|
16.12.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 342/100 |
DEĊIŻJONI Nru 1/2016 TAL-KUNSILL TA' STABBILIZZAZZJONI U ASSOĊJAZZJONI BEJN L-UE U L-KOSOVO (*1)
tal-25 ta' Novembru 2016
li biha jadotta r-regoli ta' proċedura tiegħu [2016/2280]
IL-KUNSILL TA' STABBILIZZAZZJONI U ASSOĊJAZZJONI,
Wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u l-Kosovo (*1), min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”) u b'mod partikolari l-Artikoli 126, 127, 129 u 131 tiegħu,
Billi l-Ftehim daħal fis-seħħ fl-1 ta' April 2016,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Presidenza
Il-Partijiet għandu jkollhom il-Presidenza tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni b'mod alternat għal perjodu ta' 12-il xahar. L-ewwel perjodu għandu jibda fid-data tal-ewwel laqgħa tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni u jintemm fil-31 ta' Diċembru tal-istess sena.
Artikolu 2
Laqgħat
Il-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni għandu jiltaqa' darba fis-sena f'konformità mal-prattika stabbilita għall-Kunsilli ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, inkluż b'rabta mal-livell ta' rappreżentanza u l-post. Sessjonijiet speċjali tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jistgħu jsiru fuq talba ta' waħda mill-Partijiet, jekk il-Partijiet jaqblu dwar dan. Il-laqgħat tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni għandhom jissejħu b'mod konġunt mis-Segretarji tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bi qbil mal-President.
Artikolu 3
Delegazzjonijiet
Qabel kull laqgħa, il-President għandu jiġi mgħarraf dwar l-għamla maħsuba tad-delegazzjoni ta' kull Parti. Rappreżentant tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) għandu jattendi l-laqgħat tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, bħala osservatur, meta fl-aġenda jidhru ħwejjeġ li jikkonċernaw lill-BEI. Il-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jista' jistieden ukoll lil persuni oħra jattendu l-laqgħat tiegħu sabiex jipprovdu informazzjoni fuq suġġetti partikolari.
Artikolu 4
Segretarjat
Uffiċjal tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea flimkien ma' uffiċjal tar-rappreżentanza tal-Kosovo fil-Belġju għandhom flimkien iservu bħala Segretarji tal-Kumitat ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni.
Artikolu 5
Korrispondenza
Il-korrispondenza indirizzata lill-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni għandha tintbagħat lill-President tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni fl-indirizz tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
Iż-żewġ Segretarji għandhom jiżguraw li l-korrispondenza tgħaddi għand il-President tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni u, fejn xieraq, tkun tinxtered mal-membri l-oħra tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni. Il-korrispondenza li titqassam għandha tintbagħat lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni, is-Servizz Ewropew ta' Azzjoni Esterna u r-rappreżentanza tal-Kosovo fil-Belġju.
Komunikazzjonijiet mill-President tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni għandhom jintbagħtu miż-żewġ Segretarji lid-destinatarji u jitqassmu, fejn xieraq, lill-membri l-oħra tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni msemmijin fit-tieni paragrafu.
Artikolu 6
Pubbliku
Sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor, il-laqgħat tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni ma għandhomx ikunu pubbliċi.
Artikolu 7
Aġendi għal-laqgħat
1. Il-President għandu jfassal aġenda proviżorja għal kull laqgħa. Din tintbagħat mis-Segretarji tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni lid-destinatarji msemmijin fl-Artikolu 5 mhux aktar tard minn 15-il jum tax-xogħol qabel il-bidu tal-laqgħa. L-aġenda proviżorja għandha tinkludi l-punti li dwarhom il-President ikun irċieva talba biex dawn jinżiedu fl-aġenda mhux aktar tard minn 21 jum tax-xogħol qabel il-bidu tal-laqgħa, għalkemm l-ebda punt ma għandu jitniżżel fl-aġenda proviżorja sakemm ma tkunx intbagħtet id-dokumentazzjoni ta' appoġġ lis-Segretarji mhux aktar tard mid-data li fiha tintbagħat l-aġenda. L-aġenda għandha tiġi adottata mill-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni fil-bidu ta' kull laqgħa. Punt ieħor minbarra dawk li jidhru fl-aġenda proviżorja jista' jitqiegħed fuq l-aġenda jekk iż-żewġ Partijiet jaqblu dan.
2. Il-President, bi qbil maż-żewġ Partijiet, jista' jqassar il-limiti ta' żmien speċifikati fil-paragrafu 1 sabiex jitqiesu l-ħtiġijiet ta' każ partikolari.
