15.12.2017 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 333/2 |
TRADUZZJONI
FTEHIM
bejn il-Kanada u l-Unjoni Ewropea dwar proċeduri ta' sigurtà għall-iskambju u l-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata
Il-KANADA
u
l-UNJONI EWROPEA (l-“UE”),
minn hawn 'il quddiem imsejħin il-“Partijiet”,
FILWAQT LI JQISU li l-Partijiet jikkondividu l-għan li jsaħħu l-aspetti kollha tas-sigurtà tagħhom;
FILWAQT LI JQISU li l-Partijiet jemmnu li għandhom jikkonsultaw u jikkooperaw dwar materji ta' interess komuni;
FILWAQT LI JQISU li, għal dawn il-finijiet, il-Partijiet jeħtieġu jiskambjaw informazzjoni li ddenominaw bi klassifikazzjoni tas-sigurtà;
FILWAQT LI JAGĦRFU li l-Partijiet iridu jieħdu miżuri xierqa biex jipproteġu l-informazzjoni li huma jiskambjaw,
FTIEHMU KIF ĠEJ:
Artikolu 1
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta' dan il-Ftehim:
(a) |
“informazzjoni klassifikata” tfisser kwalunkwe informazzjoni li kwalunkwe waħda mill-Partijiet tkun indikat bi klassifikazzjoni tas-sigurtà u mmarkat bħala tali u li, jekk tiġi żvelata lil partijiet terzi mhux awtorizzati tista' toħloq diversi livelli ta' dannu jew ħsara lill-interessi ta' dik il-Parti. Din l-informazzjoni tista' tkun bil-fomm, f'għamla viżiva, elettronika, manjetika jew dokumentarja, jew fl-għamla ta' materjal, tagħmir jew teknoloġija u tinkludi riproduzzjonijiet, traduzzjonijiet u materjal fil-proċess ta' żvilupp; |
(b) |
“informazzjoni protetta” tfisser kwalunkwe informazzjoni indikata bħala tali, permezz ta' marki xierqa, mill-Kanada u li, jekk tiġi żvelata lil partijiet terzi mhux awtorizzati, tista' tikkawża ħsara lil persuna Kanadiża, entità Kanadiża jew lill-interess pubbliku Kanadiż. Din l-informazzjoni tista' tkun bil-fomm, f'għamla viżiva, elettronika, manjetika jew dokumentarja, jew fl-għamla ta' materjal, tagħmir jew teknoloġija u tinkludi riproduzzjonijiet, traduzzjonijiet u materjal fil-proċess ta' żvilupp; |
(c) |
“kuntrattur” tfisser individwu jew entità ġuridika li jkollha l-kapaċità ġuridika li tidħol f'kuntratti; dan it-terminu jista' jirreferi wkoll għal sottokuntrattur, iżda ma jinkludix individwu ingaġġat mill-Kanada jew l-UE b'kuntratt ta' impjieg; |
(d) |
“bżonn ta' konoxxenza” tfisser li l-aċċess għall-informazzjoni klassifikata jkun limitat għal individwi awtorizzati li jeħtieġu aċċess għal dik l-informazzjoni klassifikata biex iwettqu d-dmirijiet uffiċjali tagħhom; |
(e) |
“Gvern Federali” tfisser id-dipartimenti tal-gvern federali tal-Kanada u d-diviżjonijiet u l-fergħat kollha tal-amministrazzjoni pubblika federali tal-Kanada; |
(f) |
“parti terza” tfisser kwalunkwe persuna jew entità oħra minbarra l-Partijiet. |
Artikolu 2
Kamp ta' applikazzjoni
1. Dan il-Ftehim japplika għall-informazzjoni klassifikata pprovduta jew skambjata bejn il-Partijiet.
2. Dan il-Ftehim fih ukoll dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tal-informazzjoni Kanadiża protetta pprovduta lill-UE. Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, ir-referenzi kollha għal informazzjoni klassifikata f'dan il-Ftehim għandhom jitqiesu li jirreferu wkoll għal informazzjoni Kanadiża protetta.
3. Il-Parti riċeventi għandha tipproteġi l-informazzjoni klassifikata li tkun ġiet ipprovduta mill-Parti l-oħra milli tintilef, tiġi kompromessa jew żvelata mingħajr awtorizzazzjoni, f'konformità ma' dan il-Ftehim. Kull Parti għandha, skont il-liġijiet u r-regolamenti tagħha, tieħu miżuri biex timplimenta l-obbligi tagħha taħt dan il-Ftehim.
