31.5.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 193/17


RIŻOLUZZJONI (1)

tal-Assemblea Parlamentari Euronest dwar ir-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki professjonali, tal-esperjenza ta' xogħol u tad-diplomi universitarji fi ħdan il-proċess ta' Bolonja

(2016/C 193/04)

L-ASSEMBLEA PARLAMENTARI EURONEST,

wara li kkunsidrat id-Dikjarazzjoni Konġunta ta' Riga tas-Summit tas-Sħubija tal-Lvant (21 u 22 ta' Mejju 2015), li tibni fuq id-dikjarazzjonijiet ta' Vilnius u ta' Varsavja li saru fis-snin preċedenti f'kuntest simili,

wara li kkunsidrat ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Ottubru 2013 dwar il-Politika Ewropea tal-Viċinat: ħidma favur sħubija aktar b'saħħitha. Il-pożizzjoni tal-PE dwar ir-rapporti ta' progress 2012,

wara li kkunsidrat l-Att Kostituttiv tal-Assemblea Parlamentari Euronest tat-3 ta' Mejju 2011,

wara li kkunsidrat il-komunikat ministerjali ta' Yerevan li rriżulta mir-Raba' Forum Politiku ta' Bolonja u mill-Konferenza Ministerjali taż-Żona Ewropea ta' Edukazzjoni Għolja (EHEA) li saret fl-14 u fil-15 ta' Mejju 2015,

wara li kkunsidrat ir-riżoluzzjoni tat-3 ta' April 2012 tal-Assemblea Parlamentari Euronest dwar it-tisħiħ tas-soċjetà ċivili fil-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant, inkluża l-kwistjoni tal-kooperazzjoni bejn il-gvern u s-soċjetà ċivili, u l-kwistjoni tar-riformi mmirati lejn l-għoti ta' setgħa lis-soċjetà ċivili,

wara li kkunsidrat id-Dikjarazzjoni Konġunta tas-Sorbonne dwar l-armonizzazzjoni tal-arkitettura tas-sistema Ewropea tal-edukazzjoni għolja, iffirmata f'Pariġi fil-25 ta' Mejju 1998 mill-Ministri tal-Edukazzjoni ta' Franza, tal-Ġermanja, tal-Italja u tar-Renju Unit,

wara li kkunsidrat id-Dikjarazzjoni Konġunta ffirmata f'Bolonja fid-19 ta' Ġunju 1999 mill-Ministri tal-Edukazzjoni ta' 29 pajjiż Ewropew (id-Dikjarazzjoni ta' Bolonja),

wara li kkunsidrat id-Dikjarazzjoni ta' Budapest-Vjenna tat-12 ta' Marzu 2010 adottata mill-Ministri tal-Edukazzjoni ta' 47 pajjiż, li nediet uffiċjalment l-EHEA,

wara li kkunsidrat il-komunikat maħruġ mill-Konferenza Ministerjali u mit-Tielet Forum Politiku ta' Bolonja li saru f'Bucharest fis-26 u s-27 ta' April 2012,

wara li kkunsidrat l-Istrateġija għall-Mobilità 2020 għall-EHEA, adottata mill-Konferenza Ministerjali EHEA li saret f'Bucharest fis-26 u s-27 ta' April 2012,

wara li kkunsidrat id-Direttiva 2013/55/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Novembru 2013 dwar ir-rikonoxximent ta' kwalifiki professjonali,

wara li kkunsidrat ir-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Settembru 2005 biex jiġi faċilitat il-ħruġ mill-Istati Membri ta' viżi għal waqfiet qosra uniformi għal riċerkaturi,

wara li kkunsidrat ir-rapport intitolat “The European Higher Area for Education in 2015 -Bologna Process Implementation Report” (Iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni Għolja fl-2015 — Rappor ta' Implimentazzjoni tal-Proċess ta' Bolonja),

wara li kkunsidrat ir-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2008 dwar l-istabbiliment ta' Qafas Ewropew tal-Kwalifiki għat-tagħlim tul il-ħajja (EQF-LLL),

wara li kkunsidrat il-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-12 ta' Mejju 2009 dwar qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ (“ET 2020”),

