22.10.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 288/3


FTEHIM

li jistabbilixxi l-Fondazzjoni Internazzjonali UE-LAK

Il-Partijiet għal dan il-Ftehim,

WAQT LI JFAKKRU s-sħubija strateġika stabbilita bejn l-Amerika Latina u l-Karibew (ALK) u l-Unjoni Ewropea (UE) f'Ġunju 1999 fil-qafas tal-Ewwel Summit UE-ALK ta' Rio de Janeiro;

WAQT LI JINNUTAW l-inizjattiva adottata mill-Kapijiet ta' Stat u ta' Gvern tal-ALK u tal-UE waqt il-ħames Summit UE-ALK, li sar f'Lima, ir-Repubblika tal-Perù, fis-16 ta' Mejju 2008;

WAQT LI JFAKKRU d-deċiżjoni dwar il-ħolqien tal-Fondazzjoni UE-ALK adottata mill-Kapijiet tal-Istat u l-Gvern tal-UE u l-ALK, il-President tal-Kunsill Ewropew u l-President tal-Kummissjoni, fis-Sitt Summit UE-ALK, li sar f'Madrid, fi Spanja, nhar it-18 ta' Mejju 2010;

WAQT LI JFAKKRU l-istabbiliment fl-2011 ta' fondazzjoni ta' tranżizzjoni fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, li se ttemm l-attivitajiet tagħha u tiġi xolta meta jidħol fis-seħħ il-Ftehim Kostitwenti Internazzjonali tal-Fondazzjoni UE-ALK;

WAQT LI JTENNU l-ħtieġa li tinħoloq organizzazzjoni internazzjonali ta' natura intergovernattiva soġġetta għad-dritt internazzjonali pubbliku permezz ta' “Ftehim Internazzjonali Kostitwenti tal-Fondazzjoni EU-ALK abbażi tat-Termini ta' Referenza adottati f'laqgħa Ministerjali fil-marġni tas-VI Summit ta' Madrid UE-ALK”, li jikkontribwixxi għat-tisħiħ tar-rabtiet eżistenti bejn l-Amerika Latina u l-Istati tal-Karibew, l-UE u l-Istati Membri tal-UE;

QABLU kif ġej:

Artikolu 1

Suġġett

1.   Il-Fondazzjoni Internazzjonali UE-ALK, (“il-Fondazzjoni” jew “il-Fondazzjoni UE-ALK”), hija stabbilita b'dan il-Ftehim.

2.   Dan il-Ftehim jistabbilixxi l-objettivi tal-Fondazzjoni kif ukoll ir-regoli u l-linji gwida ġenerali li jirregolaw l-attivitajiet, l-istruttura u l-funzjonament tagħha.

Artikolu 2

Natura u Kwartieri Ġenerali

1.   Il-Fondazzjoni UE-ALK hija organizzazzjoni internazzjonali ta' natura intergovernamentali, stabbilita taħt id-dritt internazzjonali pubbliku. Hija tiffoka fuq it-tisħiħ tas-sħubija bireġjonali bejn l-UE u l-Istati Membri tal-UE u l-Komunità ta' Stati tal-Amerika Latina u tal-Karibew (CELAC).

2.   Il-Fondazzjoni UE-ALK għandu jkollha l-kwartieri ġenerali fil-Belt Ħielsa u Anseatika ta' Hamburg, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

Artikolu 3

Membri tal-Fondazzjoni

1.   L-Istati tal-Amerika Latina u tal-Karibew, l-Istati Membri tal-UE u l-UE, wara li esprimew il-kunsens tagħhom li jintrabtu b'dan il-Ftehim, wara li segwew il-proċeduri legali interni tagħhom, għandhom isiru l-uniċi Membri tal-Fondazzjoni UE-ALK.

2.   Il-Fondazzjoni UE-ALK għandha tkun ukoll miftuħa għall-parteċipazzjoni tal-Komunità ta' Stati tal-Amerika Latina u tal-Karibew (CELAC).

Artikolu 4

Personalità Ġuridika

1.   Il-Fondazzjoni UE-ALK għandu jkollha personalità ġuridika internazzjonali u l-kapaċità ġuridika meħtieġa għat-twettiq tal-objettivi u tal-attivitajiet tagħha, fit-territorju ta' kull wieħed mill-Membri tagħha, skont il-liġijiet domestiċi tagħhom.