4. Il-Parti riċeventi m'għandhiex tuża din l-informazzjoni klassifikata ħlief għall-finijiet stabbiliti mill-Parti provvedenti jew għall-finijiet li għalihom l-informazzjoni klassifikata tkun ġiet ipprovduta jew skambjata.
5. Dan il-Ftehim ma jikkostitwixxix bażi biex jiġi mġiegħel isir rilaxx ta' informazzjoni klassifikata mill-Partijiet.
Artikolu 3
Applikazzjoni
1. Dan il-Ftehim japplika għall-istituzzjonijiet u l-entitajiet tal-UE li ġejjin: il-Kunsill Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (il-“Kunsill”), is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill, il-Kummissjoni Ewropea, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (is-“SEAE”).
2. Għall-Kanada, dan il-Ftehim japplika għall-Gvern Federali.
Artikolu 4
Informazzjoni Klassifikata u Informazzjoni Protetta
1. L-informazzjoni klassifikata pprovduta minn waħda mill-Partijiet lill-Parti l-oħra għandu jkollha marka ta' klassifikazzjoni xierqa f'konformità mal-paragrafu 2. L-informazzjoni Kanadiża protetta pprovduta lill-UE għandha tiġi mmarkata kif xieraq f'konformità mal-paragrafu 4.
2. Kull Parti għandha tiżgura li l-informazzjoni klassifikata li tirċievi mill-Parti l-oħra tingħata l-istess livell ta' protezzjoni ggarantita bil-klassifikazzjoni tas-sigurtà korrispondenti, kif stabbilit fit-tabella li ġejja:
UE |
KANADA |
TRÈS SECRET UE/EU TOP SECRET |
TOP SECRET jew TRÈS SECRET |
SECRET UE/EU SECRET |
SECRET |
CONFIDENTIEL UE/EU CONFIDENTIAL |
CONFIDENTIAL jew CONFIDENTIEL |
RESTREINT UE/EU RESTRICTED |
L-ebda ekwivalenti Kanadiża |
3. B'rabta mal-informazzjoni klassifikata bħala RESTREINT UE/EU RESTRICTED, il-Kanada għandha tipprevedi livell ta' protezzjoni li jkun mill-inqas ekwivalenti għal dak li jingħatalha mill-UE.
4. L-UE għandha tittratta u taħżen l-informazzjoni Kanadiża PROTECTED A jew PROTÉGÉ A bl-istess mod bħall-informazzjoni tal-UE klassifikata bħala RESTREINT UE/EU RESTRICTED. L-UE għandha tittratta u taħżen l-informazzjoni Kanadiża PROTECTED B jew PROTÉGÉ B u PROTECTED C jew PROTÉGÉ C f'konformità mal-arranġamenti amministrattivi għall-implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 11.
5. Il-Parti provvedenti tista' wkoll timmarka l-informazzjoni klassifikata biex tispeċifika kwalunkwe limitazzjoni fuq l-użu, l-iżvelar u t-trasmissjoni tagħha jew l-aċċess għaliha, u rekwiżiti addizzjonali dwar is-sigurtà għall-protezzjoni tagħha mill-Parti riċeventi, inkluż l-istituzzjonijiet jew l-entitajiet tal-Parti riċeventi. Il-Kanada tista' wkoll timmarka l-informazzjoni protetta biex tispeċifika kwalunkwe limitazzjoni fuq l-użu, l-iżvelar u t-trasmissjoni tagħha jew l-aċċess għaliha, u rekwiżiti addizzjonali dwar is-sigurtà għall-protezzjoni tagħha mill-UE, inkluż l-istituzzjonijiet jew l-entitajiet li ma jissemmewx fl-Artikolu 3(1).