wara li kkunsidrat il-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2010 dwar l-internazzjonalizzazzjoni tal-edukazzjoni għolja,

wara li kkunsidrat ir-Rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill tat-28 ta' Ġunju 2011 dwar linji politiċi sabiex jitnaqqas it-tluq bikri mill-iskejjel u tiġi promossal-mobilità fit-tagħlim taż-żgħażagħ,

wara li kkunsidrat ir-rapport intitolat “The European Higher Area for Education in 2012 -Bologna Process Implementation Report” (Iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni Għolja fl-2015 — Rappor ta' Implimentazzjoni tal-Proċess ta' Bolonja),

wara li kkunsidrat ir-rapport finali tal-Konferenza Internazzjonali dwar il-Finanzjament tal-Edukazzjoni Għolja li saret f'Yerevan, fl-Armenja, fit-8 u d-9 ta' Settembru 2011,

wara li kkunsidrat ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-23 ta' Settembru 2008 dwar il-Proċess ta' Bolonja u l-mobilità tal-istudent,

wara li kkunsidrat ir-rapport tal-Parlament Ewropew tal-31 ta' Marzu 2015 dwar Segwitu għall-implimentazzjoni tal-Proċess ta' Bolonja,

wara li kkunsidrat il-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni ffirmati bejn l-Unjoni Ewropea u l-gvernijiet tal-Georgia, tal-Moldova u tal-Ukrajna,

wara li kkunsidrat l-iskemi ta' boroż ta' studji Erasmus+ u Erasmus Mundus,

wara li kkunsidrat il-Konvenzjoni dwar ir-Rikonoxximent ta' Kwalifiki dwar l-Edukazzjoni Għolja fir-Reġjun Ewropew (CETS Nru 165, Lisbona, 11 ta' April 1997),

A.

billi r-rikonoxximent reċiproku tad-diplomi tal-edukazzjoni għolja bejn l-UE u l-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant (SL) għadu proċess kumpless u għali, minkejja l-progress rappreżentat mill-Proċess ta' Bolonja u mill-EHEA;

B.

billi l-istudenti tal-pajjiżi tas-SL isibuha diffiċli u xi kultant impossibbli li jkollhom il-kwalifiki tagħhom debitament rikonoxxuti f'ċerti Stati Membri tal-UE, filwaqt li xi kultant l-istudenti tal-UE jħabbtu wiċċhom ma' problemi simili fil-pajjiżi tas-SL;

C.

billi l-ostakli għar-rikonoxximent tad-diplomi u tal-kwalifiki jistgħu jipprevjenu t-trawwim tal-mobilità akkademika u professjonali u tar-rabtiet kulturali bejn żewġ partijiet, kif ukoll jimpedixxu l-promozzjoni tar-riċerka akkademika u l-progressi ġenerali f'bosta oqsma tax-xjenza fl-Ewropa;

D.

billi ma jeżisti l-ebda arranġament għal trattament indaqs f'termini ta' rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali għaċ-ċittadini tal-pajjiżi tas-SL/membri tal-Proċess ta' Bolonja-EHEA, u dan jipprevjeni lil bosta professjonisti kwalifikati ħafna f'firxa ta' oqsma regolati, bħall-kura tas-saħħa u l-ħidma soċjali, l-edukazzoni, l-arkitettura u l-kostruzzjoni (eż. l-inġinerija tal-kostruzzjoni) u lil bosta oħrajn, milli jtejbu l-kapaċitajiet tagħhom billi jipprattikawhom fi ħdan l-UE, u b'hekk milli jieħdu lura f'pajjiżhom għarfien siewi u jimlew il-lakuni fil-forza tax-xogħol kwalifikata ħafna fl-Istati Membri tal-UE

E.

billi hemm bżonn qawwi li aktar istituzzjonijiet orjentati lejn ir-riċerka, fosthom skejjel ta' dottorati, ikunu żviluppati fil-pajjiżi tas-SL, b'hekk ikunu offruti aktar għażliet ta' karrieri fir-riċerka għall-istudenti lokali;

F.

