28.5.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 141/11


FTEHIM

bejn ir-Renju tan-Norveġja u l-Unjoni Ewropea dwar Mekkaniżmu Finanzjarju Norveġiż għall-perijodu 2014-2021

Artikolu 1

1.   Ir-Renju tan-Norveġja jintrabat li jikkontribwixxi għat-tnaqqis tad-disparitajiet ekonomiċi u soċjali fiż-Żona Ekonomika Ewropea u għat-tisħiħ tar-relazzjonjiet tiegħu mal-Istati Benefiċjarji, separatament permezz tal-Mekkaniżmu Finanzjarju Norveġiż fis-setturi ta' prijorità elenkati fl-Artikolu 3.

2.   Il-programmi u l-attivitajiet kollha ffinanzjati permezz tal-Mekkaniżmu Finanzjarju Norveġiż 2014-2021 għandhom ikunu bbażati fuq valuri komuni ta' rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta' persuni li jagħmlu parti minn minoranzi.

Artikolu 2

1.   L-ammont totali tal-kontribuzzjoni finanzjarja pprovduta fl-Artikolu 1 għandu jkun ta' EUR 1 253,7 miljun, li għandu jkun disponibbli biex jiġu kommessi f'porzjonijiet annwali ta' EUR 179,1 miljun matul il-perijodu ta' bejn l-1 ta' Mejju 2014 u t-30 ta' April 2021 inklużi.

2.   L-ammont totali jikkonsisti minn allokazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż kif speċifikat fl-Artikolu 6 u fond globali għal kooperazzjoni reġjonali kif speċifikat fl-Artikolu 7.

Artikolu 3

1.   L-allokazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż għandhom isiru disponibbli għas-setturi ta' prijorità li ġejjin:

(a)

Innovazzjoni, riċerka, edukazzjoni u kompetittività;

(b)

Inklużjoni soċjali, impjieg taż-żgħażagħ u tnaqqis tal-faqar;

(c)

Ambjent, enerġija, tibdil fil-klima u ekonomija b'użu baxx tal-karbonju;

(d)

Kultura, soċjetà ċivili, governanza tajba, drittijiet u libertajiet fundamentali;

(e)

Ġustizzja u affarijiet interni.

L-oqsma tal-programm fi ħdan is-setturi prijoritarji li jiddefinixxu l-objettivi u l-oqsma ta' appoġġ huma stabbiliti fl-Anness għal dan il-Ftehim.

2.

(a)

Is-setturi ta' prijorità għandhom, skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 10, il-paragrafu 3, jintgħażlu, ikkonċentrati u adattati, skont il-bżonnijiet differenti f'kull Stat Benefiċjarju, b'kont meħud tad-daqs u l-ammont tal-kontribuzzjoni.

(b)

1 % tal-allokazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż għandu jitwarrab għal fond għall-Promozzjoni ta' Xogħol Diċenti u Djalogu Tripartitiku, li għandu jsir disponibbli skont il-kriterji ta' distribuzzjoni msemmija fl-Artikolu 6.

(c)

Il-kooperazzjoni mas-soċjetà ċivili, il-kooperazzjoni transkonfinali u l-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi ġirien għandhom jiġu inkoraġġiti.

Artikolu 4

1.   Sabiex tinkiseb konċentrazzjoni fuq setturi ta' prijorità u biex tiġi żgurata implimentazzjoni effiċjenti, f'konformità mal-objettivi ġenerali msemmija fl-Artikolu 1, u filwaqt li titqies l-Istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, inkluż enfasi fuq l-impjiegi, prijoritajiet nazzjonali, rakkomandazzjonijiet speċifiċi għal kull pajjiż u Ftehimiet ta' Sħubija fil-qafas tal-politika ta' koeżjoni tal-UE konklużi mal-Kummissjoni Ewropea, ir-Renju tan-Norveġja għandu jikkonkludi ma' kull Stat Benefiċjarju, Memorandum ta' Ftehim skont l-Artikolu 10, il-paragrafu 3.

2.   Konsultazzjonijiet mal-Kummissjoni Ewropea għandhom isiru fuq livell strateġiku u jinżammu matul in-negozjati tal-Memoranda ta' Ftehim kif definit fl-Artikolu 10, paragrafu 3, bil-ħsieb li tiġi promossa l-komplementarjetà u sinerġiji mal-politika ta' koeżjoni tal-UE, kif ukoll jesploraw opportunitajiet għall-applikazzjoni ta' strumenti finanzjarji biex jiżdied l-impatt tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji.