2.   Il-Fondazzjoni għandu jkollha wkoll il-kapaċità li tidħol f'kuntratti, li takkwista u tiddisponi minn proprjetà mobbli u immobbli u li tistitwixxi proċeduri ġudizzjarji.

Artikolu 5

Objettivi tal-Fondazzjoni

1.   Il-Fondazzjoni UE-ALK għandha:

(a)

tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-proċess tas-sħubija bireġjonali CELAC-UE lijinvolvi l-parteċipazzjoni u kontributi tas-soċjetà ċivili u atturi soċjali oħrajn;

(b)

tinkoraġġixxi aktar għarfien u rikonoxximent reċiproku bejn iż-żewġ reġjuni;

(c)

issaħħaħ il-viżibbiltà reċiproka bejn iż-żewġ reġjuni, kif ukoll tas-sħubija bireġjonali nnifisha.

2.   Il-Fondazzjoni UE-ALK għandha, b'mod partikolari:

(a)

tippromwovi u tikkoordina attivitajiet orjentati lejn ir-riżultati b'appoġġ għar-relazzjonijiet bireġjonali u ffokati fuq l-implimentazzjoni tal-prijoritajiet stabbiliti permezz tas-Summits CELAC-UE;

(b)

tippromwovi dibattitu dwar strateġiji komuni mmirati lejn it-twettiq tal-prijoritajiet imsemmija hawn fuq billi jiġu stimulati l-istudji u r-riċerka;

(c)

tinkoraġġixxi skambji produttivi u opportunitajiet ġodda ta' netwerking fost is-soċjetà ċivili u atturi soċjali oħrajn.

Artikolu 6

Kriterji għall-Attivitajiet

1.   Sabiex jintlaħqu l-objettivi stipulati fl-Artikolu 5 ta' dan il-Ftehim, l-attivitajiet tal-Fondazzjoni UE-ALK għandhom:

(a)

ikunu bbażati fuq il-prijoritajiet u t-temi indirizzati fil-livell tal-Kapijiet ta' Stat u tal-Gvern fis-Summits, b'konċentrazzjoni fuq il-ħtiġijiet identifikati li jsostnu r-relazzjoni bireġjonali;

(b)

jinvolvu, sa fejn hu possibbli u skont il-qafas tal-attivitajiet tal-Fondazzjoni, lis-soċjetà ċivili u atturi soċjali oħra, bħal ma huma istituzzjonijiet akkademiċi, u jqisu l-kontribut tagħhom fuq bażi mhux vinkolanti. Għal dan l-għan, kull Membru jista' jidentifika istituzzjonijiet u organizzazzjonijiet adatti li qegħdin jaħdmu biex itejbu d-djalogu bireġjonali fil-livell nazzjonali;

(c)

jagħtu valur miżjud lill-inizjattivi eżistenti;

d)

jagħtu viżibilità lis-sħubija, b'enfasi partikulari fuq azzjonijiet b'effett multiplikatur.

2.   Meta tniedi jew tipparteċipa f'attivitajiet, il-Fondazzjoni UE-ALK għandha tkun xprunata mill-azzjoni, tkun dinamika u orjentata lejn ir-riżultati.

Artikolu 7

Attivitajiet tal-Fondazzjoni

1.   Sabiex jintlaħqu l-objettivi stipulati fl-Artikolu 5, il-Fondazzjoni UE-ALK għandha twettaq, fost affarijiet oħra, l-attivitajiet li ġejjin:

(a)

tinkoraġġixxi dibattitu, permezz ta' seminars, konferenzi, workshops, gruppi ta' riflessjoni, korsijiet, wirjiet, pubblikazzjonijiet, preżentazzjonijiet, taħriġ professjonali, skambju dwar l-aħjar prattiki u għarfien speċjali;

(b)

tippromwovi u tappoġġa avvenimenti relatati ma' soġġetti indirizzati f'Summits CELAC-UE u relatati ma' prijoritajiet fil-Laqgħat ta' Uffiċjali Għolja (SOM) tas-CELAC-UE;

(c)

tniedi programmi u inizjattivi ta' sensibilizzazzjoni bireġjonali, inkluż skambji f'oqsma ta' prijorità identifikati;

(d)

tinkoraġġixxi studji dwar il-kwistjonijiet identifikati miż-żewġ reġjuni;

(e)

tilħaq u toffri opportunitajiet ġodda ta' kuntatt filwaqt li tqis speċjalment dawk l-individwi jew istituzzjonijiet mhux midħla tas-sħubija reġjonali CELAC-UE;

(f)

toħloq pjattaforma bbażata fuq l-internet u/jew tiġġenera pubblikazzjoni elettronika.