billi l-approċċi għar-rikonoxximent tal-kwalifiki jvarjaw kemm fi ħdan l-UE kif ukoll bejn l-UE u l-pajjiżi tas-SL li huma membri tal-Proċess ta' Bolonja/EHEA;

G.

billi la hemm armonizzazzjoni tal-proċess tar-rikonoxximent tal-kwalifiki barranin u lanqas mekkaniżmu effikaċi f'termini ta' spejjeż għall-informazzjoni reattiva fil-pajjiżi parteċipanti fil-Proċess ta' Bolonja/EHEA;

H.

billi f'aktar minn żewġ terzi tal-pajjiżi parteċipanti, id-deċiżjonijiet finali dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki barranin jinkombu għall-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja nnifishom;

I.

billi għad hemm tħassib dwar l-imparzjalità, it-trasparenza, l-istandards u l-obbligu ta' rendikont fir-rigward ta' bosta istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja f'ħafna pajjiżi tas-SL;

J.

billi l-korruzzjoni, il-burokrazija, il-konservattività, l-inċertezza u l-mentalitajiet antikwati għadhom jistgħu jinsabu fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja fil-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant u okkażjonalment anki fl-UE, u dan jeħtieġ li jiġi ttrattat u miġġieled;

K.

billi n-netwerk taċ-Ċentru Nazzjonali ta' Informazzjoni għar-Rikonoxximent Akkademiku (ENIC/NARIC) huwa n-netwerk ewlieni li joffri skambju ta' informazzjoni f'dak li huwa rikonoxximent u jiżviluppa strumenti għar-rikonoxximent tal-proċeduri, tal-politiki u tal-prattiki bil-potenzjali li l-pubbliku u s-sħab jinżammu informati u jgħin lill-pajjiżi membri u lill-korpi politiċi essenzjali jifhmu l-proċess ta' rikonoxximent, filwaqt li jsaħħaħ ukoll l-allinjament tal-leġiżlazzjoni u tal-proċeduri nazzjonali mal-prattiki tal-UE;

L.

billi l-universitajiet huma spazji li jrawmu l-iżvilupp ta' ideat ġodda u jiddependu mil-libertà tal-kelma u tal-ħsieb biex jilħqu żvilupp akkademiku; billi dan jista' jkun f'kunflitt mal-pressjonijiet politikament motivati, b'hekk l-istudenti spiss ikunu esposti għall-vessazzjonijiet u saħansitra għall-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem;

M.

billi l-programmi Erasmus+ jikkostitwixxu strumenti kruċjali għall-modernizzazzjoni tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja kemm tal-UE kif ukoll tas-SL, għall-istimolu tal-kooperazzjoni internazzjonali mal-istituzzjonijiet tal-UE u għall-kontribut għar-riforma tal-edukazzjoni għolja u aktar mobilità tal-istudenti;

Prinċipji ġenerali

1.

Tafferma li l-edukazzjoni għolja ta' kwalità rikonoxxuta fuq livell reċiproku għall-istudenti tal-UE u tal-pajjiżi tas-SL, kif ukoll ir-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki professjonali għall-professjonijiet regolati ewlenin u rikonoxximent sħiħ tal-esperjenza ta' xogħol miksuba miż-żewġ naħat, jistgħu jkunu fundamentali biex iżidu u jtejbu r-rabtiet interkulturali u soċjoekonomiċi u jrawmu l-paċi, l-iżvilupp, il-prosperità u l-istabilità;

2.

