3.12.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 329/3


TRADUZZJONI

FTEHIM

li jestendi l-Ftehim Qafas għall-kollaborazzjoni internazzjonali fir-riċerka u l-iżvilupp ta' sistemi ta' enerġija nukleari tal-Ġenerazzjoni IV

Il-Gvern tal-Kanada, il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, il-Gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, il-Gvern tar-Repubblika Franċiża, il-Gvern tal-Ġappun, il-Gvern tar-Repubblika tal-Korea, il-Gvern tal-Federazzjoni Russa, il-Gvern tar-Repubblika tal-Afrika t'Isfel, il-Gvern tal-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Gvern tal-Istati Uniti tal-Amerka, kull wieħed bħala Parti tal-Ftehim Qafas għall-Kollaborazzjoni Internazzjonali fir-Riċerka u l-Iżvilupp ta' Sistemi ta' Enerġija Nukleari tal-Ġenerazzjoni IV, magħmul f'Washington fit-28 ta' Frar 2005 (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “Ftehim Qafas”), kollettivament imsejħa “il-Partijiet”:

FILWAQT LI TITQIES xewqthom biex ikomplu l-kollaborazzjoni ta' suċċess u ta' benefiċċju reċiproku mwettqa sal-lum skont il-Ftehim Qafas;

FILWAQT LI JIĠI NNUTAT l-aġġornament tal-pjan direzzjonali teknoloġiku għas-Sistemi ta' Enerġija Nukleari tal-Ġenerazzjoni IV (f'Jannar 2014);

FILWAQT LI JITFAKKAR l-Artikolu XV tal-Ftehim Qafas, li jiddikjara li kull kollaborazzjoni mibdija skont il-Ftehim Qafas iżda mhux mitmuma fl-iskadenza jew fit-terminazzjoni tal-Ftehim Qafas tista' tkompli sakemm titlesta skont id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim Qafas; u

FILWAQT LI JAĠIXXU skont il-paragrafu 3 tal-Artikolu XII tal-Ftehim Qafas,

B'DAN JIFTIEHMU KIF ĠEJ:

Artikolu I

Estensjoni tal-Ftehim Qafas

Soġġetta għall-paragrafu 5 tal-Artikolu XII tal-Ftehim Qafas, il-Ftehim Qafas għandu jiġi estiż għal perjodu ta' għaxar (10) snin, sat-28 ta' Frar 2025.

Artikolu II

Iffirmar u Dħul fis-Seħħ

1.   Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ, għal dawk il-Partijiet li taw il-kunsens tagħhom biex ikunu marbuta, fid-data meta tliet Partijiet ikunu indikaw il-kunsens tagħhom biex ikunu marbuta.

2.   Il-Partijiet għandhom jindikaw il-kunsens tagħhom biex ikunu marbuta b'firma li ma tkunx suġġetta għall-aċċettazzjoni jew b'firma li tkun suġġetta għall-aċċettazzjoni segwita bid-depożitu ta' strument ta' aċċettazzjoni mad-Depożitarju.

3.   Għal Parti li tagħti l-kunsens tagħha biex tkun marbuta wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan il-Ftehim, dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fir-rigward ta' dik il-Parti, fid-data tal-firma tiegħu li ma tkunx suġġetta għall-aċċettazzjoni jew fid-data tad-depożitu tal-istrument ta' aċċettazzjoni tiegħu mad-Depożitarju.

4.   Il-Partijiet beħsiebhom, f'konformità mal-Artikolu XV tal-Ftehim Qafas, ikomplu skont id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim Qafas, il-kollaborazzjoni mibdija iżda mhux mitmuma sat-28 ta' Frar 2015, ma' dawk il-Partijiet tal-Ftehim Qafas li għalihom dan il-Ftehim ma daħalx fis-seħħ sat-28 ta' Frar 2015.

Artikolu III

Depożitarju

L-oriġinal ta' dan il-Ftehim għandu jiġi ddepożitat mas-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi.

B'XHIEDA TA' DAN, il-firmatarji, debitament awtorizzati, iffirmaw dan il-Ftehim.

MAGĦMUL f'oriġinal wieħed, bl-Ingliż u bil-Franċiż, fejn kull test huwa ugwalment awtentiku.

GĦALL-GVERN TAL-KANADA:

Is-Sa Michelle d'AURAY

Canadian Ambassador and Permanent Representative to the OECD

Data: il-21 ta' Ottubru 2016

GĦALL-KOMUNITÀ EWROPEA TAL-ENERĠIJA ATOMIKA:

Is-Sur Tibor NAVRACSICS

EU Commissioner

Data: l-10 ta' Novembru 2016

GĦALL-GVERN TAR-REPUBBLIKA TAL-POPLU TAĊ-ĊINA:

Is-Sur Jun ZHAI

Ambassador Extraordinary and Plenipotentiary of the People's Republic of China to France

Data: it-23 ta' Ġunju 2016

GĦALL-GVERN TAR-REPUBBLIKA FRANĊIŻA:

Is-Sur Danie VERWAERDE

Administrateur général du Commissariat à l'énergie atomique et aux énergies alternatives

Data: is-26 ta' Frar 2015

GĦALL-GVERN TAL-ĠAPPUN:

Is-Sur Kazuo KODAMA

Ambassador Extraordinary and Plenipotentiary Permanent Delegation of Japan to the OECD

Data: is-26 ta' Frar 2015

GĦALL-GVERN TAR-REPUBBLIKA TAL-KOREA:

Is-Sur Si-hyung LEE

Ambassador Extraordinary and Plenipotentiary to the Korean Permanent Delegation to the OECD

Data: is-26 ta' Frar 2015

GĦALL-GVERN TAL-FEDERAZZJONI RUSSA:

Is-Sur Sergey Vladilenovich KIRIENKO

Chief Executive Officer of the State Atomic Energy Corporation “Rosatom”

Data: id-29 ta' Ġunju 2015

GĦALL-GVERN TAR-REPUBBLIKA TAL-AFRIKA T'ISFEL:

Is-Sa Tina JOEMAT-PETTERSSON

Minister of Energy of the Republic of South Africa

Data: il-15 ta' Settembru 2015

GĦALL-GVERN TAL-KONFEDERAZZJONI ŻVIZZERA

Is-Sur Mauro DELL'AMBROGIO

Secrétaire d'Etat de la Confédération suisse à la formation, à la recherche et à l'innovation

Data: is-27 ta' Awwissu 2015

GĦALL-GVERN TAL-ISTATI UNITI TAL-AMERKA:

Is-Sur Daniel JOHANNES

Ambassador and Permanent Representative to the OECD

Data: is-26 ta' Frar 2015