23.2.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 46/13


DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE Nru 200/2016

tat-30 ta’ Settembru 2016

li temenda l-Anness IX (Servizzi Finanzjarji) tal-Ftehim ŻEE [2017/277]

IL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE

Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (“il-Ftehim ŻEE”), u b’mod partikolari l-Artikolu 98 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol), u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/79/KE (1) għandu jiġi inkorporat fil-Ftehim ŻEE.

(2)

L-UE u l-Ministri tal-EFTA taż-ŻEE tal-Finanzi u l-Ekonomija, fil-konklużjonijiet (2) tagħhom tal-14 ta’ Ottubru 2014 dwar l-inkorporazzjoni tar-Regolamenti tal-UE dwar l-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej fil-Ftehim ŻEE, laqgħu b’sodisfazzjon is-soluzzjoni bilanċjata miftehma bejn il-Partijiet Kontraenti, li tqis l-istruttura u l-objettivi tar-Regolamenti tal-UE dwar l-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej u l-Ftehim ŻEE, kif ukoll ir-restrizzjonijiet legali u politiċi tal-UE u l-Istati taż-ŻEE-EFTA.

(3)

Il-Ministri tal-Finanzi u l-Ekonomija tal-UE u taż-ŻEE-EFTA saħqu li, f’konformità mal-istruttura mibnija fuq żewġ pilastri tal-Ftehim dwar iż-ŻEE, l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA se tieħu deċiżjonijiet indirizzati lill-awtoritajiet kompetenti taż-ŻEE-EFTA jew operaturi tas-suq fl-Istati taż-ŻEE-EFTA, rispettivament. L-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej tal-UE se jkunu kompetenti biex iwettqu azzjonijiet li ma jorbtux legalment, bħall-adozzjoni ta’ rakkomandazzjonijiet u medjazzjoni li ma torbotx legalment, anki fejn jidħlu l-awtoritajiet kompetenti u l-operaturi tas-suq taż-ŻEE-EFTA. Azzjoni min-naħa ta’ kwalunkwe minnhom ser tiġi preċeduta, kif xieraq, minn konsultazzjoni, koordinazzjoni, jew skambju ta’ informazzjoni bejn l-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej tal-UE u l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA.

(4)

Biex żgur ikun hemm integrazzjoni tal-għarfien espert tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej tal-UE fil-proċess u konsistenza bejn iż-żewġ pilastri, deċiżjonijiet individwali u opinjonijiet formali tal-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA indirizzati lil awtorità kompetenti individwali waħda jew iktar, jew operatur tas-suq wieħed jew aktar taż-ŻEE-EFTA se jiġu adottati abbażi ta’ abbozzi mħejjija mill-Awtorità Superviżorja Ewropea rilevanti tal-UE. Dan se jippreserva l-vantaġġi ewlemin ta’ superviżjoni minn awtorità waħda.

(5)

Il-Partijiet Kontraenti jikkondividu l-fehma li din id-Deċiżjoni timplimenta l-ftehim li ġie rifless f’dawn il-konklużjonijiet, u għalhekk għandha tiġi interpretata f’konformità mal-prinċipji li jirrappreżentaw.

(6)

L-Anness IX tal-Ftehim ŻEE għandu għalhekk jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Dan li ġej jiddaħħal wara l-punt 31g (ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill) tal-Anness IX mal-Ftehim ŻEE:

“31h.

32010 R 1094: Ir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol), u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/79/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 48).

Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament, għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim, jinqraw bl-adattamenti li ġejjin:

(a)

L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati tal-EFTA u l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA, ħlief għad-dritt tal-vot, ikollhom l-istess drittijiet u obbligi bħall-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri tal-UE fil-ħidma tal-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u tal-Pensjonijiet tax-Xogħol) (minn hawn ‘il quddiem imsejħa ‘l-Awtorità’, il-Bord tas-Superviżuri tagħha, u l-korpi preparatorji kollha tal-Awtorità, inklużi kumitati interni u panels, soġġetti għad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim.

Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 108 u 109 ta’ dan il-Ftehim, l-Awtorità, ħlief għad-dritt tal-vot, ikollha d-dritt li tieħu sehem fil-ħidma tal-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA u l-korpi preparatorji tagħha, meta l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA twettaq, fir-rigward tal-Istati tal-EFTA, il-funzjonijiet tal-Awtorità kif previsti f’dan il-Ftehim.

Ir-regoli ta’ proċedura tal-Awtorità u l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA jagħtu effett sħiħ lill-parteċipazzjoni tagħhom, kif ukoll lil dik tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati tal-EFTA, f’xogħol xulxin kif previst f’dan il-Ftehim.

(b)

Minkejja d-dispożizzjonijiet tal-Protokoll 1 ta’ dan il-Ftehim, u sakemm mhux previst mod ieħor f’dan il-Ftehim, it-termini ‘Stat/i Membru/i’ u ‘awtoritajiet kompetenti’ jiġi mifhum li qed jinkludi, apparti t-tifsira tagħhom fir-Regolament, l-Istati tal-EFTA u l-awtoritajiet kompetenti tagħhom, rispettivament.

(c)

Sakemm mhux previst mod ieħor f’dan il-Ftehim, ir-regoli interni ta’ proċedura tal-Awtorità japplikaw mutatis mutandis fir-rigward ta’ kwistjonijiet li jikkonċernaw l-awtoritajiet kompetenti u l-parteċipanti fis-suq finanzjarju tal-EFTA. B’mod partikolari, it-tħejjija ta’ abbozzi għall-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA jkunu soġġetti għall-istess proċeduri interni fejn it-tħejjija ta’ deċiżjonijiet dwar kwistjonijiet simili li jikkonċernaw l-UE, l-Istati Membri, inklużi l-awtoritajiet kompetenti tagħhom u l-parteċipanti fis-suq finanzjarju.

(d)

Sakemm mhux previst mod ieħor f’dan il-Ftehim, l-Awtorità u l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA jikkooperaw, jiskambjaw informazzjoni u jikkonsultaw lil xulxin għall-għanijiet tar-Regolament, b’mod partikolari qabel ma tittieħed kwalunkwe azzjoni.

F’każ ta’ nuqqas ta’ qbil bejn l-Awtorità u l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA fir-rigward tal-amministrazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament, il-President tal-Awtorità u l-Kulleġġ tal-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA, waqt li titqies l-urġenza tal-kwistjoni u mingħajr dewmien żejjed, isejħu laqgħa sabiex jintlaħaq kunsens. Jekk tali kunsens ma jinstabx, il-President tal-Awtorità jew il-Kulleġġ tal-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA jistgħu jitolbu lill-Partijiet Kontraenti sabiex jirreferu l-kwistjoni lill-Kumitat Konġunt taż-ŻEE li jindirizzaha skont l-Artikolu 111 ta’ dan il-Ftehim li japplika mutatis mutandis. F’konformità mal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 1/94 tat-8 ta’ Frar 1994 li tadotta r-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE (ĠU L 85, 30.3.1994, p. 60), Parti Kontraenti tista’ titlob l-organizzazzjoni immedjatament ta’ laqgħat f’ċirkustanzi ta’ urġenza. Minkejja dan il-paragrafu, Parti Kontraenti tista’ f’kull ħin tirreferi l-kwistjoni lill-Kumitat Konġunt taż-ŻEE fuq inizjattiva tagħha stess skont l-Artikoli 5 jew 111 ta’ dan il-Ftehim.

(e)

Referenzi għal atti oħra fir-Regolament japplikaw sal-punt u fil-forma li dawk l-atti jkunu inkorporati f’dan il-Ftehim.

(f)

Fl-Artikolu 1, fir-rigward tal-Istati tal-EFTA:

(i)

fil-paragrafu 4, il-kliem ‘jew mill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA, skont il-każ,’ jiddaħħlu wara l-kliem ‘l-Awtorità’;

(ii)

il-paragrafu 5 jinqara kif ġej:

‘Id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament huma bla preġudizzju għas-setgħat tal-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA, b’mod partikolari skont l-Artikolu 31 tal-Ftehim bejn l-Istati tal-EFTA dwar it-Twaqqif ta’ Awtorità ta’ Sorveljanza u ta’ Qorti tal-Ġustizzja, sabiex tiġi żgurata konformità mal-Ftehim taż-ŻEE jew dak il-Ftehim.’