2.   Il-Fondazzjoni UE-ALK tista' tniedi inizjattivi f'assoċjazzjoni ma' istituzzjonijiet pubbliċi u privati, mal-Istituzzjonijiet tal-UE, istituzzjonijiet internazzjonali u reġjonali, Stati tal-Amerika Latina u tal-Karibew, u Stati Membri tal-UE.

Artikolu 8

Struttura tal-Fondazzjoni

Il-Fondazzjoni UE-ALK għandha tinkludi dawn li ġejjin:

(a)

il-Bord tal-Gvernaturi;

(b)

il-President; u

(c)

id-Direttur Eżekuttiv.

Artikolu 9

Bord tal-Gvernaturi

1.   Il-Bord tal-Gvernaturi għandu jkun magħmul minn rappreżentanti tal-Membri tal-Fondazzjoni UE-ALK. Huwa għandu jiltaqa' fil-livell ta' Uffiċjali Għolja u, jekk ikun il-każ, fil-livell tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin fl-okkażjoni tas-Summits CELAC-UE.

2.   Il-Komunità ta' Stati tal-Amerika Latina u tal-Karibew (CELAC) għandha tkun rappreżentata fil-Bord tal-Gvernaturi mill-Presidenza Pro Tempore mingħajr preġudizzju għall-parteċipazzjoni tal-pajjiż ikkonċernat fil-kapaċità nazzjonali tiegħu.

3.   Il-Bureau Eżekuttiv tal-Assemblea Parlamentari Ewro-Latino-Amerikana (EuroLat) għandhom jiġu mistiedna jaħtru rappreżentant wieħed minn kull reġjun bħala osservaturi fil-Bord tal-Gvernaturi.

4.   L-Assemblea Parlamentari Konġunta Afrikana, tal-Karibew u tal-Paċifiku (AKP)-UE għandha tiġi mistiedna taħtar rappreżentant wieħed mill-UE u wieħed mill-Karibew bħala osservaturi fil-Bord tal-Gvernaturi.

Artikolu 10

Presidenza tal-Bord tal-Gvernaturi

Il-Bord tal-Gvernaturi għandu jkollu żewġ Presidenti, wieħed rappreżentant mill-UE u l-ieħor mill-Istati tal-Amerika Latina u tal-Karibew.

Artikolu 11

Setgħat tal-Bord tal-Gvernaturi

Il-Bord tal-Gvernaturi tal-Fondazzjoni UE-ALK għandu jeżerċita s-setgħat li ġejjin:

(a)

jaħtar il-President u d-Direttur Eżekuttiv tal-Fondazzjoni;

(b)

jadotta linji gwida ġenerali għall-ħidma tal-Fondazzjoni u jistabbilixxi l-prijoritajiet operazzjonali u r-regoli ta' proċedura tagħha, kif ukoll il-miżuri xierqa li jiggarantixxu trasparenza u responsabilità rigward, b'mod partikolari, il-finanzjament estern;

(c)

japprova l-konklużjoni tal-Ftehim tal-Kwartieri Ġenerali kif ukoll kwalunkwe ftehim jew arranġament ieħor li l-Fondazzjoni tista' tikkonkludi ma' Stati tal-Amerika Latina u tal-Karibew u l-Istati Membri tal-UE dwar il-kwistjoni tal-privileġġi u l-immunitajiet;

(d)

jadotta baġit u regolamenti tal-persunal abbażi ta' proposta tad-Direttur Eżekuttiv;

(e)

japprova modifiki għall-istruttura organizzattiva tal-Fondazzjoni abbażi ta' proposta tad-Direttur Eżekuttiv;

(f)

jadotta programm ta' ħidma pluriennali, li jinkludi stima baġitarja pluriennali, b'perspettiva ta' erba' snin fil-prinċipju, abbażi tal-abbozz ippreżentat mid-Direttur Eżekuttiv;

(g)

jadotta l-programm ta' ħidma annwali, inklużi proġetti u attivitajiet għas-sena suċċessiva, abbażi ta' abbozz ippreżentat mid-Direttur Eżekuttiv u fil-qafas tal-programm pluriennali;

(h)

jadotta l-baġit annwali għas-sena ta' wara;

