20.7.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 189/1


DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE

Nru 1/2016

tal-5 ta' Frar 2016

li temenda l-Anness I (Kwistjonijiet veterinarji u fitosanitarji) tal-Ftehim ŻEE [2017/1284]

IL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE,

Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (“il-Ftehim ŻEE”), u b'mod partikolari l-Artikolu 98 tiegħu,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1358 tal-4 ta' Awwissu 2015 li temenda l-Annessi XI, XII u XV tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/85/KE fir-rigward tal-lista ta' laboratorji li huma awtorizzati li jkollhom f'idejhom il-vajrus ħaj tal-marda tal-ilsien u d-dwiefer u l-istandards minimi ta' bijosigurtà applikabbli għalihom (1) għandha tiġi inkorporata fil-Ftehim ŻEE.

(2)

Din id-Deċiżjoni tirrigwarda leġiżlazzjoni li għandha x'taqsam ma' annimali ħajjin li ma humiex ħut u annimali tal-akkwakultura. Il-leġiżlazzjoni li tikkonċerna dawn il-kwistjonijiet ma għandhiex tapplika għall-Iżlanda, kif speċifikat fil-paragrafu 2 tal-Parti Introduttorja tal-Kapitolu I tal-Anness I tal-Ftehim ŻEE. Għaldaqstant, din id-Deċiżjoni ma tapplikax għall-Iżlanda.

(3)

Din id-Deċiżjoni tikkonċerna l-leġiżlazzjoni dwar kwistjonijiet veterinarji. Il-leġiżlazzjoni dwar kwistjonijiet veterinarji ma tapplikax għal-Liechtenstein dment li l-applikazzjoni tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar il-kummerċ fi prodotti agrikoli tiġi estiża għal-Liechtenstein, kif speċifikat fl-adattamenti settorjali tal-Anness I tal-Ftehim ŻEE. B'hekk, din id-Deċiżjoni ma tapplikax għal-Liechtenstein.

(4)

Għalhekk, l-Anness I tal-Ftehim ŻEE għandu jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-punt 1a (id-Direttiva tal-Kunsill 2003/85/KE) fil-Parti 3.1 tal-Kapitolu I tal-Anness I tal-Ftehim ŻEE jiġi emendat kif ġej:

1.

Jiżdied l-inċiż li ġej:

“—

32015 D 1358: Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1358 tal-4 ta' Awwissu 2015 (ĠU L 209, 6.8.2015, p. 11).”

2.

It-test tal-adattament (b) għandu jiġi mibdul b'dan li ġej:

“(b)

Fl-Anness XI, Parti A, il-kelma “Norveġja” għandha tiġi miżjuda mal-lista tal-Istati Membri li jużaw is-servizzi tal-Pirbright Institute fir-Renju Unit.”

Artikolu 2

It-testi tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/1358 bl-ilsien Norveġiż, li għandhom jiġu ppubblikati fis-Suppliment taż-ŻEE ta' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, ikunu awtentiċi.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fis-6 ta' Frar 2016, bil-kundizzjoni li jkunu saru n-notifiki kollha skont l-Artikolu 103(1) tal-Ftehim ŻEE (*1).

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fit-Taqsima taż-ŻEE u fis-Suppliment taż-ŻEE ta' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, il-5 ta' Frar 2016.

Għall-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

Il-President

Claude MAERTEN


(1)  ĠU L 209, 6.8.2015, p. 11.

(*1)  Ma huma indikati l-ebda rekwiżiti kostituzzjonali.