(g)

Fl-Artikolu 9(5):

(i)

fir-rigward tal-Istati tal-EFTA, fl-ewwel subparagrafu, il-kelma ‘L-Awtorità’ tinqara ‘L-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA’;

(ii)

fir-rigward tal-Istati tal-EFTA, it-tieni u t-tielet subparagrafi jinqraw kif ġej:

‘Deċiżjonijiet tal-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA jiġu adottati, mingħajr dewmien żejjed, abbażi ta’ abbozzi mħejjija mill-Awtorità fuq l-inizjattiva tagħha stess jew fuq talba tal-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA.

L-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA tirrevedi d-deċiżjoni msemmija fl-ewwel żewġ subparagrafi f’intervalli adatti u mill-inqas kull tliet (3) xhur. Jekk id-deċiżjoni ma tiġġeddidx wara perjodu ta’ tliet xhur, tiskadi awtomatikament.

L-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA tinforma lill-Awtorità dwar id-data ta’ skadenza mill-aktar fis possibbli wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni msemmija fl-ewwel żewġ subparagrafi. Fi żmien propizju qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ tliet xhur imsemmi fit-tielet subparagrafu, l-Awtorità tissottometti l-konklużjonijiet lill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA, akkumpanjati minn abbozz jekk meħtieġ. L-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA tista’ tinforma lill-Awtorità dwar kwalunkwe żvilupp li huwa jikkunsidra rilevanti għar-reviżjoni.

Stat tal-EFTA jista’ jitlob lill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA sabiex terġa’ tikkunsidra d-deċiżjoni tagħha. L-Awtorità tas-Sorveljanza tal-EFTA tgħaddi din it-talba lill-Awtorità. F’dak il-każ l-Awtorità, bi qbil mal-proċedura stipulata fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 44(1), tikkunsidra li tħejji abbozz ġdid għall-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA.

Fejn l-Awtorità temenda jew tħassar kwalunkwe deċiżjoni parallela għad-deċiżjoni adottata mill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA, l-Awtorità tħejji abbozz għall-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA, bla dewmien żejjed.’.

(h)

Fl-Artikolu 16(4), il-kliem ‘, il-Kumitat Permanenti tal-Istati tal-EFTA u l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA’ jiddaħħlu wara l-kelma ‘il-Kummissjoni’.

(i)

Fl-Artikolu 17:

(i)

il-kliem ‘Liġi tal-Unjoni’ jinqraw ‘il-Ftehim ŻEE’;

(ii)

fil-paragrafu 1, il-kliem ‘jew mill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA, skont il-każ,’ jiddaħħlu wara l-kelma ‘l-Awtorità’;

(iii)

fil-paragrafu 2, il-kliem ‘, il-Kumitat Permanenti tal-Istati tal-EFTA, l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA’ jiddaħħlu wara l-kelma ‘il-Kummissjoni’

(iv)

is-sub-paragrafu li ġej jiżdied mal-paragrafu 2:

‘Fejn l-Awtorità tinvestiga allegazzjoni ta’ ksur jew nuqqas ta’ applikazzjoni tal-Ftehim ŻEE fir-rigward ta’ awtorità kompetenti ta’ Stat tal-EFTA, tinforma lill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA dwar in-natura u l-għan tal-investigazzjoni u wara tipprovdiha regolarment b’informazzjoni aġġornata meħtieġa sabiex l-Awtorità tas-Sorveljanza tal-EFTA tkun tista’ twettaq il-kompiti tagħha kif suppost skont il-paragrafi 4 u 6.’;

(v)

fir-rigward tal-Istati tal-EFTA, it-tieni subparagrafi ta’ paragrafu 3 jinqara kif ġej:

‘L-awtorità kompetenti, fi żmien għaxart ijiem minn meta tirċievi r-rakkomandazzjoni, tinforma lill-Awtorità u lill-Awtorità dwar il-passi li tkun ħadet jew li jkun biħsiebha tieħu biex tiżgura konformità mal-Ftehim ŻEE.’;