Tilqa' pożittivament l-iffirmar tal-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni ma' tliet pajjiżi tas-SL u hija ħerqana għal dan l-iżvilupp li għandu impatt pożittiv fuq ir-rikonoxximent reċiproku tad-diplomi, tal-kwalifiki, tal-kapaċitajiet u tal-esperjenza ta' xogħol; tqis li huwa prijorità assoluta l-ħolqien ta' mezzi sinifikanti u dejjiema ta' kooperazzjoni mal-pajjiżi tas-SL, li jiżguraw il-kontinwità tal-kooperazzjoni f'dan il-qasam u f'oħrajn; tosserva fl-istess ħin li l-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni joffru strumenti msaħħa ta' komunikazzjoni u kooperazzjoni fil-livell governattiv u parlamentari, u jistgħu jservu ta' bażi għal aktar kooperazzjoni, anki billi jinħolqu Ċentri Nazzjonali ta' Informazzjoni għar-Rikonoxximent, tiġi attwata Karta Professjonali Ewropea (KPE) konġuntament bejn l-UE u s-SL u jiġu żviluppati mekkaniżmi ta' informazzjoni u allerta effikaċi f'termini ta' spejjeż kif ukoll permezz tas-Sistema ta' Informazzjoni tas-Suq Intern bejn l-UE u s-sħab tal-Lvant tagħha;

3.

Tenfasizza li l-Proċess ta' Bolonja bl-ebda mod mhu sistema monodirezzjonali iżda li, pjuttost, għandu l-għan li jrawwem l-iżvilupp tal-edukazzjoni għolja u l-mobilità akkademika bejn l-UE u l-pajjiżi tas-SL, u li l-parteċipanti taż-żewġ naħat jeħtieġu aċċess aħjar għall-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja, rikonoxximent tad-diplomi, programmi ta' boroż ta' studju u aċċettazzjoni sħiħa fid-diversi sistemi tal-edukazzjoni għolja bil-patt li l-kriterji akkademiċi kollha jkunu sodifatti;

4.

Tissottolinja li s-sitwazzjoni attwali, li fiha l-kwistjonijiet sistemiċi persistenti jagħmluha diffiċli għal ħafna studenti u professjonisti żgħażagħ mis-sħab tal-Lvant li jkunulhom rikonoxxuti awtomatikament id-diplomi jew il-kwalifiki professjonali tagħhom fl-UE, toħloq ostaklu notevoli għall-moviment liberu tal-professjonisti u għall-iżvilupp ta' relazzjonijiet tajba bejn iż-żewġ naħat;

5.

Tosserva li l-iżvilupp soċjoekonomiku tal-pajjiżi tas-SL jista' jitjieb ħafna bis-saħħa tad-disponibilità tal-gradwati, professjonisti u imprendituri li kisbu esperjenzi ġodda f'kuntesti barranin, li, imbagħad, jippermetti li jinbtu ideat u proċessi ġodda u jikkontribwixxi biex il-valur u l-kompetenzi jinfirxu, isaħħaħ l-universitajiet lokali, jiġbed il-fiduċja tal-investituri barranin u jgħin biex ikun evitat l-istaġnar;

6.

Temmen li hemm bżonn qawwi li titreġġa' lura t-tendenza tal-“eżodu tal-imħuħ” taż-żgħażagħ mogħnija b'talenti fir-reġjun tas-SL biex iħallu l-Punent, b'hekk iċaħħdu lil pajjiżhom mill-kompetenzi tant bżonjużi għat-titjib tas-soċjetajiet tagħhom u għall-iżvilupp sostenibbli;

7.

Tissottolinja l-bżonn għall-partijiet kollha involuti fis-Sħubija tal-Lvant biex jiżguraw, kemm mil-lat leġiżlattiv kif ukoll prattiku, aċċess sħiħ għall-edukazzjoni għolja għal kulħadd, bl-ebda diskriminazzjoni abbażi ta' ġeneru, reliġjon, etnija jew fehmiet politiċi; tosserva li l-universitajiet huma universalment rikonoxxuti bħala postijiet ta' tagħlim u ta' espressjoni libera u li t-trawwim tal-eċċellenza akkademika jinqeda bl-aħjar mod permezz tal-ħarsien tal-istudenti minn kull forma ta' persekuzzjoni jew vessazzjoni;

8.

Tqis li l-Kummissjoni jmissha, bħala prijorità, taħdem mal-awtoritajiet akkademiċi, amministrattivi u governattivi rilevanti u mal-organizzazzjonijiet studenteski bil-għan li tevidenzja t-tħassib li jkollhom l-istudenti u l-professjonisti tal-pajjiżi tas-SL biex jiġu identifikati l-problemi speċifiċi li qegħdin jolqtu lir-reġjuni u jinstabu s-soluzzjonijiet;

9.