(i)

japprova l-kriterji għall-monitoraġġ u l-awditjar, kif ukoll għar-rappurtar tal-proġetti tal-Fondazzjoni;

(j)

jadotta r-rapport u d-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali tal-Fondazzjoni għas-sena ta' qabel;

(k)

jipprovdi gwida u konsulenza lill-President u lid-Direttur Eżekuttiv;

(l)

jipproponi emendi għal dan il-Ftehim lill-Partijiet;

(m)

jevalwa l-iżvilupp tal-attivitajiet tal-Fondazzjoni u jieħdu azzjoni abbażi tar-rapporti ppreżentati mid-Direttur Eżekuttiv;

(n)

jirriżolvi t-tilwim li jista' jinqala' eventwalment bejn il-Partijiet dwar l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta' dan il-Ftehim u l-emendi għalih;

(o)

jirrevoka l-ħatra tal-President u/jew dak tad-Direttur Eżekuttiv;

(p)

japprova l-istabbiliment ta' Sħubijiet Strateġiċi;

(q)

japprova l-konklużjoni ta' kull ftehim jew strument legali ieħor innegozjat skont il-paragrafu (4)(i) tal-Artikolu 15.

Artikolu 12

Laqgħat tal-Bord tal-Gvernaturi

1.   Il-Bord tal-Gvernaturi għandu jiltaqa' darbtejn fis-sena f'sessjoni ordinarja. Dawn il-laqgħat għandhom jikkoinċidu ma' Laqgħat tal-Uffiċjali Għolja (SOM) tas-CELAC-UE.

2.   Il-Bord tal-Gvernaturi għandu jsejjaħ laqgħat straordinarji fuq talba ta' president wieħed, id-Direttur Eżekuttiv jew fuq talba ta' mill-inqas terz tal-Membri tiegħu.

3.   Il-funzjonijiet ta' segretarjat għall-Bord tal-Gvernaturi għandhom jitwettqu taħt l-awtorità tad-Direttur Eżekuttiv tal-Fondazzjoni.

Artikolu 13

Teħid ta' Deċiżjonijiet mill-Bord tal-Gvernaturi

Il-Bord tal-Gvernaturi għandu jaġixxi fil-preżenza ta' aktar minn nofs il-Membri tiegħu minn kull reġjun. Id-deċiżjonijiet għandhom jittieħdu b'konsensus tal-Membri li jkunu preżenti.

Artikolu 14

President tal-Fondazzjoni

1.   Il-Bord tal-Gvernaturi għandu jagħżel il-President minn fost dawk nominati mill-Membri tal-Fondazzjoni UE-ALK. Il-President għandu jinħatar għal terminu ta' erba' snin, li jiġġedded darba.

2.   Il-President għandu jkun personalità magħrufa u ferm rispettata kemm fl-Amerika Latina u fil-Karibew u kif ukoll fl-UE. Il-President għandu jservi f'kapaċità volontarja, iżda għandu jkun intitolat għar-rimborż ta' kwalunkwe spiża meħtieġa u debitament ġustifikata.

3.   L-uffiċċju tal-President għandu jalterna bejn ċittadin ta' Stat Membru tal-UE u ċittadin ta' xi Stat tal-Amerika Latina jew tal-Karibew. Jekk il-President jinħatar minn Stat Membru tal-UE, id-Direttur Eżekuttiv għandu jiġi maħtur minn xi Stat tal-Amerika Latina jew tal-Karibew, u viċi versa.

4.   Il-President għandu:

(a)

jirrappreżenta lill-Fondazzjoni fir-relazzjonijiet esterni tagħha, jiżgura rwol viżibbli u rappreżentattiv permezz ta' kuntatti ta' livell għoli ma' awtoritajiet mill-Istati tal-Amerika Latina u tal-Karibew u mill-UE u l-Istati Membri tal-UE, u ma' sħab oħrajn;

(b)

jirrapporta lill-Ministri tal-Affarijiet Barranin, lil-laqgħat Ministerjali oħrajn, lill-Bord tal-Gvernaturi u lil laqgħat importanti oħra kif jista' jkun meħtieġ;

(c)

jagħti konsulaenza lid-Direttur Eżekuttiv fil-preparazzjoni tal-abbozz ta' programm ta' ħidma pluriennali u annwali u l-abbozz tal-baġit għall-approvazzjoni tal-Bord tal-Gvernaturi;

(d)

iwettaq kompiti oħrajn kif miftiehem mill-Bord tal-Gvernaturi.

