21.4.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 105/3


TRADUZZJONI

FTEHIM TA' PARTEĊIPAZZJONI

bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar il-parteċipazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera fil-missjoni tal-PSDK tal-Unjoni Ewropea fil-Mali (EUCAP Sahel Mali)

L-UNJONI EWROPEA (“UE” jew “Unjoni”),

minn naħa waħda, u

IL-KONFEDERAZZJONI ŻVIZZERA,

min-naħa l-oħra,

minn hawn 'il quddiem imsejħin “il-Partijiet”,

B'KONT MEĦUD TA'

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/219/PESK tal-15 ta' April 2014 dwar il-Missjoni tal-PSDK tal-Unjoni Ewropea fil-Mali (EUCAP Sahel Mali) (1),

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/76 tad-19 ta' Jannar 2015 li tvara l-Missjoni tal-PSDK tal-Unjoni Ewropea fil-Mali (EUCAP Sahel Mali) u li temenda d-Deċiżjoni 2014/219/PESK (2),

Id-Deċiżjoni tal-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (PESK) 2015/1916 tal-20 ta' Ottubru 2015 dwar l-istabbiliment tal-Kumitat ta' Kontributuri għall-missjoni ta' PSDK tal-Unjoni Ewropea f'Mali (EUCAP Sahel Mali) (EUCAP Sahel Mali/3/2015) (3),

Id-Deċiżjoni tal-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (PESK) 2015/1917 tal-20 ta' Ottubru 2015 dwar l-aċċettazzjoni tal-kontribut tal-Iżvizzera għall-missjoni tal-PSDK tal-Unjoni Ewropea f'Mali (EUCAP Sahel Mali) (EUCAP Sahel Mali/4/2015) (4),

Il-Ftehim fil-forma ta' Skambju ta' Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta' Mali dwar l-istatus tal-missjoni tal-PSDK tal-Unjoni Ewropea fil-Mali (EUCAP Sahel Mali) (5) (l-“Ftehim dwar l-Istatus tal- Missjoni”)

FTIEHMU KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Parteċipazzjoni fil-Missjoni

1.   Il-Konfederazzjoni Żvizzera għandha tipparteċipa fil-Missjoni tal-PSDK tal-Unjoni Ewropea fil-Mali (“EUCAP Sahel Mali”) f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/76 u ma' kwalunkwe Deċiżjoni oħra li biha l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jiddeċiedi li jestendi EUCAP Sahel Mali, kif ukoll dan il-Ftehim u kwalunkwe arranġament ta' implimentazzjoni meħtieġ skont l-Artikolu 6 ta' dan il-Ftehim.

2.   Il-kontribut tal-Konfederazzjoni Żvizzera lill-EUCAP Sahel Mali huwa mingħajr preġudizzju għall-awtonomija deċiżjonali tal-Unjoni. L-Unjoni għandha tinforma lill-Konfederazzjoni Żvizzera fi żmien xieraq bi kwalunkwe bidla jew emenda għall-Missjoni u b'mod partikolari għad-dokumenti msemmija fis-subparagrafu 3.

3.   Il-Konfederazzjoni Żvizzera għandha tiżgura li l-persunal Żvizzeru li jipparteċipa fil-EUCAP Sahel Mali jidħol għall-missjoni tiegħu b'mod konformi ma':

Id-Deċiżjoni 2014/219/PESK u kwalunkwe emenda sussegwenti għaliha;

Il-Pjan tal-Missjoni;

Miżuri ta' implimentazzjoni.

4.   Il-persunal sekondat lill-Missjoni mill-Konfederazzjoni Żvizzera għandu jaqdi d-doveri tiegħu u jġib ruħu biss bil-ħsieb tal-interess tal-EUCAP Sahel Mali.

5.   Il-Konfederazzjoni Żvizzera għandha tinforma lill-Kap tal-Missjoni fi żmien xieraq bi kwalunkwe bidla fil-parteċipazzjoni u l-kontribut tagħha fil-Missjoni

Artikolu 2

Status tal-persunal

1.   L-istatus tal-persunal ikkontribwit lil EUCAP Sahel Mali mill-Konfederazzjoni Żvizzera għandu jkun regolat mill-“Ftehim dwar l-Istatus tal-Missjoni”.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-Ftehim dwar l-Istatus tal-Missjoni, il-Konfederazzjoni Żvizzera għandha teżerċita ġurisdizzjoni fuq il-persunal tagħha li jkun qed jipparteċipa fil-EUCAP Sahel Mali.

3.   Il-Konfederazzjoni Żvizzera għandha tkun responsabbli biex twieġeb għal kull pretensjoni marbuta mal-parteċipazzjoni fil-EUCAP Sahel Mali, minn jew li tikkonċerna kwalunkwe membru tal-persunal tagħha. Il-Konfederazzjoni Żvizzera għandha tkun responsabbli li tieħu kwalunkwe azzjoni, b'mod partikolari legali jew dixxiplinarja, kontra kwalunkwe membru tal-persunal tagħha, skont il-liġijiet u r-regolamenti tagħha.