(vi)

fir-rigward tal-Istati tal-EFTA, il-paragrafi 4 u 5 jinqraw kif ġej:

‘4.   Fejn l-awtorità kompetenti ma tkunx ikkonformat mal-Ftehim taż-ŻEE fi żmien xahar minn meta tkun irċeviet ir-rakkomandazzjoni tal-Awtorità, l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA tista’ toħroġ opinjoni formali li tirrikjedi li l-awtorità kompetenti tieħu l-azzjoni meħtieġa sabiex tikkonforma mal-Ftehim taż-ŻEE. L-opinjoni formali tal-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA tqis ir-rakkomandazzjoni tal-Awtorità.

L-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA toħroġ din l-opinjoni formali mhux iżjed tard minn tliet xhur wara l-adozzjoni tar-rakkomandazzjoni. L-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA tista’ testendi dan il-perjodu b’xahar.

Opinjonijiet formali tal-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA jiġu adottati, mingħajr dewmien żejjed, abbażi ta’ abbozzi mħejjija mill-Awtorità fuq l-inizjattiva tagħha stess jew fuq talba tal-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA.

L-awtoritajiet kompetenti jipprovdu lill-Awtorità u lill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA bl-informazzjoni kollha meħtieġa.

5.   L-awtorità kompetenti, fi żmien għaxart ijiem minn meta tirċievi l-opinjoni formali msemmija fil-paragrafu 4, tinforma lill-Awtorità u lill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA dwar il-passi li tkun ħadet jew li jkun biħsiebha tieħu biex tikkonforma ma’ dik l-opinjoni formali.’;

(vii)

fir-rigward tal-Istati tal-EFTA, fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 6, il-kliem ‘Mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 258 TFUE’ jinqara ‘Mingħajr preġudizzju għall-poteri tal-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA skont l-Artikolu 31 tal-Ftehim bejn l-Istati tal-EFTA dwar it-Twaqqif ta’ Awtorità ta’ Sorveljanza u ta’ Qorti tal-Ġustizzja’, u l-kelma ‘l-Awtorità’ tinqara ‘l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA’;

(viii)

fir-rigward tal-Istati tal-EFTA, it-tieni subparagrafi ta’ paragrafu 6 jinqara kif ġej:

‘Deċiżjonijiet tal-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA jiġu adottati, mingħajr dewmien żejjed, abbażi ta’ abbozzi mħejjija mill-Awtorità fuq l-inizjattiva tagħha stess jew fuq talba tal-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA.’;

(ix)

fir-rigward tal-Istati tal-EFTA, il-paragrafu 8 jinqara kif ġej:

‘8.   L-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA, kull sena, tippubblika informazzjoni dwar liema awtoritajiet kompetenti u istituzzjonijiet finanzjarji fl-Istati tal-EFTA ma jkunux ikkonformaw mal-opinjonijiet jew d-deċiżjonijiet formali imsemmijin fil-paragrafi 4 u 6.’.

(j)

Fl-Artikolu 18:

(i)

fir-rigward tal-Istati tal-EFTA, fil-paragrafi 3 u 4, il-kelma ‘l-Awtorità’ tinqara ‘l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA’;

(ii)

is-subparagrafu li ġej jiżdied fil-paragrafi 3 u 4:

‘Deċiżjonijiet tal-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA jiġu adottati, mingħajr dewmien żejjed, abbażi ta’ abbozzi mħejjija mill-Awtorità fuq l-inizjattiva tagħha stess jew fuq talba tal-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA.’;

(iii)

fir-rigward tal-Istati tal-EFTA, fil-paragrafu 4, il-kliem ‘Mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 258 TFUE’ jinqara ‘Mingħajr preġudizzju għall-poteri tal-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA skont l-Artikolu 31 tal-Ftehim bejn l-Istati tal-EFTA dwar it-Twaqqif ta’ Awtorità ta’ Sorveljanza u ta’ Qorti tal-Ġustizzja’.