Artikolu 15

Direttur Eżekuttiv tal-Fondazzjoni

1.   Il-Fondazzjoni għandha titmexxa minn Direttur Eżekuttiv li għandu jinħatar mill-Bord ta' Tmexxija għal perijodu ta' erba' snin, li jista' jiġġedded darba, u għandu jintgħażel wara s-sottomissjoni ta' dawk nominati mill-Membri tal-Fondazzjoni UE-ALK.

2.   Mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-Bord tat-Tmexxija, id-Direttur Eżekuttiv ma għandu la jfittex u lanqas jieħu struzzjoniijiet minn xi gvern jew minn kwalunkwe korp ieħor.

3.   L-uffiċċju ta' Direttur Eżekuttiv għandu jkun rimunerat u għandu jalterna bejn ċittadin ta' Stat Membru tal-UE u ċittadin ta' xi Stat tal-Amerika Latina jew tal-Karibew. Jekk id-Direttur Eżekuttiv maħġtur ikun ġej minn Stat Membru tal-UE, il-President irid jinħatar minn xi Stat tal-Amerika Latina jew l-Karibew, u viċi versa.

4.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jkun ir-rappreżentant legali tal-Fondazzjoni u għandu jeżerċita l-funzjonijiet li ġejjin:

(a)

iħejji programm ta' ħidma pluriennali u annwali tal-Fondazzjoni u l-estimi tagħha f'konsultazzjoni mal-President;

(b)

jaħtar u jmexxi l-persunal tal-Fondazzjoni, u jara li dan jimxi mal-objettivi tal-Fondazzjoni;

(c)

jimplimenta l-budget;

(d)

jissottometti rapporti tal-attività perjodiċi u annwali, kif ukoll kontijiet finanzjarji lill-Bord tal-Gvernaturi għall-adozzjoni, iż-żamma ta' proċeduri trasparenti u ċ-ċirkolazzjoni korretta tal-informazzjoni dwar l-attivitajiet kollha mwettqa jew appoġġjati mill-Fondazzjoni, inkluża lista aġġornata ta' dawk l-istituzzjonijiet u l-organizzazzjonijiet identifikati fil-livell nazzjonali, kif ukoll dawk li jipparteċipaw fl-attivitajiet tal-Fondazzjoni;

(e)

jippreżenta r-rapport imsemmi fl-Artikolu 18;

(f)

iħejji l-laqgħat u jassisti lill-Bord tal-Gvernaturi;

(g)

jikkonsulta, fejn neċessarju, rappreżentanti xierqa tas-soċjetà ċivili u atturi soċjali oħra, partikolarment l-istituzzjonijiet li jistgħu jiġu identifikati mill-Membri tal-Fondazzjoni UE-ALK, skont xi tkun il-kwistjoni mqajma u l-bżonnijiet konkreti, filwaqt li jżomm lill-Bord tal-Gvernaturi nfurmat dwar ir-riżultati ta' dawn il-kuntatti għal aktar konsiderazzjoni;

(h)

iwettaq konsultazzjonijiet u negozjati mal-pajjiż ospitanti tal-Fondazzjoni u l-Partijiet l-oħra għal dan il-Ftehim rigward id-dettalji tal-faċilitajiet li għandha tgawdi l-Fondazzjoni f'dawn l-Istati;

(i)

imexxi negozjati rigward kwalunkwe ftehim jew strument legali b'effetti internazzjonali, ma' organizzazzjonijiet internazzjonali, Stati u istituzzjonijiet pubbliċi jew privati fuq kwistjonijiet li jmorru lil hinn mill-funzjonament amministrattiv ta' kuljum tal-Fondazzjoni, wara konsultazzjoni xierqa u notifika lill-Bord tal-Gvernaturi dwar il-bidu previst u l-konklużjoni ta' dawn in-negozjati kif ukoll konsultazzjonijiet minn żmien għal żmien dwar il-kontenut tagħhom, il-kamp ta' applikazzjoni u r-riżultati mistennija;

(j)

jirrapporta lill-Bord tal-Gvernaturi dwar kwalunkwe proċedura legali li tkun tinvolvi lill-Fondazzjoni.