Tisħaq fuq il-fatt li l-gvernijiet tas-SL għandhom bżonn jintensifikaw l-isforzi tagħhom biex jintroduċu sistemi xierqa ta' kontroll u ta' aċċertament tal-kwalità, b'kollaborazzjoni mal-universitajiet u mal-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-professjonijiet regolati speċifiċi, bil-għan li liċ-ċittadini tagħhom joffrulhom opportunitajiet adegwati biex jarrikkixxu l-istudji u l-esperjenza tagħhom, anki fl-UE;

10.

Tosserva bi tħassib li għad hemm żbilanċi persistenti relatati mal-ġeneru f'ċerti oqsma tat-taħriġ fil-pajjiżi tas-SL, u tqis li l-aċċess indaqs għal-livelli kollha għaż-żewġ sessi, u partikolarment għall-edukazzjoni terzjarja, jeħtieġ jiġi promoss u stimolat attivament bis-saħħa ta' boroż ta' studju mmirati li jsaħħu d-diskriminazzjoni pożittiva;

11.

Jissottolinja li peress li issal-liberalizzazzjoni tal-viżi tlestiet għall-pajjiżi kollha tas-SL, għajr għall-Belarussja, aktar studenti mir-reġjun huma llum interessati jkomplu l-istudji tagħhom fl-UE; tħeġġeġ, għaldaqstant, lill-istituzzjonijiet tal-UE jsaħħu n-negozjati mal-Belarussja fil-qasam tal-liberalizzazzjoni tal-viżi bil-għan li titrawwem il-mobilità tal-istudenti bejn l-UE u l-pajjiżi tas-SL mingħajr eċċezzjoni;

12.

Tenfasizza li l-indipendenza tal-universitajiet u s-separazzjoni kompleta tagħhom mill-Istat u mill-politika huma kundizzjonijiet primarji u vitali għal sistema edukattiva kompatibbli mal-UE u li tipproduċi riżultati; tisħaq fuq il-fatt li l-finanzjament tal-universitajiet fuq bażi ġusta huwa pass neċessarju f'din id-direzzjoni u ma għandu jkollu x'jaqsam xejn affattu mal-Istat jew mal-politika, iżda, pjuttost, għandu jkun marbut mal-prestezzjoni, man-numru ta' studenti u mar-riżultati akkademiċi;

13.

Tistieden lill-universitajiet fil-pajjiżi tas-SL jadattaw l-offerta edukattiva tagħhom għall-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol;

14.

Tinkoraġġixxi lill-universitajiet kemm fl-UE kif ukoll fil-pajjiżi tas-SL ifittxu attivament il-kollaborazzjoni reċiproka, l-iskambju tal-esperjenzi u joħolqu mekkaniżmi ta' djalogu permanenti biex jiġġeneraw aħjar il-bidla f'dawn tal-aħħar;

15.

Jirrikonoxxi r-rwol importanti tan-netwerk ENIC/NARIC fid-diversi aspetti tar-rikonoxximent akkademiku u tar-rikonoxximent tal-professjonijiet regolati u mhux regolati, u tqis neċessarju li l-iżvilupp ta' dan in-netwerk ikompli jissaħħaħ, anki billi jiġu żviluppati l-funzjonament u r-rwol taċ-ċentri nazzjonali fil-pajjiżi tas-SL;

Diplomi universitarji fil-qafas tal-Proċess ta' Bolonja

16.

Tilqa' favorevolment il-fatt li l-pajjiżi kollha tas-SL huma membri tal-EHEA u li, minkejja varji differenzi fl-implimentazzjoni tal-prinċipji tal-Proċess ta' Bolonja, ilkoll qegħdin jistinkaw biex jilħqu l-istess standards fl-edukazzjoni għolja kif inhuma preżenti fil-bqija tal-UE (l-istandards u l-linji gwida għall-aċċertament tal-kwalità fiż-Żona Ewropea ta' Edukazzjoni Għolja (EHEA-ESG)), u li r-rikonoxximent awtomatiku u immedjat għad-diplomi kollha tat-tagħlim għoli għandu jkun l-objettiv prinċipali fiż-żona kollha kemm hi;

17.