Artikolu 5

1.   Il-kontribut mir-Renju tan-Norveġja għandu, fir-rigward ta' dawk il-programmi taħt l-allokazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż li għalihom l-Istati Benefiċjarji għandhom ikollhom ir-responsabbiltà tal-implimentazzjoni, ma jaqbiżx il-85 % tal-ispiża tal-programm, sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor mir-Renju tan-Norveġja.

2.   Ir-regoli applikabbli dwar l-għajnuna mill-Istat ser ikunu rrispettati.

3.   Ir-responsabbiltà tar-Renju tan-Norveġja għall-proġetti hija limitata li tipprovdi l-fondi skont il-pjan maqbul. Ma hi ser tkun assunta l-ebda responsabbiltà lejn partijiet terzi.

Artikolu 6

L-allokazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż għandhom isiru disponibbli lill-Istati Benefiċjarji li ġejjin: il-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, l-Ungerija, il-Latvja, il-Litwanja, Malta, il-Polonja, ir-Rumanija, is-Slovenja u s-Slovakkja skont id-distribuzzjoni li ġejja:

Stat Benefiċjarju

Fondi (miljuni EUR)

Bulgarija

95,1

Kroazja

46,6

Ċipru

5,1

Repubblika Ċeka

89,0

Estonja

35,7

Ungerija

105,7

Latvja

51,9

Litwanja

61,4

Malta

3,6

Polonja

411,5

Rumanija

227,3

Slovakkja

58,2

Slovenja

17,8

Artikolu 7

1.   Il-fond globali għal koperazzjoni reġjonali għandu jkun disponibbli għal ammont ta' EUR 44,75 miljun. Dan jikkontribwixxi biex jintlaħqu l-objettivi tal-Mekkaniżmu Finanzjarju Norveġiż kif definit fl-Artikolu 1.

2.   60 % tal-fond għandu jkun disponibbli għall-promozzjoni tal-impjiegi għaż-żgħażagħ sostenibbli u ta' kwalità, b'enfasi partikolari fuq l-oqsma li ġejjin:

(a)

Programmi ta' mobilità ta' xogħol u ta' taħriġ għaż-żgħażagħ, li jiffokaw speċifikament fuq dawk li mhumiex f'impjieg, edukazzjoni jew taħriġ;

(b)

Programmi ta' tagħlim doppju, apprendistat, inklużjoni taż-żgħażagħ;

(c)

Il-kondiviżjoni tal-għarfien, l-iskambju tal-aħjar prattiki u t-tagħlim reċiproku bejn l-organizzazzjonijiet/istituzzjonijiet li jipprovdu servizzi favur l-impjieg taż-żgħażagħ.

Din il-parti tal-fond tkun disponibbli għal proġetti li jinvolvu Stati Benefiċjarji u Stati Membri oħra tal-UE b'rata ta' qgħad fost iż-żgħażagħ ogħla minn 25 % (Sena ta' referenza tal-Eurostat 2013), u għandha tinvolvi mill-inqas żewġ pajjiżi, li fosthom mill-anqas wieħed irid ikun Stat benefiċjarju. Entitajiet Norveġiżi jistgħu jipparteċipaw bħala msieħba.

3.   40 % tal-fond għandu jkun disponibbli għal kooperazzjoni reġjonali f'setturi ta' prijorità elenkati fl-Artikolu 3, b'mod partikolari l-iskambju ta' għarfien, skambju politiku tal-aħjar prattiki u l-bini ta' istituzzjonijiet.

Din il-parti tal-fond għandha tkun disponibbli għal proġetti li jinvolvu Stati Benefiċjarji u pajjiżi terzi ġirien. Il-proġetti jinvolvu mill-inqas tliet pajjiżi, inklużi mill-inqas żewġ Stati Benefiċjarji. Entitajiet Norveġiżi jistgħu jipparteċipaw bħala msieħba.

Artikolu 8

Reviżjoni ta' nofs it-terminu titwettaq mir-Renju tan-Norveġja sal-2020 bil-għan li jitqassmu mill-ġdid fondi mhux impenjati disponibbli fi ħdan l-allokazzjonijiet lill-Istati Benefiċjarji individwali kkonċernati.

Artikolu 9

1.   Il-kontribuzzjoni finanzjarja pprovduta fl-Artikolu 1 għandha tkun koordinata mill-qrib mal-kontribuzzjoni mill-Istati tal-EFTA pprovduta fil-Mekkaniżmu Finanzjarju taż-ŻEE.