(k)

Fl-Artikolu 19:

(i)

fil-paragrafu 1, il-kliem ‘jew mill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA, skont il-każ,’ jiddaħħlu wara l-kelma ‘l-Awtorità’;

(ii)

fil-paragrafu 3, il-kliem ‘l-Istati Membri tal-UE’ jiddaħħlu wara l-kliem ‘b’effett vinkolanti għall-awtoritajiet kompetenti kkonċernati’;

(iii)

is-sub-paragrafi li ġejjin jiżdiedu mal-paragrafu 3:

‘Fejn jikkonċerna awtoritajiet kompetenti esklussivament, u fejn tali awtoritajiet ma jirnexxilhomx jilħqu ftehim matul il-fażi ta’ konċiljazzjoni msemmija fil-paragrafu 2, l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA tista’ tieħu deċiżjoni li torbothom li jieħdu azzjoni speċifika jew li jżommu lura milli jaġixxu sabiex jindirizzaw il-kwistjoni, b’effetti vinkolanti għall-awtoritajiet kompetenti kkonċernati, sabiex tiġi żgurata l-konformità mal-Ftehim ŻEE.

Fejn jikkonċerna awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru tal-UE wieħed jew iktar u Stat tal-EFTA wieħed jew iktar, u fejn tali awtoritajiet ma jirnexxilhomx jilħqu ftehim matul il-fażi ta’ konċiljazzjoni msemmija fil-paragrafu 2, l-Awtorità u l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA jistgħu jieħdu deċiżjoni li torbot lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri tal-UE u tal-Istati tal-EFTA kkonċernati li jieħdu azzjoni speċifika jew li jżommu lura milli jaġixxu sabiex jindirizzaw il-kwistjoni, b’effetti vinkolanti għall-awtoritajiet kompetenti kkonċernati, sabiex tiġi żgurata l-konformità mal-Ftehim ŻEE.

Deċiżjonijiet tal-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA jiġu adottati, mingħajr dewmien żejjed, abbażi ta’ abbozzi mħejjija mill-Awtorità fuq l-inizjattiva tagħha stess jew fuq talba tal-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA.’;

(iv)

fir-rigward tal-Istati tal-EFTA, fil-paragrafu 4, il-kliem ‘Mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 258 TFUE’ jinqara ‘Mingħajr preġudizzju għall-poteri tal-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA skont l-Artikolu 31 tal-Ftehim bejn l-Istati tal-EFTA dwar it-Twaqqif ta’ Awtorità ta’ Sorveljanza u ta’ Qorti tal-Ġustizzja’, il-kelma ‘l-Awtorità’ tinqara ‘l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA’ u l-kliem ‘liġi tal-Unjoni’ jinqraw ‘il-Ftehim ŻEE’;

(v)

fil-paragrafu 4 jiżdied is-subparagrafu li ġej:

‘Deċiżjonijiet tal-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA jiġu adottati, mingħajr dewmien żejjed, abbażi ta’ abbozzi mħejjija mill-Awtorità fuq l-inizjattiva tagħha stess jew fuq talba tal-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA.’.

(l)

Is-subparagrafi li ġejjin jiżdiedu fl-Artikolu 20:

‘Fejn jikkonċerna awtoritajiet kompetenti esklussivament, l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA tista’ tieħu deċiżjoni skont l-Artikolu 19(3) u (4).

Fejn jikkonċerna awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru tal-UE wieħed jew iktar u Stat tal-EFTA wieħed jew iktar l-Awtorità rispettivament l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA tista’ tadotta deċiżjoni skont l-Artikolu 19(3) u (4).

Deċiżjonijiet mill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA, mingħajr dewmien żejjed, jiġu adottati abbażi ta’ abbozzi mħejjija, skont kif xieraq, mill-Awtorità, mill-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u/jew l-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) b’inizjattiva tagħhom stess jew fuq talba tal-Awtorità tas-Sorveljanza tal-EFTA. L-Awtorità, l-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u l-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq, kif xieraq, jilħqu, skont l-Artikolu 56, pożizzjonijiet konġunti u jadottaw d-deċiżjonijiet u/jew abbozzi b’mod parallel.’