Tilqa' b'sodisfazzjon id-deċiżjoni tal-Konferenza Ministerjali tal-2015 dwar l-adeżjoni tal-Belarussja fl-EHEA, u tqis dan l-iżvilupp bħala prova tan-natura ta' inklużjoni tal-Proċess ta' Bolonja; tinkoraġġixxi lill-Belarussja tagħmel is-sistema edukattiva għolja kif ukoll il-prassi tagħha kompatibbli ma' dawk tal-pajjiżi EHEA l-oħra;

18.

Tqis li l-istrumenti tal-Proċess ta' Bolonja, partikolarment il-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki (QEK) u s-Sistema Ewropea għall-Akkumulazzjoni u t-Trasferiment ta' Krediti (ECTS), attwalment qegħdin jiġu implimentati korrettament mill-pajjiżi tas-SL f'termini tal-Oqfsa ta' Kwalifiki Nazzjonali (NQFs) u tas-Sistema Nazzjonali ta' Trasferiment ta' Krediti (NCTSs), armonizzati mal-istrumenti ta' Bolonja, u li, filwaqt li għad hemm lok għal titjib, il-kriterji għar-rikonoxximent min-naħa tal-awtoritajiet kontroparti tal-UE fi ħdan iż-Żona ta' Rikonoxximent Ewropea (ŻRE) għar-rikonoxximent awtomatiku tad-diplomi universitarji għandhom iwasslu għal rata aċċelerata u miżjuda ta' rikonoxximent tad-diplomi tal-istudenti tal-pajjiżi tas-SL;

19.

Tissottolinja l-bżonn li tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet edukattivi fl-UE u fil-pajjiżi tas-SL bil-għan li jsir skambju tal-esperjenzi, peress li fil-maġġoranza tal-pajjiżi r-rikonoxximent tad-diplomi barranin għal skopijiet akkademiċi jsir minn dawk l-istituzzjonijiet;

20.

Tirrikonoxxi li l-livelli tan-nefqa pubblika fl-edukazzjoni għolja tvarja ferm fost il-pajjiżi tas-SL, kif inhu l-każ ukoll fl-Istati Membri tal-UE stess; tiddeplora madankollu l-fatt li f'bosta pajjiżi tas-SL u fl-Istati Membri tal-UE ġirien, il-perċentwal ta' PDG li jintefaq għall-edukazzjoni terzjarja huwa fost l-aktar baxxi fl-EHEA, b'hekk żvilupp adegwat fil-qasam huwa diffiċli jew impossibbli;

21.

Tosserva li l-istruttura ta' tliet ċikli tal-edukazzjoni għolja (BA, MA u PhD), filwaqt li mhijiex attwata b'mod identiku fit-territorju tal-EHEA, hija, fil-maġġor parti tagħha, rispettata fil-pajjiżi tas-SL, iżda bil-problema li hemm nuqqas evidenti ta' numru adegwat ta' skejjel ta' dottorati jew finanzjamenti disponibbli għall-istudenti ta' dawk il-pajjiżi, u dan huwa r-raġuni prinċipali għala l-maġġoranza tal-kandidati potenzjali jfittxu li jsegwu d-dottorati band'oħra;

22.

Tissottolinja l-fatt li billi l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja stess huma fil-biċċa l-kbira l-korpi ewlenin responsabbli għall-kriterji tal-kontroll tal-kwalità u tal-proċeduri għall-ħruġ tad-diplomi li jirrispettaw il-prinċipji tal-Proċess ta' Bolonja u tal-Konvenzjoni ta' Lisbona dwar ir-Rikonoxximent, hemm bżonn qawwi ta' żvilupp ta' istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja li jkunu aktar awtonomi u aktar b'saħħithom, u tistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE jeżaminaw il-mezzi ta' promozzjoni ta' dan l-iżvilupp flimkien mal-awtoritajiet nazzjonali;

23.