2.   B'mod partikolari, ir-Renju tan-Norveġja għandu jiżgura li l-proċeduri ta' applikazzjoni u l-modalitajiet ta' implimentazzjoni jkunu essenzjalment l-istess għaż-żewġ mekkaniżmi finanzjarji msemmija fil-paragrafu preċedenti.

3.   Kwalunkwe bidliet rilevanti fil-politika ta' koeżjoni tal-Unjoni Ewropea jkunu kkunsidrati, kif xieraq.

Artikolu 10

Dan li ġej għandu japplika għall-implimentazzjoni tal-Mekkaniżmu Finanzarju tan-Norveġja:

1.

L-ogħla grad ta' trasparenza, responsabbilità u kosteffiċjenza għandu jkun applikat fil-fażijiet kollha ta' implimentazzjoni, flimkien mal-prinċipji ta' governanza tajba, sħubija u governanza f'diversi livelli, żvilupp sostenibbli, u ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa u nuqqas ta' diskriminazzjoni.

L-objettivi tal-Mekkaniżmu Finanzjarju tan-Norveġja għandhom ikunu segwiti fil-qafas tal-kooperazzjoni mill-qrib bejn l-Istati Benefiċjarji u r-Renju tan-Norveġja.

2.

Ir-Renju tan-Norveġja għandu jopera u jkun responsabbli għall-implimentazzjoni, inkluż il-ġestjoni u l-kontroll, tal-fondi li ġejjin:

(a)

il-fond globali għall-kooperazzjoni reġjonali kif stipulat fl- Artikolu 7, paragrafu 1;

(b)

fond għall-Promozzjoni ta' Xogħol Diċenti u d-Djalogu Tripartitiku kif imniżżel fl-Artikolu 3, paragrafu 2b);

3.

Ir-Renju tan-Norveġja għandu jikkonkludi ma' kull Stat Benefiċjarju, Memorandum ta' Ftehim dwar l-allokazzjoni speċifika rispettiva għall-pajjiż, minbarra l-fondi msemmija fil-paragrafu 2, li għandu jistipula qafas ta' programmar multiannwali u l-istrutturi ta' ġestjoni u kontroll.

(a)

Fuq il-bażi tal-Memoranda ta' Ftehim, l-Istati Benefiċjarji għandhom jissottomettu proposti għal programmi speċifiċi lir-Renju tan-Norveġja li għandu jivvaluta u japprova l-proposti u jikkonkludi ftehimiet ta' għotja mal-Istati Benefiċjarji għal kull programm. Fuq talba espliċita mir-Renju tan-Norveġja jew l-Istat Benefiċjarju kkonċernat, il-Kummissjoni Ewropea għandha twettaq screening ta' proposta għal programm speċifiku qabel l-adozzjoni tagħha, biex tkun żgurata l-kompatibbiltà mal-politika ta' koeżjoni tal-Unjoni Ewropea.

(b)

L-implimentazzjoni ta' programmi miftiehma għandha tkun ir-responsabbiltà tal-Istati Benefiċjarji li għandhom jipprovdu għal sistema xierqa ta' ġestjoni u kontroll sabiex jiżguraw sistema soda ta' implimentazzjoni u mmaniġġjar.

(c)

Ir-Renju tan-Norveġja jista' jagħmel kontrolli skont ir-rekwiżiti interni. L-Istati Benefiċjarji jipprovdu l-assistenza, l-informazzjoni u d-dokumentazzjoni neċessarja kollha għal dan il-għan.

(d)

Ir-Renju tan-Norveġja jista' jissospendi finanzjament u jirrikjedi l-irkupru ta' fondi f'każ ta' irregolaritajiet.

(e)

Fejn xieraq, għandhom ikunu applikati sħubiji fil-preparazzjoni, implimentazzjoni, monitoraġġ u evalwazzjoni tal-kontribuzzjoni finanzjarja sabiex tkun żgurata parteċipazzjoni wiesgħa. Is-sieħba jistgħu jinkludu, inter alia, sieħba mil-livelli lokali, reġjonali u nazzjonali, kif ukoll mis-settur privat, mis-soċjetà ċivili u sħab soċjali fl-Istati Benefiċjarji u fir-Renju tan-Norveġja.

(f)

Kwalunkwe proġett taħt il-qafas tal-ipprogrammar multiannwali fl-Istati Benefiċjarji jista' jkun implimentat b'kooperazzjoni bejn, inter alia, entitajiet ibbażati fl-Istati benefiċjarji u fir-Renju tan-Norveġja, skont ir-regoli applikabbli dwar l-akkwist pubbliku.

4.

L-ispejjeż tal-ġestjoni tar-Renju tan-Norveġja għandhom ikunu koperti mill-ammont totali msemmi fl-Artikolu 2, paragrafu 1, u għandhom ikunu speċifikati fid-dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 5 ta' dan l-Artikolu.