Artikolu 8
Minuti
L-abbozz tal-minuti ta' kull laqgħa għandu jitħejja miż-żewġ Segretarji. Il-minuti għandhom, bħala regola ġenerali, jindikaw fir-rigward ta' kull punt fuq l-aġenda:
|
— |
id-dokumentazzjoni mogħtija lill-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, |
|
— |
id-dikjarazzjonijiet li membru tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jkun talab li jiddaħħlu, |
|
— |
id-deċiżjonijiet meħuda u r-rakkomandazzjonijiet magħmula, id-dikjarazzjonijiet li ntlaħaq qbil dwarhom u l-konklużjonijiet adottati. |
L-abbozz tal-minuti għandu jitressaq quddiem il-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni għall-approvazzjoni. Meta approvati, il-minuti għandhom jiġu ffirmati mill-President u ż-żewġ Segretarji. Il-minuti għandhom jiġu arkivjati fis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, li jkun depożitarju tad-dokumenti tal-Assoċjazzjoni. Kull wieħed mid-destinatarji msemmijin fl-Artikolu 5 għandu jingħata kopja ċċertifikata.
Artikolu 9
Deċiżjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1. Il-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni għandu jieħu d-deċiżjonijiet tiegħu u jagħmel rakkomandazzjonijiet bi qbil komuni bejn il-Partijiet, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 2 u 5 tal-Ftehim. Il-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jista' jieħu deċiżjonijiet jew jagħmel rakkomandazzjonijiet bi proċedura bil-miktub jekk iż-żewġ Partijiet jaqblu dan.
2. Id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, skont l-Artikolu 128 tal-Ftehim, għandu jkollhom it-titlu ta' “Deċiżjoni” u “Rakkomandazzjoni” rispettivament, segwiti minn numru tas-serje, mid-data ta' meta ġew adottati u minn deskrizzjoni tas-suġġett tagħhom. Id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni għandhom jiġu ffirmati mill-President u awtentikati miż-żewġ Segretarji. Id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet għandhom jintbagħtu lil kull wieħed mid-destinatarji msemmija fl-Artikolu 5. Kull Parti tista' tiddeċiedi fuq il-pubblikazzjoni ta' deċiżjonijiet u rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni fil-pubblikazzjoni uffiċjali rispettiva tagħha.
Artikolu 10
Lingwi
Il-lingwi uffiċjali tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni għandhom ikunu l-lingwi awtentiċi tal-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni. Sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor, il-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni għandu jsejjes id-deliberazzjonijiet tiegħu fuq dokumentazzjoni mfassla f'dawn il-lingwi.
Artikolu 11
Spejjeż
L-Unjoni Ewropea u l-Kosovo għandhom it-tnejn iħallsu l-ispejjeż li jġarrbu biex jipparteċipaw fil-laqgħat tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, kemm fir-rigward tal-persunal, tal-ispejjeż ta' vjaġġar u ta' sussistenza kif ukoll tal-ispejjeż ta' posta u telekomunikazzjoni. Spejjeż marbutin mal-interpretazzjoni fil-laqgħat, it-traduzzjoni u r-riproduzzjoni tad-dokumenti kif ukoll spejjeż oħra marbutin mal-organizzazzjoni tal-laqgħat għandhom jiġġarrbu mill-Parti li tkun qed tospita l-laqgħat.
Artikolu 12
Kumitat ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni
1. B'dan huwa stabbilit Kumitat ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (“il-Kumitat”) sabiex jgħin lill-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni fil-qadi ta' dmirijietu. Dan għandu jkun magħmul minn rappreżentati tal-Unjoni Ewropea, minn naħa, u tal-Kosovo min-naħa l-oħra, normalment fuq livell ta' impjegati anzjani taċ-ċivil.
2. Il-Kumitat għandu jħejji l-laqgħat u d-deliberazzjonijiet tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, jimplimenta d-deċiżjonijiet tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni fejn meħtieġ u, inġenerali, jiżgura l-kontinwità tar-relazzjoni ta' assoċjazzjoni u t-tħaddim xieraq tal-Ftehim. Għandu jqis kull kwistjoni li tiġi riferuta lilu mill-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni kif ukoll kull kwistjoni li tista' tqum kuljum matul l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni. Għandu jressaq proposti jew kull abbozz ta' deċiżjonijiet/rakkomandazzjonijiet għall-adozzjoni quddiem il-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni.
3. F'każijiet fejn il-Ftehim jirriferi għal obbligu ta' konsultazzjoni jew il-possibilità ta' konsultazzjoni, din il-konsultazzjoni tista' ssir fil-Kumitat. Il-konsultazzjoni tista' tissokta fil-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jekk iż-żewġ Partijiet jaqblu dan.
4. Ir-regoli ta' proċedura tal-Kumitat ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni huma mehmuża ma' din id-Deċiżjoni.
Magħmul fi Brussell, il-25 ta' Novembru 2016.
Għall-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni
Il-President
F. MOGHERINI
(*1) Dan l-isem huwa mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u huwa konformi mal-UNSCR 1244/1999 u l-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo.
ANNESS
Regoli ta' Proċedura tal-Kumitat ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni
Artikolu 1
Presidenza
Il-Partijiet għandu jkollhom il-presidenza tal-Kumitat ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni ('il-Kumitat') b'mod alternat għal perjodu ta' 12-il xahar. L-ewwel perjodu għandu jibda fid-data tal-ewwel laqgħa tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni u jintemm fil-31 ta' Diċembru tal-istess sena.