Tħeġġeġ lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-pajjiżi tas-SL u tal-Istati Membri tal-UE jaħdmu biex isaħħu b'mod aħjar fil-leġiżlazzjon nazzjonali l-prinċipji tal-Konvenzjoni ta' Lisbona dwar ir-Rikonoxximent għal dak li għandu x'jaqsam kemm mal-kwalità tad-diplomi maħruġa fil-kuntest nazzjonali kif ukoll mal-faċilitazzjoni tar-rikonoxximent awtomatiku tal-kwalifiki barranin;

24.

Tirrimarka li l-eżistenza ta' “fabbriki ta' diplomi” u “fabbriki ta' akkreditament” kif ukoll in-nuqqas ta' sistemi nazzjonali kompatibbli u koerenti fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-istrumenti ta' Bolonja-EHEA għadha r-raġuni prinċipali li tipprevjeni lil bosta korpi fl-UE milli jkunu jistgħu jirrikonoxxu awtomatikament il-kwalifiki mogħtija fil-pajjiżi tas-SL;

25.

Tistieden lill-gvernijiet taż-żewġ naħat jintensifikaw l-isforzi tagħhom biex jiżguraw il-fiduċja fis-sistema edukattiva għolja, partikolarment billi jiggarantixxu kundizzjonijiet ta' parità għall-ammissjonijiet u għall-eżamijiet u aċċess għar-riżorsi u għall-faċilitajiet, kif anki drittijiet ugwali għall-boroż ta' studju u, b'mod aktar importanti, jiggarantixxu li d-diplomi jinħarġu biss lill-istudenti li jissodisfaw ir-rekwiżiti kollha u mal-eżiti tat-tagħlim QEK neċessarji għall-kwalifika inkwistjoni;

26.

Tagħmel appell b'saħħtu lill-korpi tal-UE, iżda wkoll lill-universitajiet, biex jeżaminaw u jidentifikaw modi sinifikanti ta' sostenn favur l-istudenti tas-SL billi jżidu n-numru u l-viżibilità tal-boroż ta' studju akkademiċi mmirati lejn l-istudenti tal-pajjiżi tas-SL, bl-użu tad-diversi strumenti tal-Unjoni iżda wkoll billi jiġu inkoraġġiti l-gvernijiet nazzjonali, il-fondazzjonijiet u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi biex jindirizzaw il-bżonnijiet tal-istudenti tal-pajjiżi tas-SL li f'ħafna każijiet jistgħu jiġu minn kuntesti ekonomiċi żvantaġġati u, avolja jiksbu riżultati akkademiċi għoljin, jiltaqgħu ma' diffikultajiet ta' natura finanzjarja biex jistudjaw fl-UE;

27.

Tilqa' pożittivament il-parteċipazzjoni attiva tas-sħab tal-Lvant f'Erasmus+ u l-fatt li l-kapaċità ta' assorbiment tal-baġit tagħhom hija tajba ħafna; jiddispjaċiha, għaldaqstant, li l-finanzjamenti disponibbli għall-pajjiżi tas-SL fl-ambitu ta' dawn il-programmi għall-perjodu 2014-2020 baqgħu bejn wieħed u ieħor ekwivalenti għal dawk tal-perjodu finanzjarju preċedenti;

28.

Tqis ta' importanza assoluta għall-objettiv tat-trawwim ta' aktar kooperazzjoni l-fatt li tingħata spinta lir-riżorsi finanzjarji disponibbli għall-programmi ta' boroż ta' studju tal-UE bħal Erasmus+, li speċifikament ikunu mmirati lejn l-istudenti tas-SL u joħolqu kapitolu speċifiku fi ħdan l-iskemi finanzjarji tal-UE għal dan ir-reġjun, li għall-Unjoni għandu importanza strateġika u kulturali enormi;

Kwalifiki professjonali u esperjenza ta' xogħol

29.

