23.2.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 46/1


DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE Nru 198/2016

tat-30 ta’ Settembru 2016

li temenda l-Anness IX (Servizzi Finanzjarji) tal-Ftehim ŻEE [2017/275]

IL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE,

Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (“il-Ftehim ŻEE”), u b’mod partikolari l-Artikolu 98 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) Nru 1092/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 dwar is-sorveljanza makroprudenzjali tal-Unjoni tas-sistema finanzjarja u li jistabbilixxi Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (1) se jiġi inkorporat fil-Ftehim ŻEE.

(2)

L-Anness IX tal-Ftehim ŻEE għandu għalhekk jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Dan li ġej jiddaħħal wara l-punt 31ed (id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/C 326/07) tal-Anness IX tal-Ftehim ŻEE:

“31f.

32010 R 1092: Ir-Regolament (UE) Nru 1092/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 dwar is-sorveljanza makroprudenzjali tal-Unjoni tas-sistema finanzjarja u li jistabbilixxi Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 1).

Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament jinqraw, għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim, bl-adattamenti li ġejjin:

(a)

L-awtoritajiet rilevanti tal-Istati tal-EFTA jipparteċipaw fil-ħidma tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS).

(b)

Minkejja d-dispożizzjonijiet tal-Protokoll 1 għall-Ftehim, it-terminu ‘Stat(i) Membru(i)’, ‘awtoritajiet kompetenti’, u ‘awtoritajiet superviżorji’ jinftiehmu li jinkludu, apparti t-tifsira tagħhom fir-Regolament, l-Istati tal-EFTA u l-awtoritajiet kompetenti tagħhom u l-awtoritajiet ta’ superviżjoni, rispettivament. Dan ma japplikax fir-rigward tal-Artikoli 5(2), 9(5) u 11(1)(c).

(c)

Dan li ġej jiġi miżjud fl-Artikolu 6(2):

‘(c)

il-Gvernaturi tal-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati tal-EFTA, jew, rigward Liechtenstein, rappreżentant ta’ livell għoli tal-Ministeru tal-Finanzi;

(d)

Membru tal-Kulleġġ tal-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA, kull meta jkunu rilevanti għall-kompiti tiegħu.

Il-membri tal-Bord Ġenerali mingħajr dritt tal-vot imsemmija fil-punti (c) u (d) ma jipparteċipawx fil-ħidma tal-Bord Ġenerali meta s-sitwazzjoni ta’ istituzzjonijiet finanzjarji individwali tal-UE jew l-Istati Membri tal-UE jistgħu jiġu diskussi.’

(d)

Fl-Artikolu 13(1) għandu jiddaħħal il-punt li ġej:

‘(i)

rappreżentant wieħed ta’ kull bank ċentrali nazzjonali tal-Istati tal-EFTA, jew, rigward Liechtenstein, tal-Ministeru tal-Finanzi. Dawn ir-rappreżentanti ma jipparteċipawx fix-xogħol tal-Kumitat Tekniku Konsultattiv meta s-sitwazzjoni ta’ istituzzjonijiet finanzjarji individwali tal-UE jew l-Istati Membri tal-UE jistgħu jkunu diskussi.’

(e)

Is-subparagrafu segwenti jiżdied fl-Artikolu 15(2):

‘L-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA, il-banek ċentrali nazzjonali, l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali u l-awtoritajiet tal-istatistika nazzjonali tal-Istati tal-EFTA jikkooperaw mill-qrib mal-BERS u jipprovduh bl-informazzjoni kollha meħtieġa għat-twettiq tal-kompiti tiegħu skont il-Ftehim ŻEE.’

(f)

Fl-Artikolu 16(3), il-kliem, ‘u fil-każ li Stat tal-EFTA jew waħda jew iktar awtoritajiet superviżorji nazzjonali tiegħu hija destinatarja, il-Kumitat Permanenti tal-Istati tal-EFTA’ jiżdiedu wara l-kliem ‘il-Kummissjoni’ u l-kliem ‘u l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA’ jiddaħħlu wara l-kelma ‘ASE’.

(g)

Fl-Artikolu 17(1) u (2), u l-Artikolu 18(1), il-kliem, ‘u, fil-każ li Stat tal-EFTA jew waħda jew iktar awtoritajiet superviżorji nazzjonali tiegħu hija destinatarja, il-Kumitat Permanenti tal-Istati tal-EFTA’ jiżdiedu wara l-kelma ‘Kunsill’.

(h)

L-Artikolu 17(3) ma japplikax fir-rigward ta’ deċiżjonijiet dwar rakkomandazzjonijiet indirizzati lil wieħed jew aktar mill-Istati tal-EFTA.

(i)

Fl-Artikolu 18(4) il-kliem ‘l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA jew il-Kumitat Permanenti tal-Istati tal-EFTA’ jiżdiedu wara l-kelma ‘ASE’.”

Artikolu 2

It-testi tar-Regolament (UE) Nru 1092/2010 bil-lingwa Iżlandiża u b’dik Norveġiża, li għandhom jiġu ppubblikati fis-Suppliment taż-ŻEE ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, ikunu awtentiċi.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Ottubru 2016, jew fil-jum ta’ wara l-aħħar notifika skont l-Artikolu 103(1) tal-Ftehim ŻEE, liema minnhom jiġi l-aħħar (*1).

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni tiġi ppubblikata fit-Taqsima ŻEE u fis-Suppliment ŻEE ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Settembru 2016.

Għall-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

Il-President

Bergdís ELLERTSDÓTTIR


(1)   ĠU L 331, 15.12.2010, p. 1.

(*1)  Rekwiżiti kostituzzjonali indikati.


Dikjarazzjoni Konġunta mill-Partijiet Kontraenti dwar Deċiżjoni Nru 198/2016 li tinkorpora r-Regolament (UE) Nru 1092/2010 fil-Ftehim ŻEE

Il-Partijiet Kontraenti jfakkru li r-Regolament (UE) Nru 1092/2010 jippermetti biss ċertu livell ta’ parteċipazzjoni fil-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku minn Stati li mhumiex Stati Membri tal-UE. Fil-kuntest ta’ reviżjonijiet futuri possibbli tar-Regolament (UE) Nru 1092/2010, l-UE se tivvaluta jekk dritt ta’ parteċipazzjoni li jikkorrispondi għall-parteċipazzjoni tal-Istati taż-ŻEE EFTA fit-tliet Awtoritajiet Superviżorji Ewropej previsti fid-Deċiżjonijiet tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 199/2016, Nru 200/2016 u Nru 201/2016 jistax jingħatax lill-Istati tal-EFTA taż-ŻEE.