23.7.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 198/3


FTEHIM

bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta' Kiribati dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn għal perijodu qasir

L-UNJONI EWROPEA, minn hawn 'il quddiem imsejħa “l-Unjoni” jew “l-UE”, u

IR-REPUBBLIKA TA' KIRIBATI, minn hawn 'il quddiem imsejħa “Kiribati”,

minn hawn 'il quddiem flimkien imsejħin il-“Partijiet Kontraenti”,

BIL-ĦSIEB li jiġu żviluppati ulterjorment relazzjonijiet ta' ħbiberija bejn il-Partijiet Kontraenti u bix-xewqa li jiġi ffaċilitat l-ivvjaġġar billi jiġi żgurat dħul u soġġorn għal perijodu qasir mingħajr viża għaċ-ċittadini tagħhom,

FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW ir-Regolament (UE) Nru 509/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandu jkollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżentati minn dak ir-rekwiżit (1), billi, inter alia, jittrasferixxi 19-il pajjiż terz, inkluż Kiribati, mal-lista ta' pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom huma eżenti mill-ħtieġa tal-viża għal soġġorni qosra fl-Istati Membri,

FILWAQT LI HUMA KONXJI li l-Artikolu 1 tar-Regolament (UE) Nru 509/2014 jistipula li għal dawk id-19-il pajjiż, l-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża għandha tapplika mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' ftehim dwar l-eżenzjoni mill-viża li għandu jiġi konkluż mal-Unjoni,

FILWAQT LI JIXTIEQU li jitħares il-prinċipju ta' trattament ugwali taċ-ċittadini kollha tal-UE,

FILWAQT LI JQISU li l-persuni li jivvjaġġaw bil-għan li jwettqu attività bi ħlas matul is-soġġorn qasir tagħhom mhumiex koperti b'dan il-Ftehim u għalhekk għal dik il-kategorija r-regoli rilevanti tal-liġi tal-Unjoni u tal-liġi nazzjonali tal-Istati Membri u tal-liġi nazzjonali ta' Kiribati dwar l-obbligu jew l-eżenzjoni mill-viża u dwar l-aċċess għal impjieg jibqgħu japplikaw,

FILWAQT LI JQISU l-Protokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja u l-Protokoll dwar l-acquis ta' Schengen integrat fil-qafas tal-Unjoni Ewropea, annessi mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u jikkonfermaw li d-dispożizzjonijiet ta' dan il-Ftehim ma japplikawx għar-Renju Unit u l-Irlanda,

FTIEHMU KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Għan

Dan il-Ftehim jipprovdi għal vjaġġar mingħajr viża għaċ-ċittadini tal-Unjoni u għaċ-ċittadini ta' Kiribati meta jivvjaġġaw lejn it-territorju tal-Parti Kontraenti l-oħra għall-perijodu massimu ta' 90 jum fi kwalunkwe perijodu ta' 180 jum.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan il-Ftehim:

(a)

“Stat Membru” għandha tfisser kwalunkwe Stat Membru tal-Unjoni, bl-eċċezzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda;

(b)

“ċittadin tal-Unjoni” għandha tfisser ċittadin ta' Stat Membru kif definit fil-punt (a);

(c)

“ċittadin ta' Kiribati” tfisser kwalunkwe persuna li għandha ċ-ċittadinanza ta' Kiribati;

(d)

“żona Schengen” għandha tfisser iż-żona mingħajr fruntieri interni li tinkludi t-territorji tal-Istati Membri kif definit fil-punt (a) li japplikaw l-acquis ta' Schengen fl-intier tiegħu.

Artikolu 3

Kamp ta' applikazzjoni

1.   Iċ-ċittadini tal-Unjoni li għandhom passaport ordinarju, diplomatiku, tas-servizz, uffiċjali jew speċjali, li hu validu u maħruġ minn Stat Membru, jistgħu jidħlu u jibqgħu mingħajr viża fit-territorju ta' Kiribati għall-perijodu ta' soġġorn kif definit fl-Artikolu 4(1).

Iċ-ċittadini ta' Kiribati li għandhom passaport ordinarju, diplomatiku, tas-servizz, uffiċjali jew speċjali, li hu validu u maħruġ minn Kiribati, jistgħu jidħlu u jibqgħu mingħajr viża fit-territorju tal-Istati Membri għall-perijodu tas-soġġorn kif definit fl-Artikolu 4(2).