Tqis li r-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki professjonali huwa neċessarju biex jiżgura bosta fażijiet kritiċi għall-iżvilupp taż-żewġ naħat tal-proġett tas-Sħubija tal-Lvant, fosthom it-titjib tal-mobilità temporanja għal finijiet ta' speċjalizzazzjoni tal-impjieg u b'hekk jinfetħu opportunitajiet għaċ-ċittadini tal-pajjiżi tas-SL biex jiksbu kapaċitajiet ġodda li jistgħu jintużaw biex itejbu l-produzzjoni professjonali tagħhom f'pajjiżhom iżda wkoll biex jimtlew il-lakuni fil-forzi tax-xogħol taż-żewġ naħat;

30.

Tosserva li filwaqt li l-kwalifiki professjonali huma relatati b'intensità mat-titjib tar-rikonoxximent tad-diplomi fl-ambitu tal-Proċess ta' Bolonja, ma hemm l-ebda dokument speċifiku simili għad-Direttiva 2013/55/UE li tirregola l-kwistjoni fi ħdan l-UE, iż-Żona Ekonomika Ewropea u l-Iżvizzera li attwalment ikun jinkludi lill-pajjiżi tas-SL; tinkoraġġixxi, għaldaqstant, inizjattivi ġodda mmirati biex jagħtu dimensjoni tassew kontinentali lil din il-prijorità;

31.

Tistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE jeżaminaw, flimkien mal-gvernijiet tas-SL, il-possibilità li jinħoloq qafas ġdid għall-Viċinat Ewropew bil-għan li tiġi estiża s-sistema tal-Karta Professjonali Ewropea (KPE) għal dawn is-sħab; tkun tawspika li dan l-istrument ikun jissarraf f'mobilità professjonali mġedda u aktar dinamika fl-Ewropa u fil-viċinat tagħha u jgħin biex jimtlew il-lakuni globalment fil-kapaċitajiet fid-diversi professjonijiet, b'effetti reċiprokament vantaġġjużi għaż-żewġ naħat;

32.

Tenfasizza li l-kooperazzjoni kollha dwar ir-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki professjonali jmissha tkun immirata għall-benefiċċju tal-abilità tal-professjonisti taż-żewġ naħat li jtejbu l-kapaċitajiet, il-prattika u l-mobilità tagħhom mingħajr ma tkun ipperikolata d-disponibilità tal-forza tax-xogħol fil-pajjiżi tas-SL jew jinħolqu żbilanċi fi ħdan l-UE;

33.

Tappella għall-iżvilupp ta' approċċ magħqud fit-twettiq tal-proċeduri ta' rikonoxximent għall-kwalifiki professjonali għal kulħadd, u tinkoraġġixxi lill-gvernijiet tas-SL jiżviluppaw u jattwaw proċeduri affidabbli u trasparenti għar-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali, l-ewwel u qabel kollox għall-professjonijiet regolati;

34.

Tqis ir-rikonoxximent reċiproku tal-esperjenza ta' xogħol tal-ħaddiema b'sengħa bħala komponent vitali fl-iżvilupp ta' suq tal-impjiegi fl-Ewropa, u li l-kriterji ta' bażi għandhom ikunu stabbiliti u kondiviżi bejn l-Istati Membri u s-sħab l-oħra bil-għan li tiġi reġistrata u kwantifikata l-esperjenza ta' xogħol sinifikanti tal-ħaddiema;

35.

Tqis li, minbarra li jirrikorru għal kriterji relatati mal-kwalità, mat-trasparenza u mal-integrità, l-Istati Membri tal-UE u l-pajjiżi tas-SL għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għall-kwalifiki professjonali u kwalunkwe assoċjazzjoni u federazzjoni ta' min iħaddem li jieħdu ħsieb ir-rikonoxximent tal-esperjenza ta' xogħol jagħmlu kull ma jistgħu biex jevitaw kull forma ta' diskriminazzjoni fuq kwalunkwe bażi (ġeneru, reliġjon, etnija jew pajjiż ta' oriġini, inkluż kwalunkwe pajjiż tas-SL);

36.

Tagħti istruzzjonijiet lill-Kopresidenti tagħha biex jgħaddu din ir-riżoluzzjoni lill-President tal-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà/Viċi President tal-Kummissjoni, lis-SEAE, u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri tal-UE u lill-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant.


(1)  Adottata fit-22 ta' Marzu 2016 fi Brussell, il-Belġju.