Artikolu 5
Protezzjoni ta' Informazzjoni Klassifikata
1. Il-Parti riċeventi għandha tiżgura li l-informazzjoni klassifikata li tirċievi mill-Parti provvedenti:
(a) |
iżżomm il-marka affissa magħha mill-Parti provvedenti f'konformità mal-Artikolu 4; |
(b) |
ma jitnaqqsilhiex il-grad jew tiġi deklassifikata mingħajr kunsens bil-miktub minn qabel tal-Parti provvedenti; |
(c) |
mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2, ma tiġix żvelata jew rilaxxata lil partijiet terzi, jew lil kwalunkwe istituzzjoni jew entità tal-Partijiet li mhux imsemmija fl-Artikolu 3, mingħajr kunsens bil-miktub minn qabel tal-Parti provvedenti; |
(d) |
tiġi ttrattata f'konformità ma' kwalunkwe limitazzjoni li l-Parti provvedenti tkun immarkat fuq l-informazzjoni klassifikata f'konformità mal-Artikolu 4(5); |
(e) |
tiġi ssalvagwardata f'konformità ma' dan il-Ftehim u l-arranġamenti amministrattivi għall-implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 11. |
2. Il-Parti riċeventi għandha tinforma lill-Parti provvedenti bi kwalunkwe talba minn awtorità ġudizzjarja jew awtorità leġislattiva li taġixxi f'kapaċità investigattiva, biex tikseb informazzjoni klassifikata li tkun irċeviet mill-Parti provvedenti fl-ambitu ta' dan il-Ftehim. Meta l-Parti riċeventi tivvaluta din it-talba, hi għandha, sa fejn possibbli, tikkunsidra l-opinjonijiet tal-Parti provvedenti. Jekk, skont il-liġijiet u r-regolamenti tal-Parti riċeventi, dik it-talba tinvolvi t-trasmissjoni ta' din l-informazzjoni klassifikata lill-awtorità ġudizzjarja jew leġislattiva rikjedenti, il-Parti riċeventi għandha tiżgura, sa fejn possibbli, li l-informazzjoni tiġi protetta b'mod xieraq, inkluż minn kwalunkwe żvelar sussegwenti.
Artikolu 6
Sigurtà tal-Persunal
1. Il-Partijiet għandhom jiżguraw li l-informazzjoni klassifikata pprovduta jew skambjata fl-ambitu ta' dan il-Ftehim tkun aċċessibbli biss fuq bażi ta' bżonn ta' konoxxenza.
2. Il-Partijiet għandhom jiżguraw li kwalunkwe individwu li jingħata aċċess għal informazzjoni klassifikata pprovduta jew skambjata fl-ambitu ta' dan il-Ftehim jingħata informazzjoni dwar ir-regoli u l-proċeduri tas-sigurtà rilevanti għall-protezzjoni ta' dik l-informazzjoni klassifikata u li jirrikonoxxi r-responsabbiltà li jipproteġi dik l-informazzjoni klassifikata.
3. Il-Partijiet għandhom jiżguraw li l-aċċess għall-informazzjoni klassifikata pprovduta jew skambjata fl-ambitu ta' dan il-Ftehim tkun limitata għal individwi:
(a) |
li huma awtorizzati li jkollhom aċċess għal dik l-informazzjoni klassifikata abbażi tal-funzjonijiet tagħhom; u |
(b) |
li għandhom l-approvazzjoni tas-sigurtà tal-persunal meħtieġa jew huma speċifikament inkarigati jew awtorizzati f'konformità mal-liġijiet u r-regolamenti rispettivi tal-Partijiet. |
Artikolu 7
Sigurtà tal-Post
Il-Parti riċeventi għandha tiżgura li l-informazzjoni klassifikata pprovduta lilha mill-Parti l-oħra tinżamm f'post li jkun sigur, ikkontrollat u protett.
Artikolu 8
Rilaxx jew Żvelar ta' Informazzjoni Klassifikata lill-Kuntratturi
1. Kull Parti tista' tipprovdi informazzjoni klassifikata lil xi kuntrattur jew kuntrattur prospettiv, bil-kunsens bil-miktub minn qabel tal-Parti provvedenti. Qabel ma tiżvela kwalunkwe informazzjoni klassifikata lil xi kuntrattur jew kuntrattur prospettiv, il-Parti riċeventi għandha tiżgura li l-kuntrattur jew il-kuntrattur prospettiv ikun ipprovda sigurtà għall-faċilitajiet tiegħu u li jkun jista' jipproteġi l-informazzjoni klassifikata f'konformità mal-Artikolu 7, u li l-kuntrattur jew il-kuntrattur prospettiv ikollu l-approvazzjoni tas-sigurtà adatta għalih innifsu u l-approvazzjonijiet tas-sigurtà adatti għall-membri tal-persunal tiegħu li jeħtieġu aċċess għall-informazzjoni klassifikata.
2. Il-provvediment ta' informazzjoni RESTREINT UE/EU RESTRICTED u tal-informazzjoni Kanadiża PROTECTED A jew PROTÉGÉ A lil kuntrattur jew kuntrattur prospettiv ma għandux jirrikjedi l-ħruġ ta' approvazzjoni tas-sigurtà għall-faċilità.
3. L-UE ma għandhiex tipprovdi informazzjoni Kanadiża PROTECTED B jew PROTÉGÉ B u PROTECTED C jew PROTÉGÉ C lil xi kuntrattur jew kuntrattur prospettiv, ħlief f'każijiet speċifiċi fejn il-Kanada tkun tat il-kunsens tagħha bil-miktub minn qabel, inkluż dwar il-miżuri li jirregolaw il-protezzjoni ta' din l-informazzjoni.