Artikolu 16

Iffinanzjar tal-Fondazzjoni

1.   Il-kontribuzzjonijiet isiru fuq bażi volontarja mingħajr preġudizzju għall-parteċipazzjoni fil-Bord tal-Gvernaturi.

2.   Il-Fondazzjoni għandu tkun iffinanzjata prinċipalment mill-Membri tagħha. Il-Bord tal-Gvernaturi, fir-rispett tal-bilanċ bireġjonali, jista' jikkunsidra modalitajiet oħra ta' finanzjament tal-attivitajiet tal-Fondazzjoni.

3.   F'każijiet speċifiċi, wara notifika minn qabel u konsultazzjoni mal-Bord tal-Gvernaturi għall-approvazzjoni tiegħu, il-Fondazzjoni tkun awtorizzata li tiġġenera riżorsi addizzjonali permezz ta' finanzjament estern minn istituzzjonijiet pubbliċi u privati, inkluż permezz tal-produzzjoni ta' rapporti u analiżi fuq talba. Dawk ir-riżorsi għandhom jintużaw esklużivament għall-attivitajiet tal-Fondazzjoni.

4.   Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għandha tipprovdi, bi spejjeż tagħha u fil-qafas tal-kontribuzzjoni finanzjarja tagħha lill-Fondazzjoni, uffiċini mgħammra b'mod adatt għall-użu mill-Fondazzjoni, flimkien ma' manutenzjoni, utilitajiet, u faċilitajiet ta' sigurtà għall-faċilità.

Artikolu 17

Awditjar u Pubblikazzjoni tal-Kontijiet

1.   Il-Bord tal-Gvernaturi għandu jaħtar awdituri indipendenti għall-finijiet tal-awditjar tal-kontijiet tal-Fondazzjoni.

2.   Id-dikjarazzjonijiet awditjati b'mod indipendenti tal-assi, passivi, dħul u nfiq tal-Fondazzjoni għandhom ikunu disponibbli għall-Membri mill-aktar fis possibbli wara l-għeluq ta' kull sena finanzjarja, imma mhux aktar tard minn sitt xhur wara dik id-data, u għandhom jiġu kkunsidrati għall-approvazzjoni mill-Bord tal-Gvernaturi fl-ewwel laqgħa li jkun imiss.

3.   Għandha tiġi ppubblikata ġabra fil-qosor tal-kontijiet u tal-karta tal-bilanċ awditjati.

Artikolu 18

Valutazzjoni tal-Fondazzjoni

Mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan il-Ftehim, id-Direttur Eżekuttiv għandu jippreżenta kull erba' snin lill-Bord tal-Gvernaturi, rapport dwar l-attivitajiet tal-Fondazzjoni. Il-Bord tal-Gvernaturi għandu globalment jivvaluta dawk l-attivitajiet u għandu jieħu kull deċiżjoni rigward l-attivitajiet futuri tal-Fondazzjoni.

Artikolu 19

Sħubijiet Strateġiċi

1.   Il-Fondazzjoni għandu jkollha erba' Sħab Strateġiċi inizjali: “L'Institut des Amériques” fi Franza u “Regione Lombardia” fl-Italja min-naħa tal-UE, u Global Foundation for Democracy and Development (FUNGLODE), fir-Repubblika Dominicana u l-Kummissjoni Ekonomika tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Amerika Latina u l-Karibew (ECLAC) għan-naħa tal-Amerika Latina u l-Karibbew.

2.   Sabiex tikseb l-objettivi tagħha, il-Fondazzjoni UE-ALK tista' tistabbilixxi sħubijiet strateġiċi futuri ma' organizzazzjonijiet intergovernamentali, ma' Stati u ma'istituzzjonijiet pubbliċi jew privati taż-żewġ reġjuni, dejjem fir-rispett tal-prinċipju tal-bilanċ bireġjonali.

Artikolu 20

Privileġġi u Immunitajiet

1.   In-natura u l-personalità ġuridika tal-Fondazzjoni huma ddefiniti fl-Artikoli 2 u 4.

2.   L-istatus, il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Fondazzjoni, tal-Bord tal-Gvernaturi, il-President, id-Direttur Eżekuttiv, il-membri tal-persunal, u r-rappreżentanti tal-Membri fit-territorju tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja għall-fini tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom, għandhom ikunu rregolati minn Ftehim tal-Kwartieri Ġenerali konkluż bejn il-Gvern tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u l-Fondazzjoni.