5.

Ir-Renju tan-Norveġja, jew entità maħtura minnu, għandu jkun responsabbli għall-ġestjoni ġenerali tal-Mekkaniżmu Finanzjarju tan-Norveġja. Iktar dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tal-Mekkaniżmu Finanzjarju tan-Norveġja ser jinħarġu mir-Renju tan-Norveġja wara konsultazzjoni mal-Istati Benefiċjarji li jistgħu jkunu megħjuna mill-Kummissjoni Ewropea. Ir-Renju tan-Norveġja għandu jfittex li joħroġ dawn id-dispożizzjonijiet qabel l-iffirmar tal-Memoranda ta' Qbil.

6.

Ir-Renju tan-Norveġja għandu jirrapporta dwar il-kontribut tiegħu lejn l-objettivi tal-Mekkaniżmu Finanzjarju tan-Norveġja u, kif xieraq, għall-ħdax-il objettiv tematiku għall-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej 2014-2020 (1).

Artikolu 11

1.   Dan il-Ftehim għandu jiġi ratifikat jew approvat mill-Partijiet skont il-proċeduri rispettivi tagħhom. L-istrumenti ta' ratifika jew approvazzjoni għandhom jiġu depożitati mas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

2.   Huwa għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tieni xahar wara li jkun depożitat l-aħħar strument ta' ratifika jew ta' approvazzjoni.

3.   Sa meta jitlestew il-proċeduri msemmija fil-paragrafi 1 u 2, dan il-Ftehim għandu jiġi applikat fuq bażi provviżorja mill-ewwel jum tal-ewwel xahar wara li tkun ġiet depożitata l-aħħar ratifika għal dan il-għan.

Artikolu 12

Dan il-Ftehim, imfassal f'oriġinali wieħed bl-ilsien Bulgaru, Ċek, Kroat, Daniż, Olandiż, Ingliż, Estonjan, Finlandiż, Franċiż, Ġermaniż, Grieg, Ungeriż, Taljan, Latvjan, Litwan, Malti, Pollakk, Portugiż, Rumen, Slovakk, Sloven, Spanjol, Żvediż u Norveġiż, bit-test f'kull wieħed minn dawn l-ilsna jkun ugwalment awtentiku, jiġi depożitat mas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, li ser jibgħat kopja ċertifikata lil kull waħda mill-Partijiet għal dan il-Ftehim.

Съставено в Брюксел на трети май две хиляди и шестнадесета година.

Hecho en Bruselas, el tres de mayo de dos mil dieciséis.

V Bruselu dne třetího května dva tisíce šestnáct.

Udfærdiget i Bruxelles den tredje maj to tusind og seksten.

Geschehen zu Brüssel am dritten Mai zweitausendsechzehn.

Kahe tuhande kuueteistkümnenda aasta maikuu kolmandal päeval Brüsselis.

Έγινε στις Βρυξέλλες, στις τρεις Μαΐου δύο χιλιάδες δεκαέξι.

Done at Brussels on the third day of May in the year two thousand and sixteen.

Fait à Bruxelles, le trois mai deux mille seize.

Sastavljeno u Bruxellesu trećeg svibnja godine dvije tisuće šesnaeste.

Fatto a Bruxelles, addì tre maggio duemilasedici.

Briselē, divi tūkstoši sešpadsmitā gada trešajā maijā.

Priimta du tūkstančiai šešioliktų metų gegužės trečią dieną Briuselyje.

Kelt Brüsszelben, a kétezer-tizenhatodik év május havának harmadik napján.

Magħmul fi Brussell, fit-tielet jum ta' Mejju fis-sena elfejn u sittax.

Gedaan te Brussel, drie mei tweeduizend zestien.

Sporządzono w Brukseli dnia trzeciego maja roku dwa tysiące szesnastego.

Feito em Bruxelas, em três de maio de dois mil e dezasseis.

Întocmit la Bruxelles la trei mai două mii șaisprezece.

V Bruseli tretieho mája dvetisícšestnásť.

V Bruslju, dne tretjega maja leta dva tisoč šestnajst.

Tehty Brysselissä kolmantena päivänä toukokuuta vuonna kaksituhattakuusitoista.

Som skedde i Bryssel den tredje maj år tjugohundrasexton.

Utferdiget i Brussel den tredje mai to tusen og seksten.