Artikolu 9
Trasmissjoni ta' Informazzjoni Klassifikata
1. Għall-finijiet ta' dan il-Ftehim:
(a) |
Il-Kanada għandha tibgħat l-informazzjoni klassifikata f'għamla elettronika, manjetika jew bħala dokument stampat permezz tar-Reġistru Ċentrali tal-Kunsill, li għandu jgħaddiha lill-Istati Membri tal-UE u lill-istituzzjonijiet u l-entitajiet tal-UE msemmija fl-Artikolu 3(1); |
(b) |
l-UE għandha tindirizza l-informazzjoni klassifikata f'għamla elettronika, manjetika jew bħala dokument stampat lill-uffiċċju tar-reġistri tal-aġenzija jew id-dipartiment rilevanti tal-Gvern Kanadiż, permezz tal-Missjoni tal-Gvern tal-Kanada għall-Unjoni Ewropea, fi Brussell. |
2. Waħda mill-Partijiet tista' tibgħat informazzjoni klassifikata u tirrikjedi li tkun aċċessibbli biss għal uffiċjali, organi jew servizzi kompetenti speċifiċi tal-istituzzjonijiet jew l-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 3. Meta tibgħat din l-informazzjoni klassifikata, il-Parti għandha tinnomina l-uffiċjali, l-organi jew is-servizzi kompetenti speċifiċi tal-istituzzjonijiet jew l-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 3 bħala l-uniċi riċevituri. F'dan il-każ, dan li ġej għandu japplika għat-trasmissjoni ta' informazzjoni klassifikata:
(a) |
Il-Kanada għandha tibgħat informazzjoni klassifikata permezz tar-Reġistru Ċentrali tal-Kunsill, ir-Reġistru Ċentrali tal-Kummissjoni Ewropea jew ir-Reġistru Ċentrali tas-SEAE, kif ikun adatt; |
(b) |
l-UE għandha tindirizza l-informazzjoni klassifikata lill-uffiċċju tar-reġistri tal-entità, l-aġenzija jew id-dipartiment rilevanti tal-Gvern Kanadiż, permezz tal-Missjoni tal-Gvern tal-Kanada għall-Unjoni Ewropea, fi Brussell. |
Artikolu 10
Sorveljanza
Il-Partijiet jaqblu li l-entitajiet li ġejjin għandhom jissorveljaw l-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim:
(a) |
għall-Kanada, l-entità nnominata mill-Gvern tal-Kanada u li isimha jintbagħat lill-UE b'mezzi diplomatiċi; |
(b) |
għall-UE, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, il-Membru tal-Kummissjoni Ewropea responsabbli għal materji marbutin mas-sigurtà, u s-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill. |
Artikolu 11
Arranġamenti Amministrattivi għall-Implimentazzjoni
1. Bil-għan li jimplimentaw dan il-Ftehim, il-Partijiet għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti tagħhom jidħlu f'arranġamenti amministrattivi għall-implimentazzjoni, li għandhom jistabbilixxu r-rekwiżiti għal materji bħalma huma:
(a) |
approvazzjonijiet tas-sigurtà; |
(b) |
proċeduri għall-provvista jew l-iskambju ta' informazzjoni klassifikata; |
(c) |
informazzjoni dwar is-sigurtà tal-ħżin; |
(d) |
proċeduri għal każijiet li fihom l-informazzjoni klassifikata tkun intilfet, ġiet kompromessa jew żvelata mingħajr awtorizzazzjoni; u |
(e) |
proċeduri għall-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata f'għamla elettronika. |
2. Il-Partijiet għandhom iwettqu konsultazzjonijiet tas-sigurtà u żjarat ta' valutazzjoni reċiproċi biex jevalwaw l-effettività tal-miżuri tas-sigurtà applikati minn kull Parti b'rabta mal-informazzjoni klassifikata pprovduta mill-Parti l-oħra fl-ambitu ta' dan il-Ftehim u skont l-arranġamenti amministrattivi għall-implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 1. Il-Partijiet għandhom jiddeċiedu flimkien dwar il-frekwenza ta' dawk il-konsultazzjonijiet u ż-żjarat ta' valutazzjoni u dwar meta għandhom isiru.
3. Qabel ma' tipprovdi informazzjoni klassifikata lill-Parti l-oħra, il-Parti provvedenti għandha tikkonferma bil-miktub li l-Parti riċeventi kapaċi tipproteġi l-informazzjoni klassifikata b'mod li jkun konsistenti ma' dan il-Ftehim u mal-arranġamenti amministrattivi għall-implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 1.