2.   Il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu ma japplikax għall-persuni li jivvjaġġaw bil-għan li jwettqu attività bi ħlas.

Għal dik il-kategorija ta' persuni, kull Stat Membru jista' jiddeċiedi b'mod individwali li jimponi rekwiżit ta' viża fuq iċ-ċittadini ta' Kiribati jew li jirtiraha f'konformità mal-Artikolu 4(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 (2).

Għal dik il-kategorija ta' persuni, Kiribati jista' jiddeċiedi dwar ir-rekwiżit ta' viża jew l-eżenzjoni mill-viża għaċ-ċittadini ta' kull Stat Membru b'mod individwali f'konformità mal-liġi nazzjonali tiegħu.

3.   L-eżenzjoni mill-viża pprovduta b'dan il-Ftehim tapplika mingħajr preġudizzju għal-liġijiet tal-Partijiet Kontraenti dwar il-kundizzjonijiet tad-dħul u tas-soġġorn qasir. L-Istati Membri u Kiribati jirriżervaw id-dritt li jirrifjutaw id-dħul u s-soġġorn qasir fit-territorji tagħhom jekk waħda jew aktar minn dawn il-kundizzjonijiet ma tintlaħaqx.

4.   L-eżenzjoni mill-viża tapplika irrispettivament mill-metodu ta' trasport użat biex jinqasmu l-fruntieri tal-Partijiet Kontraenti.

5.   Kwistjonijiet mhux koperti minn dan il-Ftehim għandhom ikunu koperti mil-liġi tal-Unjoni, mil-liġi nazzjonali tal-Istati Membri u mil-liġi nazzjonali ta' Kiribati.

Artikolu 4

Tul ta' żmien tas-soġġorn

1.   Iċ-ċittadini tal-Unjoni jistgħu jibqgħu fit-territorju ta' Kiribati għal perijodu massimu ta' 90 jum fi kwalunkwe perijodu ta' 180 jum.

2.   Iċ-ċittadini ta' Kiribati jistgħu jibqgħu fit-territorju tal-Istati Membri li japplikaw l-acquis ta' Schengen fl-intier tiegħu għal perijodu massimu ta' 90 jum fi kwalunkwe perijodu ta' 180 jum. Dak il-perijodu għandu jiġi kkalkulat indipendentement minn kwalunkwe soġġorn fi Stat Membru li għadu ma japplikax l-acquis ta' Schengen fl-intier tiegħu.

Iċ-ċittadini ta' Kiribati jistgħu jibqgħu għal perijodu massimu ta' 90 jum fi kwalunkwe perijodu ta' 180 jum fit-territorju ta' kull Stat Membru li għadu ma japplikax l-acquis ta' Schengen fl-intier tiegħu, indipendentement mill-perijodu tas-soġġorn ikkalkulat għat-territorju tal-Istati Membri li japplikaw l-acquis ta' Schengen fl-intier tiegħu.

3.   Dan il-Ftehim ma jaffettwax il-possibbiltà għal Kiribati u għall-Istati Membri biex jestendu l-perijodu tas-soġġorn għal aktar minn 90 jum f'konformità mal-liġijiet nazzjonali rispettivi tagħhom u l-liġi tal-Unjoni.

Artikolu 5

Applikazzjoni territorjali

1.   Fir-rigward tar-Repubblika Franċiża, dan il-Ftehim għandu japplika biss għat-territorju Ewropew tar-Repubblika Franċiża.

2.   Fir-rigward tar-Renju tan-Netherlands, dan il-Ftehim għandu japplika biss għat-territorju Ewropew tar-Renju tan-Netherlands.

Artikolu 6

Kumitat Konġunt għall-ġestjoni tal-Ftehim

1.   Il-Partijiet Kontraenti għandhom jistabbilixxu Kumitat Konġunt ta' esperti (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ il-“Kumitat”), magħmul minn rappreżentanti tal-Unjoni u minn rappreżentanti ta' Kiribati. L-Unjoni għandha tkun irrappreżentata mill-Kummissjoni Ewropea.

