31.5.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 193/1


RIŻOLUZZJONI (1)

tal-Assemblea Parlamentari Euronest dwar dwar il-pożizzjonijiet u l-preokkupazzjonijiet komuni tal-Istati Membri tal-UE u tal-pajjiżi sħab tal-Ewropa tal-Lvant rigward il-politiki barranin u t-theddidiet esterni għas-sigurtà tagħhom

(2016/C 193/01)

L-ASSEMBLEA PARLAMENTARI EURONEST,

wara li kkunsidrat l-Att Kostitwenti tal-Assemblea Parlamentari EURONEST tat-3 ta' Mejju 2011,

wara li kkunsidrat id-Dikjarazzjoni Konġunta tas-Summit tas-Sħubija tal-Lvant li sar f'Riga fil-21 u fit-22 ta' Mejju 2015,

wara li kkunsidrat ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Lulju 2015 dwar ir-rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (2),

wara li kkunsidrat ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Lulju 2015 dwar l-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà (3),

wara li kkunsidrat ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Ġunju 2015 dwar is-sitwazzjoni militari strateġika fil-Baċir tal-Baħar l-Iswed wara l-annessjoni illegali tal-Krimea mir-Russja (4),

wara li kkunsidrat il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta' April 2015 dwar l-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà (COM(2015)0185),

A.

billi l-ambjent tas-sigurtà internazzjonali fl-Ewropa nbidel b'mod drammatiku fis-snin riċenti, b'żieda sinifikanti fid-diżordni globali u bl-emerġenza ta' kunflitti reġjonali u lokali ġodda fil-Lvant Nofsani, fl-Afrika ta' Fuq u fl-Ewropa tal-Lvant; billi l-persistenza ta' dawn il-kunflitti, u tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem f'reġjuni fil-gwerra, irriżultaw f'ċaqliq bla preċedent ta' persuni li qed ifittxu l-protezzjoni f'pajjiżi ġirien u fl-Istati Membri tal-UE;

B.

billi, skont l-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, l-UE hija impenjata għal multilateraliżmu effettiv bħala mudell ta' governanza globali; billi l-organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tipprovdi forum intergovernattiv uniku fejn l-Istati Membri tagħha jistgħu jiddiskutu u jieħdu azzjonijiet konġunti dwar kwistjonijiet globali, bħall-paċi u s-sigurtà, id-drittijiet tal-bniedem, il-prevenzjoni tal-kunflitti, id-diżarm u t-terroriżmu; billi l-UE u l-Istati Membri tagħha involvew ruħhom b'mod kostruttiv fil-fora tan-Nazzjonijiet Uniti u f'fora internazzjonali oħra, flimkien ma' sħab u pajjiżi li jaħsbuha l-istess, biex jifformaw tweġibiet għall-kwistjonijiet ta' tħassib globali u reġjonali u ta' dritt internazzjonali;

C.

billi l-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV) inħolqot biex issaħħaħ is-sħubijiet tal-Unjoni Ewropea mal-pajjiżi ġirien sabiex tiġi żviluppata żona ta' rispett komuni għad-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt, l-istabbiltà, is-sigurtà u l-prosperità;

D.

billi l-Kummissjoni ta' Venezja tal-Kunsill tal-Ewropa għandha esperjenza u għarfien espert fil-qasam tal-liġi kostituzzjonali;

E.

billi s-Sħubija tal-Lvant hija bbażata fuq impenji għall-prinċipji tad-dritt internazzjonali u għall-valuri fundamentali, inklużi d-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali;

F.

billi, meta ffirmaw Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni bilaterali mal-UE, il-Georgia, il-Moldova u l-Ukrajna impenjaw ruħhom, flimkien mal-UE, li jippromwovu, jippreservaw u jsaħħu l-paċi u l-istabbiltà fid-dimensjonijiet reġjonali u internazzjonali, bħala wieħed mill-għanijiet tal-assoċjazzjoni politika;

G.

billi, kif enfasizzat fir-raba' u l-aħħar rapport ta' progress tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni mill-Georgia tal-Pjan ta' Azzjoni għal-Liberalizzazzjoni tal-Viżi (PALV), adottat fit-18 ta' Diċembru 2015, sa minn Ġunju 2012, meta tnieda d-Djalogu għal-Liberalizzazzjoni tal-Viżi bejn l-UE u l-Georgia, il-Georgia wettqet ir-riformi kollha meħtieġa li huma neċessarji sabiex tiżgura l-kisba effettiva u sostenibbli tal-parametri referenzjarji kollha stabbiliti fl-erba' blokki tat-tieni fażi tal-PALV; billi, skont il-PALV, il-Georgia wettqet sensiela ta' riformi leġiżlattivi u istituzzjonali f'dawn l-oqsma li ġejjin: sigurtà tad-dokumenti, ġestjoni tal-fruntieri, ġestjoni tal-migrazzjoni u ażil, ordni pubbliku u sigurtà (il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, il-korruzzjoni, it-traffikar, il-ħasil tal-flus u d-drogi; kooperazzjoni ġudizzjarja u fl-infurzar tal-liġi; protezzjoni tad-data personali; u protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż drittijiet tal-minoranzi);

H.

billi fit-18 ta' Diċembru 2015 il-Kummissjoni rrilaxxat is-sitt u l-aħħar rapport ta' progress tagħha dwar l-implimentazzjoni mill-Ukrajna tal-PALV;

I.

billi fis-7 ta' Diċembru 2015 l-UE u l-Armenja fetħu negozjati ta' livell għoli fid-dawl ta' ftehim qafas ġdid u komprensiv li jkopri l-kooperazzjoni politika, ekonomika u settorjali;

J.

billi, kif enfasizzat fid-Dikjarazzjoni Konġunta tas-Summit tas-Sħubija tal-Lvant fil-21-22 ta' Mejju 2015, l-atti ta' aggressjoni mir-Russja kontra l-Ukrajna u l-Georgia wrew li l-prinċipji fundamentali ta' sovranità u integrità territorjali, bi fruntieri rikonoxxuti internazzjonalment, ma jistgħux jittieħdu bħala xi ħaġa fatta fis-seklu 21;

K.

billi l-influss tal-munizzjon, l-armi u l-ġellieda terroristi mir-Russja fit-territorji kkontrollati mill-gruppi armati illegali fl-Ukrajna kkawża numru kbir ta' persuni midruba u mejta, iċ-ċaqliq ta' aktar minn żewġ miljun ruħ bejn persuni supstati internament u rifuġjati, kif ukoll kriżi umanitarja persistenti;

L.