Artikolu 2
Laqgħat
Il-Kumitat għandu jiltaqa' skont kif jitolbu ċ-ċirkostanzi, bil-qbil taż-żewġ Partijiet. Kull laqgħa tal-Kumitat għandha ssir fi żmien u f'post miftiehma miż-żewġ Partijiet. Il-laqgħat tal-Kumitat għandhom jissejħu mill-President.
Artikolu 3
Delegazzjonijiet
Qabel kull laqgħa, il-President għandu jiġi mgħarraf dwar l-għamla maħsuba tad-delegazzjoni għal kull Parti.
Artikolu 4
Segretarjat
Uffiċjal tal-Kummissjoni Ewropea u uffiċjal tal-Kosovo għandhom flimkien ikunu Segretarji tal-Kumitat. Il-komunikazzjonijiet kollha previsti f'din id-Deċiżjoni lill-President tal-Kumitat u mingħandu għandhom jgħaddu għand is-Segretarji tal-Kumitat u s-Segretarji u l-President tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni.
Artikolu 5
Pubbliku
Sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor, il-laqgħat tal-Kumitat ma għandhomx ikunu pubbliċi.
Artikolu 6
Aġendi għal-laqgħat
1. Il-President għandu jfassal aġenda proviżorja għal kull laqgħa. Din għandha tintbagħat mis-Segretarji tal-Kumitat lid-destinatarji msemmija fl-Artikolu 4 mhux aktar tard minn 30 jum qabel il-bidu tal-laqgħa. L-aġenda proviżorja għandha tinkludi l-punti li dwarhom il-President ikun irċieva talba biex dawn jiddaħħlu fl-aġenda mhux aktar tard minn 35 jum tax-xogħol qabel il-bidu tal-laqgħa, għalkemm ma għandhom jitniżżlu punti fuq l-aġenda proviżorja sakemm ma tkunx intbagħtet id-dokumentazzjoni ta' appoġġ lis-Segretarji mhux aktar tard mid-data li fiha tintbagħat l-aġenda. Il-Kumitat jista' jitlob esperti jattendu l-laqgħat tiegħu sabiex jipprovdu informazzjoni fuq suġġetti partikolari. L-aġenda għandha tiġi adottata mill-Kumitat fil-bidu ta' kull laqgħa. Punt ieħor minbarra dawk li jidhru fl-aġenda proviżorja jista' jitqiegħed fuq l-aġenda jekk iż-żewġ Partijiet jaqblu dan.
2. Il-President, bi qbil maż-żewġ Partijiet, jista' jqassar il-limiti ta' żmien speċifikati fil-paragrafu 1 sabiex jitqiesu l-ħtiġijiet ta' każ partikolari.
Artikolu 7
Minuti
Għal kull laqgħa għandhom jittieħdu l-minuti, u għandhom jiġu bbażati fuq taqsira mill-President tal-konklużjonijiet li jkun wasal għalihom il-Kumitat. Meta jiġu approvati mill-Kumitat, il-minuti għandhom jiġu ffirmati mill-President u mis-Segretarji u jiġu arkivjati minn kull wieħed miż-żewġ Partijiet. Kopja tal-minuti għandha tingħata lil kull wieħed mid-destinatarji msemmijin fl-Artikolu 4.
Artikolu 8
Deċiżjonijiet u rakkomandazzjonijiet
Fil-każijiet speċifiċi fejn il-Kumitat jingħata s-setgħa mill-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni skont l-Artikolu 128 tal-Ftehim li jieħu deċiżjonijiet jew jagħmel rakkomandazzjonijiet, dawk l-atti jsiru skont l-Artikolu 9 tar-Regoli ta' Proċedura tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni.
Artikolu 9
Spejjeż
L-Unjoni Ewropea u l-Kosovo għandhom it-tnejn iħallsu l-ispejjeż li jġarrbu għall-parteċipazzjoni tagħhom fil-laqgħat tal-Kumitat, kemm f'dak li għandu x'jaqsam man-nefqa tal-persunal, il-vjaġġi u s-sussistenza u n-nefqa għall-posta u t-telekomunikazzjoni. Spejjeż marbutin mal-interpretazzjoni fil-laqgħat, it-traduzzjoni u r-riproduzzjoni tad-dokumenti kif ukoll spejjeż oħra marbutin mal-organizzazzjoni tal-laqgħat għandhom jiġġarrbu mill-Parti li tkun qed tospita l-laqgħat.
Artikolu 10
Sottokumitati u gruppi speċjali
Il-Kumitat jista' joħloq sottokumitati u gruppi speċjali biex jaħdmu taħt l-awtorità tiegħu. Huma għandhom jirrappurtaw lill-Kumitat wara kull laqgħa li jagħmlu. Il-Kumitat jista' jiddeċiedi li jneħħi kull sottokumitat jew grupp eżistenti, jistipula jew ibiddel it-termini ta' referenza tagħhom jew iwaqqaf aktar sottokumitati jew gruppi oħra biex jgħinuh fil-qadi ta' dmirijietu. Dawn is-sottokumitati u gruppi ma għandu jkollhom l-ebda setgħa ta' teħid ta' deċiżjonijiet.