Artikolu 12
Informazzjoni Klassifikata Mitlufa, Kompromessa jew Żvelata mingħajr Awtorizzazzjoni
1. Il-Parti riċeventi għandha tinforma minnufih lill-Parti provvedenti jekk tiskopri li l-informazzjoni klassifikata li tkun irċeviet fl-ambitu ta' dan il-Ftehim tkun intilfet, ġiet kompromessa jew żvelata mingħajr awtorizzazzjoni, u għandha tniedi investigazzjoni biex tiddetermina kif dik l-informazzjoni tkun intilfet, ġiet kompromessa jew żvelata. Barra minn hekk, il-Parti riċeventi għandha tibgħat lill-Parti provvedenti r-riżultati tal-investigazzjoni u informazzjoni dwar il-miżuri meħuda biex jiġi evitat li din is-sitwazzjoni terġa' sseħħ.
2. Il-protezzjoni mill-UE, fl-ambitu ta' dan il-Ftehim, ta' informazzjoni Kanadiża protetta m'għandha tobbliga lill-ebda Stat Membru tal-UE biex jittratta l-fatt li din it-tip ta' informazzjoni tkun ġiet kompromessa bħala reat kriminali skont id-dritt kriminali tiegħu.
Artikolu 13
Spejjeż
Kull Parti għandha ġġarrab l-ispejjeż tagħha stess b'rabta mal-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim.
Artikolu 14
Ftehimiet Oħra
Dan il-Ftehim ma jbiddilx il-ftehimiet jew l-arranġamenti eżistenti bejn il-Partijiet, jew il-ftehimiet jew l-arranġamenti bejn il-Kanada u l-Istati Membri tal-UE. Il-Ftehim hu kompletament mingħajr preġudizzju għall-kontenut ta' ftehimiet jew arranġamenti futuri bejn il-Kanada u l-Istati Membri tal-UE. Dan il-Ftehim ma jipprekludix li l-Partijiet jikkonkludu ftehimiet jew arranġamenti oħrajn relatati mal-provvista jew l-iskambju ta' informazzjoni klassifikata.
Artikolu 15
Riżoluzzjoni ta' Tilwim
Il-Partijiet għandhom jindirizzaw kwalunkwe differenza li tirriżulta mill-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta' dan il-Ftehim permezz ta' konsultazzjonijiet.
Artikolu 16
Dħul fis-seħħ, emendi u tmiem
1. Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tal-ewwel xahar wara li l-Partijiet ikunu nnotifikaw lil xulxin bit-tlestija tal-proċeduri interni tagħhom meħtieġa għal dan il-għan.
2. Kull Parti għandha tinnotifika lill-Parti l-oħra bi kwalunkwe bidla fil-liġijiet u r-regolamenti tagħha li tista' taffettwa l-protezzjoni tal-informazzjoni klassifikata pprovduta jew skambjata fl-ambitu ta' dan il-Ftehim.
3. Fi kwalunkwe mument, kwalunkwe waħda mill-Partijiet tista' titlob rieżami ta' dan il-Ftehim biex jiġu kkunsidrati emendi possibbli.
4. Dan il-Ftehim jista' jiġi emendat bi qbil reċiproku. Il-Parti li tkun tixtieq li tiġi emendata dispożizzjoni ta' dan il-Ftehim għandha tinnotifika lill-Parti l-oħra bil-miktub. L-emenda għandha tidħol fis-seħħ f'konformità mal-proċedura deskritta fil-paragrafu 1.
5. Waħda mill-Partijiet tista' toħroġ minn dan il-Ftehim billi tinnotifika lill-Parti l-oħra bil-miktub. Dan il-Ftehim għandu jintemm tliet xhur wara li l-Parti l-oħra tkun irċeviet in-notifika. Iż-żewġ Partijiet għandhom ikomplu jipprovdu l-protezzjoni deskritta f'dan il-Ftehim għal kwalunkwe informazzjoni klassifikata pprovduta qabel it-tmiem ta' dan il-Ftehim.
B'XIEHDA TA' DAN is-sottoskritti, bl-awtorizzazzjoni debita, iffirmaw dan il-Ftehim.
Magħmul f'żewġ kopji fi Brussell, dan ir-raba' jum ta' Diċembru tas-sena elfejn u sbatax, bil-lingwa Ingliża u dik Franċiża, b'kull waħda mill-verżjonijiet hija awtentika b'mod indaqs.
Għall-Unjoni Ewropea
Għall-Kanada