billi r-Russja tkompli tokkupa r-reġjuni Georgjani ta' Abkażja u r-reġjun ta' Tskhinvali/Ossezja tan-Nofsinhar, u ħadet passi ulterjuri biex tikseb l-annessjoni fattwali tagħhom, bi ksur tan-normi u l-prinċipji fundamentali tad-dritt internazzjonali; billi seħħew tindif etniku u tibdil demografiku furzat f'żoni li jinsabu taħt kontroll effettiv tal-forzi ta' okkupazzjoni, li huma responsabbli għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem f'dawn iż-żoni, inkluż il-ksur tad-dritt għal moviment liberu kif ukoll id-dritt għal kuntatti interpersonali u edukazzjoni bil-lingwa materna tal-individwu;

M.

billi l-okkupazzjoni temporanja tar-Repubblika Awtonoma tal-Krimea u tal-belt ta' Sevastopol mir-Russja, kif ukoll l-aggressjoni militari mir-Russja fid-Donbas tal-Ukrajna, wasslu għal ksur sinifikanti tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali fuq it-territorji okkupati;

N.

billi r-Russja u l-Unjoni Ewropea imponew embargi kummerċjali reċiproċi; billi r-Russja, mingħajr l-ebda bażi legali, implimentat miżuri arbitrarji li jiksru standards universali u huma nieqsa mit-trasparenza sabiex tqiegħed fuq il-lista s-sewda diversi politikanti tal-UE billi tiċħdilhom id-dħul fit-territorju Russu;

O.

billi l-kunflitti fit-territorji tal-pajjiżi sħab tal-Ewropa tal-Lvant jagħmluhom aktar vulnerabbli għad-distabbilizzazzjoni politika u jipperikolaw serjament is-sitwazzjoni ekonomika u soċjali tagħhom; billi, barra minn hekk, dawn iż-żoni milquta mill-kunflitti fil-kontinent Ewropew u madwaru joħolqu periklu serju għas-sigurtà tal-UE u tas-sħab tagħha;

P.

billi l-Afrika ta' Fuq u l-Lvant Nofsani mtlew bl-inkwiet, il-vjolenza u l-gwerra ċivili; billi l-faqar, l-iskarsezzi ta' riżorsi, l-effetti relatati mat-tibdil fil-klima, il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u l-istaġnar ekonomiku jqiegħdu pressjoni kbira fuq il-popolazzjonijiet f'ħafna partijiet tal-kontinent Afrikan u fil-Lvant Nofsani, b'mod speċjali fuq il-minoritajiet bħall-Insara u l-Yazidis, li jiġu sfurzati jaħarbu minn djarhom;

Q.

billi f'Settembru 2014 ġiet iffurmata koalizzjoni internazzjonali wiesgħa bil-għan li tegħleb lill-organizzazzjoni terroristika li ssejjaħ lilha nnifisha l-“Istat Iżlamiku fl-Iraq u l-Levante” (ISIL/Da'esh);

R.

billi pajjiżi sħab involvew ruħhom f'kooperazzjoni mal-UE fil-qasam tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (PSDK), b'mod partikolari fir-rigward tal-appoġġ tal-PSDK għar-Riformi tas-Settur tas-Sigurtà (RSS) f'pajjiżi sħab;

S.

billi l-Ukrajna fl-2005, u l-Georgia u l-Moldova fl-2012, ikkonkludew Ftehimiet Qafas mal-UE dwar il-parteċipazzjoni f'operazzjonijiet ta' maniġġar ta' kriżijiet immexxija mill-UE; billi fl-2014 l-Ukrajna ħadet sehem fl-attività tal-Gruppi Tattiċi tal-UE u kkontribwixxiet permezz ta' frejgata għall-Forza Navali tal-UE (EU NAVFOR) Somalia — Operazzjoni Atalanta, filwaqt li, fl-2014 ukoll, il-Moldova u l-Georgia ħadu sehem għall-ewwel darba f'missjonijiet tal-PSDK immexxija mill-UE, jiġifieri l-Missjoni ta' Taħriġ tal-UE (EUTM) fil-Mali u l-operazzjoni militari tal-UE fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (EUFOR RCA);

T.

billi l-Istati Membri tal-UE u l-pajjiżi sħab kollha huma partijiet għal trattati ta' diżarm multilaterali relatati mal-armi ta' qerda massiva (AQM), bħat-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari, it-Trattat dwar il-Projbizzjoni Totali ta' Provi Nukleari u l-Konvenzjonijiet dwar l-Armi Bijoloġiċi u Kimiċi; billi 17-il Stat Membru tal-UE, u l-pajjiżi sħab kollha, huma wkoll firmatarji tat-Trattat tal-Forzi Armati Konvenzjonali Adattati fl-Ewropa;

U.

billi l-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà għall-2015-2020, kif proposta mill-Kummissjoni, tistabbilixxi tliet prijoritajiet, jiġifieri t-trattament tat-terroriżmu u l-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni, it-tfixkil tal-kriminalità organizzata u l-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità;

V.

billi xi Stati Membri tal-UE, pajjiżi sħab u pajjiżi ġirien iffaċċjaw aggressjoni esterna, attakki terroristiċi, kriminalità organizzata transkonfinali u ċiberkriminalità, li, f'xi wħud minn dawn il-pajjiżi, huma marbuta ma' estremiżmu politiku vjolenti u radikaliżmu reliġjuż; billi l-ISIL/Da'esh sponsorja attakki fuq l-art ta' Stati Membri tal-UE;

W.

billi l-UE u l-Istati Uniti daħlu f'negozjati biex jistabbilixxu ftehim kummerċjali ġdid, jiġifieri s-Sħubija Trans-Atlantika ta' Kummerċ u ta' Investiment (TTIP);

X.

billi l-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles Approfondit u Komprensiv (DCFTA) bejn l-Ukrajna u l-UE daħal fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2016; billi r-Russja minn dak iż-żmien imponiet sanzjonijiet ekonomiċi fuq l-Ukrajna, inkluż restrizzjonijiet fuq it-tranżitu tal-merkanzija bejn l-Ukrajna u l-Asja Ċentrali mir-Russja;

Y.

billi l-biċċa l-kbira tal-Istati Membri tal-UE u pajjiżi sħab jiddependu fuq provvisti tal-enerġija esterni, għalhekk l-aċċess għall-enerġija għandu rwol kritiku fit-tfassil tas-sitwazzjoni ġeopolitika fl-Ewropa; billi l-politiki dwar l-enerġija tal-UE u tal-pajjiżi sħab tagħha m'għandhomx jimminaw il-valur ewlenin tas-Sħubija tal-Lvant jew il-koerenza tal-politiki barranin rispettivi tagħhom;