4.   Il-Partijiet jaqblu li jirrinunzjaw għal kwalunkwe u kull pretensjoni, minbarra pretensjonijiet kuntrattwali, kontra xulxin għal dannu, telf jew distruzzjoni fir-rigward ta' assi li jkunu proprjetà ta,' jew operati minn, kwalunkwe waħda mill-Partijiet, li jirriżultaw mill-qadi tad-dmirijiet tagħhom marbuta mal-attivitajiet taħt dan il-Ftehim, ħlief fil-każ ta' negliġenza serja jew imġiba ħażina volontarja.

5.   Il-Konfederazzjoni Żvizzera timpenja ruħha li tagħmel dikjarazzjoni fir-rigward tar-rinunzja ta' pretensjonijiet kontra kwalunkwe Stat parteċipanti fil-EUCAP Sahel Mali, u li tagħmel dan meta tiffirma dan il-Ftehim.

6.   L-Unjoni timpenja ruħha li tiżgura li l-Istati Membri jagħmlu dikjarazzjoni fir-rigward tar-rinunzja ta' pretensjonijiet, għall-parteċipazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera fil-EUCAP Sahel Mali, u li tagħmel dan meta tiffirma dan il-Ftehim.

Artikolu 3

Informazzjoni klassifikata

Il-Ftehim bejn il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Unjoni Ewropea dwar il-proċeduri ta' sigurtà għall-iskambju ta' informazzjoni klassifikata (6), għandu japplika fil-kuntest tal-EUCAP Sahel Mali.

Artikolu 4

Linja ta' kmand

1.   Il-persunal Żvizzeru li jipparteċipa fil-EUCAP Sahel Mali għandu jibqa' taħt il-kmand sħiħ tal-awtoritajiet nazzjonali tiegħu.

2.   L-awtoritajiet nazzjonali għandhom jittrasferixxu l-kontroll operattiv tal-persunal tagħhom lill-Kmandant tal-Operazzjonijiet Ċivili tal-UE.

3.   Il-Kmandant tal-Operazzjonijiet Ċivili tal-UE għandu jassumi r-responsabbiltà għal, u jeżerċita l-kmand u l-kontroll ta', il-EUCAP Sahel Mali fil-livell strateġiku.

4.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jassumi r-responsabbiltà għal, u jeżerċita l-kmand u l-kontroll ta', il-EUCAP Sahel Mali.

5.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jmexxi l-EUCAP Sahel Mali u jassumi l-ġestjoni ta' kuljum tagħha.

6.   Il-Konfederazzjoni Żvizzera għandu jkollha l-istess drittijiet u obbligi f'termini ta' ġestjoni ta' kuljum tal-Missjoni bħall-Istati Membri parteċipanti tal-UE, f'konformità mal-istrumenti legali msemmija fl-Artikolu 1.

7.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jkun responsabbli għall-kontroll dixxiplinarju fuq il-persunal tal-EUCAP Sahel Mali. Fejn ikun meħtieġ, għandha tittieħed azzjoni dixxiplinarja mill-awtorità nazzjonali Żvizzera kompetenti.

8.   Għandu jinħatar Punt ta' Kuntatt tal-Kontinġenti Nazzjonali (“NPC”) mill-Konfederazzjoni Żvizzera biex jirrappreżenta l-kontinġent nazzjonali tagħha fil-EUCAP Sahel Mali. L-NPC għandu jirrapporta lill-Kap tal-Missjoni dwar kwistjonijiet nazzjonali u għandu jkun responsabbli għad-dixxiplina ta' kuljum tal-kontinġent.

9.   Id-deċiżjoni biex tintemm EUCAP Sahel Mali għandha tittieħed mill-Unjoni Ewropea, wara konsultazzjoni mal-Konfederazzjoni Żvizzera, ladarba l-Konfederazzjoni Żvizzera tkun għadha qed tikkontribwixxi għal EUCAP Sahel Mali fid-data tat-terminazzjoni ta' EUCAP Sahel Mali.

10.   Il-Kmandant tal-Missjoni tal-UE jista', wara konsultazzjonijiet mal-Konfederazzjoni Żvizzera, fi kwalunkwe waqt jitlob l-irtirar tal-kontribut tal-Konfederazzjoni Żvizzera.

Artikolu 5

Aspetti finanzjarji

1.   Il-Konfederazzjoni Żvizzera għandha tassumi l-ispejjeż kollha assoċjati mal-parteċipazzjoni tagħha fil-EUCAP Sahel Mali, mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 3.

2.   F'każ ta' mewt, korriment, telf jew dannu fir-rigward ta' persuni fiżiċi jew ġuridiċi mill-Istat jew Stati li fihom titmexxa l-Missjoni, il-Konfederazzjoni Żvizzera għandha, meta r-responsabbiltà tagħha tkun ġiet stabbilita, tħallas kumpens taħt il-kondizzjonijiet previsti fil-Ftehim dwar l-Istatus tal-Missjoni.

3.   L-Unjoni għandha teżenta lill-Konfederazzjoni Żvizzera minn kwalunkwe kontribut finanzjarju għall-baġit operattiv tal-EUCAP Sahel Mali.