2.   Il-Kumitat għandu jkollu, inter alia, il-kompiti li ġejjin:

(a)

li jimmonitorja l-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim;

(b)

li jissuġġerixxi emendi jew żidiet għal dan il-Ftehim;

(c)

jsolvi tilwimiet li jqumu mill-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta' dan il-Ftehim.

3.   Il-Kumitat għandu jitlaqqa' kull meta jkun meħtieġ, fuq talba ta' waħda mill-Partijiet Kontraenti.

4.   Il-Kumitat għandu jistabbilixxi r-regoli tal-proċedura tiegħu stess.

Artikolu 7

Relazzjoni bejn dan il-Ftehim ma' ftehimiet bilaterali eżistenti dwar l-eżenzjoni mill-viża bejn l-Istati Membri u Kiribati

Dan il-Ftehim għandu jkollu preċedenza fuq kwalunkwe ftehim jew arranġament bilaterali konkluż bejn l-Istati Membri individwali u Kiribati, sa fejn dawn ikopru kwistjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan il-Ftehim.

Artikolu 8

Dispożizzjonijiet finali

1.   Dan il-Ftehim għandu jiġi ratifikat jew approvat mill-Partijiet Kontraenti f'konformità mal-proċeduri interni rispettivi tagħhom u għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tieni xahar wara d-data tal-aħħar waħda miż-żewġ notifiki li bihom il-Partijiet Kontraenti jinnotifikaw lil xulxin li dawk il-proċeduri jkunu tlestew.

Dan il-Ftehim għandu jiġi applikat fuq bażi proviżorja mill-jum wara d-data tal-iffirmar tiegħu.

2.   Dan il-Ftehim qed jiġi konkluż għal perijodu indefinit, kemm-il darba ma jintemmx f'konformità mal-paragrafu 5.

3.   Dan il-Ftehim jista' jiġi emendat bi ftehim bil-miktub mill-Partijiet Kontraenti. L-emendi għandhom jidħlu fis-seħħ wara li l-Partijiet Kontraenti jkunu nnotifikaw lil xulxin bit-tlestija tal-proċeduri interni tagħhom li huma meħtieġa għal dan il-għan.

4.   Kull Parti Kontraenti tistà tissospendi l-Ftehim kollu jew parti minnu, b'mod partikolari, għal raġunijiet ta' politika pubblika, il-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali jew il-protezzjoni tas-saħħa pubblika, l-immigrazzjoni illegali jew l-introduzzjoni mill-ġdid tal-ħtieġa tal-viża minn kwalunkwe Parti Kontraenti. Id-deċiżjoni dwar is-sospensjoni għandha tiġi notifikata lill-Parti Kontraenti l-oħra mhux aktar tard minn xahrejn qabel id-dħul fis-seħħ ippjanat tagħha. Il-Parti Kontraenti li tkun issospendiet l-applikazzjoni ta' dan il-Ftehim għandha tgħarraf minnufih lill-Parti Kontraenti l-oħra f'każ li r-raġunijiet għas-sospensjoni ma jibqgħux jeżistu aktar u għandha tneħħi dik is-sospensjoni.

5.   Kull Parti Kontraenti tista' tittermina dan il-Ftehim billi tavża bil-miktub lill-Parti l-oħra. Dan il-Ftehim ma jibqax fis-seħħ 90 jum wara dik id-data.

6.   Kiribati jista' jissospendi jew jittermina dan il-Ftehim biss fil-konfront tal-Istati Membri kollha.

7.   L-Unjoni tista' tissospendi jew tittermina dan il-Ftehim biss fil-konfront tal-Istati Membri kollha tagħha.

Magħmul f'żewġ kopji, fl-ilsien Bulgaru, Ċek, Daniż, Estonjan, Finlandiż, Franċiż, Ġermaniż, Grieg, Ingliż, Kroat, Latvjan, Litwan, Malti, Netherlandiż, Pollakk, Portugiż, Rumen, Slovakk, Sloven, Spanjol, Taljan u Ungeriż u Żvediż fejn kull test huwa ugwalment awtentiku.

Съставено в Брюксел на двадесет и трети юни през две хиляди и шестнадесета година.

Hecho en Bruselas, el veintitrés de junio de dos mil dieciséis.

V Bruselu dne dvacátého třetího června dva tisíce šestnáct.