3.   Il-Ftehim tal-Kwartieri Ġenerali li ssir referenza għalih fil-paragrafu (2) ta' dan l-Artikolu għandu jkun indipendenti minn dan il-Ftehim.

4.   Il-Fondazzjoni tista' tikkonkludi ftehimiet oħra ma' wieħed jew aktar mill-Istati tal-Amerika Latina u tal-Karibew u mal-Istati Membri tal-UE, li għandhom jiġu approvati mill-Bord tal-Gvernaturi, konnessi ma' tali privileġġi u immunitajiet, skont kif jista' jkun meħtieġ, għall-iffunzjonar xieraq tal-Fondazzjoni fit-territorji rispettivi tagħhom.

5.   Fil-qafas tal-attivitajiet uffiċjali tagħha, il-Fondazzjoni, l-assi, id-dħul u l-proprjetà oħra tagħha għandhom ikunu eżenti mit-taxxi diretti kollha. Il-Fondazzjoni ma għandhiex tkun eżentata mill-ħlas għas-servizzi mogħtija.

6.   Id-Direttur Eżekuttiv u l-persunal tal-Fondazzjoni għandhom ikunu eżenti mit-taxxi nazzjonali fuq is-salarji u l-emolumenti mħallsa mill-Fondazzjoni.

7.   Membri tal-persunal tal-Fondazzjoni tfisser il-membri kollha tal-persunal maħtura mid-Direttur Eżekuttiv, bl-eċċezzjoni ta' dawk li huma reklutati lokalment u li jitħallsu b'rata fis-siegħa.

Artikolu 21

Lingwi tal-Fondazzjoni

Il-lingwi ta' ħidma tal-Fondazzjoni għandhom ikunu dawk użati mill-isħubija strateġika bejn l-Amerika Latina u l-Karibew u l-Unjoni Ewropea sa mit-twaqqif tagħha f'Ġunju 1999.

Artikolu 22

Riżoluzzjoni ta' Tilwim

Kwalunkwe tilwima li tista' tinqala' bejn il-Partijiet dwar l-applikazzjoni jew l-interpretazzjoni ta' dan il-Ftehim u tal-emendi tiegħu għandha tiġi sottomessa għal negozjati diretti bejniethom bil-ħsieb li tinstab riżoluzzjoni rapida. Jekk it-tilwima ma tiġix riżsoluta b'dawn il-mezzi hija għandha tiġi sottomessa għal deċiżjoni tal-Bord tal-Gvernaturi.

Artikolu 23

Emendi

1.   Dan il-Ftehim jista' jiġi emendat fuq inizjattiva tal-Bord tal-Gvernaturi tal-Fondazzjoni UE-ALK, jew fuq talba ta' xi waħda mill-Partijiet. Il-proposti ta' emendi għandhom jiġu ppreżentati lid-depożitarju, li għandu jinnotifikahom lill-Partijiet kollha biex jikkunsidrawhom u jinnegozjawhom.

2.   L-emendi għandhom jiġu adottati b'konsensus u għandhom jidħlu fis-seħħ tletin jum wara d-data li fiha d-depożitarju jirċievi l-aħħar notifika li l-formalitajiet kollha meħtieġa għal dak l-għan ikunu tlestew.

3.   Id-depożitarju għandu jinnotifika lill-Partijiet kollha dwar id-dħul fis-seħħ tal-emendi.

Artikolu 24

Ratifika u Adeżjoni

1.   Dan il-Ftehim għandu jkun miftuħ għall-firma mill-Istati kollha tal-Amerika Latina u tal-Karibew, mill-Istati Membri tal-UE, u mill-UE, mill-25 ta' Ottubru 2016 sad-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu u għandu jkun soġġett għar-ratifika. L-istrumenti tar-ratifika għandhom ikunu depożitati mad-depożitarju.

2.   Dan il-Ftehim għandu jibqa' miftuħ għall-adeżjoni mill-UE, u minn dawk l-Istati tal-Amerika Latina u tal-Karibew u l-Istati Membri tal-UE li ma jkunux iffirmawh. L-istrumenti korrispondenti tal-adeżjoni għandhom ikunu depożitati mad-depożitarju.