Z.

billi l-Istati Uniti, l-Iran, ir-Russja u atturi oħrajn huma direttament jew indirettament involuti fil-kunflitti reġjonali fis-Sirja u fl-Iraq, u għalhekk jistgħu jikkontribwixxu biex jinstabu soluzzjonijiet politiċi biex dawn il-kunflitti jiġu fi tmiemhom;

AA.

billi l-instabbiltà fit-tul u l-vjolenza li qed tikber fil-Libja jirrappreżentaw riskju kbir ta' sigurtà għall-Ewropa b'mod globali;

BB.

billi l-Iran, l-UE, Franza, il-Ġermanja, ir-Renju Unit, iċ-Ċina, ir-Russja u l-Istati Uniti (EU3 + 3), li ltaqgħu fi Vjenna fl-14 ta' Lulju 2015, laħqu ftehim dwar il-kwistjoni nukleari tal-Iran li tippermetti t-tneħħija progressiva tas-sanzjonijiet tal-Kunsill Ġenerali tan-NU kif ukoll is-sanzjonijiet multilaterali u nazzjonali li jappartjenu għall-programm nukleari tal-Iran;

1.

Tfakkar li s-Sħubija tal-Lvant twaqqfet fuq impenn komuni għal valuri komuni, inklużi d-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, u għall-prinċipji tad-dritt internazzjonali u l-libertajiet fundamentali, kif ukoll għall-istabbiltà, is-sigurtà u l-prosperità tal-UE, tal-pajjiżi sħab tal-Ewropa tal-Lvant u tal-kontinent Ewropew kollu; tissottolinja r-responsabbiltà ta' kull pajjiż tas-Sħubija tal-Lvant li jiggarantixxi l-introduzzjoni u t-tmexxija ta' proċess sod ta' riforma, u l-ġlieda kontra mekkaniżmi ta' korruzzjoni; tissottolinja r-rwol ta' appoġġ tal-UE f'dan ir-rigward;

2.

Tinnota li r-riżultat tar-rieżami tal-PEV se jipprovdi l-bażi għal diskussjoni serja fl-2016 dwar kif, fil-każ ta' tliet sħab tal-Ewropa tal-Lvant li għandhom Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni, approċċ differenzjat jista' jissarraf fil-prattika;

3.

Tikkondividi l-fehma li l-UE u l-pajjiżi sħab tagħha jiffaċċjaw sfidi multipli u simultanji għas-sigurtà tagħhom, li n-natura tagħhom hija aktar u aktar kumplessa, f'ambjent ikkaratterizzat minn ekonomija globalizzata, tibdil fil-klima, mobbiltà internazzjonali, diġitalizzazzjoni, ċaqliq demografiku u migrazzjonijiet, u t-theddidiet ikkawżati kemm mill-atturi tradizzjonali tal-Istat kif ukoll mill-organizzazzjonijiet mhux tal-Istat li jappoġġjaw it-terroriżmu jew il-kriminalità internazzjonali;

4.

Tistieden lill-UE u lill-pajjiżi sħab tagħha jibnu relazzjoni politika aktar mill-qrib, u jfittxu li jikkonverġu l-politiki barranin rispettivi tagħhom u jagħmluhom aktar konsistenti sabiex jindirizzaw sfidi komuni u jissalvagwardjaw is-sigurtà tagħhom; tenfasizza li għandha tingħata prijorità għall-isforzi konġunti biex l-ordni tas-sigurtà Ewropea jitreġġa' lura taħt id-dritt internazzjonali; tissottolinja li dan l-ordni għandu jkun ibbażat fuq prinċipji demokratiċi, l-istat tad-dritt, valuri fundamentali, rispett għad-drittijiet tal-bniedem, il-protezzjoni ta' minoranzi, is-sovranità, l-indipendenza u l-invjolabbiltà tal-fruntieri;

5.

Tfakkar li l-involviment mill-ġdid fi djalogu mas-soċjetà ċivili huwa kruċjali biex jiżgura appoġġ wiesa' għal kwalunkwe riforma ta' infurzar tal-liġi;

6.

Tirrifjuta l-perspettiva ta' diviżjoni ġdida tal-kontinent Ewropew fi sferi ta' influwenza ta' poteri kbar, kif issuġġerit mill-politiki u l-azzjonijiet tar-Russja; tafferma mill-ġdid il-prinċipju tad-dritt sovran ta' kull pajjiż biex jiddeċiedi b'mod liberu u demokratiku l-politika barranija u ta' sigurtà tiegħu kif ukoll l-alleanzi militari tiegħu; tenfasizza li, skont il-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu I tal-Att Finali ta' Helsinki tal-1975, kull pajjiż fl-Ewropa għandu d-dritt li jagħżel għalih innifsu jekk jisseħibx ma' xi trattat ta' alleanza, inkluż it-trattat fundatur tan-NATO;

7.

Temmen li l-governanza demokratika tan-Nazzjonijiet Uniti għandha tissaħħaħ; titlob, għal dan il-għan, li l-Istati Membri tan-NU jirriformaw il-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, sabiex ikun jirrifletti aħjar ir-realtajiet ġodda tad-dinja, u biex il-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU jkun aktar effiċjenti;

8.

Tapprezza l-qafas tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE) bħala forum inklussiv għad-djalogu dwar kwistjonijiet ta' sigurtà u s-soluzzjoni tal-kunflitti; titlob ir-rivitalizzazzjoni tal-OSKE, u appoġġ politiku u finanzjarju korrispondenti; tissottolinja l-importanza ta' kooperazzjoni ulterjuri fl-UE, fost l-Istati Membri tagħha, il-pajjiżi sħab tal-Ewropa tal-Lvant, in-NU u l-OSKE, u ta' sforzi konġunti fl-immaniġġjar ta' sitwazzjonijiet ta' kriżi u biex jinstabu soluzzjonijiet paċifiċi għal kunflitti fl-Ewropa; jiddispjaċiha, madankollu, li ma sar l-ebda progress sostanzjali fir-rigward tas-sejba ta' soluzzjonijiet paċifiċi u soluzzjonijiet komprensivi għal dawk hekk imsejħa kunflitti ffriżati li jaffettwaw il-biċċa l-kbira tal-pajjiżi sħab tal-Ewropa tal-Lvant, u titlob azzjoni aktar effettiva u orjentata lejn ir-riżultati;

9.