(m)

Fl-Artikolu 21(4), il-kliem ‘, jew mill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA, skont il-każ,’ jiddaħħlu wara l-kelma ‘L-Awtorità’.

(n)

Fl-Artikoli 22(4) u 34(1), il-kliem ‘, l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA jew il-Kumitat Permanenti tal-Istati tal-EFTA,’ jiddaħħlu wara ‘il-Parlament Ewropew, il-Kunsill jew il-Kummissjoni’.

(o)

Fl-Artikolu 35(5), il-kliem ‘, lill-bank ċentrali nazzjonali’ ma japplikawx għal-Liechtenstein.

(p)

Fl-Artikolu 38, fir-rigward tal-Istati tal-EFTA:

(i)

il-kliem ‘l-Awtorità’, ‘l-Awtorità u l-Kummissjoni’, ‘l-Awtorità, il-Kummissjoni’ u ‘il-Kummissjoni u l-Awtorità’ jinqraw ‘l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA’;

(ii)

il-kelma ‘il-Kunsill’ tinqara ‘ilKumitat Permanenti tal-Istati tal-EFTA’;

(iii)

is-subparagrafu li ġej jiżdied wara r-raba’ subparagrafu tal-paragrafu 2:

‘L-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA tgħaddi mingħajr dewmien żejjed in-notifika tal-Istat tal-EFTA kkonċernat li l-Awtorità u l-Kummissjoni. “Id-deċiżjoni tal-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA li żżomm, temenda jew tħassar deċiżjoni tittieħed abbażi ta’ abbozzi mħejjija mill-Awtorità fuq l-inizjattiva tagħha stess jew fuq talba tal-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA.’;

(iv)

is-subparagrafu li ġej jiżdied wara t-tielet subparagrafu tal-paragrafu 3:

‘L-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA tgħaddi mingħajr dewmien żejjed in-notifika tal-Istat tal-EFTA li l-Awtorità, il-Kummissjoni u l-Kunsill.’;

(v)

is-subparagrafu li ġej jiżdied wara l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 4:

‘L-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA tgħaddi mingħajr dewmien żejjed in-notifika tal-Istat tal-EFTA li l-Awtorità, il-Kummissjoni u l-Kunsill.’;

(vi)

jiżdied il-paragrafu li ġej:

‘6.   Fejn, f’każ li jaqa’ taħt l-Artikolu 19(3), flimkien mal-Artikolu 20, skont kif ikun il-każ, u fir-rigward ta’ nuqqas ta’ qbil li jinvolvi wkoll l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat tal-EFTA wieħed jew aktar deċiżjoni tiġi sospiża jew terminata skont dan l-Artikolu, kwalunkwe deċiżjoni parallela tal-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA fil-kawża kkonċernata tkun ugwalment sospiża jew terminata.

Fejn, f’każijiet bħal dawn, l-Awtorità temenda jew tirrevoka d-deċiżjoni tagħha, l-Awtorità tħejji abbozz, bla dewmien żejjed, għall-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA.’.

(q)

Fl-Artikolu 39:

(i)

is-sub-paragrafi li ġejjin jiżdiedu mal-paragrafu 1:

‘Meta tkun qed tħejji abbozz għall-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA skont dan ir-Regolament, l-Awtorità tinforma lill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA, tistipula limitu ta’ żmien li fih l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA tista’ tippermetti lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, inkluża awtorità kompetenti, li hija d-destinatarja tad-deċiżjoni li għandha tittieħed sabiex tesprimi l-opinjonijiet tagħha dwar il-kwistjoni, b’kunsiderazzjoni sħiħa tal-urġenza, tal-kumplessità u tal-konsegwenzi potenzjali tal-kwistjoni.’;

(ii)

is-sub-paragrafi li ġejjin jiżdiedu mal-paragrafu 4:

‘Fejn l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA tkun ħadet deċiżjoni skont l-Artikolu 18(3) jew (4), tirrevedi dik id-deċiżjoni f’intervalli xierqa. L-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA tinforma lill-Awtorità dwar reviżjonijiet li jkun imiss, kif ukoll dwar kwalunkwe żviluppi li huma rilevanti għar-reviżjoni.