Artikolu 25

Dħul fis-sSħħ

1.   Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ tletin jum wara tmien Partijiet minn kull reġjun, fosthom ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u l-UE, ikunu ddepożitaw l-istrumenti rispettivi tagħhom ta' ratifika jew adeżjoni mad-depożitarju. Fil-każ tal-Istati tal-Amerika Latina u tal-Karibew u l-Istati Membri tal-UE l-oħra, li jiddepożitaw l-istrumenti tagħhom ta' ratifika jew adeżjoni wara d-data tad-dħul fis-seħħ, dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ tletin jum wara d-depożitu minn dawk l-Istati tal-Amerika Latina u tal-Karibew u l-Istati Membri tal-UE, tal-istrument tagħhom ta' ratifika jew adeżjoni.

2.   Id-depożitarju għandu jinnotifika lill-Partijiet kollha li jkun irċieva l-istrumenti ta' ratifika jew adeżjoni kif ukoll id-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan il-Ftehim, f'konformità mal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.

Artikolu 26

Perjodu ta' Validità u Denunzja

1.   Il-perjodu ta' validità ta' dan il-Ftehim għandu jkun indefinit.

2.   Kwalunkwe waħda mill-Partijiet tista' tiddenunzja dan il-Ftehim permezz ta' notifika bil-miktub indirizzata lid-depożitarju b'mezzi diplomatiċi. Id-denunzja għandha ssir effettiva tnax-il xahar wara li n-notifika tkun daħlet.

Artikolu 27

Xoljiment u Likwidazzjoni

1.   Il-Fondazzjoni għandha tkun xolta:

(a)

jekk il-Membri kollha tal-Fondazzjoni, jew il-Membri kollha tal-Fondazzjoni barra wieħed, ikunu ddenunzjaw il-Ftehim; jew

(b)

jekk il-Membri tal-Fondazzjoni jiddeċiedu li jitterminawha.

2.   F'każ ta' terminazzjoni, il-Fondazzjoni tibqa' teżisti biss għall-finijiet tal-likwidazzjoni tagħha. L-affarijiet tagħha għandhom jiġu xolti minn likwidaturi li għandhom jipproċedu bil-bejgħ tal-assi tal-Fondazzjoni u bl-estinzjoni tal-passivi. Il-bilanċ għandu jkun allokat fost il-Membri pro rata għall-kontribuzzjonijiet rispettivi tagħhom.

Artikolu 28

Depożitarju

Is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandu jaġixxi bħala d-depożitarju ta' dan il-Ftehim.

Artikolu 29

Riżervi

1.   Fil-mument tal-iffirmar jew ir-ratifika ta' dan il-Ftehim, jew l-adeżjoni miegħu, il-Partijiet jistgħu jifformulaw riżervi u/jew dikjarazzjonijiet dwar it-test tiegħu, sakemm dawn ma jkunux inkompatibbli mas-suġġett u l-fini tiegħu.

2.   Ir-riżervi u d-dikjarazzjonijiet formulati għandhom jiġu kkomunikati lid-depożitarju, li għandu jinnotifikahom lill-Partijiet l-oħra tal-Ftehim.

Artikolu 30

Dispożizzjonijiet Tranżizzjonali

Mid-dħul fis-seħħ ta' dan il-Ftehim, il-fondazzjoni tranżizzjonali stabbilita fl-2011 taħt il-liġijiet tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, għandha tikkonkludi l-attivitajiet tagħha u tiġi xolta. L-assi u l-passivi, ir-riżorsi, il-fondi u l-obbligazzjonijiet kuntrattwali tal-fondazzjoni tranżizzjonali għandhom jiġu trasferiti lill-Fondazzjoni UE-ALK stabbilita taħt dan il-Ftehim. Għal dan l-għan, il-Fondazzjoni UE-ALK u l-fondazzjoni tranżizzjonali għandhom jikkompletaw l-istrumenti legali meħtieġa mar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u jissodisfaw ir-rekwiżiti legali rilevanti.

B'xhieda ta' dawn is-sottoskritti, debitament awtorizzati għal dan l-għan, iffirmaw dan il-Ftehim f'oriġinal uniku bil-lingwa Bulgara, Ċeka, Daniża, Estonjana, Finlandiża, Franċiża, Ġermaniża, Griega, Ingliża, Kroata, Latvjana, Litwana, Maltija, Olandiża, Pollakka, Portugiża, Rumena, Slovakka, Slovena, Spanjola u Svediża, Taljana uUngeriża, b'kull wieħed minn dawn it-testi ugwalment awtentiċi, li għandu jiġi depożitat fl-arkivji tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea li għandu jibgħat kopja awtentikata ċċertifikata lill-Partijiet kollha.