Hija tal-opinjoni li t-trattament tar-refuġjati, il-persuni spostati u l-flussi migratorji jeħtieġ approċċ komuni u olistiku għall-politiki barranin u tal-migrazzjoni, li jiġbor fih l-iżvilupp, il-prevenzjoni u s-soluzzjoni ta' kunflitti, il-maniġġar ta' kriżijiet, il-qsim tal-piżijiet, l-għajnuna umanitarja u l-isforzi konġunti biex jittaffew il-piżijiet; tenfasizza l-ħtieġa imperattiva li l-UE tikkoopera mal-ġirien tagħha jekk trid li timmaniġġja l-kriżi tar-refuġjati b'mod effettiv filwaqt li tissalvagwardja l-kisbiet tal-integrazzjoni Ewropea għall-moviment liberu tal-persuni; tenfasizza, barra minn hekk, il-ħtieġa li jiġu żviluppati proċeduri speċjali għall-identifikazzjoni bikrija, ir-reġistrazzjoni u d-dokumentazzjoni ta' tfal spostati internament mhux akkumpanjati jew separati, u ta' gruppi vulnerabbli oħra, u li jiġi żgurat l-aċċess tagħhom għall-għajnuna u s-servizzi;

10.

Tenfasizza li l-kummerċ internazzjonali liberu u sostenibbli huwa xprun tat-tkabbir; tissottolinja, għalhekk, l-importanza tal-iżvilupp ta' relazzjonijiet kummerċjali liberi u ġusti, u tat-trawwim ta' investimenti barranin bejn l-UE u l-pajjiżi sħab tal-Ewropa tal-Lvant, bil-għan li jikkontribwixxu għall-konverġenza politika u l-integrazzjoni ekonomika;

11.

Tħeġġeġ lill-pajjiżi sħab jimplimentaw riformi li jiggarantixxu l-indipendenza tal-ġudikatura; tħeġġeġ lill-pajjiżi sħab, barra minn hekk, biex jevitaw li l-forzi politiċi jisfruttaw is-sistemi legali sabiex iwettqu ġustizzja selettiva;

12.

Tenfasizza li l-indipendenza tal-midja mill-interessi politiċi hija ċentrali għall-pluraliżmu fix-xenarju tal-midja; temmen li l-midja indipendenti hija l-forza qabel kollox kontra d-diżinformazzjoni u l-propaganda; tistieden, għalhekk, lill-pajjiżi sħab jwaqqfu l-azzjonijiet li jikkompromettu l-integrità ta' din il-midja; tissuġġerixxi li l-Kummissjoni ta' Venezja tal-Kunsill tal-Ewropa għandha tgħin lill-pajjiżi sħab f'dan ir-rigward;

13.

Tinnota li l-pajjiżi sħab għandhom jikkunsidraw għażliet differenti ta' politika barranija meta jiżviluppaw relazzjonijiet kummerċjali mal-UE u l-ġirien l-oħra tagħhom; tissottolinja li d-DCFTAs bejn l-UE, fuq naħa waħda, u l-Georgia, il-Moldova u l-Ukrajna, fuq l-oħra, għandhom l-għan li japprofondixxu b'mod sinifikanti r-relazzjonijiet, u jiżviluppaw il-kummerċ u l-investimenti barranin, bejn is-sħab firmatarji; tenfasizza li d-DCFTAs u l-approfondiment tar-relazzjonijiet kummerċjali ma' sħab oħra mhumiex esklussivi b'mod reċiproku; tqis li d-DCFTA mhux l-uniku għażla għall-politika kummerċjali tal-UE lejn is-sħab tagħha tal-Ewropa tal-Lvant; tistieden lill-UE, f'kollaborazzjoni mal-pajjiżi sħab tagħha, toffri miżuri kummerċjali alternattivi mfassla apposta għall-ħtiġijiet u r-restrizzjonijiet rispettivi tagħhom; tiddenunzja l-miżuri kummerċjali ta' ritaljazzjoni imposti mir-Russja fuq l-Ukrajna wara li daħal fis-seħħ id-DCFTA; tistieden lill-Kummissjoni ddaħħal fis-seħħ kontromiżuri temporanji biex timminimizza l-effett negattiv tas-sanzjonijiet kummerċjali Russi fuq l-Ukrajna;

14.

Tilqa' l-valutazzjoni pożittiva mill-Kummissjoni tal-PALV għall-Ukrajna u l-Georgia; tistieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta malajr il-proposta leġiżlattiva meħtieġa lill-Parlament Ewropew, u lill-Kunsill biex jitneħħew ir-rekwiżiti ta' viża għaċ-ċittadini Ukreni;

15.

Tistieden lill-UE u lill-Istati Uniti biex jiftħu diskussjonijiet mal-pajjiżi sħab tal-Ewropa tal-Lvant, b'mod miftuħ u trasparenti li jinvolvi l-partijiet interessati u s-soċjetajiet ċivili kollha, dwar il-benefiċċji potenzjali tat-TTIP fuq l-ekonomiji tagħhom u kif dawn tal-aħħar jistgħu jingħataw aċċess aħjar għas-swieq taż-żewġ naħat tal-Atlantiku;

Politika fir-rigward tar-Russja, it-Turkija u l-Iran

16.

Tikkundanna l-politiki ta' propaganda u diżinformazzjoni, kif ukoll il-politiki ta' konfrontazzjoni u pressjonijiet politiċi jew ekonomiċi; tesprimi l-appoġġ tagħha għall-Komunikazzjoni Strateġika tal-UE; tistieden lill-UE ssaħħaħha u tikkoopera mal-pajjjiżi sħab tal-Lvant sabiex jiġġieldu l-propaganda u d-diżinformazzjoni;

17.

Ittenni l-appoġġ sod tagħha għas-sovranità u għall-integrità territorjali tal-Georgia fi ħdan il-fruntieri tagħha li huma rikonoxxuti internazzjonalment; tesprimi tħassib, f'dan il-kuntest, rigward żviluppi fir-reġjuni Georgjani ta' Abkażja u r-reġjun ta' Tskhinvali/Ossezja tan-Nofsinhar, inkluż l-implimentazzjoni mir-Russja tal-hekk imsejħa “trattati” li japprofondixxu l-integrazzjoni tagħha ma' Abkażja u r-reġjun ta' Tskhinvali/Ossezja tan-Nofsinhar, it-tkattir militari kontinwu fihom, l-installazzjoni illegali ta' lqugħ bil-barbed wire u arbli bis-sinjali tul il-linja tal-okkupazzjoni, u s-sitwazzjoni gravi tad-drittijiet tal-bniedem fuq il-post;

18.