Id-deċiżjoni tal-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA li temenda jew tħassar deċiżjoni tittieħed abbażi ta’ abbozzi mħejjija mill-Awtorità. Fi żmien propizju qabel kwalunkwe reviżjoni intiża, l-Awtorità tissottometti l-konklużjonijiet lill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA, akkumpanjati minn abbozz jekk meħtieġ.’;

(iii)

fir-rigward tal-Istati tal-EFTA, fil-paragrafu 5 il-kliem ‘jew mill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA, skont il-każ,’ jiddaħħlu wara l-kelma ‘l-Awtorità’.

(r)

Fl-Artikolu 40(1):

(i)

fil-punt (b), dan li ġej jiddaħħal wara l-kliem ‘Stat Membru’:

‘u, mingħajr id-dritt tal-vot, il-kap tal-awtorità pubblika nazzjonali kompetenti għas-supervizjoni ta’ istituzzjonijiet finanzjarji f’kull Stat tal-EFTA,’;

(ii)

f’punt (e), il-kliem ‘u l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA’ jiddaħħlu wara l-kelma ‘Awtoritajiet’.

(s)

Fl-Artikolu 43:

(i)

fil-paragrafu 2, il-kliem ‘, tħejji abbozzi għall-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA,’ jiddaħħlu wara l-kelma ‘deċiżjonijiet’;

(ii)

fil-paragrafi 4 u 6, il-kliem ‘, l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA jew il-Kumitat Permanenti tal-Istati tal-EFTA,’ jiddaħħlu wara ‘il-Kunsill’.

(t)

Fl-Artikolu 44:

(i)

is-sub-paragrafi li ġejjin jiżdiedu mal-paragrafu 1:

‘Id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-paragrafu japplikaw, mutatis mutandis, fil-każ ta’ abbozzi mħejjija mill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA skont id-dispożizzjonijiet rispettivi ta’ dan ir-Regolament.’;

(ii)

fil-paragrafu 4, il-kliem ‘kif ukoll ir-rappreżentattivi tal-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA’ jiddaħħlu wara l-kliem ‘id-Direttur Eżekuttiv’;

(iii)

is-subparagrafi li ġejjin jiżdiedu mal-paragrafu 4:

‘Il-membri tal-Bord ta’ Superviżuri tal-Istati tal-EFTA skont l-Artikolu 40(1)(b) ikunu intitolati li jattendu diskussjonijiet fi ħdan il-Bord ta’ Superviżuri dwar istituzzjonijiet finanzjarji individwali.’.

(u)

Fl-Artikolu 57(2), dan il-kliem li ġej jiddaħħal wara l-kliem ‘Stat Membru’:

‘kif ukoll rappreżentant wieħed ta’ livell għoli tal-awtorità kompetenti rilevanti minn kull Stat tal-EFTA u rappreżentant wieħed mill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA.’

(v)

Is-subparagrafi li ġejjin jiżdiedu fl-Artikolu 60(4):

‘Jekk l-appell jikkonċerna deċiżjoni tal-Awtorità adottata skont l-Artikolu 19, flimkien mal-Artikolu 20 skont il-każ, f’każ fejn in-nuqqas ta’ qbil jista’ jinvolvi wkoll l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat tal-EFTA wieħed jew aktar, il-Bord tal-Appell jistieden lill-awtorità kompetenti tal-EFTA involuta sabiex tippreżenta osservazzjonijiet fuq il-komunikazzjonijiet mill-partijiet fil-proċedimenti tal-appell, fil-limiti taż-żmien speċifikati. L-awtorità kompetenti tal-EFTA involuta tkun intitolata tagħmel rappreżentazzjonijiet orali.’

(w)

Is-subparagrafi li ġejjin jiżdiedu fl-Artikolu 62(1)(a):

‘L-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali tal-EFTA jikkontribwixxu finanzjarjament għall-baġit tal-Awtorità b’mod konformi ma’ dan il-punt.