Udfærdiget i Bruxelles den treogtyvende juni to tusind og seksten.

Geschehen zu Brüssel am dreiundzwanzigsten Juni zweitausendsechzehn.

Kahe tuhande kuueteistkümnenda aasta juunikuu kahekümne kolmandal päeval Brüsselis.

Έγινε στις Βρυξέλλες, στις είκοσι τρεις Ιουνίου δύο χιλιάδες δεκαέξι.

Done at Brussels on the twenty-third day of June in the year two thousand and sixteen.

Fait à Bruxelles, le vingt-trois juin deux mille seize.

Sastavljeno u Bruxellesu dvadeset trećeg lipnja godine dvije tisuće šesnaeste.

Fatto a Bruxelles, addì ventitré giugno duemilasedici.

Briselē, divi tūkstoši sešpadsmitā gada divdesmit trešajā jūnijā.

Priimta du tūkstančiai šešioliktų metų birželio dvidešimt trečią dieną Briuselyje.

Kelt Brüsszelben, a kétezer-tizenhatodik év június havának huszonharmadik napján.

Magħmul fi Brussell, fit-tlieta u għoxrin jum ta’ Ġunju fis-sena elfejn u sittax.

Gedaan te Brussel, drieëntwintig juni tweeduizend zestien.

Sporządzono w Brukseli dnia dwudziestego trzeciego czerwca roku dwa tysiące szesnastego.

Feito em Bruxelas, em vinte e três de junho de dois mil e dezasseis.

Întocmit la Bruxelles la douăzeci și trei iunie două mii șaisprezece.

V Bruseli dvadsiateho tretieho júna dvetisícšestnásť.

V Bruslju, dne triindvajsetega junija leta dva tisoč šestnajst.

Tehty Brysselissä kahdentenakymmenentenäkolmantena päivänä kesäkuuta vuonna kaksituhattakuusitoista.

Som skedde i Bryssel den tjugotredje juni år tjugohundrasexton.

За Европейския съюз

Рог la Unión Europea

Za Evropskou Unii

For Den Europæiske Union

Für die Europäische Union

Euroopa Liidu nimel

Για την Ευρωπαϊκή Ένωση

For the European Union

Pour l'Union européenne

Za Europsku uniju

Per l'Unione europea

Eiropas Savienības vārdā –

Europos Sąjungos vardu

Az Európai Unió részéről

Għall-Unjoni Ewropea

Voor de Europese Unie

W imieniu Unii Europejskiej

Pela União Europeia

Pentru Uniunea Europeană

Za Európsku úniu

Za Evropsko unijo

Euroopan unionin puolesta

För Europeiska unionen

Image

За Република Кирибати

Por la República de Kiribati

Za Republiku Kiribati

Por Republikken Kiribati

Für die Republik Kiribati

Kiribati Vabariigi nimel

Για τη Δημοκρατία της Kιριμπάτι

For the Republic of Kiribati

Pour la République de Kiribati

Za Republiku Kiribati

Per la Repubblica di Kiribati

Kiribati Republikas vārdā –

Kiribačio Respublikos vardu

Kiribati Köztársaság részéről

Għar-Repubblika ta' Kiribati

Voor de Republiek Kiribati

W imieniu Republiki Kiribati

Pela República da Quiribáti

Pentru Republica Kiribati

Za Kiribatskú republiku

Za Republiko Kiribati

Kiribatin tasavallan puolesta

För Republiken Kiribati

Image


(1)  ĠU L 149, 20.5.2014, p. 67.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 tal-15 ta' Marzu 2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżenti minn dik il-ħtieġa (ĠU L 81, 21.3.2001, p. 1).


DIKJARAZZJONI KONĠUNTA

FIR-RIGWARD TAL-IŻLANDA, IN-NORVEĠJA, L-IŻVIZZERA U L-LIECHTENSTEIN

Il-Partijiet Kontraenti jirrimarkaw ir-relazzjoni mill-qrib bejn l-Unjoni Ewropea u n-Norveġja, l-Iżlanda, l-Iżvizzera u l-Liechtenstein, b'mod partikolari bis-saħħa tal-Ftehimiet tat-18 ta' Mejju 1999 u tas-26 ta' Ottubru 2004 dwar l-assoċjazzjoni ta' dawn il-pajjiżi mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen.