Tistieden lir-Russja tirrispetta bis-sħiħ is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Georgia, kif ukoll l-invjolabbiltà tal-fruntieri ta' din tal-aħħar rikonoxxuti internazzjonalment, treġġa' lura r-rikonoxximent tagħha tal-hekk imsejħa “indipendenza” tal-Abkażja u tar-reġjun ta' Tskhinvali/Ossezja tan-Nofsinhar u timplimenta d-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta' Waqfien mill-Ġlied tat-12 ta' Awwissu 2008; tistieden lir-Russja, b'mod partikolari, biex ittemm l-okkupazzjoni tat-territorji tal-Georgia, biex tippermetti aċċess sħiħ u mingħajr xkiel lill-Missjoni ta' Monitoraġġ tal-UE, u lill-mekkaniżmi ta' monitoraġġ tad-drittijiet tal-bniedem, għar-reġjuni okkupati tal-Georgia, u biex tinvolvi ruħha b'mod kostruttiv fid-Diskussjonijiet Internazzjonali ta' Ġinevra dwar il-kwistjonijiet ewlenin stabbiliti fuq l-aġenda, jiġifieri n-nuqqas ta' użu ta' forza, l-arranġamenti tas-sigurtà internazzjonali, u r-ritorn sikur u dinjituż ta' persuni spostati internament u refuġjati;

19.

Tikkundanna kwalunkwe azzjoni militari u aggressjoni fil-pajjiżi sħab tal-Ewropa tal-Lvant li timmina l-ordni tas-sigurtà Ewropea, u tinsisti dwar il-ħtieġa għal soluzzjoni paċifika tat-tilwim, skont il-Karta tan-NU, l-Att Finali ta' Helsinki tal-1975, il-Karta ta' Pariġi tal-1990 għal Ewropa Ġdida, l-Att Fundatur bejn ir-Russja u n-NATO, il-Memorandum ta' Budapest u t-Trattat ta' Ħbiberija, Kooperazzjoni u Sħubija bejn ir-Russja u l-Ukrajna; tistieden lill-partijiet għall-Ftehimiet ta' Minsk, il-ftehim ta' waqfien mill-ġlied iffirmat bejn l-Ażerbajġan, Nagorno-Karabakh u l-Armenja f'Mejju 1994, u għall-ftehim ta' waqfien mill-ġlied bejn ir-Russja u l-Georgia tat-12 ta' Awwissu 2008, biex jissodisfaw l-impenji tagħhom u jiżguraw l-implimentazzjoni sħiħa ta' dawn il-ftehimiet;

20.

Tistieden lill-pajjiżi li jissupplixxu l-gass biex immedjatament jieqfu milli jużaw l-aċċess għall-enerġija u l-ipprezzar tal-enerġija bħala għodda politika biex ipoġġu taħt pressjoni Stati Membri tal-UE u l-pajjiżi sħab tagħha; tistieden lill-UE u lill-pajjiżi sħab tagħha jintensifikaw l-isforzi tagħhom biex jiddiversifikaw il-provvisti tal-enerġija tagħhom, jiżviluppaw sorsi tal-enerġija alternattivi, isaħħu l-iffrankar tal-enerġija u jutilizzaw arranġamenti tal-gass bi “fluss fid-direzzjoni opposta”, biex b'hekk inaqqsu d-dipendenza tagħhom fuq l-importazzjonijiet tal-enerġija;

21.

Tenfasizza li l-proġett tal-pipeline tal-gass Nord Stream 2 huwa f'kunflitt mal-interessi strateġiċi tal-UE, bħas-sigurtà, id-diversifikazzjoni, il-liberalizzazzjoni u l-iżvilupp ta' unjoni tal-enerġija b'saħħitha; tistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jaderixxu mar-regoli u l-ambizzjonijiet spjegati fid-dettall fit-Tielet Pakkett tal-Enerġija; tħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE kkonċernati biex iwaqqfu l-kooperazzjoni kollha mal-kumpanija Gazprom fuq il-proġett tal-pipeline tal-gass Nord Stream 2;

22.

Hija kkonċernata minħabba r-riskju ta' inċidenti militari fl-Ewropa, fejn ir-Russja u n-NATO reċentement bagħtu aktar forzi militari u tagħmir, b'mod partikolari fl-Ewropa tal-Lvant, fil-Baċir tal-Baħar l-Iswed, fil-pajjiżi fuq il-Baħar Baltiku u fir-reġjun tal-Baħar Artiku; temmen li r-relazzjoni kooperattiva li n-NATO u r-Russja kienu qed jibnu sa minn wara t-tmiem tal-Gwerra Bierda qed tiġi affettwata b'mod sever mill-ksur tal-ordni tal-paċi Ewropew ibbażat fuq il-liġi kif intwera mill-okkupazzjoni u l-annessjoni illegali mir-Russja tal-Krimea; tirrakkomanda lin-NATO u lir-Russja jżommu mezzi ta' komunikazzjoni miftuħa u jikkunsidraw inizjattivi ġodda biex jevitaw l-inċidenti;

23.

Tħeġġeġ lir-Russja, bħala l-istat okkupanti, biex tiżgura rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali kollha fir-Repubblika Awtonoma tal-Krimea u fil-belt ta' Sevastopol, inkluż id-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni li jappartjenu għall-minoranzi nazzjonali, b'mod partikolari t-Tatars tal-Krimea, l-Ukreni u gruppi vulnerabbli oħra li jgħixu fil-Krimea, u biex tiżgura li l-korpi internazzjonali rilevanti tad-drittijiet tal-bniedem ikunu jistgħu jwettqu l-attivitajiet ta' monitoraġġ tagħhom b'mod liberu u mingħajr xkiel fuq il-peniżola;

24.

Tenfasizza li l-iżvilupp ta' relazzjoni effettiva, u kooperazzjoni aktar mill-qrib, bejn l-UE u kwalunkwe pajjiż imsieħeb partikolari huwa ta' benefiċċju għal kulħadd; tistieden, għalhekk, lill-UE, lill-pajjiżi sħab tagħha u lit-Turkija biex isostnu djalogu ta' livell għoli dwar kwistjonijiet relatati mal-politika barranija u tas-sigurtà, bi prijorità tingħata lill-kunflitti u l-kwistjonijiet ta' sigurtà fil-Lvant Nofsnai u l-impatt tagħhom fuq il-flussi tal-migrazzjoni;

25.

