk dawn ma jkunux jistgħu jaqblu fi żmien xahrejn mill-ħatra tagħhoam, l-arbitru anzjan għandu jinħatar minnhom minn seba' persuni fuq lista stabbilita mill-Kumitat Konġunt. Il-Kumitat Konġunt għandu jfassal u jaġġorna din il-lista skont ir-regoli ta' proċedura tiegħu.

Sakemm il-Partijiet ma jiddeċidux mod ieħor, it-tribunal tal-arbitraġġ għandu jistabbilixxi ir-regoli ta' proċedura tiegħu. Dan għandu jieħu d-deċiżjonijiet tiegħu b'maġġoranza ta' voti.