Għall-fini tad-determinazzjoni tal-kontribuzzjonijiet obbligatorji mill-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali kompetenti tal-EFTA għas-superviżjoni tal-istituzzjonijiet finanzjarji skont dan il-punt, il-piż ta’ kull Stat tal-EFTA jkun dan li ġej:

L-Iżlanda: 2

Il-Liechtenstein: 1

In-Norveġja: 7’

(x)

Dan li ġej jiġi miżjud fl-Artikolu 67:

‘L-Istati tal-EFTA japplikaw lill-Aġenzija u l-impjegati tagħha l-Protokoll (Nru 7) dwar il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Unjoni Ewropea anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.’

(y)

Il-paragrafi li ġejjin jiżdiedu fl-Artikolu 68:

‘5.   “Permezz ta’ deroga mill-Artikoli 12(2)(a) u 82(3)(a) tal-Kundizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Persunal Ieħor, ċittadini tal-Istati tal-EFTA li jgawdu d-drittijiet kollha tagħhom bħala ċittadini jistgħu jiddaħħlu jaħdmu b’kuntratt mid-Direttur Eżekuttiva tal-Awtorità.”

Permezz ta’ deroga mill-Artikoli 12(2)(e) u 82(3)(e) u 85(3) tal-Kundizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Persunal Ieħor, il-lingwi msemmija fl-Artikolu 129(1) tal-Ftehim taż-ŻEE jiġu meqjusa mill-awtorità, fir-rigward tal-persunal tagħha, bħala l-lingwi tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 55(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.’

(z)

Il-paragrafi li ġejjin jiżdiedu fl-Artikolu 72:

‘4.   Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għal dokumenti tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni, fl-applikazzjoni tar-Regolament, japplika għall-awtoritajiet kompetenti tal-Istati EFTA dwar dokumenti mħejjija mill-Awtorità.’”

Artikolu 2

It-testi tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010 bil-lingwa Iżlandiża u b’dik Norveġiża, li se jiġu ppubblikati fis-Suppliment taż-ŻEE ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, ikunu awtentiċi.

Artikolu 3

Il-Partijiet Kontraenti jirrevedu l-qafas stabbilit skont din id-Deċiżjoni u d-Deċiżjonijiet Nru 198/2016, Nru 199/2016 u Nru 201/2016 sa mhux aktar tard minn tmiem is-sena 2021 sabiex jiżguraw li jkompli jiżgura l-applikazzjoni effettiva u omoġenja tar-regoli komuni u superviżjoni fiż-ŻEE kollha.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Ottubru 2016, jew fil-jum ta’ wara l-aħħar notifika skont l-Artikolu 103(1) tal-Ftehim taż-ŻEE, liema minnhom jiġi l-aħħar (*1).

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni tiġi ppubblikata fit-Taqsima ŻEE u fis-Suppliment ŻEE ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Settembru 2016.

Għall-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

Il-President

Bergdís ELLERTSDÓTTIR


(1)   ĠU L 331, 15.12.2010, p. 48.

(2)  Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Ministri tal-Finanzi u l-Ekonomija tal-UE u ż-ŻEE-EFTA, 14178/1/14 REV 1.

(*1)  Ma huma indikati l-ebda rekwiżiti kostituzzjonali.


Dikjarazzjoni Konġunta mill-Partijiet Kontraenti għad-Deċiżjoni Nru 200/2016 li tinkorpora r-Regolament (UE) Nru 1094/2010 fil-Ftehim taż-ŻEE

Skont l-Artikolu 1(6) tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010, l-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) (minn hawn ‘il quddiem imsejħa “l-Awtorità”, se taġixxi b’mod indipendenti u imparzjali u fl-interess tal-Unjoni biss. Wara l-inkorporazzjoni ta’ dan ir-Regolament fil-Ftehim ŻEE, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati tal-EFTA, ħlief għad-dritt għall-vot, se jkollhom l-istess drittijiet bħall-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri tal-UE fil-ħidma tal-Awtorità.

Għaldaqstant, u b’rispett sħiħ lejn l-indipendenza tal-Awtorità, il-Partijiet Kontraenti għall-Ftehim ŻEE jaqblu li, meta taġixxi skont id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ŻEE, l-Awtorità se taġixxi fl-interess komuni tal-Partijiet Kontraenti kollha li l-Ftehim ŻEE.