Tirrikonoxxi r-responsabbiltà prominenti u l-isforzi ta' min ifaħħarhom tat-Turkija biex tipprovdi għajnuna umanitarja, biex tiżgura l-protezzjoni tal-persuni li qed jaħarbu mill-gwerra u l-qerda fis-Sirja u l-Iraq u biex timplimenta miżuri ta' sigurtà; tilqa' l-pjan ta' azzjoni konġunta tal-UE u t-Turkija biex flimkien jittrattaw l-isfidi li jippreżentaw il-migrazzjoni u l-fluss tar-refuġjati lejn l-Ewropa, u tistieden liż-żewġ partijiet jintensifikaw il-kooperazzjoni tagħhom sabiex jiżguraw implimentazzjoni aktar malajr ta' dak il-pjan;

26.

Ittenni li t-twittija tat-triq għad-djalogu bejn it-Turkija u l-Armenja hija ta' importanza kruċjali għall-istabbiltà u l-prosperità tar-reġjun; titlob li jiġu implimetanti l-ftehimiet fil-Protokolli dwar in-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi (5), mingħajr prekundizzjonijiet, tul il-proċess tar-rikonċiljazzjoni soċjetali bejn it-Turkija u l-Armenja; tenfasizza n-nuqqas ta' aċċettabbiltà tal-politika tal-fruntieri magħluqa fuq il-kontinent Ewropew;

27.

Titlob djalogu ulterjuri bejn l-Armenja u l-Ażerbajġan, taħt l-awspiċi tal-Ko-Presidenti ta' Minsk tal-OSKE, inkluż fil-livell tal-Presidenti, bil-għan li tinkiseb soluzzjoni dejjiema u paċifika li ġġib magħha stabbiltà u rikonċiljazzjoni, tiftaħ opportunitajiet għal żvilupp u kooperazzjoni reġjonali;

28.

Tilqa' l-ftehim milħuq mill-EU3 + 3 u l-Iran dwar il-programm nukleari ta' dan tal-aħħar; tistenna t-tneħħija gradwali ta' sanzjonijiet relatati mal-armi nukleari fuq l-Iran biex tibda fl-2016, bil-kundizzjoni li l-Iran jissodisfa l-impenji tiegħu; tinnota li l-prospetti tal-ħelsien mis-sanzjonijiet għall-Iran iġibu opportunitajiet ekonomiċi ġodda għall-UE, l-Istati Membri tagħha u l-pajjiżi sħab tagħha; tqis li l-Kawkasu jista' jkun l-ewwel reġjun fid-dinja li jgawdi bil-kbir minn klima ta' investiment ġdida u pożittiva b'riżultat tal-ftehim ma', u l-ħelsien mis-sanzjonijiet għall-Iran; tistieden lill-UE u lis-sħab tagħha biex jikkooperaw f'rabtiet ekonomiċi li qed jespandu mal-Iran, u jidentifikaw — u possibbilment jibdew — proġetti ġodda ta' interess komuni, b'mod speċjali fl-oqsma tat-trasport u l-enerġija;

Żieda fl-involviment fil-Lvant Nofsani u fl-Afrika ta' Fuq

29.

Tenfasizza li hemm numru ta' problemi serji ħafna u interkonnessi ta' natura politika, ekonomika, soċjali u ambjentali li ddestabilizzaw il-pajjiżi tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika; tinnota li sakemm dawn il-pajjiżi jsofru minn taqlib, ksur ta' drittijiet tal-bniedem u instabbiltà politika, huma u l-pajjiżi ġirien huma esposti għal theddidiet serji għas-sigurtà tagħhom;

30.

Hija mħassba dwar id-deterjorazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi u ż-żieda fil-vjolenza u l-oppressjoni kontra n-nisa, kif ukoll l-intolleranza murija lejn minoranzi etniċi u reliġjużi, f'ċerti pajjiżi tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika ta' Fuq; hija tal-fehma li din ix-xejra negattiva tista' twassal għal tensjonijiet f'dawn is-soċjetajiet, u tista' twitti t-triq għal kunflitti ġodda u konsegwenzi negattivi oħra, bħal spostamenti ta' popolazzjoni jew flussi ta' refuġjati;

31.

Titlob approċċ ġdid għall-kwistjonijiet tas-sigurtà fir-reġjun, u għal kooperazzjoni mal-pajjiżi kkonċernati, permezz ta' sħubiji strateġiċi li jkopru diversi oqsma ta' politika, inkluż l-għajnuna għall-iżvilupp, il-kooperazzjoni kulturali, l-adattament għat-tibdil fil-kima, il-prevenzjoni tal-kunflitti u l-ġestjoni tal-kontroll fil-fruntieri;

32.

Tistieden lill-UE u lill-pajjiżi sħab tagħha jagħmlu ħilithom kollha biex jinfluwenzaw lill-partijiet ikkonċernati biex iwaqqfu l-gwerra ċivili fis-Sirja u jħejju għal soluzzjoni politika; temmen li ISIL/Da'esh u gruppi terroristiċi oħrajn indikati min-NU m'għandu jkollhom l-ebda rwol ta' teħid ta' deċiżjonijiet fiż-żmien ta' wara l-gwerra jew fil-futur politiku tas-Sirja; hija tal-fehma li l-protezzjoni tan-nies ċivili fis-Sirja għandha tkun prijorità għall-komunità internazzjonali u għalhekk tistieden lill-partijiet li jinsabu f'kunflitt biex iwaqqfu l-attakki sproporzjonati u indiskriminati, inkluż il-bombardamenti, l-użu ta' żoni ċivili bħala mira u l-prevenzjoni ta' għajnuna umanitarja milli tilħaq lin-nies ċivili f'żoni ta' kunflitt;

33.

Tinnota li fis-Sirja, l-użu tan-nies ċivili bħala mira, u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, ikkontribwixxew għaż-żieda ta' gruppi terroristiċi, b'mod partikolari l-ISIL/Da'esh; tqis li ISIL/Da'esh jippreżenta theddida għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali, u li b'mod drammatiku mmina l-istabbiltà fl-Iraq, fis-Sirja u fil-Lvant Nofsani fuq skala usa', għaliex huwa responsabbli għal abbużi sistematiċi ta' drittijiet tal-bniedem u ksur tad-dritt internazzjonali, inkluż il-qtil deliberat ta' nies ċivili u l-persekuzzjoni ta' individwi u komunitajiet sħaħ, flimkien ma' numru ta' atroċitajiet oħra; tilqa' l-impenn tas-sħab ta' koalizzjoni internazzjonali biex ikomplu bl-isforzi tagħhom biex jiġġieldu l-ISIL/Da'esh;

34.

Hija tal-fehma li hija ta' importanza kruċjali għall-istabbiltà tal-Lvant Nofsani kollu li jitnieda mill-ġdid il-proċess ta' paċi fil-kunflitt bejn Iżrael u l-Palestina bil-għan li tinstab soluzzjoni komprensiva dejjiema li tirrispetta d-dritt internazzjonali u tkun ibbażata fuq il-prinċipju ta' żewġ stati;

L-iżvilupp tal-kooperazzjoni għas-sigurtà u d-difiża

35.