За Европейския съюз

Рог la Unión Europea

Za Evropskou unii

For Den Europæiske Union

Für die Europäische Union

Euroopa Liidu nimel

Για την Ευρωπαϊκή Ένωση

For the European Union

Pour l'Union européenne

Za Europsku uniju

Per l'Unione europea

Eiropas Savienības vārdā –

Europos Sąjungos vardu

Az Európai Unió részéről

Għall-Unjoni Ewropea

Voor de Europese Unie

W imieniu Unii Europejskiej

Pela União Europeia

Pentru Uniunea Europeană

Za Európsku úniu

Za Evropsko unijo

Euroopan unionin puolesta

För Europeiska unionen

Image

For Kongeriket Norge

Image


(1)  (1) It-tisħiħ tar-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u l-innovazzjoni; 2) it-tisħiħ tal-aċċess għat-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni, u l-użu u l-kwalità tagħhom 3) it-tisħiħ tal-kompetittività tal-impriżi żgħar u ta' daqs medju (“SMEs”), tas-settur agrikolu u tas-settur tas-sajd u l-akkwakultura; 4) l-appoġġ tal-bidla lejn ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju fis-setturi kollha; 5) il-promozzjoni tal-adattament għat-tibdil fil-klima, il-prevenzjoni u l-ġestjoni tar-riskji; 6) il-preservazzjoni u l-ħarsien tal-ambjent u l-promozzjoni tal-effiċjenza tar-riżorsi; 7) il-promozzjoni ta' trasport sostenibbli u t-tneħħija ta' ostakoli fl-infrastrutturi tan-netwerks ewlenin; 8) il-promozzjoni tal-impjieg sostenibbli u ta' kwalità u s-sostenn tal-mobilità tax-xogħol; 9) il-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali, il-ġlieda kontra l-faqar u kull diskriminazzjoni; 10) l-investiment fl-edukazzjoni it-taħriġ, u t-taħriġ vokazzjonali għal ħiliet u t-tagħlim tul il-ħajja; 11) it-tisħiħ tal-kapaċità istituzzjonali tal-awtoritajiet pubbliċi u tal-partijiet interessati u amministrazzjoni pubblika effiċjenti.


ANNESS

GĦALL-FTEHIM BEJN IR-RENJU TAN-NORVEĠJA U L-UNJONI EWROPEA DWAR MEKKANIŻMU FINANZJARJU NORVEĠIŻ GĦALL-PERIJODU 2014-2021

Innovazzjoni, Riċerka, Edukazzjoni u Kompetittività

1.

Żvilupp tan-Negozju, Innovazzjoni u SMEs

2.

Riċerka

3.

Edukazzjoni, Boroż ta' Studju, Apprendistati, u Intraprenditorija taż-Żgħażagħ

4.

Bilanċ bejn il-Ħajja Privata u x-Xogħol

5.

Djalogu Soċjali — Xogħol Deċenti

Inklużjoni Soċjali, Impjieg taż-Żgħażagħ u Tnaqqis tal-Faqar

6.

Sfidi Ewropej tas-Saħħa Pubblika

7.

Inklużjoni tar-Roma u Għoti tas-Setgħa

8.

Tfal u Żgħażagħ f'riskju

9.

Parteċipazzjoni taż-Żgħażagħ fis-Suq tax-Xogħol

10.

Tnaqqis tal-Faqar u Żvilupp Lokali

Ambjent, Enerġija, Tibdil fil-Klima u Ekonomija b'Użu Baxx tal-Karbonju

11.

Ambjent u Ekosistemi

12.

Enerġija Rinnovabbli, Effiċjenza tal-Enerġija, Sigurtà tal-Enerġija

13.

Mitigazzjoni u Adattament għat-Tibdil fil-Klima

Kultura, Soċjetà Ċivili, Governanza Tajba, Drittijiet u Libertajiet Fundamentali

14.

Intraprenditorjat Kulturali, Wirt Kulturali u Kooperazzjoni Kulturali

15.

Soċjetà Ċivili

16.

Governanza Tajba, Istituzzjonijiet Responsabbli, Trasparenza

17.

Drittijiet tal-Bniedem — Implimentazzjoni Nazzjonali

Ġustizzja u Affarijiet Interni

18.

Ażil u Migrazzjoni

19.

Servizzi Korrezzjonali u Detenzjoni qabel il-Proċess

20.

Kooperazzjoni Internazzjonali tal-Pulizija u l-Ġlieda kontra l-Kriminalità

21.

Effettività u Effiċjenza tas-Sistema Ġudizzjarja, it-tisħiħ tal-Istat tad-Dritt

22.

Vjolenza Domestika u Dik Sessista

23.

Prevenzjoni tad-Diżastri u Preparatezza Għalihom