F'ċirkostanzi bħal dawn hu mixtieq li l-awtoritajiet tan-Norveġja, l-Iżlanda, l-Iżvizzera u l-Liechtenstein, minn naħa, u Kiribati, min-naħa l-oħra, jikkonkludu, mingħajr dewmien, ftehimiet bilaterali dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn għal perijodu qasir f'termini simili għal dawk ta' dan il-Ftehim.


DIKJARAZZJONI KONĠUNTA

DWAR L-INTERPRETAZZJONI TAL-KATEGORIJA TA' PERSUNI LI JIVVJAĠĠAW BIL-GĦAN LI JWETTQU ATTIVITÀ BI ĦLAS KIF PREVIST FL-ARTIKOLU 3(2) TA' DAN IL-FTEHIM

Xewqana li tkun żgurata interpretazzjoni komuni, il-Partijiet Kontraenti jaqblu li, għall-għan ta' dan il-Ftehim, il-kategorija ta' persuni li jwettqu attività bi ħlas tkopri l-persuni li jidħlu b'għan li jkollhom mestier bi qligħ jew attività b'remunerazzjoni fit-territorju tal-Parti Kontraenti l-oħra bħala impjegat jew fornitur ta' servizz.

Din il-kategorija ma għandhiex tkopri:

persuni tan-negozju, jiġifieri persuni li jivvjaġġaw b'għan ta' deliberazzjoni tan-negozju (mingħajr ma jkunu impjegati fil-pajjiż tal-Parti Kontraenti l-oħra),

persuni tal-isports jew artisti li jeżebixxu attività fuq bażi ad hoc,

ġurnalisti mibgħuta mill-midja tal-pajjiż ta' residenza tagħhom, u,

apprendisti intra-korporattivi.

L-implimentazzjoni ta' din id-Dikjarazzjoni għandha tkun immonitorjata mill-Kumitat Konġunt fi ħdan ir-responsabbiltà tiegħu skont l-Artikolu 6 ta' dan il-Ftehim, li jista' jipproponi modifiki meta, fuq il-bażi tal-esperjenzi tal-Partijiet Kontraenti, jikkunsidrah neċessarju.


DIKJARAZZJONI KONĠUNTA

DWAR L-INTERPRETAZZJONI TAL-PERIJODU TA' 90 JUM FI KWALUNKWE PERIJODU TA' 180 JUM KIF STABBILIT FL-ARTIKOLU 4 TA' DAN IL-FTEHIM

Il-Partijiet Kontraenti jaqblu li l-perijodu massimu ta' 90 jum fi kwalunkwe perijodu ta' 180 jum kif previst mill-Artikolu 4 ta' dan il-Ftehim ifisser soġġorn kontinwu jew bosta soġġorni konsekuttivi, li t-tul ta' żmien totali tagħhom ma jaqbiżx id-90 jum fi kwalunkwe perijodu ta' 180 jum.

Il-kunċett ta' “kwalunkwe” jimplika l-applikazzjoni ta' perijodu ta' referenza mobbli ta' 180 jum, billi wieħed iħares lura lejn kull ġurnata tas-soġġorn fl-aħħar perijodu ta'180 jum, sabiex jiġi vverifikat jekk ir-rekwiżit tad-90 jum fi kwalunkwe perijodu ta' 180 jum għadux jiġi ssodisfat. Inter alia, dan ifisser li assenza għal perijodu mhux interrott ta' 90 jum tippermetti li jkun hemm soġġorn ġdid ta' mhux aktar minn 90 jum.


DIKJARAZZJONI KONĠUNTA

DWAR L-INFORMAZZJONI LI GĦANDHA TINGĦATA LIĊ-ĊITTADINI DWAR IL-FTEHIM DWAR L-EŻENZJONI MILL-VIŻA

Filwaqt li tkun rikonoxxuta l-importanza tat-trasparenza għaċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea u għaċ-ċittadini ta' Kiribati, il-Partijiet Kontraenti jiftiehmu li jiżguraw it-tixrid totali ta' informazzjoni dwar il-kontenut u tal-konsegwenzi tal-ftehim dwar l-eżenzjoni mill-viża u kwistjonijiet relatati, bħall-kundizzjonijiet għad-dħul fit-territorju.