Tinnota li t-theddidiet esterni u interni għas-sigurtà saru aktar interdipendenti u kumplessi, u għalhekk anqas previdibbli; tinnota b'mod partikolari t-theddidiet ibridi li jinvolvu l-użu ta' mezzi militari u mhux militari, li jvarjaw minn intelligence, sovverżjoni politika u diżinformazzjoni għal attakki ċibernetiċi u pressjonijiet ekonomiċi;

36.

Tistieden lill-UE u lill-pajjiżi sħab tal-Ewropa tal-Lvant jirriflettu fuq, u jieħdu azzjonijiet konġunti ġodda biex jiskoraġġixxu u jiġġieldu, theddidiet ġodda għas-sigurtà tagħhom, inter alia billi jqawwu l-kooperazzjoni tagħhom u jiskambjaw informazzjoni rilevanti; tappoġġja l-iżvilupp ta' attivitajiet ta' kooperazzjoni bejn l-UE u l-pajjiżi sħab tagħha dwar kwistjonijiet ta' sigurtà u difiża, b'mod partikolari fil-qafas tal-Panel dwar il-Kooperazzjoni tas-Sħubija tal-Lvant f'dan il-qasam; tistieden lill-UE ssaħħaħ il-komponent tas-sigurtà u s-sensittività għall-kunflitti fil-Politika Ewropea tal-Viċinat u fis-Sħubija tal-Lvant billi tikkonċentra aktar inizjattiva u riżorsi fuq l-oqsma tar-riforma tas-settur tas-sigurtà (RSS), il-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-kooperazzjoni fuq kwistjonijiet tal-PSDK, il-kriminalità organizzata u l-ġestjoni tal-fruntieri; tenfasizza l-ħtieġa importanti ta' kooperazzjoni ġudizzjarja u tal-pulizija, pereżempju permezz tal-Europol u l-Eurojust;

37.

Tilqa' l-fokus il-ġdid tal-PEV rieżaminata, u tilqa' wkoll l-intenzjoni tal-UE li żżid il-kooperazzjoni mal-pajjiżi sħab tagħha fl-oqsma tal-prevenzjoni tal-kunflitti, il-ġlieda kontra t-terroriżmu, l-antiradikalizzazzjoni, il-kriminalità organizzata, il-ġestjoni tal-fruntieri u r-RSS; hija tal-fehma li din il-kooperazzjoni jeħtieġ li tkun sostanzjali, immirata lejn l-indirizzar ta' theddidiet komuni għas-sigurtà u li tħaffef l-iżvilupp ta' sforzi konġunti għall-promozzjoni tas-soluzzjoni vijabbli tal-kunflitti, inkluż permezz ta' parteċipazzjoni msaħħa f'missjonijiet u f'attivitajiet ta' taħriġ tal-PSDK, kif ukoll permezz ta' azzjonijiet intiżi biex jiżguraw in-nonproliferazzjoni ta' armi ta' qerda massiva u biex jiġġieldu kontra t-traffikar illeċitu ta' armi żgħar u armamenti ħfief;

38.

Temmen li, b'mod partikolari, hija meħtieġa kooperazzjoni aktar mill-qrib biex iżżid l-għarfien tal-kunċetti tal-UE dwar l-RSS f'pajjiżi sħab; tistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jappoġġjaw aktar lill-pajjiżi sħab biex iwettqu riformi, jibnu istituzzjonijiet xierqa tal-Istat u jimplimentaw prattiki tajba biex jittrattaw kwistjonijiet ta' sigurtà, bħal maniġġar ta' kriżijiet u intelligence; tissottolinja l-ħtieġa ta' sorveljanza parlamentari xierqa tal-korpi tal-Istat inkarigati mis-sigurtà u l-intelligence;

39.

Tenfasizza l-ħtieġa li tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-UE u tal-pajjiżi sħab tagħha, li hija l-kapaċità li jirreżistu u jadattaw għal pressjonijiet u xokkijiet interni u esterni, inklużi theddidiet ibridi; tenfasizza li, għal dan l-għan, huwa essenzjali li jiġu trattati l-kawżi bażiċi ta' kriżijiet, jissaħħu l-istituzzjonijiet tal-Istat, jiġi promoss l-istat tad-dritt u ġudikatura indipendenti, u jiġu implimentati miżuri effettivi fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni; tistieden lill-UE tappoġġja lill-pajjiżi sħab fit-twettiq ta' riformi tas-settur tas-sigurtà għan-nies ċivili, għaliex dawn huma kruċjali għat-tħejjija ta' soċjetajiet biex jirreżistu xokkijiet għal għarrieda ta' tipi differenti;

40.

Tirrakkomanda lill-pajjiżi sħab biex isaħħu l-kooperazzjoni tagħhom mal-UE fl-oqsma tas-sigurtà u d-difiża, u biex ifittxu approċċi komuni mal-UE dwar strateġiji militari; tilqa' l-parteċipazzjoni tal-Georgia, il-Moldova u l-Ukrajna fl-operazzjonijiet ta' maniġġar ta' kriżijiet immexxija mill-UE, u tenfasizza li dan għandu jsaħħaħ l-interoperabbiltà militari bejn l-UE u s-sħab tagħha fit-tul; tissuġġerixxi lill-Georgia u lill-Moldova biex iqisu l-parteċipazzjoni tagħhom fl-attivitajiet tal-Gruppi Tattiċi tal-UE; tirrakkomanda li l-UE tinvolvi ruħha b'mod aktar attiv fil-proċess ta' soluzzjoni paċifika ta' kunflitti fit-territorji tal-pajjiżi sħab tal-Ewropa tal-Lvant;

41.

Tenfasizza l-ħtieġa li tinżamm l-istabbiltà fil-Moldova fir-rigward tal-kriżi politika li għaddejja minnha, anke fir-rigward tal-kunflitt Transnistrijan kontinwu, li jeħtieġ li jiġi ttrattat permezz ta' negozjati inklussivi u miftuħa;

42.

Temmen li l-“kunflitti ffriżati” fil-Viċinat Ewropew (Transnistrija, Abkażja u Ossezja tan-Nofsinhar, u Nagorno Karabakh) jeħtieġ li jiġu trattati b'mod urġenti sabiex iġibu stabbiltà fir-reġjun; temmen li għandu jkun hemm kooperazzjoni aktar mill-qrib fost il-pajjiżi sħab tal-Ewropa tal-Lvant sabiex jistabbilixxu sisien sodi li jiżguraw l-integrazzjoni reġjonali;

Segwitu tal-involviment fid-diżarm u l-mitigazzjoni tar-riskji tal-proliferazzjoni u t-traffikar tal-armi

43.