Artikolu 6

Arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim

Kwalunkwe arranġament tekniku u amministrattiv meħtieġ għall-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim għandu jiġi konkluż bejn l-awtoritajiet rilevanti tal-Partijiet.

Artikolu 7

Nonkonformità

Jekk waħda mill-Partijiet tonqos milli tosserva l-obbligi tagħha taħt dan il-Ftehim, il-Parti l-oħra jkollha d-dritt li tittermina dan il-Ftehim billi tibgħat avviż minn xahar qabel.

Artikolu 8

Riżoluzzjoni ta' tilwim

It-tilwim li jikkonċerna l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta' dan il-Ftehim għandu jiġi riżolt b'mezzi diplomatiċi bejn il-Partijiet.

Artikolu 9

Dħul fis-seħħ u terminazzjoni

1.   Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tal-ewwel xahar wara li l-Partijiet ikunu nnotifikaw lil xulxin bit-tlestija tal-proċeduri interni neċessarji għal dak il-għan.

2.   Dan il-Ftehim għandu jiġi applikat provviżorjament mid-data tal-iffirmar tiegħu.

3.   Dan il-Ftehim għandu jibqa' fis-seħħ sakemm idum il-kontribut tal-Konfederazzjoni Żvizzera lill-Missjoni.

4.   Kull Parti tista' tittermina dan il-Ftehim billi tavża lill-Parti l-oħra bil-miktub. It-tmiem isir effettiv tliet xhur wara d-data ta' tali notifika.

Magħmul fi Brussell, f'żewġ kopji bil-lingwa Ingliża fit-13 ta' April 2016.

Għall-Unjoni Ewropea

Għall-Konfederazzjoni Żvizzera


(1)  ĠU L 113, 16.4.2014, p. 21.

(2)  ĠU L 13, 20.1.2015, p. 5.

(3)  ĠU L 280, 24.10.2015, p. 28.

(4)  ĠU L 280, 24.10.2015, p. 30.

(5)  ĠU L 344, 29.11.2014, p. 3.

(6)  ĠU L 181, 10.7.2008, p. 58.


TEST GĦAD-DIKJARAZZJONIJIET

Test għall-Istati Membri tal-UE:

L-Istati Membri tal-UE li japplikaw id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/76 tad-19 ta' Jannar 2015 li tvara l-Missjoni ta' PSDK tal-Unjoni Ewropea fil-Mali (EUCAP Sahel Mali) u li temenda d-Deċiżjoni 2014/219/PESK ser jagħmlu ħilithom sabiex, sa fejn ikun possibbli taħt is-sistemi legali interni tagħhom, jirrinunzjaw, kemm jista' jkun, għal pretensjonijiet kontra l-Konfederazzjoni Żvizzera għal korriment, mewt tal-persunal tagħhom, jew dannu għal, jew telf ta', assi li jkunu proprjetà tagħhom u użati mill-EUCAP Sahel Mali jekk tali korriment, mewt, dannu jew telf:

ikkawżat minn persunal mill-Konfederazzjoni Żvizzera fil-qadi ta' dmirijietu b'konnessjoni mal-EUCAP Sahel Mali, ħlief fil-każ ta' negliġenza serja jew imġiba ħażina volontarja; jew

irriżulta mill-użu ta' assi li jkunu proprjetà tal-Konfederazzjoni Żvizzera, dment li l-assi ntużaw b'konnessjoni mal-Missjoni u ħlief fil-każ ta' negliġenza serja jew imġiba ħażina volontarja tal-persunal tal-Missjoni tal-UE mill-Konfederazzjoni Żvizzera li juża dawk l-assi.

Test għall-Konfederazzjoni Żvizzera:

Il-Konfederazzjoni Żvizzera, meta tapplika d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/76 tad-19 ta' Jannar 2015 li tvara l-Missjoni ta' PSDK tal-Unjoni Ewropea fil-Mali (EUCAP Sahel Mali) u li temenda d-Deċiżjoni 2014/219/PESK, ser tagħmel ħilitha sabiex, sa fejn ikun possibbli taħt is-sistema legali interna tagħha, tirrinunzja, kemm jista' jkun, għal pretensjonijiet kontra kwalunkwe Stat ieħor li jipparteċipa fil-EUCAP Sahel Mali għal korriment, mewt tal-persunal tagħha, jew dannu għal, jew telf ta', assi li jkunu proprjetà tagħha u użati mill-Missjoni tal-UE jekk tali korriment, mewt, dannu jew telf:

kien ikkawżat minn persunal fil-qadi ta' dmirijietu b'konnessjoni mal-EUCAP Sahel Mali, ħlief fil-każ ta' negliġenza serja jew ta' mġiba ħażina volontarja; jew

irriżulta mill-użu ta' assi li jkunu proprjetà tal-Istati parteċipanti fil-missjoni tal-UE, dment li l-assi ntużaw b'konnessjoni mal-Missjoni u ħlief f'każ ta' negliġenza serja jew imġiba ħażina volontarja ta' persunal tal-Missjoni tal-UE li juża dawk l-assi.