Tistieden lill-UE, lill-Istati Membri tagħha u lill-pajjiżi sħab biex isegwu b'mod attiv l-isforzi tagħhom biex jippromwovu l-universalità ta' trattati multilaterali ta' diżarm; tħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jisfruttaw, b'mod aħjar, il-potenzjal li jippromwovu u jappoġġjaw l-operazzjonijiet konġunti ta' diżarm li jinvolvu l-pajjiżi sħab;

44.

Titlob fokus aktar qawwi fuq ir-rwol tal-kontroll tal-armi fil-politika ta' sigurtà u fuq il-ġlieda kontra l-kummerċ fl-armi illegali; tilqa', f'dan ir-rigward, id-dħul fis-seħħ f'Diċembru 2014 tat-Trattat tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Kummerċ tal-Armi, li għandu l-għan li jsaħħaħ ir-responsabbiltà u t-trasparenza fil-kummerċ tal-armi; tħeġġeġ lill-pajjiżi sħab tal-Ewropa tal-Lvant jissieħbu mal-pożizzjoni komuni tal-UE dwar l-esportazzjonijiet tal-armi;

45.

Tappoġġja l-kooperazzjoni bejn l-UE u l-pajjiżi sħab tagħha biex jimmitigaw ir-riskji tal-armi ta' qerda massiva (AQM) u tal-proliferazzjoni u l-kuntrabandu ta' komponenti tal-AQM u ta' armi kimiċi, bijoloġiċi, radjoloġiċi u nukleari (CBRN); titlob aktar żvilupp tal-ħiliet u tal-mezzi ta' appoġġ għall-proġetti taċ-Ċentru ta' Eċċellenza CBRN tal-UE għall-Ewropa tax-Xlokk/il-Kawkasu tan-Nofsinhar/il-Moldova/l-Ukrajna;

46.

Tħeġġeġ lill-UE tqis il-militarizzazzjoni intensa mir-Russja tal-Krimea okkupata illegalment, inkluż il-pożizzjonament ta' armi nukleari, bħala theddida serja għas-sigurtà tal-UE u tar-reġjuni tal-Baħar l-Iswed u tal-Mediterran; tistieden lir-Russja tirrispetta l-istatus mingħajr armi nukleari tal-Ukrajna fil-fruntieri rikonoxxuti internazzjonalment tagħha;

Il-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-kriminalità organizzata u ċ-ċiberkriminalità

47.

Tenfasizza l-importanza ta' kooperazzjoni multilaterali u interstatali fuq livell globali u reġjonali biex jiġu ffaċċjati l-isfidi ppreżentati mit-terroriżmu, il-kriminalità organizzata u ċ-ċiberkriminalità, kif enfasizzat mill-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tagħha tat-28 ta' April 2015 dwar l-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà; tistieden, għalhekk, lill-Istati Membri tal-UE u lill-pajjiżi sħab tagħha biex isaħħu l-kooperazzjoni bejn il-korpi ta' infurzar tal-liġi nazzjonali tagħhom fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-kriminalità transnazzjonali u transkonfinali, bħat-traffikar tal-bnedmin — b'mod partikolari t-traffikar ta' nisa u tfal, u ta' drogi, armi u oġġetti kulturali — u l-kriminalità ekonomika u ċ-ċiberkriminalità; tinkoraġġixxi lill-pajjiżi sħab jġeddu l-kooperazzjoni bejniethom f'dawn l-oqsma, taħt formati reġjonali;

48.

Tħeġġeġ lill-UE, lill-Istati Membri tagħha u lill-pajjiżi sħab biex jadottaw approċċ simplifikat għall-politiki tagħhom dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu intern u estern; tirrakkomanda, b'mod partikolari, li jittrattaw l-għeruq sottostanti tat-terroriżmu li żviluppa lokalment (bħal estremiżmu politiku u reliġjuż), li jwaqqfu r-reklutaġġ f'organizzazzjonijiet terroristiċi u li jeqirdu l-inċitament għal attakki terroristiċi; titlob l-użu sħiħ tal-politiki barranin u tal-iżvilupp tal-UE fil-ġlieda kontra l-faqar, id-diskriminazzjoni u l-marġinalizzazzjoni, fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni, fil-promozzjoni ta' governanza tajba u biex jiġu evitati u solvuti l-kunflitti — għaliex dawk l-elementi huma indispensabbli biex il-gruppi vulnerabbli tas-soċjetà jinżammu 'l bogħod mill-propaganda estremista;

49.

Tindika l-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni prevalenti fir-reġjun, u l-ħtieġa li dawn jiġu indirizzati sabiex jiġu evitati l-konsegwenzi negattivi li jistgħu jirriżultaw, li jaffettwaw il-proċess ta' integrazzjoni reġjonali, u sabiex jiżdied il-livell ta' fiduċja fl-istituzzjonijiet demokratiċi;

50.

Tistieden lill-Istati Membri tal-UE u lill-Kummissjoni jsaħħu l-kooperazzjoni ma', u fost, il-kumpaniji tal-Internet u l-pjattaforma ta' netwerking soċjali sabiex jirrestrinġu l-aċċess għal materjal terroristiku disponibbli onlajn u jneħħu l-propaganda terroristika, filwaqt li jiżguraw rispett għad-drittijiet fundamentali, b'mod speċjali l-privatezza tad-dejta u d-drittijiet tal-protezzjoni tad-dejta;

51.

Tagħti istruzzjonijiet lill-Kopresidenti tagħha biex jgħaddu din ir-riżoluzzjoni lill-President tal-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-UE għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kummissarju għall-Politika Ewropea tal-Viċinat u n-Negozjati għat-Tkabbir, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri tal-UE u lill-pajjiżi sħab tal-Ewropa tal-Lvant.


(1)  Adottata fit-22 ta' Marzu 2016 fi Brussell, il-Belġju.

(2)  Testi adottati, P8_TA-PROV(2015)0272.

(3)  Testi adottati, P8_TA-PROV(2015)0269.

(4)  Testi adottati, P8_TA(2015)0232.

(5)  Il-Protokoll dwar l-Istabbiliment ta' Relazzjonijiet Diplomatiċi (2009) u l-Protokoll dwar l-Iżvilupp ta' Relazzjonijiet Bilaterali bejn ir-Repubblika tat-Turkija u r-Repubblika tal-Armenja.